Brussell, 14.5.2018

COM(2018) 266 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċitar tas-setgħa konferita lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi, u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċitar tas-setgħa konferita lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi, u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE

1.INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi 1 (id-Direttiva dwar il-Batteriji) tistabbilixxi regoli biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal-batteriji u l-akkumulaturi u l-iskart tal-batteriji u l-akkumulaturi 2 fuq l-ambjent, u b’hekk isir kontribut għall-protezzjoni, għall-preservazzjoni u għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent. Tipprevedi wkoll miżuri biex jiġu armonizzati r-rekwiżiti dwar il-metalli ta’ densità għolja u t-ttikkettar tal-batteriji u l-akkumulaturi, u b’hekk jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Id-Direttiva ġiet emendata bosta drabi. 3  

Id-Direttiva tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, kif imsemmi fl-Artikolu 23a, bil-ħsieb li:

·tistabbilixxi l-kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għar-riċiklaġġ tal-iskart tal-batteriji li jsir barra mill-UE, kif previst fl-Artikolu 15(3) biex jiġu supplimentati r-regoli msemmija fl-Artikolu 15(2), 4  

·tistabbilixxi r-regoli dettaljati fir-rigward tat-tikkettar li jindika l-kapaċità tal-batteriji portabbli u awtomobilistiċi, kif previst fl-Artikolu 21 (2).

·tagħti l-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tat-tikkettar fl-Artikolu 21.

2.BAŻI LEGALI

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 23a tad-Direttiva dwar il-Batteriji emendata. Skont dan l-artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin mit-30 ta’ Diċembru 2013. Il-Kummissjoni hija mistennija li tħejji rapport dwar is-setgħat delegati sa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Skont l-Artikolu 23a(2), id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ tul ta’ żmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

3.1.Kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għar-riċiklaġġ tal-iskart tal-batteriji li jsir barra mill-UE, Artikolu 15(3)

Skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva, fir-rigward tat-twettiq tal-obbligi u l-effiċjenzi stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva, l-iskart tal-batteriji esportat barra mill-UE għandu jgħodd biss jekk ikun hemm evidenza soda li l-operazzjoni ta’ riċiklaġġ tkun saret taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għar-rekwiżiti tad-Direttiva. L-Artiklu 15(3) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex tistabbilixxi regoli dettaljati f’dan ir-rigward, b’mod partikolari l-kriterji għall-valutazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

Jenħtieġ li jiġi nnutat li l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2012/19/UE tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) 5 jistabbilixxi dispożizzjoni simili fir-rigward tal-WEEE esportat mill-UE. Peress li l-aspetti ambjentali huma komparabbli, l-obbligi meqjusa huma simili u l-operaturi responsabbli mill-attivitajiet ikkonċernati (kolletturi, esportaturi, riċiklaturi u awtoritajiet pubbliċi) fil-biċċa l-kbira jirkbu fuq xulxin, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet dwar dawn “il-kundizzjonijiet ekwivalenti” jenħtieġ li jsegwu l-istess approċċ fiż-żewġ oqsma.

Il-kriterji għall-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet ekwivalenti fir-rigward tat-trattament tal-WEEE esportat mill-UE għadhom ma ġewx żviluppati 6 . Il-Kummissjoni tippjana li tqis kwalunkwe kriterju fir-rigward tal-apprezzament tal-kundizzjonijiet ekwivalenti għar-riċiklaġġ tal-batteriji li jsegwu lil dawk li jikkonċernaw il-WEEE.  Barra minn hekk, bħalissa d-Direttiva dwar il-Batteriji hija soġġetta għal evalwazzjoni, u se tiġi vvalutata wkoll l-informazzjoni rilevanti miġbura f’dan il-proċess.

3.2.Regoli dettaljati fir-rigward tat-tikkettar li jindika l-kapaċità tal-batteriji sekondarji portabbli (rikarikabbli) u awtomoblistiċi, Artikolu 21(2)

Skont l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti delegati li jistabbilixxu regoli dettaljati biex jiġi supplimentat ir-rekwiżit għall-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-kapaċità tal-batteriji u l-akkumulaturi portabbli u awtomobilistiċi kollha tkun indikata fuqhom b’mod viżibbli, li jinqara u li ma titħassarx, inkluż il-metodi armonizzati għad-determinazzjoni tal-kapaċità u l-użu xieraq.

Fl-2010, il-Kummissjoni adottat ir-regoli fir-rigward tat-tikkettar li jindika l-kapaċità tal-batteriji u l-akkumulaturi portabbli sekondarji (rikarikabbli) u awtomobilistiċi. 7 Ġiet ivvalutata wkoll l-armonizzazzjoni possibbli tar-regoli tat-tikkettar li jindika l-kapaċità tal-batteriji portabbli (mhux rikarikabbli).

L-istudji mwettqa 8 kkonkludew li għadha mhix disponibbli tikketta waħda, sempliċi u implimentabbli li tindika l-kapaċità ta’ dawn it-tipi ta’ batteriji. Minħabba f’dan, il-Kummissjoni tat il-mandat lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettronika (CENELEC) biex jivvaluta l-fattibbiltà li jiġi ddeterminat metodu standardizzat għall-immarkar tal-kapaċità tal-batteriji primarji portabbli. L-eżami tagħhom ikkonkluda li ma seta’ jiġi identifikat l-ebda metodu xieraq disponibbli li jikkonforma mad-Direttiva dwar il-Batteriji. 9

Is-sitwazzjoni ma nbidlitx minn dak iż-żmien ’l hawn, u dan wassal lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li bħalissa mhuwiex possibbli li jiġu identifikati metodi armonizzati għat-tikkettar li jidentifika l-kapaċità tal-batteriji primarji portabbli.

Il-Kummissjoni se tevalwa s-sitwazzjoni mill-ġdid ladarba jintemm il-proċess attwali ta’ rieżami tad-Direttiva.

3.3.Għoti ta’ eżenzjonijiet għar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 21 tad-Direttiva, Artikolu 21(7)

Skont l-Artikolu 21(7) tad-Direttiva, il-Kummissjoni ingħatat is-setgħa li tadotta atti delegati biex jingħataw l-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Artikolu 21. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda talba dwar l-għoti ta’ eżenzjonijiet matul il-perjodu kopert b’dan ir-rapport.

4.KONKLUŻJONIJIET

Matul il-perjodu kopert b’dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma użatx is-setgħa delegata msemmija fl-Artikolu 23a tad-Direttiva dwar il-Batteriji. Tista’ tagħmel dan fil-futur, għar-raġunijiet mogħtija.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)      ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1–14. 
(2)      F’dan li ġej, it-termini “batteriji” u “akkumulaturi” huma meqjusa bħala sinonimi u jintużaw mingħajr distinzjoni
(3)      Id-Direttiva 2008/12/KE, ĠU L 76, 19.3.2008, p. 39; Id-Direttiva 2008/103/KE, ĠU L 327, 5.12.2008, p.7; Id-Direttiva 2013/56/UE, ĠU L 329, 10.12.2013, p. 5.
(4)      Ir-Regolament (KE) Nru 259/93, ĠU L 30, 6.2.93, p. 1; Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1420/1999 ĠU L 166, 1.7.1999, p. 9; Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1547/1999, ĠU L 185, 17.7.1999, p. 1.
(5)      ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38.
(6)      Kif spjegat f’aktar dettall fir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċitar tas-setgħa konferita lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, COM(2017) 172 final
(7)      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1103/2010, ĠU L 313, 30.11.2010
(8)       http://ec.europa.eu/environment/waste/batteries/pdf/battery_report_june2010.pdf , http://ec.europa.eu/environment/waste/batteries/pdf/battery_report.pdf
(9)      “Feasibility Study on Labelling and Efficiency of Primary Batteries (2012)” fuq:     http://ec.europa.eu/environment/waste/batteries/pdf/CENELEC%20feasibility%20study.pdf