Brussell, 14.3.2018

COM(2018) 251 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Nadattaw il-Politika Komuni dwar il-Viża għal Sfidi Ġodda


1.INTRODUZZJONI

Il-politika komuni dwar il-viża tal-UE 1 hija parti essenzjali tal-acquis ta’ Schengen u waħda mill-aktar kisbiet siewja tal-integrazzjoni tal-UE. Il-linja politika dwar il-viżi hija, u jenħtieġ li tibqa’, għodda biex jiġi ffaċilitat it-turiżmu u n-negozju, filwaqt li jiġu evitati r-riskji ta’ sigurtà u r-riskju ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE.

Filwaqt li l-prinċipji fundamentali tal-ipproċessar tal-viżi qatt ma ġew riveduti sa mid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi dwar il-Viża 2 fl-2010 u tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża 3 fl-2011, l-ambjent li fih topera l-politika tal-viża nbidlet drastikament. F'dawn l-aħħar snin, l-isfidi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà biddlu d-dibattitu politiku dwar iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni b’mod ġenerali, u, l-politika dwar il-viża b’mod partikolari, għal valutazzjoni mill-ġdid tal-bilanċ bejn il-migrazzjoni u kwistjonijiet ta’ sigurtà, dawk ekonomiċi u relazzjonijiet esterni ġenerali.

Fl-istess ħin, żviluppi teknoloġiċi sinifikanti qed jipprovdu opportunitajiet ġodda biex jagħmlu l-ipproċessar tal-viża aktar faċli kemm għall-applikanti kif ukoll għall-konsulati. L-importanza tal-politika dwar il-viża fir-relazzjonijiet esterni tal-UE kibret matul is-snin.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, wasal iż-żmien li tingħata ħarsa mill-ġdid lejn politika komuni dwar il-viża billi tiġi adattata għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-lum filwaqt li jkun żgurat li din tilħaq iż-żewġ objettivi prinċipali tagħha, partikolarment li tiffaċilita l-ivjaġġar leġittimu u tittratta l-migrazzjoni irregolari u t-theddid għas-sigurtà.

Fl-2014, il-Kummissjoni pproponiet riformulazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viża 4 , prinċipalment biex tkompli tiffaċilita l-ivvjaġġar għall-vjaġġaturi leġittimi. Madankollu, in-negozjati ma’ għamlux progress minħabba pożizzjonijiet diverġenti meħuda mill-Parlament u mill-Kunsill. Sadanittant, żieda fl-isfidi tas-sigurtà u dawk migratorji wasslu biex xi aspetti tal-proposta riformulata jiskadu. Għaldaqstant il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-proposta ta’ riformulazzjoni u tippreżenta proposta riformulata li temenda l-Kodiċi dwar il-Viża.

Il-proposta l-ġdida li temenda l-Kodiċi dwar il-Viża, li qed tiġi ppreżentata llum flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, hija maħsuba biex taġġorna l-proċeduri tal-viża sabiex tkun ta' reazzjoni aħjar għas-sitwazzjoni migratorja u dik tas-sigurtà mibdula, anki permezz ta’ approċċ konġunt bejn il-politika dwar il-viża u l-kooperazzjoni għar-riammissjoni. Se tindirizza wkoll għadd ta’ nuqqasijiet fir-regoli attwali ta’ regoli biex isir aktar faċli għal dawk li jivvjaġġaw b’mod leġittimu li jiksbu viża biex jivvjaġġaw lejn l-UE. Il-proposta l-ġdida żżomm ukoll xi aspetti utli tal-proposta rtirata dwar ir-riformulazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viża. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu aktar flessibilità għall-applikanti biex japplikaw għal viża u organizzazzjoni aħjar tax-xogħol tal-konsulati.

Minbarra li tippreżenta l-aspetti ewlenin tal-proposta li temenda l-Kodiċi dwar il-Viża, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi wkoll objettivi li għandhom jiġu indirizzati fl-emendi li jsiru lis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, li se jiġu ppreżentati aktar tard fir-rebbiegħa ladarba jitlestew l-istudji tekniċi u l-valutazzjoni tal-impatt li jinsabu għaddejjin bħalissa.

Flimkien mas-sistemi ġodda għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, bħas-Sistema ta’ Dħul/ Ħruġ (EES- Entry Exit System) 5 adottata riċentament, li fost l-oħrajn tippermetti kontroll aħjar tar-rispett tal-kundizzjonijiet tal-viża, u tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS- European Travel Information Authorisation System) 6 proposta mill-Kummissjoni, qegħdin jiġu stabbiliti l-pedamenti għal politika dwar il-viża li tkun mgħammra aħjar biex tirreaġixxi għall-isfidi ta’ sigurtà u ta’ migrazzjoni. Dan se jkompli jissaħħaħ permezz tal-proposta ta’ interoperabilità 7 għat-titjib tal-kapaċità tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-fruntieri, tas-sigurtà u tal-ġestjoni tal-migrazzjoni li jiskambjaw id-dejta u jikkondividu l-informazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni tħares ’il quddiem billi teżamina kif jiġu żgurati sinerġiji aħjar bejn il-politika tal-UE dwar il-viżi u r-relazzjonijiet esterni tal-UE u billi tniedi dibattitu dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ipproċessar tal-viża.

2.OBJETTIVI KUMPLESSIVI

Il-proposta ppreżentata llum temenda diversi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viża. L-għan kumplessiv ta’ dawn l-emendi huwa li tissaħħaħ il-politika dwar il-viża sabiex din issir għodda aktar effettiva biex tirreaġixxi għall-isfidi migratorji u dawk ta’ sigurtà akbar li qed tiffaċċja l-UE. Il-proposta se tiżgura wkoll li isir aktar faċli li jkunu pproċessati viżi għal vjaġġaturi leġittimi li jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-ekonomija tal-UE jew għall-iżvilupp kulturali u soċjali tal-UE.

Fir-rigward tal-objettivi kumplessiv li jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni, dan se jinkiseb permezz ta’ approċċ ġdid li jgħaqqad flimkien il-politika tal-viża u l-kooperazzjoni għar-riammissjoni ma’ pajjiżi terzi (ara t-Taqsima 3.1). Regoli obbligatorji għall-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu jistgħu jikkontribwixxu wkoll indirettament għal dan l-objettiv (ara t-Taqsima 3.3).

Is-sigurtà tal-ipproċessar tal-viża se tittejjeb, b’mod partikolari billi tkun reveduta s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS - Visa Information System), li se tkun ppreżentata aktar tard fir-rebbiegħa (ara l-Kapitolu 4). Il-proposta dwar ir-reviżjoni tal-VIS se timmira wkoll li tagħmel użu sħiħ mill-approċċ ta’ interoperabbiltà. L-interoperabilità hija ta’ importanza ewlenija biex tkompli tittejjeb id-dejta disponibbli għall-uffiċjali konsulari meta jkunu qed jivvalutaw applikazzjoni għal viża. Dan imbagħad se jagħmilha aktar faċli għalihom biex jidentifikaw individwi li jistgħu joħolqu riskju għas-sigurtà jew riskju ta’ migrazzjoni irregolari u li jkun jenħtieġ li l-viża tkun miċħuda lilhom. Bl-istess mod, se jkun aktar faċli li jiġu identifikati vjaġġaturi bona fide li għalihom il-proċeduri tal-viża jistgħu jiġu ffaċilitati.

3.    L-EMENDAR TAL-KODIĊI TAL-VIŻA

3.1.    Il-politiki tal-viża u ta’ ritorn jingħaqdu flimkien

F’dawn l-aħħar snin, l-objettivi tal-Kodiċi dwar il-Viża għall-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari u tar-riskji għas-sigurtà qed jkunu sottoposti għal aktar skrutinju. Fattur prinċipali li jattira flussi migratorji irregolari lejn l-UE huwa l-fatt li l-Istati Membri għandhom diffikultà kbira biex jirritornaw migranti irregolari maqbuda lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-awtoritajiet f’dawk il-pajjiżi f’dik li hi konformità ma’ talbiet għal riammissjoni minn Stati Membri.

F’dan il-Kuntest, il-politika dwar il-viża qed tintuża biex ikollha rwol aktar affettiv fil-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi terzi , speċifikament dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni, waqt li nżommu f’moħħna li ċertu segment ta’ migranti irregolari li għandhom jintbagħtu lura fil-fatt daħlu fl-UE b’mod legali billi akkwistaw viża li użawlha l-awtorizzazzjoni għas-soġġorn aktar milli kien imisshom. Skont dan il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2017 sejjaħ biex “tiġi vvalutata mill-ġdid il-politika dwar il-viżi fil-konfront ta' pajjiżi terzi, kif meħtieġ” bħala mezz biex jinkiseb progress reali fil-politika ta’ ritorn u riammissjoni.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni qed tipproponi qafas li jistabbilixxi kundizzjonijiet aktar stretti għall-ipproċessar ta’ viżi f’każijiet fejn pajjiż terz ma jikkooperax b’mod sodisfaċenti dwar ir-riammissjoni. F’dan il-kuntest, ir-relazzjonijiet kumplessivi tal-UE mal-pajjiż terz ikkonċernat se jitqiesu wkoll.

3.2.    Rieżami tat-tariffa tal-viża

It-tariffa tal-viża standard ma kinitx reveduta mill-2006 ‘l hawn. Il-Kummissjoni qed tipproponi żieda fit-tariffa sabiex tikkontribwixxi għall-ipproċessar effiċjenti tal-għadd dejjem jikber ta’ applikazzjonijiet għall-viża u biex tippermetti lill-Istati Membri li jżommu livelli adegwati ta’ persunal konsulari sabiex l-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu proċessati aktar malajr 8 . Iż-żieda fit-tariffa hija ġustifikata sabiex tkopri l-kosti għal persunal (kemm persunal espatrijat u wkoll persunal reklutat lokalment), il-binjiet, it-tagħmir, it-taħriġ tal-persunal u l-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-IT.

Iż-żied fit-tariffa tal-viża hija wkoll meħtieġa biex: (i) tittejjeb l-effiċjenza tal-ipproċessar tal-viża f’dak li għandu x’jaqsam mad-detezzjoni tar-riskji ta’ sigurtà u ta’ migrazzjoni irregolari; (ii) ikunu immodernizzati ulterjorment it-tagħmir tal-IT u s-softwer tal-Istati Membri; u (iii) ikunu pprovduti proċeduri rapidi u li jiffavorixxu lill-klijenti lill-applikanti għal viża. Din tikkontribwixxi wkoll għaż-żamma ta’ kopertura konsulari wiesgħa madwar id-dinja. F’dan il-Kuntest, il-Kummissjoni tipproponi wkoll proċess aktar flessibbli għar-rieżami tat-tariffa tal-viża fil-ġejjieni.

Madankollu, iż-żieda fit-tariffa tal-viża komuni proposta mill-Kummissjoni hija moderata sabiex twassal għax żieda tajba fid-dħul tal-Istati Mebri biex tappoġġja l-integrità tal-ipproċessar u s-sigurtà tal-viża, mingħajr ma tkun ta’ deterrent għall-maġġoranza l-kbira ta’ applikanti għall-viża.

3.3.    Introduzzjoni ta’ approċċ armonizzat għall-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu b’validità twila

Viżi għal dħul multiplu jippermettu lid-detenturi tagħhom li jivvjaġġaw b’mod ripetut lejn l-UE matul il-perjodu ta’ validità tal-viża. Dawn iż-żjarat frekwenti jikkontribwixxu pożittivament għall-ekonomija u t-tkabbir tal-UE, għall-kuntatti bejn il-persuni u għall-iskambji kulturali. Ir-regoli attwali dwar viżi għal dħul multiplu, madankollu, jagħtu lill-konsulati tal-Istati Membri marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni meta joħorġuhom. Dan jista’ jwassal għal kompetizzjoni fost l-Istati Membri fis-swieq (turistiċi) attraenti, għal ftehimiet jew arranġamenti bilaterali ma’ pajjiżi terzi u għall-“visa shopping”. Dawn il-prattiċi jimminaw il-prinċipji bażiċi ta’ politika komuni dwar il-viża u ma humiex ta' ġid għall-kummerċ u l-ekonomija. Raġuni għal dan hija li negozjanti fdati u li jivvjaġġaw regolarment jistgħu jispiċċaw li jkollhom japplikaw għal viża kull darba li jkollhom bżonn jivvjaġġaw. Barra minn hekk, l-inċertezza li l-applikanti jiffaċċjaw meta jissottomettu applikazzjoni għal viża għal dħul multiplu tista’ taħdem bħala inċentiv għalihom biex ibagħbsu l-applikazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi regoli obbligatorji għall-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu li jippermettu li l-applikanti b’passat pożittiv dwar il-viża jinħarġu viżi bi dħul multiplu b’durata ta’ validità dejjem itwal minn sena sa massimu ta’ ħames snin meta japplikaw għal viżi sussegwenti.

3.4.    Proċeduri tal-viża aktar razzjonalizzati u ffaċilitar tat-turiżmu għal żmien qasir

Wieħed mill-objettivi ġenerali tal-politika dwar il-viża, jiġifieri l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar għal dawk li jivvjaġġaw b’mod leġittimu, jenħtieġ li wkoll ikun indirizzat. Dwar din il-kwistjoni, il-Kummissjoni tipproponi li żżomm għadd ta’ proposti dwar ir-riformulazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viża maħsuba biex jissimplifikaw il-proċeduri tal-applikazzjoni għall-viża. Dawn jinkludu l-possibbiltà li wieħed japplika għall-viża aktar kmieni, il-mili u l-iffirmar elettroniċi tal-formola tal-applikazzjoni tal-viża u skadenzi iqsar għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni.

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tintroduċi ftit flessibilità għall-applikanti bona fide biex jiġu promossi vjaġġi turistiċi qosra u jkun xprunat it-tkabbir ekonomiku fl-UE. Dan jinkludi li l-Istati Membri jkunu jistgħu joħorġu viżi għal dħul wieħed fil-fruntieri esterni skont skema speċjali fuq bażi temporanja u skont kundizzjonijiet stretti. Viża maħruġa skont din l-iskema tkun valida biss għall-Istat Membru emittenti għal dħul wieħed u għal żjara ta’ massimu ta’ sebat ijiem.

4.    LEJN SIGURTÀ MSAĦĦA BIR-REVIŻJONI TAS-SISTEMA TA’ INFORMAZZJONI DWAR IL-VIŻA BL-UŻU SĦIĦ TAL-INTEROPERABILITÀ

Element importanti ieħor tal-qafas li jirfed il-politika tal-viża hija s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS). Mill-2011, il-VIS 9 serviet bħala soluzzjoni għat-teknoloġija li tiffaċilita l-proċedura tal-viża u tgħin lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex: (i) jiċċekkjaw malajr u b’mod effettiv l-informazzjoni meħtieġa dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża biex jivvjaġġaw lejn l-UE; u (ii) jieħdu deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet tal-viża. Is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES), li se tkun operazzjonali mill-2020 u li hija maħsuba biex tkun kompletament interoperabbli mal-VIS, se ttejjeb il-funzjonament tal-VIS billi tipprovdi informazzjoni dwar l-użu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jagħmlu mill-viża tagħhom, u se tgħin biex jiġi stabbilit l-istat bona fide tat-titulari ta’ viża li diġà jkunu żaru ż-żona ta’ Schengen.

Il-VIS kienet ukoll parti minn proċess usa’ ta’ riflessjoni dwar l-interoperabilità tas-sistemi ta’ informazzjoni. Dan il-proċess wassal biex tressqet il-proposta dwar l-interoperabilità biex is-sistemi tal-IT tal-UE fil-qasam tas-sigurtà, tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni jaħdmu flimkien b’mod aktar intelliġenti u effiċjenti. Fil-qalba tal-interoperabbiltà hemm pjattaforma unika tal-EES-ETIAS-VIS li se tipprovdi avvanz kbir ’il quddiem fil-ġbir tad-dejta u l-iskambju tal-informazzjoni għall-viżi, għas-sigurtà, u għall-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni. Il-pjattaforma unika ta’ tiftix (il-Portal Ewropew tat-Tfittxija) se tagħmilha possibbli li bi tfittxija waħdanija jinkisbu riżultati minn sistemi differenti. Min-naħa tiegħu, dan se jiffaċilita l-verifika tal-preċedenti personali aktar effiċjenti tal-applikanti tal-viża, biex b’hekk jingħata kontribut biex tiżdied is-sigurtà fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. F’dan il-kuntest, ir-reviżjoni li jmiss tal-qafas legali tal-VIS 10 li għandu jkun ippreżentat fir-rebbiegħa se tinkludi miżuri speċifiċi ta’ interoperabbiltà sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-ipproċessar tal-viża (ara t-Taqsima 4.1). Il-proposta x’aktarx li tindirizza kwistjonijiet oħrajn identifikati fl-evalwazzjoni tal-VIS imwettqa fl-2016 (ara t-Taqsimiet 4.2 u 4.3). Ix-xogħol preparatorju għall-proposta tal-VIS, inklużi studji tekniċi u valutazzjoni tal-impatt, li se tanalizza wkoll l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, għadu għaddej.

4.1.    Titjib tal-verifiki fl-ipproċessar tal-viża bl-użu tal-interoperabilità

Skont ir-regoli eżistenti, il-konsulati huma obbligati biss li jivverifikaw lil vjaġġaturi b’obbligu ta’ viża fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) biex jiddeterminaw jekk applikant għal viża hux suġġett għal projbizzjoni fuq id-dħul. Bħalissa ma hemm l-ebda obbligu li jivverifikaw l-applikanti għal viża kontra xi bażi tad-dejta oħra disponibbli (pereżempju EURODAC), jew mal-bazi tad-dejta tal-Europol ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin u mal-bażi tad-dejta tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi 11 . Ladarba s-sistema tal-ETIAS tkun qed taħdem, il-vjaġġaturi li jivvjaġġaw mingħajr viża lejn l-UE se jkollhom jgħaddu minn verifika tal-preċedenti personali fil-bażijiet tad-dejta rilevanti kollha tal-UE.

Għalhekk, biex jiġu evitati r-riskji relatati mas-sigurtà u l-migrazzjoni, u filwaqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-azzjoni tal-UE, il-Kummissjoni se tanalizza jekk ir-regoli dwar l-ipproċessar tal-viżi għandhomx jiġu emendati biex tiġi żgurata verifika tal-isfond, li tkun almenu kumparabbli, tal-vjaġġaturi bil-ħtieġa ta' viża, u dawk mingħajr ħtieġa ta’ viża.

Ladarba jibda jiffunzjona, il-Portal Ewropew tat-Tfittxija se jkun jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti — inklużi l-awtoritajiet inkarigati mill-ħruġ tal-viża — li jagħmlu tfittxija waħda u jirċievu r-riżultati mis-sistemi kollha li huma awtorizzati li jaċċessaw (inkluż EURODAC, EES u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali — Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi) minflok ifittxu f’kull sistema individwalment. Il-Portal Ewropew tat-Tfittxija se jikkontribwixxi għad-detezzjoni tar-riskji ta’ sigurtà u ta’ migrazzjoni irregolari fil-proċedura tal-viża billi jippermetti li l-uffiċjali tal-viża jwettqu verifika tal-preċedenti personali rapidi u effiċjenti fuq l-applikanti għal viża.

Il-proposta dwar l-interoperabilità għandha wkoll l-għan li tagħmilha aktar faċli li jinqabdu identitajiet multipli u biex tiġi miġġielda l-frodi tal-identità. Permezz ta’ din il-karatteristika ta’ interoperabbiltà, l-awtorità tal-viża li tipproċessa applikazzjoni se tkun notifikata awtomatikament jekk l-applikant ikun magħruf b’identitajiet differenti u se tkun tista’ tieħu l-azzjoni adegwata.

4.2.    Jingħalqu l-lakuni ta’ informazzjoni li fadal għall-fruntieri u għas-sigurtà: ikunu inklużi l-viżi għal soġġorn twil u d-dokumenti ta’ residenza fil-VIS

Ir- Rapport Finali tal-grupp ta' esperti ta' livell għoli 12   identifika lakuna fl-informazzjoni fil-livell tal-UE fejn jidħlu d-dokumenti li jippermettu li ċittadini ta' pajjiż terz jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE għal aktar minn 90 jum fi kwalunkwe 180 jum 13 . Illum, id-dejta dwar dawn id-dokumenti u d-detenturi tagħhom mhix miġbura u d-dejta ma tkunx tista’ tiġi vverifikata permezz ta’ xi waħda mis-sistemi tal-IT fuq skala kbira tal-UE fil-qasam tal-fruntieri u tas-sigurtà (minbarra SIS, sa ċertu punt). L-Istati Membri jikkunsidraw li l-ġestjoni attwali ta’ dawn id-dokumenti twassal għal nuqqasijiet fil-faċilitazzjoni tal-qsim tal-fruntieri ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u l-moviment ħieles sussegwenti tagħhom f’din iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. L-Istati Membri għalhekk talbu lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk repożitorju ċentrali tal-UE ta’ informazzjoni dwar il-viżi għal soġġorni twal u viżi ta’ residenza hux meħtieġ, fattibbli u proporzjonat biex jindirizza l-lakuna eżistenti fl-informazzjoni rigward dawn il-kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi 14 .

Studju tekniku dwar il-fattibilità li jkun stabbilit repożitorju ċentrali tal-UE tal-informazzjoni dwar il-viżi għal żmien twil u d-dokument ta' residenza kien finalizzat f'Settembru 2017. L-istudju kkonkluda li repożitorju bħala parti mill-VIS jipprovdi l-aktar soluzzjoni fattibbli f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-IT, il-faċilità ta’ implimentazzjoni u l-kosteffettività.

4.3.    L-indirizzar tal-lakuni ta’ informazzjoni li jifdal fl-ipproċessar tal-viżi għal żmien qasir: titbaxxa l-età tal-marki tas-swaba’ ta’ applikanti u l-ħażna ta’ kopji ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar fil-VIS

Il-Kummissjoni qed tivvaluta wkoll il-kwistjonijiet li ġejjin:

·Il-possibilità li titbaxxa l-età tat-teħid tal-marki tas-swaba’ għat-tfal li għalihom hija meħtieġa viża, u l-ħażna tal-marki tas-swaba’ fil-VIS. Din tipproteġi aħjar lit-tfal u tiġġieled kontra t-traffikar u l-migrazzjoni irregolari waqt li primarjament tħares l-aħjar interessi tal-minuri.

·Il-possibbiltà li kopji tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ippreżentati mill-applikanti għal viża waqt il-proċedura tal-viża jkunu maħżuna fil-VIS. Dan jagħmilha possibbli li jsiru verifiki aħjar ta’ dawn id-dokumenti u tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ ritorn. Din il-miżura se tappoġġa l-politika ta’ ritorn tal-UE, iżda tiddependi fuq il-VIS għall-implimentazzjoni tagħha.

5.    TISĦIĦ TAL-KOERENZA BEJN IL-POLITIKA TAL-VIŻA TAL-UE U POLITIKI OĦRA

Il-politika komuni dwar il-viżIi tal-UE hija parti dejjem aktar importanti tar-relazzjonijiet esterni tal-UE f’dinja globalizzata. Il-kisba jew iż-żamma ta’ vjaġġar mingħajr viża lejn l-UE għaċ-ċittadini tagħhom huwa għal ħafna pajjiżi msieħba prijorità politika ewlenija fir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE.

Il-koerenza bejn il-politika dwar il-viża u l-impenji magħmula f’oqsma ta’ politika oħrajn, b’mod partikolari l-ftehimiet kummerċjali, jenħtieġ li jkunu kkunsidrati, flimkien mal-koerenza bejn il-politika komuni tal-viża u ftehimiet bilaterali ta’ rinunzja tal-viża konklużi mill-Istati Membri ma’ ċerti pajjiżi terzi.

Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ ftehimiet kummerċjali tal-UE li qed jiġu nnegozjati bħalissa tipikament tinkludi s-settur tas-servizzi, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jinvestu u jipprovdu servizzi fuq it-territorju tal-parti l-oħra. Rigward il-preżenza temporanja ta’ dawn il-persuni fit-territorju tal-Istati Membri, l-analiżi preliminari fil-kontroll tal-idoneità tal-Kummissjoni dwar id-Direttivi tal-Migrazzjoni Legali tikkonferma li xi kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi koperti mill-ftehimiet kummerċjali (pereżempju fornituri tas-servizzi li jitħallew jagħmlu soġġorni sa 6 xhur f’kull 12 xhur) mhumiex koperti mill-Kodiċi tal-Viża jew mil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-migrazzjoni legali. Il-Kummissjoni se tanalizza kif jistgħu jissaħħu s-sinerġiji bejn, minn naħa, l-impenji li jkunu saru fi ftehimiet kummerċjali, u min-naħa l-oħra, il-politika tal-UE dwar il-viża u politiki dwar il-migrazzjoni legali fir-rigward ta’ dawn il-kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi.

Barra minn hekk, hija meħtieġa analiżi ulterjuri ta’ ftehimiet bilaterali ta’ rinunzja tal-viża konklużi mill-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi qabel id-dħul fis-seħħ fl-1999 tat-Trattat ta’ Amsterdam meta l-politika dwar il-viża saret politika komuni. Dawn il-ftehimiet bilaterali għadhom fis-seħħ minħabba li l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kkonċernati jagħtuhom valur kbir, prinċipalment għal raġunijiet politiċi u storiċi. Madankollu, ftehimiet bilaterali bħal dawn, mhux biss ma għandhomx jkollhom post f’politika verament komuni, iżda wkoll strutturalment ma jintegrawx f’tali politika komuni għax iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi koperti minn dawn il-ftehimiet jistgħu jestendu s-soġġorn tagħhom fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni kważi indefinittivament. 15 Ir-Regolament tal-EES jipprevedi li ssir valutazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet tliet (3) snin wara li s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ tibda topera. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tniedi riflessjoni dwar liema forma u ambitu jista’ jkollu strument futur tal-UE li jissosstitwihom, inkluż billi jiġu studjati għażliet għal soġġorni itwal minn 90 jum mingħajr viża fiż-żona mingħajr fruntieri interni għaċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi terzi magħżula.

Il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni li jippermetti s-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 16 ġie rivedut riċentement. B’mod parallel, l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni ġodda għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni bħal tal-EES u l-ETIAS, u l-interoperabbiltà bejn bażijiet tad-dejta rilevanti, se jikkontribwixxi wkoll biex jitnaqqsu r-riskji tal-migrazzjoni irregolari u dawk għas-sigurtà. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe proposti futuri biex pajjiż terz jiġi ttrasferit għall-Anness II għandha tiġi vvalutata b’mod partikolari fid-dawl tar-riskji ta’ migrazzjoni irregolari u theddid għas-sigurtà. Jekk ikun meħtieġ, tali proposti għandhom ikunu kondizzjonali, skont il-każ, fuq jekk il-pajjiżi terzi kkonċernati jkunux diġà implimentaw ċerti miżuri bħall-ħruġ ta’ passaporti bijometriċi jew ikkonkludew ftehim ta’ riammissjoni. Tali miżuri jkunu identifikati f’konformità mal-kriterji stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 539/2001 17 .

6.    LEJN VIŻI DIĠITALI 18

Il-Kummissjoni bi ħsiebha tniedi dibattitu li se jħejji t-triq għal riflessjoni dwar jekk għandhiex timxi lejn viżi diġitali.

Minkejja avvanzi teknoloġiċi kbar minn meta kien adottat il-Kodiċi tal-Viża, l-applikazzjonijiet għal viża fil-biċċa l-kbira tagħhom huma proċessati bl-użu ta’ proċeduri li kienu jintużaw qabel ir-rivoluzzjoni diġitali. Filwaqt li l-proċess tal-viża diġà huwa parzjalment elettroniku, għax l-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet huma rreġistrati fil-VIS, żewġ passi importanti għadhom fuq il-karta, jiġifieri s-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal viża bid-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa u l-ħruġ attwali tal-istiker tal-viża. Dawn huma żewġ stadji li fihom l-applikanti huma involuti direttament, minħabba li huma meħtieġa jippreżentaw lilhom infushom f’konsulat/fornitur estern tas-servizz: (i) meta titressaq l-applikazzjoni u, meta l-applikanti jippreżentaw talba għall-ewwel darba, meta jittieħdulhom il-marki tas-swaba’; u (ii) meta jiġbru d-dokument tal-ivvjaġġar fi tmiem il-proċess. Bosta pajjiżi (pereżempju l-Istati Uniti, l-Awstralja, it-Turkija) diġà bdew mexjin lejn programmi ta’ viża elettronika (e-viża) u xi Stati Membri nedew ukoll proċeduri ta’ applikazzjoni għall-viża (parzjalment) elettroniċi.

Fit-tieni nofs tal-2017, bdew id-diskussjonijiet dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ipproċessar tal-viża mal-Istati Membri fil-Kunsill bil-ħsieb li jittejbu u jkunu ffaċilitati ulterjorment il-prattiki attwali tal-ipproċessar tal-viżi 19 . Id-diskussjonijiet iffukaw fuq żewġ possibbiltajiet konkreti: (i) is-sostituzzjoni tal-istiker tal-viża b’”viża diġitali”; (ii) is-sostituzzjoni tal-applikazzjoni stampata attwali bi proċedura ta’ applikazzjoni onlajn.

Ħafna Stati Membri huma interessati fl-użu ta’ viżi diġitali. Kostijiet aktar baxxi għall-konsulati u proċess ta’ applikazzjoni aktar rapidu, aktar effiċjenti u favorevoli għall-klijent kienu fost il-vantaġġi potenzjali li semmew. Madankollu, kien hemm ukoll il-fehim li ħafna aspetti jkunu jeħtieġu aktar valutazzjoni fil-fond u studji u li jenħtieġ li tingħata prijorità għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proposti EES, ETIAS u ta’ interoperabbiltà.

Il-Kummissjoni temmen ukoll li, għat-tul, il-viżi diġitali huma l-futur u għalhekk se tvara studji ta’ fattibilità sa tmiem l-2018. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa neċessarju li tvara d-dibattitu mal-partijiet ikkonċernati dwar kif l-iżviluppi teknoloġiċi jistgħu jkunu sfruttati biex l-ipproċessar tal-viża jkun razzjonalizzat u ssimplifikat aktar għall-benefiċċju tal-applikanti u tal-konsulati. Dan id-dibattitu se jinvolvi l-valutazzjoni tal-għażliet u l-promozzjoni ta’ proġetti pilota, li se jħejju l-bażi għal proposti futuri. F’dan il-kuntest, ir-riżultati tal-proġetti pilota li xi Stati Membri diġà qed jimplimentaw jistgħu jikkontribwixxu għad-dibattitu politiku.

Barra minn hekk, ċerti Stati Membri diġà bdew jittrasferixxu t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal viża mill-konsolati lejn l-awtoritajiet ċentrali. Għalhekk jenħtieġ li jitnieda dibattitu dwar jekk, u taħt liema ċirkustanzi, l-integrità u s-sigurtà tal-ipproċessar tal-viża jistgħu jkunu salvagwardati f’każijiet bħal dawn. Dibattitu bħal dan se jkollu bżonn jikkunsidra, minn naħa, l-importanza tal-għarfien taċ-ċirkostanzi lokali fil-valutazzjoni tar-riskju migratorju involut f’kull deċiżjoni dwar applikazzjoni għal viża u, min-naħa l-oħra, il-vantaġġi ta’ approċċ ċentralizzat f’termini ta’ effiċjenza u trasparenza.

7.    KONKLUŻJONI

Il-politika komuni dwar il-viża tal-UE hija element essenzjali għall-iżgurar tas-sigurtà u l-funzjonament tajjeb taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Hija ffaċilitat l-ivvjaġġar leġittimu lejn l-UE u għamlet passi kbar sabiex tiżgura l-armonizzazzjoni fil-prattiki tal-ħruġ tal-viża tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-politika dwar il-viżi żviluppat minn politika interna lejn strument ta' relazzjonijiet esterni li dejjem qiegħed iżid fl-importanza.

Minkejja dan ir-rekord tajjeb, il-qafas ġuridiku fil-bażi tal-politika dwar il-viża jeħtieġ li jiġi adattat għall-isfidi attwali, b’mod partikolari ż-żieda fil-migrazzjoni irregolari u fir-riskji għas-sigurtà. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni llum qed tipproponi għadd ta’ emendi għall-Kodiċi dwar il-Viża u titlob lill-Parlament u lill-Kunsill biex jadottahom malajr. Aktar tard fir-rebbiegħa se jitressqu emendi għar-Regolament dwar il-qafas legali tal-VIS.

B’mod parallel, il-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, taħdem biex tiżgura koerenza bejn il-politika tal-UE dwar il-viżi u r-relazzjonijiet esterni tal-UE biex jaqdu aħjar l-interessi tal-UE, inkluża l-konsistenza tal-politika tal-viża ma’ oqsma oħra ta’ politika.

Meta wieħed iħares ’il quddiem, il-Kummissjoni se tibda diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri u ma’ partijiet oħra dwar aktar diġitalizzazzjoni tal-ipproċessar tal-viża. L-istudji li se jitnedew sal-aħħar tal-2018 se jintużaw fid-diskussjonijiet. Il-ħtieġa għal riżorsi finanzjarji suffiċjenti se tkun element importanti li jrid jitqies fil-Qafas Finanzjarju pluriennali ta’ wara l-2020.

(1)      Il-politika komuni dwar il-viżi hija sett ta’ regoli armonizzati li jirregolaw aspetti differenti: (i) “il-listi tal-viża” komuni ta’ pajjiżi li n-nazzjonali tagħhom jeħtieġu viża biex jivvjaġġaw lejn l-UE u dawk li huma eżentati minn dik il-ħtieġa; (ii) il-Kodiċi dwar il-Viża jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal żmien qasir; (iii) il-format uniformi tal-istikers tal-viża; u (iv) is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), li fiha l-applikazzjonijiet tal-viża u d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri huma rreġistrati, inkluż id-dejta personali tal-applikanti, ritratti u marki tas-swaba’.
(2)      Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viża) ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.
(3)      Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 (ir-Regolament VIS) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.
(4)      COM(2014)164 tal-1.4.2014.
(5)      L-EES ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) 2017/2266 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottat fit-30.11.2017.
(6)      COM(2016)731 tal-16.11.2016.
(7)      COM(2017)793 tal-12.12.2017.
(8)      L-għadd totali ta’ applikazzjonijiet għal viżi żdied minn 10.2 miljun fl-2009 għal 15.2 miljun fl-2016.
(9)      Minn Jannar 2018, kważi 52 miljun applikazzjoni għall-viża u 45 miljun marka tas-swaba’ kienu ġew irreġistrati fil-VIS.
(10)      Ir-reviżjoni se tikkonċerna l-atti legali li ġejjin: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta' Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża(id-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-VIS), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 (id-Deċiżjoni dwar il-VIS/l-aċċess mill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi), Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 (Ir-Regolament VIS) u l-kodiċi tal-VIS.
(11)

     Il-bażi tad-dejta tal-Interpol dwar id-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa tal-Interpol (SLTD - Stolen and Lost Travel Documents) u tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi (TDAWN - Travel Documents Associated with Notices) fihom informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar marbuta ma’ individwi li huma soġġetti għal avviż tal-Interpol.

(12)      Il-Grupp ta’ esperti ta’ livell għoli twaqqaf mill-Kummissjoni f’Ġunju 2017, bħala korp konsultattiv għat-titjib tal-arkitettura tal-ġestjoni tad-dejta tal-UE għall-kontroll tal-fruntieri u tas-sigurtà. Ir-rapport finali tiegħu ġie adottat fil-11 ta’ Mejju 2017.
(13)      Pereżempju, viżi għal soġġorn twil u dokumenti ta’ residenza (inkluż kemm il-permessi ta’ residenza u kif ukoll il-karti ta’ residenza).
(14)      Il-Pjan Direzzjonali għat-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni u l-ġestjoni tal-informazzjoni inklużi soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, endorsjat mill-Kunsill fid-9 ta’ Ġunju 2016.
(15)      Pereżempju, hemm mill-inqas pajjiż terz wieħed li għandu 16-il ftehim bilaterali ta’ rinunzja għall-viża ma’ pajjiżi ta’ Schengen, li jippermettu lin-nazzjonali tagħhom, tal-anqas fit-teorija, li legalment joqogħdu fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni sa 51 xahar (16x3 + 1x3).
(16)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.
(17)      Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tadotta proposta li tikkodifika dan ir-Regolament. Din il-kodifikazzjoni qed tkun proposta biex ittejjeb l-aċċessibbiltà u t-trasparenza ta’ din il-leġiżlazzjoni mingħajr ma tbiddel ir-regoli sostantivi f’konformità mal-prattika ta’ kodifikazzjoni standard.
(18)      F’dan id-dokument, it-terminu “viżi diġitali” jinkludi kemm l-viżi diġitali kif ukoll l-applikazzjoni online.
(19)      Ara n-nota Punt "I/A” 14616/17 tat-23.11.2017 għal rapport ta’ sinteżi.