IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.5.2018
COM(2018) 269 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ
{SWD(2018) 168 final}
{SWD(2018) 169 final}
1.
Lejn Strateġija ġdida tal-UE għaż-żgħażagħ
Iż-żgħażagħ huma ħerqana li jieħdu l-kontroll ta' ħajjithom u jitħalltu ma' u jappoġġjaw lill-oħrajn. Madankollu ħafna jiffaċċjaw inċertezzi dwar il-ġejjieni tagħhom, bħala riżultat tal-bidla teknoloġika, ix-xejriet demografiċi, id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali, l-aħbarijiet foloz u l-popolizmu b'effetti li għadhom magħrufa fuq l-impjiegi, il-ħiliet jew il-mod kif jaħdmu d-demokraziji tagħna. Aktar minn qatt qabel, jeħtieġu li jkunu reżistenti u kapaċi jadattaw għal dawn l-isfidi. Huma għandhom jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jikkontribwixxu għal soċjetajiet prosperużi, demokratiċi u koeżivi fl-Ewropa u lil hinn minnha. Fid-dinja interkonnessa tal-lum, ħafna żgħażagħ jinsabu mħassba dwar kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima jew il-paċi u s-sigurtà.
Minkejja l-irkupru ekonomiku u l-qgħad aktar baxx, għadhom jeżistu inugwaljanzi bejn il-ġenerazzjonijiet. Għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra Dinjija, hemm riskju reali li l-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum se tispiċċa inqas sinjura mill-ġenituri tagħhom
. 29 % ta’ dawk bejn id-29 u s-16-il sena jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali u 11.6 % ta’ dawk li għandhom bejn 15 u 24 sena huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs)
, filwaqt li 15.9 % taż-żgħażagħ ta’ din l-età huma qiegħda - jiġifieri d-doppju tar-rata tal-popolazzjoni ġenerali. L-esklużjoni soċjoekonomika u dik demokratika jmorru id f'id
. Iż-żgħażagħ li qed jitħabtu mal-iżvantaġġi ġeneralment ikunu ċittadini inqas attivi u jkollhom inqas fiduċja fl-istituzzjonijiet. Dawn ikunu wkoll jibbenefikaw inqas mill-esperjenzi ta' mobilità inkluż l-Erasmus+.
L-Ewropa ma tiflaħx għal talent moħli, esklużjoni soċjali jew diżimpenn fost iż-żgħażagħ tagħha. Iż-żgħażagħ m'għandhomx biss ikunu jistgħu jfasslu ħajjithom stess, iżda għandhom jikkontribwixxu wkoll għal bidla pożittiva fis-soċjetà. Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà l-ġdid huwa xhieda tal-ħeġġa ta' ħafna żgħażagħ Ewropej li juru solidarjetà lejn in-nies u l-postijiet fil-bżonn, valur ċentrali li huwa l-bażi tal-kooperazzjoni Ewropea.
Fl-2016 il-Mexxejja tal-UE approvaw il-ħtieġa għal azzjoni b'appoġġ għaż-żgħażagħ
. Fil-pjan direzzjonali ta' Bratislava
, dawn impenjaw ruħhom li joħolqu opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ, ambizzjonijiet li ġew segwiti minn dakinhar, pereżempju fil-ħidma lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni
.
Sabiex iż-żgħażagħ jiksbu l-benefiċċji kollha tal-azzjonijiet tal-UE, dawn jeħtieġu jirriflettu fuq l-aspirazzjonijiet, il-kreattività u t-talenti tagħhom. Min-naħa tagħhom, iż-żgħażagħ jarrikkixxu l-ambizzjonijiet tal-UE: din il-ġenerazzjoni hija l-aktar waħda edukata minn kull żmien u fost l-aktar kreattiva fl-użu tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u l-midja soċjali.
L-UE diġà bdiet kooperazzjoni ddedikata tal-Politika tal-UE dwar iż-Żgħażagħ ibbażata fuq il-prinċipji ta' parteċipazzjoni attiva u aċċess ugwali għall-opportunitajiet mill-2002, f'sinerġija ma' politiki oħra mmirati lejn iż-żgħażagħ, bħall-edukazzjoni u l-impjiegi. Il-kooperazzjoni wasslet għal bidliet politiċi u leġiżlattivi fl-Istati Membri u kkontribwiet għall-bini ta' kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Iżda għad hemm sfidi importanti bħal pereżempju l-involviment ta' aktar żgħażagħ minn firxa aktar varjata ta' sfondi, inklużi dawk b'inqas opportunitajiet, u sensibilizzazzjoni aħjar fil-livell lokali.
Billi tinvolvi u tagħti s-setgħa lit-tfajliet u l-ġuvintur, il-politika dwar iż-żgħażagħ tista' tikkontribwixxi biex tilħaq b'suċċess il-viżjoni ta' kontinent fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet u jirrelataw mal-valuri Ewropej, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it- "Tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura "
.
Kooperazzjoni mġedda bejn iż-żgħażagħ tal-UE tista' tgħin biex jingħeleb il-paradoss attwali ta' parteċipazzjoni. Iż-żgħażagħ li juru interess fil-politika
u huma soċjalment attivi: 53 % jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet organizzati, kważi terz huma voluntiera attivi u oħrajn jappoġġjaw kawża permezz ta' attenzjoni tal-midja jew għażla tal-konsumatur. Madankollu, għandhom it-tendenza li jitbiegħdu minn forom tradizzjonali ta' parteċipazzjoni. Iż-żgħażagħ f'riskju ta' esklużjoni soċjali huma sottorappreżentati b'mod ġenerali. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jeħtieġ li jagħmlu l-parteċipazzjoni realtà għaż-żgħażagħ kollha: biex ikunu trasparenti dwar azzjonijiet favur tagħhom, biex jilħquhom u jikkomunikaw b’mod aċċessibblki permezz tal-kanali preferiti tagħhom (bħall-midja soċjali) u biex jippromwovu l-involviment tagħhom fid-deċiżjonijiet.
Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħti spinta lill-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ lil hinn mill-2018 fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Diċembru 2016
. Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, talab biex "iżommu u jtejbu kooperazzjoni Ewropea effettiva fil-qasam taż-żgħażagħ, wara l-2018."
.
Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi Strateġija ġdida tal-UE għaż-Żgħażagħ biex tkun xhieda tal-impenn konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għal din il-politika b'rispett sħiħ tas-sussidjarjetà. Biex il-politika taż-żgħażagħ tiġi allinjata b'mod aktar effettiv mal-finanzjament tal-UE li jappoġġja l-objettivi tagħha, l-istrateġija għandha tibqa' għaddejja sa tmiem il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Il-prijoritajiet tagħha jużaw sorsi solidi ta' data
, evalwazzjoni esterna
, pożizzjonijiet espressi mill-istituzzjonijiet Ewropej u konsultazzjonijiet imwettqa fl-2017 bħala parti mis-"Sena tas-Smigħ"
u n-"Narrattiva Ġdida għall-Ewropa"
. Dawn b'mod unanimu jenfasizzaw li l-kooperazzjoni bejn iż-żgħażagħ tal-UE ġabet benefiċċji tanġibbli u tindika l-potenzjal tagħha. L-istrateġija l-ġdida se tibni fuq il-kisbiet ta' dik preċedenti, ittejjeb l-aċċessibilità, il-viżibilità u l-impatt tagħha biex tiżgura parteċipazzjoni aħjar taż-żgħażagħ.
Sommarju tal-azzjonijiet ewlenin
-Titjib tal-kooperazzjoni transsettorjali fl-oqsma ta' politika, inkluż permezz ta' Koordinatur taż-Żgħażagħ tal-UE, biex tingħata vuċi liż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politiki tal-UE
-Traċċar tal-infiq tal-UE fuq iż-żgħażagħ;
-Tnedija ta' sistema ġdida u aktar inklużiva ta' Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, b'fokus fuq iż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet;
-Tneħħija tal-ostakli għal u ffaċilitar tal-volontarjat u l-mobilità għal raġunijiet ta' solidarjetà;
-Implimentazzjoni ta' aġenda tax-xogħol għaż-żgħażagħ biex jiżdied ir-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali;
-Tissaħħaħ ir-rabta bejn il-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ u programmi relatati tal-UE (Erasmus+ u Korp Ewropew ta' Solidarjetà).
2.
Involvi ruħek. Ingħaqad mal-oħrajn. Agħti s-setgħa lilek innifsek.
Il-kooperazzjoni bejn iż-żgħażagħ tal-UE għandha tagħmel l-aħjar użu mill-potenzjal tal-politika dwar iż-żgħażagħ. Din tista' tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, f'konformità mal-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Tista' wkoll tappoġġja l-impenn soċjali, kif ukoll attivitajiet ċiviċi u soċjoedukattivi (ħidma fost iż-żgħażagħ) li jagħtu liż-żgħażagħ ħiliet għall-ħajja u jaġixxu bħala pont għas-soċjetà, speċjalment għaż-żgħażagħ żvantaġġati.
Fis-snin li ġejjin, l-istrateġija se tistinka biex:
-Tippermetti liż-żgħażagħ ifasslu ħajjithom stess, jibnu r-reżiljenza tagħhom u tagħtihom ħiliet għall-ħajja biex jiffaċċjaw dinja li qed tinbidel;
-Tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ isiru ċittadini attivi, aġenti ta' solidarjetà u bidla pożittiva għall-komunitajiet madwar l-Ewropa, ispirati mill-valuri tal-UE u identità Ewropea;
-Tgħin biex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali taż-żgħażagħ;
-Ittejjeb l-impatt tad-deċiżjonijiet ta' politika fuq iż-żgħażagħ permezz tad-djalogu u l-indirizzar tal-ħtiġijiet tagħhom fis-setturi kollha.
Għal dan il-għan, il-kooperazzjoni fil-politika dwar iż-żgħażagħ se twettaq attivitajiet aggregati fuq tliet oqsma ta' azzjoni.
INVOLVI RUĦEK: L-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika
INGĦAQAD MAL-OĦRAJN: Il-ġabra flimkien taż-żgħażagħ madwar l-UE u lil hinn biex tinkoraġġixxi l-involviment volontarju, il-mobilità għat-tagħlim, is-solidarjetà u l-fehim interkulturali
AGĦTI S-SETGĦA LILEK INNIFSEK: L-appoġġ għall-għoti ta' setgħa liż-żgħażagħ permezz tal-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ
L-istrateġija se tagħti attenzjoni speċjali biex:
Jintlaħqu ż-żgħażagħ kollha: hi għandha taħdem biex ittejjeb il-prospetti taż-żgħażagħ kollha irrispettivament mill-isfond jew l-istatus soċjali tagħhom. l-Erasmus+ Youth huwa mgħammar biex jilħaq lil dawk b'inqas opportunitajiet, li jiffurmaw aktar minn 36 % tal-benefiċjarji tagħha
. Madankollu, hemm bżonn ta' aktar azzjoni biex il-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ u l-programm Erasmus+ ikunu tassew inklużivi.
Livelli transżonali minn globali għal lokali: iż-żgħażagħ huma impenjati li jindirizzaw l-isfidi globali, b'mod partikolari l-għanijiet għal żvilupp sostenibbli. Min-naħa l-oħra, l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ jibda fil-livell lokali u jiddependi fuq is-sitwazzjoni diversa taż-żgħażagħ. Il-kooperazzjoni tal-UE bejn ż-żgħażagħ għandha tingħaqad aħjar ma dawk li jfasslu l-politika u l-prattikanti fil-livell reġjonali u lokali u tinkoraġġixxi l-inizjattivi lokali miż-żgħażagħ.
... u d-dinja virtwali: it-teknoloġiji diġitali rrevoluzzjonaw il-ħajja taż-żgħażagħ f'ħafna modi u l-politiki għandhom jikkunsidraw kemm l-opportunitajiet kif ukoll l-isfidi, billi jisfruttaw il-potenzjal tal-midja soċjali, jagħtu liż-żgħażagħ il-ħiliet diġitali u jinkoraġġixxu l-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku.
2.1.
INVOLVI RUĦEK
Fl-isfond tar-riflessjonijiet dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, issa huwa ż-żmien li nisimgħu liż-żgħażagħ u nagħtuhom is-setgħa biex jagħmlu l-ħolm tagħhom realtà.
Ħafna jixtiequ jkunu involuti fil-ħajja politika, iżda jistennew li l-opinjoni tagħhom tkun tgħodd. Ħafna drabi dawk l-inqas involuti minn gruppi ta' età akbar fil-votazzjoni jew partiti politiċi, jiddikjaraw interess fil-politika u huma l-aktar li għandhom sentimenti pożittivi lejn l-UE. Is-sens li wieħed ikun ċittadin tal-UE huwa aktar b'saħħtu fost in-nies imwielda wara l-1980 (73 %) minn dawk imwielda qabel l-1946 (54 %)
. Kif enfasizzat fir-Rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza tal-2017
, l-involviment taż-żgħażagħ huwa kruċjali fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019.
Il-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ illum tinvolvi ruħha maż-żgħażagħ permezz tad-Djalogu Strutturat
li laħaq aktar minn 200,000 minnhom sa mill-2010. Filwaqt li dan sar għodda influwenti, il-Kummissjoni tipproponi li jsir pass 'il quddiem u jiġġedded. Filwaqt li jibni wkoll fuq it-tagħlimiet meħuda min-"Narrattiva Ġdida għall-Ewropa", dan għandu jkabbar il-firxa tiegħu lil hinn mill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ attivi f'materji tal-UE u jħaddan udjenza aktar varjata, inkluż fil-livell lokali. Għandu jimmira aħjar lejn gruppi żvantaġġati, pereżempju billi jibni fuq l-inklużjoni u l-istrateġija tad-diversità
skont l-Erasmus+, filwaqt li jiġi sfruttat ukoll l-għarfien espert ta' esperti u riċerkaturi żgħażagħ. Minbarra l-konferenzi u l-laqgħat apprezzati tal-UE taż-Żgħażagħ, id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ se jħaddan forom ġodda u alternattivi ta' parteċipazzjoni, inklużi kampanji online, konsultazzjonijiet permezz ta' pjattaformi diġitali konnessi mal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. Id-djalogu se jkun ikkoordinat fil-livell tal-UE, immexxi minn żgħażagħ fil-livelli kollha u appoġġjat minn Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali b'arranġamenti mtejba ta' monitoraġġ. Għandu jkun trasparenti u viżibbli f'termini ta' impatt. Sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiffurmaw l-opinjoni tagħhom ibbażati fuq fatti u argumenti, l-aċċess għal informazzjoni ta' kwalità huwa essenzjali.
Il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE se tiffoka fuq:
-It-tnedija ta' Djalogu ġdid tal-UE taż-Żgħażagħ biex diversi ilħna taż-żgħażagħ jikkontribwixxu għal deċiżjonijiet ta' politika tal-UE;
-Il-konsolidazzjoni tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ bħala punt ta' dħul uniku diġitali għaż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom mal-UE;
-Iż-żieda fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika inkluż l-aċċess għal informazzjoni ta' kwalità validata minn sorsi ta' fiduċja, u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fl-Elezzjonijiet Ewropej u elezzjonijiet oħrajn;
-L-appoġġ ta' "tagħlim għall-parteċipazzjoni" u ż-żieda tal-interess f'azzjonijiet parteċipattivi madwar l-Ewropa u lil hinn minnha permezz tal-Erasmus+.
L-Istati Membri huma mħeġġa jiffukaw fuq:
-Il-promozzjoni tad-djalogu u l-mekkaniżmi parteċipattivi fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet, pereżempju permezz tal-kunsilli taż-żgħażagħ, b'attenzjoni speċjali għall-mekkaniżmi ta' feedback u li jintlaħqu żgħażagħ b'sfondi differenti. Dan jista' jinkludi appoġġ lill-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu prattiki parteċipattivi, pereżempju permezz ta' sett ta' għodod;
-L-inkoraġġiment għall-involviment soċjali u ċiviku taż-żgħażagħ inkluża l-parteċipazzjoni f'organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jew attiviżmu online;
-L-għajnuna biex iż-żgħażagħ jitħejjew għall-parteċipazzjoni, permezz ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, parlamenti taż-żgħażagħ jew simulazzjonijiet, azzjonijiet marbuta mal-edukazzjoni ċivika u l-litteriżmu medjatiku f'sinerġija mal-edukazzjoni formali u l-awtoritajiet pubbliċi;
-L-esplorazzjoni ta' forom innovattivi u alternattivi ta' parteċipazzjoni demokratika;
-L-użu ta' għodod għall-promozzjoni tad-dibattitu dwar l-UE, bħas-sett ta' għodod żviluppat skont in-"Narrattiva Ġdida għall-Ewropa".
2.2.
INGĦAQAD MAL-OĦRAJN
L-Istrateġija għaż-Żgħażagħ se ssostni opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jesperjenzaw l-iskambji, il-kooperazzjoni u l-azzjoni ċivika f'kuntest Ewropew b'mod prattiku.
L-Erasmus+, wieħed mill-aktar strumenti ta' suċċess tal-UE, jgħin liż-żgħażagħ jespandu l-orizzonti tagħhom u jibnu pontijiet madwar il-kontinent u lil hinn. Mill-2014 sal-2020, aktar minn 500,000 parteċipant se jkunu kisbu esperjenza u ħiliet barra l-pajjiż permezz ta' skambji taż-żgħażagħ u volontarjat. L-Iskambji Virtwali Erasmus+
jippermettu djalogu bejn iż-żgħażagħ fl-UE u fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Dawn l-esperjenzi jtejbu l-impjegabilità u jgħinu fl-iżvilupp ta' fehim tal-valuri Ewropej u t-tolleranza
. L-UE għandha tespandi modi innovattivi biex iż-żgħażagħ jitlaqqgħu flimkien, filwaqt li tikkapitalizza fuq formati ttestjati tajjeb bħall-iskambji taż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.
Iż-żgħażagħ qegħdin dejjem aktar jinvolvu ruħhom fil-volontarjat
, iżda 8 % biss jagħmlu dan barra l-pajjiż. L-UE ilha tappoġġja l-volontarjat għal aktar minn 20 sena. Issa huwa propost li dan l-appoġġ jiġi estiż biex joffri opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ biex jesprimu solidarjetà (bħal impjiegi jew apprendistati) taħt il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Sabiex jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tiegħu u jiżguraw li l-iskemi nazzjonali jippermettu esperjenzi transkonfinali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw fuq ambjent ta' politika, legali u amministrattiv ta' appoġġ.
Il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE se tiffoka fuq:
-L-għaqda taż-żgħażagħ madwar l-Ewropa u lil hinn, b'kont meħud tal-esperjenza minn "Żgħażagħ Ewropej flimkien”, filwaqt li jibnew netwerks ta' żgħażagħ minn partijiet differenti tal-Ewropa, l-Erasmus+ Skambji Virtwali u azzjonijiet oħra skont l-Erasmus+ Żgħażagħ;
-Sostenn għall-implimentazzjoni tal-Korpi Ewropej tas-Solidarjetà permezz ta’ kooperazzjoni politika u tiswir tal-komunità, b’mod partikolari permezz ta’aġġornament u twessigħ tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2008 dwar il-mobilità tal-voluntiera bejn Stat Membru u ieħor, u t-tkomplija tat-tisħiħ tal-potenzjal tal-Portal tal-Korpi Ewropej tas-Solidarjetàfl-ilħuq taż-żgħażagħ u l-għajnuna fit-tiswir ta’ komunità;
-Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fil-mobilità għat-tagħlim u solidarjetà transkonfinali skont l-Erasmus+ u l- Korp Ewropew ta' Solidarjetà b'enfasi fuq dawk b'inqas opportunitajiet.
L-Istati Membri huma mħeġġa jiffukaw fuq:
-L-inkoraġġiment tal-involviment taż-żgħażagħ fis-solidarjetà: Il-promozzjoni ta' skemi ta' appoġġ u bini ta' kapaċitajiet ta' organizzazzjonijiet attivi f'dan il-qasam, iż-żieda ta' għarfien dwar opportunitajiet u l-provvista ta' informazzjoni dwar drittijiet u benefiċċji meta jsir il-volontarjat jew f'servizz ċiviku. Meta jiżviluppaw skemi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom ifittxu komplementarjetà u sinerġiji mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;
-Ir-reviżjoni u t-tneħħija ta' ostakli legali u amministrattivi għas-solidarjetà transkonfinali: L-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jimpenjaw ruħhom li jneħħu l-ostakli għaż-żgħażagħ li huma lesti li jidħlu għal volontarjat transkonfinali (f'termini ta' benefiċċji soċjali, assigurazzjoni tas-saħħa, eċċ.);
-Il-promozzjoni tar-rikonoxximent tal-esperjenzi tal-volontarjat u l-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim: il-ħiliet li l-voluntiera jiżviluppaw jistħoqqilhom li jiġu rikonoxxuti fis-suq tax-xogħol, minbarra l-valur intrinsiku li l-volontarjat jagħti lis-soċjetà.
2.3.
AGĦTI S-SETGĦA LILEK INNIFSEK
Il-ħidma fost iż-żgħażagħ iġġib benefiċċji uniċi għaż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni tagħhom lejn l-istat ta' adulti
, billi tipprovdi ambjent sikur għalihom biex jiksbu kunfidenza fihom infushom, u jitgħallmu b'mod mhux formali. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ hija magħrufa li tagħti liż-żgħażagħ kompetenzi u ħiliet ewlenin bħall-ħidma f'tim, it-tmexxija, kompetenzi interkulturali, il-ġestjoni tal-proġett, is-soluzzjoni tal-problemi u l-ħsieb kritiku. F'xi każijiet, il-ħidma fost iż-żgħażagħ hija l-pont fl-edukazzjoni, it-taħriġ jew ix-xogħol, u b'hekk tiġi evitata l-esklużjoni.
Sabiex jinkisbu dawn il-benefiċċji, hemm ħtieġa akbar għar-rikonoxximent ta' tagħlim mhux formali permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, speċjalment li tkun ta' benefiċċju għal dawk bi ftit kwalifiki formali, bħala mod kif jitjiebu l-impjegabilità u l-ħiliet intraprenditorjali. Ir-rikonoxximent jista' jitjieb b'użu aktar sistematiku ta' għodod ta' kwalità.
Il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, min-naħa l-oħra, jeħtieġu li jadattaw għall-ħtiġijiet u d-drawwiet li qed jinbidlu taż-żgħażagħ u l-bidla teknoloġika. Il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ iridu jaġġornaw il-ħiliet tagħhom biex jifhmu l-kwistjonijiet li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ online u jisfruttaw opportunitajiet ġodda offruti mit-tagħlim diġitali, b'konformità mal-Qafas Ewropew ta' Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini
u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali
. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ sofriet tnaqqis fil-fondi f'bosta partijiet tal-Ewropa
, għalhekk investiment bħal dan ħafna drabi jkun ta' sfida.
Il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE se tiffoka fuq l-implimentazzjoni ta' Aġenda ta' Ħidma fost iż-Żgħażagħ għall-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ:
-L-iżvilupp u t-tixrid ta' sett ta' għodod prattiċi għal ħidma fost iż-żgħażagħ ta' kwalità;
-L-appoġġ għall-attivitajiet lokali li jindirizzaw ir-rikonoxximent, l-innovazzjoni u t-tiswir tal-kapaċità tal- ħidma fost iż-żgħażagħ skont Erasmus+;
-L-appoġġ għal tagħlim reċiproku u bini ta' evidenza fuq il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ, il-ħiliet tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-finanzjament tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.
L-Istati Membri huma mħeġġa jiffukaw fuq:
-
L-iżvilupp tal-kwalità: l-għodod u s-sistemi ta' kwalità li għandhom jintużaw fit-taħriġ tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ għandhom jikkorrispondu għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu tal-ħajja taż-żgħażagħ u jkunu integrati f'approċċ ta' kwalità usa' biex tingħata s-setgħa lill-organizzazzjonijiet.
-
L-adattament għall-opportunitajiet diġitali: l-istruttura, il-metodi u l-mezzi ta' komunikazzjoni tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għandhom jadattaw għad-dinja diġitali: għandhom jintużaw prattiċi teknoloġiċi u pedagoġiċi biex jiżdied l-aċċess u jgħinu liż-żgħażagħ jiffaċċjaw il-mezzi diġitali. Il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ għandha tkun inkorporata fit-taħriġ tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u - fejn jeżistu - fl-istandards okkupazzjonali u ta' kompetenza tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.
-Il-promozzjoni tar-rikonoxximent: sabiex jissaħħaħ il-valur tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għal dawk iż-żgħażagħ involuti fiha, għandhom jiġu żviluppati għodod ta' rikonoxximent xierqa u aċċettati f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali u l-aġenda dwar l-iżvilupp tal-ħiliet.
-Li jitlaħqu ż-żgħażagħ kollha, b'mod partikolari dawk b'inqas opportunitajiet: il-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha potenzjal uniku biex tilħaq lil dawk l-aktar vulnerabbli u tindirizza l-bżonnijiet individwali tagħhom.
3.
Implimentazzjoni effettiva, iffukata u magħquda bejn is-setturi
3.1.
Il-ħidma fis-setturi kollha
Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-Ewropa hija varjata u milquta minn sfidi li għandhom jiġu indirizzati f'oqsma ta' politika differenti. Minkejja x-xejriet pożittivi bħal aktar parteċipazzjoni fl-edukazzjoni ogħla, waqa’ fl-abbandun bikjri tal-iskola u t-tnaqqis fir-rati (għalkemm għadhom għoljin) tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa
, għad baqa’ sfidi kbar li ħafna drabi huma minsuġa f’xulxin. Fost dawn hemm rati għoljin ħafna ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ f’ċerti Stati Membri, reġjuni u gruppi, faqar fost iż-żgħażagħ li kulma jmur qed jikber, impjieg prekarju, inugwaljanza fl-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità jew kwistjonijiet ta’ saħħa.
F’dan il-kuntest, l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u r-rati għoljin ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) kien prijorità tal-UE, appoġġjat minn inizjattivi speċifiċi: aktar minn 3.5 miljun żagħżugħ ibbenefikaw kull sena mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ imnedija fl-2013. Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ flimkien jinvestu EUR 14,5 biljun direttament f'miżuri ta' impjieg għaż-żgħażagħ mill-2014 sal-2020. Minkejja l-progress li sar, l-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u r-rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-Istati Membri enfasizzaw il-bżonn li jinbnew pontijiet bejn is-setturi tal-impjiegi u taż-żgħażagħ u li n-NEETs li qed jiffaċċjaw bosta xkiel jinlaħqu b’mod aktar effettiv. Barra minn hekk, Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi
u l-Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-tfal fil-migrazzjoni
għarfu l-importanza tal-appoġġ ta’ l-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati żgħażagħ.
Mhux it-tmien oqsma ta' azzjoni kollha
taw riżultati simili pożittivi; skont l-evalwazzjoni kienu wiesgħa wisq. L-ebda Stat Membru ma indirizza dawn l-oqsma kollha, billi ġeneralment ma kellhomx l-istess rilevanza.
Sabiex tiżdied l-effettività, il-Kummissjoni tipproponi approċċ doppju:
1) Tissaħħaħ il-perspettiva taż-żgħażagħ fl-oqsma ta' politika fil-livell tal-UE, billi:
·L-iżgurar li t-tħassib taż-żgħażagħ jinstema’ mill-fassala tal-politika tal-UE, speċjalment permezz ta’ Koordinatur tal-UE dwar iż-Żgħażagħ li jkun kuntatt għall-Kummissjoni Ewropea u punt ta’ referenza viżibbli għaż-żgħażagħ. Il-missjoni ta’ Koordinatur tal-UE dwar iż-Żgħażagħ għandha tkun li jipprovdi pariri fuq il-politika dwar iż-żgħażagħ lill-Kummissarju responsabbli; biex jgħin li jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-koerenza, u titqajjem kuxjenza dwar l-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam b’kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE kif ukoll mal-Istati Membri; u li l-eżiti tad-Djalogu taż-Żagħażagħ tal-UE jiġu kondiviżi u jingħata feedback liż-żgħażagħ, inkluż permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u l-Pjattaform tal-Istrateġija dwar iż-Żgħażagħ tal-UE;
·Titjieb it-trasparenza dwar l-azzjoni tal-UE għaż-żgħażagħ, inkluż it-traċċar tal-infiq tal-UE fuq iż-żgħażagħ
;
·Jiġu promossi mudelli parteċipattivi tat-tfassil ta' politika li jinvolvu liż-żgħażagħ, bħal Laboratorji tal-Politiki dwar iż-Żgħażagħ;
·Jiġu appoġġjati l-Istati Membri fl-iżvilupp tal-politiki dwar iż-żgħażagħ, permezz ta' ġbir ta' evidenza, tagħlim reċiproku u kondiviżjoni ta' prattiki tajbin, inklużi għodod ġodda bħalma huma evalwazzjonijiet bejn il-pari u konsulenza bejn il-pari;
·Issir kontribuzzjoni permezz ta' strumenti ta' kooperazzjoni taż-żgħażagħ bħal tagħlim reċiproku, evidenza, il-Koordinatur jew id-Djalogu, għal inizjattivi transsettorjali għaż-żgħażagħ, bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, in-Netwerk Ewropew tal-Apprendisti
u s-sejħa Tartu għal Stil ta' Ħajja b'Saħħitha
.
2) Tiġi ffukata aħjar l-enfasi tal-istrateġija: il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jikkonċentraw fuq azzjonijiet immirati li jsarrfu l-prijoritajiet tal-UE fil-kuntest nazzjonali, li għandhom jiġu identifikat fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali.
Dawn il-pjanijiet għandhom ifittxu kooperazzjoni transsettorjali bejn iż-żgħażagħ u oqsma ta' politika oħrajn, filwaqt li jibnu fuq mekkaniżmi eżistenti ta' governanza, pereżempju bħala parti mir-realizzazzjoni tal-iskema nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.
Għandhom jiżguraw konnessjonijiet qawwija bejn attivitajiet ta' kooperazzjoni transnazzjonali
ta' Aġenziji Nazzjonali li jimplimentaw il-programm Erasmus+ u l-oqsma identifikati fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali biex titjieb il-koerenza bejn l-implimentazzjoni tal-politika u l-programm.
Il-kooperazzjoni transsettorjali għandha tissaħħaħ fil-livelli kollha ta' sinerġiji ta' tiftix tat-teħid ta' deċiżjonijiet, komplementarjetà bejn l-azzjonijiet, u inkluż involviment ikbar taż-żgħażagħ. L-Istati Membri għandhom iħeġġu liż-żgħażagħ u lil partijiet ikkonċernati oħra biex jistabbilixxu inizjattivi konġunti, pereżempju fil-kooperazzjoni edukattiva, fl-impjiegi, diġitali, sportiva, ta' sostenibbiltà u internazzjonali, billi jużaw il-potenzjal sħiħ tal-fondi tal-UE.
Matul is-"Sena tas-Smigħ 2017", il-partijiet ikkonċernati ressqu l-isfidi li ġejjin li jistgħu jservu bħala oqsma għall-azzjonijiet ta' integrazzjoni: edukazzjoni - taħriġ; impjieg - intraprenditorija; saħħa, inkluża s-saħħa mentali; faqar - esklużjoni soċjali; integrazzjoni taż-żgħażagħ bi sfond ta' migrazzjoni; internet - litteriżmu medjatiku; sostenibbiltà - tibdil fil-klima.
3.2.
Governanza ta' livelli differenti u parteċipatorja
Il-governanza se titjieb permezz ta':
Tfassil u monitoraġġ ta' politika bbażati fuq l-evidenza: Implimentazzjoni effettiva li tistrieħ fuq evidenza qawwija. It-Tabella tal-indikaturi taż-żgħażagħ saret għodda apprezzata biex timmonitorja x-xejriet fis-sitwazzjoni taż-żgħażagħ. Il-kooperazzjoni tal-UE għandha barra minn hekk tesplora l-użu ta' indikaturi tal-politika biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-istrateġija
. Se ssir reviżjoni tal-politika tal-proġetti ta' riċerka ffinanzjati mill-UE fl-2019 biex jiġu estratti s-sejbiet rilevanti għal dan il-qasam.
Fokus u flessibilità: L-istrateġija se tiffoka fuq prijoritajiet komuni taż-żgħażagħ tal-UE madwar l-Istati Membri, filwaqt li tippermetti flessibilità fit-twettiq ta' azzjonijiet ta' integrazzjoni biex tadatta l-prijoritajiet tal-UE għaċ-ċirkostanzi nazzjonali. Il-Kunsill huwa mistenni li jistabbilixxi Pjanijiet ta' Ħidma tal-UE triennali mal-Kummissjoni.
Governanza parteċipattiva: Pjattaforma ġdida se tagħti sehem akbar lill-partijiet ikkonċernati fil-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġija, billi toffri opportunitajiet għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-attivitajiet u r-riżultati. Il-Kummissjoni se torganizza laqgħat iddedikati għal rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet tal-UE, u msieħba soċjali.
Rappurtar u evalwazzjoni simplifikati: Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni kull tliet snin, abbażi ta' informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Youth Wiki
u l-indikaturi. Dan se jinkludi informazzjoni dwar l-użu tal-programmi tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi ta' politika. Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni interim fl-2023, u possibbilment reviżjoni fl-2024. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu l-istess.
Tagħlim reċiproku u tixrid: Il-gruppi ta' esperti se jkomplu jiżviluppaw gwida politika, għodod prattiċi u jaqsmu prattiki tajbin; l-istrateġija se toffri għodod ġodda għat-tagħlim reċiproku, bħall-analiżi bejn il-pari u konsulenza bejn il-pari. Din se ssegwi approċċ aktar sistematiku għall-informazzjoni taż-żgħażagħ ta' kwalità, sensibilizzazzjoni u tixrid, billi tibni fuq in-netwerks eżistenti tagħha.
Il-mobilizzazzjoni tal-programmi u l-fondi tal-UE: L-istrateġija se tippromwovi l-użu effettiv tal-programmi u l-fondi tal-UE, bħall-Erasmus+, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, l-Orizzont 2020, inklużi l-Azzjonijiet Marie Curie, l-Ewropa Kreattiva u s-suċċessuri tagħhom. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jesploraw is-sinerġiji bejn is-sorsi ta' finanzjament fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali.
Konklużjonijiet u passi li jmiss
Iż-żgħażagħ għandhom ambizzjonijiet leġittimi għall-ġejjieni tagħhom fl-Ewropa. Min-naħa tagħha, l-Ewropa teħtieġ toffrilhom opportunitajiet ta' ħajja aħjar u taġixxi fuq it-tħassib tagħhom.
L-istrateġija se toħloq rabta aktar b'saħħitha bejn l-UE u ż-żgħażagħ permezz ta' modi inklużivi u diġitali ta' djalogu, iġġib riżultati effettivi permezz ta' prijoritajiet u azzjonijiet iffukati, u tipprovdi struttura aktar effettiva biex tiġbor u tittrażmetti l-ideat taż-żgħażagħ u taqsam informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda favur tagħhom.
Dan kollu se jkun appoġġjat minn rabtiet aktar b'saħħithom mal-fondi tal-UE. L-Istrateġija taż-Żgħażagħ se tfittex ukoll aktar sjieda mill-partijiet ikkonċernati permezz ta' aktar involviment taż-żgħażagħ u pjattaformi ġodda fil-livell tal-UE u lil hinn. L-istabbiliment flessibbli tal-prijoritajiet u l-implimentazzjoni fil-livell tal-UE jagħmluha aktar rilevanti għar-realtajiet lokali, filwaqt li jirrispettaw il-kompetenzi ta' kull livell ta' governanza u bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex japprova l-Istrateġija tal-UE taż-Żgħażagħ għall-2019-2027, filwaqt li jibni wkoll fuq l-Għanijiet dwar iż-Żgħażagħ
proposti matul il-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f'April 2018.
Il-Kunsill huwa mistieden ukoll jadotta Pjan ta' Ħidma għall-2019-2021, filwaqt li jqis il-miżuri proposti f'din il-Komunikazzjoni u elaborati fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar ir-riżultati tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni.