Brussell, 7.5.2018

COM(2018) 263 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”)


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U

LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”)

1    INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali 1 ikkonsolidat sistema ta’ rikonoxximent reċiproku li inizjalment kienet ibbażata fuq 15-il Direttiva.

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2011 2 , il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li l-liġi tal-Unjoni f’dan il-qasam tiġi mmodernizzata. Dan wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva 2013/55/UE 3 fl-20 ta’ Novembru 2013.

Biex tilħaq l-għanijiet tagħha, id-Direttiva 2013/55/UE li temenda d-Direttiva 2005/36/KE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati f’għadd ta’ suġġetti elenkati fl-Artikolu 57c(2) tad-Direttiva 2005/36/KE (“id-Direttiva”) u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, skont l-Artikolu 290 TFUE.

2    BAŻI ĠURIDIKA

L-Artikolu 57c(2) tad-Direttiva 2005/36/KE kif emendat bid-Direttiva 2013/55/UE jikkonferixxi fuq il-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati dwar is-suġġetti elenkati fih għal perjodu ta’ ħames snin mis-17 ta’ Jannar 2014. Barra minn hekk, huwa jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tħejji rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa sa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin.

Is-setgħat delegati għandhom jiġu estiżi b’mod taċitu għal perjodi ta’ ħames snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perjodu.

Is-setgħa biex tadotta atti delegati ngħatat lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 57c tad-Direttiva 2005/36/KE, kif emendata mid-Direttiva 2013/55/UE. Tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

L-Artikolu 57c(2) tad-Direttiva 2005/36/KE kif emendat bid-Direttiva 2013/55/UE jikkonferixxi fuq il-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati, b’mod partikolari dwar is-suġġetti li ġejjin:

a)l-aġġornament tat-titli għall-evidenza ta’ kwalifiki formali u, fejn xieraq, il-korp li joħroġ tali evidenza, iċ-ċertifikat li jakkumpanjaha u t-titli professjonali korrispondenti msemmija fil-punti 5.1.1 sa 5.1.4, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.5.2, 5.6.2 u 5.7.1 tal-Anness V;

b)l-aġġornament tar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti skont id-Direttiva għal sitt professjonijiet;

c)l-istabbiliment ta’ oqfsa komuni ta’ taħriġ jew testijiet komuni ta’ taħriġ.

Malli l-Kummissjoni tadotta att delegat, għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill simultanjament dwar dan (Artikolu 57c (4) tad-Direttiva 2005/36/KE kif emendat bid-Direttiva 2013/55/UE).

Skont l-Artikolu 57c(5) tad-Direttiva 2005/36/KE kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE, att delegat għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

3    EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

3.1 Atti delegati diġà adottati

Fil-perjodu ta’ referenza, il-Kummissjoni diġà eżerċitat is-setgħat ta’ delega li ġejjin:

Abbażi tal-Artikolu 21a(4) tad-Direttiva 2005/36/KE kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE, ġew adottati żewġ Deċiżjonijiet Delegati tal-Kummissjoni li jemendaw l-Anness V tad-Direttiva 2005/36/KE fir-rigward tal-evidenza tal-kwalifiki formali (ara l-punt 2.a) hawn fuq).

L-ewwel Deċiżjoni Delegata li temenda l-Anness V biex jinkorpora modifiki tad-diplomi nazzjonali fil-professjonijiet settorjali li l-Istati Membri kienu nnotifikaw lil Kummissjoni ġiet adottata fit-13 ta’ Jannar 2016 4 , u t-tieni Deċiżjoni Delegata ġiet adottata fl-1 ta’ Diċembru 2017 5 .

3.2 Konsultazzjoni qabel l-adozzjoni

F’konformità mal-impenji tagħha skont il-Ftehim Interinstituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 6 , fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Kummissjoni dejjem ikkonsultat l-esperti nnominati mill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, permezz ta’ laqgħat regolari ddedikati tal-esperti u ta’ konsultazzjonijiet bil-miktub.

Il-grupp ta’ esperti involut fit-tħejjija tal-atti delegati kien il-Grupp ta’ Koordinaturi dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, kif stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2007 7 . Matul it-tħejjija tal-verżjonijiet finali tal-atti delegati, ġew ikkunsidrati l-osservazzjonijiet ippreżentati f’dawn il-konsultazzjonijiet.

Id-dokumenti rilevanti għal dawn il-konsultazzjonijiet intbagħtu simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u ż-żewġ istituzzjonijiet kellhom l-opportunità biex jibagħtu esperti għal-laqgħat tal-grupp ta’ esperti.

3.3 L-ebda oġġezzjonijiet għall-atti delegati

Skont l-Artikolu 57c(5) tad-Direttiva 2005/36/KE kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika - perjodu li jista’ jiġi estiż għal xahrejn addizzjonali fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat f’dan il-perjodu, dan ma jidħolx fis-seħħ.

La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma oġġezzjonaw għal kwalunkwe wieħed mill-atti delegati msemmija fit-taqsima 3.1. hawn fuq u l-atti delegati għalhekk ġew ippubblikati u daħlu fis-seħħ fit-tmiem il-perjodu ta’ oġġezzjoni.

3.4 Atti delegati possibbli fil-ġejjieni

Se jkollhom jiġu adottati regolarment atti delegati ulterjuri abbażi tal-Artikolu 21a(4) biex jiġi emendat l-Anness V tad-Direttiva 2005/36/KE fir-rigward tal-evidenza tal-kwalifiki formali. Is-servizzi tal-Kummissjoni attwalment qegħdin iħejju t-tielet Deċiżjoni Delegata.

Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni qegħdin jaħdmu dwar Regolament delegat possibbli li jistabbilixxi test ta’ taħriġ komuni għall-għalliema tal-iskiing skont l-Artikolu 49b tad-Direttiva.

4    KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni tqis li eżerċitat is-setgħat delegati kkonferiti lilha fi ħdan il-limiti u fir-rispett tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 57c tad-Direttiva 2005/36/KE kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE. Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li testendi l-għoti tas-setgħat peress illi fil-ġejjieni se jkunu meħtieġa atti delegati oħra li jemendaw, fost l-oħrajn, l-Anness V tad-Direttiva 2005/36/KE fir-rigward tal-evidenza ta’ kwalifiki formali. B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżit ta’ rappurtar skont l-Artikolu 57c(2) tad-Direttiva 2005/36/KE kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-Rapport.

(1)

ĠU L 255, 30.09.2005, p.22

(2)

L-Att dwar is-Suq Uniku, Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja, “Flimkien għal tkabbir ġdid”, COM(2011) 206 finali.

(3)

ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132

(4)

ĠU L134, 24.05.2016, p. 135

(5)

ĠU L 317, 1.12.2017, p. 119

(6)

ĠU L 123, 12.05.2016

(7)

ĠU L79, 20.03.2007, p. 38