Brussell, 12.4.2018

COM(2018) 182 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont id-Direttiva 2013/53/UE dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE


INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2013/53/UE 1 tistabbilixxi r-rekwiżiti għad-disinn u l-manifattura ta’ dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u inġenji tal-ilma personali u r-regoli dwar il-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni. L-Artikolu 47 tad-Direttiva jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex temenda:

-il-punti 2.3, 2.4 u 2.5 kif ukoll it-Taqsima 3 tal-Parti B u t-Taqsima 3 tal-Parti C tal-Anness I, li jittrattaw rispettivament iċ-ċikli tal-ittestjar tal-magni tal-baħar, il-fjuwils ta’ prova, l-applikazzjoni tal-familja tal-magna u l-għażla tal-magna ewlenija u d-durabbiltà (Artikolu 47(a) (i)), sabiex jittieħed kont tal-progress tal-għarfien tekniku u l-evidenza xjentifika ġdida;

-L-Annessi VII u IX li jittrattaw rispettivament il-valutazzjoni tal-“konformità tal-valutazzjoni tal-produzzjoni għal emissjonijiet ta’ egżost u ħsejjes” u d-“dokumentazzjoni teknika” (l-Artikolu 47(a)(ii)), sabiex jittieħed kont tal-progress tal-għarfien tekniku u l-evidenza xjentifika ġdida.

-L-Anness V jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar “Konformità ekwivalenti bbażata fuq il-Valutazzjoni ta’ wara l-Bini” (Artikolu 47(b)), sabiex jittieħed kont tal-progress tal-għarfien tekniku, l-adegwatezza li tiġi żgurata konformità ekwivalenti u evidenza xjentifika ġdida.

BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 48.2 tad-Direttiva 2013/53/UE. Skont dik id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin mis-17 ta’ Jannar 2014 u hija meħtieġa tfassal rapport dwar is-setgħat delegati mill-inqas disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin.

EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/53/UE, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mis-setgħa mogħtija lilha. L-ebda att delegat ma ġie adottat s’issa.

Madankollu, ir-raġunijiet li wasslu biex il-koleġiżlaturi jiddelegaw is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati għadhom validi u l-Kummissjoni jaf tabilħaqq jeħtiġilha tagħmel użu mis-setgħa mogħtija lilha fil-futur. Pereżempju, id-Direttiva tistabbilixxi ċ-ċikli tat-test kemm għall-magni tal-baħar li jaħdmu bil-petrol kif ukoll għall-magni tal-baħar li jaħdmu bid-diżil, iżda ma tinkludix ċiklu tat-test għat-teknoloġija tal-magni tal-baħar ibridi. Din hija teknoloġija ġdida għall-użu marittimu li tikkombina magni ta’ kombustjoni ma’ propulsjoni elettrika. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu mis-setgħa mogħtija lilha sabiex tintroduċi ċikli tat-test għal magni tal-baħar ibridi.

KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, minkejja li sal-lum għadha ma adottat ebda att delegat, id-delega tas-setgħa kif imsemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2013/53/UE għandha tiġi estiża. L-Artikolu 48 tad-Direttiva jipprevedi li “d-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ tul identiku, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu”.

(1)

Id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 90–131).