Brussell, 14.3.2018

COM(2018) 133 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

It-tieni Rapport ta’ Progress dwar it-Tnaqqis tas-Self Improduttiv fl-Ewropa

{SWD(2018) 72 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

It-tieni Rapport ta’ Progress dwar it-Tnaqqis tas-Self Improduttiv fl-Ewropa

1.Introduzzjoni

Billi l-Unjoni Ewropea u l-ekonomija tagħha qiegħdin viżibbilment jiksbu saħħithom lura, l-UE trid tkompli taħtaf il-momentum biex issaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) tagħha. Fil-kuntest tal-pjan direzzjonali stabbilit mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Diċembru 2017 dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa 1 , u f’konformità mal-Aġenda tal-Mexxejja 2 , waħda mill-aktar prijoritajiet immedjati hija li titlesta l-Unjoni Bankarja u jiġu stabbiliti s-sisien kollha għal Unjoni tas-Swieq Kapitali 3 . Sistema finanzjarja integrata ser issaħħaħ ir-reżiljenza tal-UEM għal xokkijiet negattivi billi tippermetti l-kondiviżjoni privata tar-riskju transfruntier, filwaqt li tnaqqas il-ħtieġa għall-kondiviżjoni pubblika tar-riskju.

B’mod parallel, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2017 4 tippreżenta t-triq ’il quddiem biex titlesta l-Unjoni Bankarja permezz tal-promozzjoni tat-tnaqqis tar-riskji u l-kondiviżjoni tar-riskji b’mod parallel, abbażi tal-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill ta’ Ġunju 2016 5 .

Miżuri tat-tnaqqis tar-riskji meħuda mill-kriżi finanzjarja ‘l hawn irriżultaw f’titjib sinifikanti fis-solvenza tal-banek, l-ingranaġġ u l-pożizzjonijiet tal-likwidità, kif hemm imsemmi l-ewwel Rapport ta’ Progress tal-Kummissjoni dwar it-Tnaqqis tas-Self Improduttiv fl-Ewropa, ippubblikat fit-18 ta’ Jannar 2018 6   Minbarra l-progress fuq dawn il-metriċi tar-riskji ewlenin fi kważi l-Istati Membri kollha, aktar konverġenza lejn il-medja tat-titjib ta’ dawn l-indikaturi tista’ tiġi osservata fl-Istati Membri kollha. Dan l-iżvilupp ġej b’mod partikolari minn titjib f’dawk is-sistemi bankarji nazzjonali l-aktar affettwati mill-kriżi u mir-riċessjoni ekonomika sussegwenti. Il-proporzjonijiet tal-kapital tal-Grad 1 tal-banek taż-Żona tal-Euro tjiebu fil-kampjun kollu tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) minn 14,6 % fit-Q3 2016 għal 15,3 % fit-Q3 2017. It-tisħiħ tal-pożizzjonijiet kapitali tal-banek taż-żona tal-euro huwa wkoll viżibbli fil-proporzjonijiet imsaħħa tal-ingranaġġ tagħhom. Il-proporzjon medju tal-ingranaġġ 7 kompla jiżdied minn 5 % fit-Q3 2016 għal 5,2 % fit-Q3 2017. Il-banek taż-żona tal-euro tejbu wkoll ir-reżiljenza tagħhom għax-xokkijiet tal-likwidità, hekk kif il-proporzjon ta’ kopertura tal-likwidità żdied minn 138 % fit-Q3 2016 għal 140 % fit-Q3 2017. Bħala riżultat ta’ azzjoni determinata dwar it-tnaqqis tar-riskju, ir-riskji li fadal, illum ġew indirizzati b’mod aktar effettiv u b’mod uniformi fiż-żona tal-euro milli kienu tliet snin ilu.

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll diversi miżuri sostanzjali ulterjuri biex tnaqqas ir-riskji u ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE. Pereżempju, f’Novembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet pakkett leġiżlattiv importanti biex tirrieżamina d-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD), ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRMR), ir-Raba’ Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRDIV) u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR) bil-għan li jitnaqqsu aktar ir-riskji fis-settur bankarju 8 . Fl-istess sena, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal Direttiva dwar il-proċeduri preventivi ta’ ristrutturar, it-tieni opportunità għall-imprendituri, u l-effiċjenza tal-oqfsa tal-insolvenza 9 . Regoli effettivi ta’ ristrutturar u ta’ insolvenza huma essenzjali għall-prevenzjoni jew biex jitnaqqas is-self improduttiv u għal Unjoni tas-Swieq Kapitali li tiffunzjona tajjeb. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex juru determinazzjoni dwar dawn il-fajls importanti ħalli jiffaċilitaw l-adozzjoni rapida tagħhom.

Biex titlesta l-Unjoni Bankarja huwa essenzjali li jiġi indirizzat l-istokk għoli ta’ self improduttiv 10 u l-possibbiltà li jerġa’ jakkumula fil-futur. Is-self improduttiv huwa self fejn il-mutwatarju jkollu diffikultajiet biex iħallas il-pagamenti skedati biex ikopri l-imgħax u/jew ir-rimborżi tal-kapital. Meta l-pagamenti jaqbżu b’aktar minn 90 ġurnata, jew is-self jiġi vvalutat bħala li x’aktarx mhux se jitħallas lura mill-mutwatarju, dan is-self jiġi kklassifikat bħala self improduttiv. Il-kriżi finanzjarja u r-reċessjonijiet sussegwenti wasslu biex infirxet aktar inabbiltà tal-mutwatarji li jħallsu lura s-self tagħhom, hekk kif aktar kumpaniji u persuni bdew jiffaċċjaw aktar diffikultajiet ta’ pagament, jew saħansitra falliment. Dan kien partikolarment il-każ fl-Istati Membri li għaddew minn riċessjonijiet twal u profondi. Konsegwentement, fil-kotba ta’ bosta banek kien hemm akkumulazzjoni ta’ self improduttiv.

Stokkijiet kbar ta’ self improduttiv jistgħu jkunu ta’ piż fuq il-prestazzjoni ta' bank minħabba żewġ raġunijiet prinċipali:

1.is-self improduttiv jiġġenera inqas introjtu għal bank mis-self produttiv u b’hekk inaqqas il-profittabilità tiegħu, u dan jista’ jikkawża telf li jnaqqas il-kapital tal-bank. Fil-każijiet l-iktar gravi, dawn l-effetti jistgħu jpoġġu f’dubju l-vijabbiltà ta’ bank b’implikazzjonijiet potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja.

2.It-tieni nett, is-self improduttiv juża ammonti sinifikanti mir-riżorsi ta’ bank, kemm umani kif ukoll finanzjarji. Dan inaqqas il-kapaċità tal-bank li jsellef, inkluż lill-intrapriżi żgħar u medji.

Ir-responsabbiltà primarja biex jiġu indirizzati l-livelli għoljin ta’ self improduttiv tibqa’ tal-banek u tal-Istati Membri affettwati. Il-Kummissjoni qajmet din il-kwistjoni kostantement, għall-pajjiżi konċernati, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Fl-istess ħin, hemm ukoll dimensjoni ċara tal-UE f’li jitnaqqsu l-proporzjonijiet tas-self improduttiv attwali, kif ukoll li ma jkunx hemm xi akkumulazzjoni eċċessiva ta’ self improduttiv fil-futur, minħabba l-interkonnettività tas-sistema bankarja tal-UE b’mod ġenerali u taż-żona tal-euro b’mod partikolari. Hemm riperkussjonijiet potenzjali kbar, minn Stati Membri li għandhom proporzjonijiet ta’ self improduttiv għoljin, għall-ekonomija kollha tal-UE, kemm f’termini ta’ tkabbir ekonomiku kif ukoll ta’ stabbiltà finanzjarja.

B’riflessjoni ta’ din id-dimensjoni tal-UE u billi tibni fuq qbil komuni dwar il-ħtieġa li jitkomplew u jiġu estiżi l-azzjonijiet diġà mibdija mill-Kummissjoni, f’Lulju 2017 il-Kunsill adotta “Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi Indirizzat is-Self Improduttiv fl-Ewropa” li jistieden diversi istituzzjonijiet — inkluż lill-Kummissjoni — biex jieħdu miżuri xierqa biex jindirizzaw aktar l-isfidi tas-self improduttiv fl-Ewropa. Fl-Ewwel Rapport ta’ Progress dwar it-Tnaqqis tas-Self Improduttiv, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrapporta lura f’Marzu dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet.

Bħala riżultat ta’ sforzi magħquda u l-irkupru ekonomiku attwali, l-istokkijiet kbar tas-self improduttiv, b’mod partikolari f’ċerti banek u Stati Membri qed jonqsu. Il-proporzjon medju tas-self improduttiv qabad xejra kostanti ‘l isfel u naqas b’iktar minn terz mill-2014 ‘l hawn 11 . Kif spjegat hawn taħt, progress fit-tnaqqis tas-self improduttiv kompla wkoll matul l-aħħar ftit xhur.

Issa huwa essenzjali li jiġu msaħħa l-isforzi sabiex jiġi indirizzat b’mod deċiżiv l-istokk tas-self improduttiv li fadal u l-possibbiltà ta’ akkumulazzjoni futura ta’ self improduttiv.

Flimkien ma’ dan ir-Rapport ta’ Progress, u filwaqt li tibni fuq il-pedament sod ta’ miżuri għat-tnaqqis tar-riskji li l-Unjoni diġà ħadet, il-Kummissjoni qed tressaq pakkett komprensiv biex tħaffef ir-riżoluzzjoni tas-self improduttiv fl-Ewropa u tevita li jerġa’ jinġemma fil-futur. Il-pakkett jikkonsisti minn żewġ proposti leġislattivi bl-għan li joħolqu qafas legali għall-Unjoni kollha biex tkun inkoraġġuta r-riżoluzzjoni tas-self improduttiv u dokument ta’ ħidma tal-persunal li jipprovdi gwida teknika mhux vinkolanti (l-hekk imsejjaħ “pjan ta’ azzjoni”) dwar kif jistgħu jiġu stabbiliti kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi (KMA). Flimkien, dawn il-proposti se:

·isaħħu l-għodod prudenzjali meħtieġa biex jindirizzaw is-self improduttiv b’mod effettiv;

·jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għas-self improduttiv;

·jiġi ffaċilitat l-irkupru tad-dejn billi titjieb il-protezzjoni, tal-kredituri garantiti, fil-proċeduri extraġudizzjarji, b’mod kumplimentari mal-proposta dwar il-proċeduri tar-ristrutturar preventiv, it-tieni opportunità għall-imprendituri u l-effiċjenza tal-oqfsa tal-insolvenza ppreżentata f’Novembru 2016; kif ukoll

·jipprovdu gwida għall-Istati Membri — dawk li jkunu jixtiequ — għar-ristrutturar tal-banek tagħhom billi jistabbilixxu KMA jew miżuri oħra li jittrattaw mas-self improduttiv.

2.Il-progress li sar b’rabta mas-self improduttiv

Il-Kummissjoni tat attenzjoni sinifikanti lill-indirizzar tal-kwistjonijiet tas-self improduttiv sa minn meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja fl-2008-2009. Għall-banek li l-vijabilità tagħhom kienet mhedda minn self improduttiv għoli, il-Kummissjoni għenet lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri ad hoc u mifruxa mas-sistema kollha biex inaqqsu l-istokkijiet tas-self improduttiv u b’mod kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat 12 . Dan irriżulta fi tnaqqis sostanzjali tal-aggregat tal-istokk tas-self improduttiv fis-settur bankarju. Din is-sistema inċentivat lill-banek biex jimmaniġġjaw u jnaqqsu s-self improduttiv tagħhom permezz ta’ mekkaniżmi tas-suq u għaldaqstant jipproteġu lill-kontribwenti milli jġorru huma l-kostijiet permezz ta’ kondiviżjoni xierqa tal-piżijiet u ristrutturar fil-fond. Barra minn hekk, bħala parti mir-rekwiżiti applikabbli skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, il-banek kienu meħtieġa jirristrutturaw in-negozju tagħhom sabiex jiggarantixxu l-vijabbiltà fit-tul tagħhom. Fejn il-vijabbiltà ma setgħetx tiġi żgurata, il-banek tpoġġew f’likwidazzjoni jew ġew akkwistati minn banek vijabbli. Dawn l-azzjonijiet ikkontribwew għal sistema bankarja aktar reżiljenti u soda. Bl-istess mod, ’il quddiem, biex ikunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat, banek f’diffikultà se jiġu ristrutturati jew se jiġu likwidati, ħalli b’hekk tissaħħaħ is-sistema bankarja.

L-arranġamenti istituzzjonali għas-superviżjoni u r-riżoluzzjoni ta’ banek tal-UE, u b’mod partikolari fiż-żona tal-euro, ġew imsaħħa wkoll b’mod fundamentali bl-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja u minn tnejn mit-tliet pilastri tagħha, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni 13 . Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew, li huma indirizzati lill-Istati Membri kkonċernati, enfasizzaw il-ħtieġa li tittieħed azzjoni determinata biex jiġu indirizzati l-proporzjonijiet għoljin tas-self improduttiv. Barra minn hekk, is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni jagħti assistenza teknika lill-Istati Membri fuq proġetti marbuta mas-self improduttiv 14 . Il-BĊE fil-kapaċità tiegħu ta’ superviżur, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ukoll kellhom rwol importanti fit-tisħiħ tas-superviżjoni u tar-rappurtar tas-self improduttiv fl-Ewropa, filwaqt li l-BĊE kellu parti integrali fis-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja fl-UE. B’riżultat ta’ dawn l-isforzi kombinati, sar progress sinifikanti f’dawn l-aħħar snin biex jitnaqqsu l-volumi u l-proporzjonijiet tas-self improduttiv fil-banek tal-UE.

B’mod partikolari, l-aħħar ċifri ta’ tmiem it-Q3 2017, jikkonfermaw ix-xejra ‘l isfel tal-proporzjon tas-self improduttiv fl-UE. Dan niżel għal 4,4 %, bi tnaqqis ta’ madwar punt perċentwali minn sena għal sena (ara l-Grafika 1), u b’0,2 % jew EUR 40 biljun minn trimestru għal trimestru. B'riżultat ta' dan, il-proporzjon laħaq l-aktar livell baxx tiegħu mir-Q4 2014. Dan huwa r-riżultat ta’ tnaqqis fil-volum tas-self improduttiv, kif ukoll ta’ żieda fil-volum tas-self fl-UE. Il-proporzjon ta’ provvediment 15 baqa’ stabbli, u jammonta għal 50,7 %. Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, l-azzjoni deċiżiva għandha titkompla u tiġi aċċellerata.

Il-proporzjonijiet tas-self improduttiv dan l-aħħar naqsu fi kważi l-Istati Membri kollha, għalkemm is-sitwazzjoni bejniethom 16 tvarja b’mod sinifikanti (ara t-Tabella 1). Madankollu, hemm progress inkoraġġanti fl-Istati Membri bi proporzjonijiet ta’ self improduttiv li għadhom għoljin, minħabba taħlita ta’ azzjonijiet ta’ politika u tkabbir ekonomiku.

Tabella 1: Self improduttiv u provvedimenti skont l-Istati Membri  17

Sors: BĊE, Dejta Bankarja Konsolidata. Kalkoli mis-servizzi tal-Kummissjoni (DĠ FISMA).

Minkejja dan il-progress sinifikanti, is-self improduttiv għadu joħloq riskji għat-tkabbir ekonomiku u għall-istabbiltà finanzjarja. Il-volum totali ta’ self improduttiv madwar l-UE għadu ta’ madwar EUR 910 biljun, ogħla sew mil-livelli ta’ qabel il-kriżi 18 . Impedimenti strutturali għadhom ixekklu t-tnaqqis aktar mgħaġġel tal-istokkijiet tas-self improduttiv. Il-provvediment huwa ħafna drabi bil-mod wisq u insuffiċjenti biex jippermetti b’mod effettiv r-riżoluzzjoni u l-prevenzjoni ta’ akkumulazzjoni kritika ta’ self improduttiv fil-futur. L-attività fis-swieq sekondarji għas-self improduttiv għadha mhix biżżejjed biex tgħin b’mod sostanzjali fl-isforzi biex jitnaqqas is-self improduttiv, minkejja aktar interess minn ċerti gruppi ta’ investituri u l-volum dejjem jiżdied ta’ tranżazzjonijiet relatati mas-self improduttiv. Barra minn hekk, ir-ristrutturar tad-dejn, l-insolvenza u l-proċessi ta’ rkupru tad-dejn — fin-nuqqas ta’ progress fuq il-proposti li diġà tressqu mill-Kummissjoni — għadhom bil-mod wisq u f’xi każijiet huma nieqsa miċ-ċertezza legali.

3.Pakkett komprensiv biex jindirizza s-self improduttiv li fadal u dak futur

Minkejja l-progress tajjeb li sar, jidher li hemm bżonn ta’ miżuri leġiżlattivi ulterjuri biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti marbuta mal-livelli għoljin ta’ self improduttiv. F’dan il-kuntest, hemm bżonn ta’ approċċ komprensiv u għandu jiffoka fuq taħlita ta’ azzjonijiet ta’ politika komplementari f’erba’ oqsma: (i) superviżjoni u regolamentazzjoni bankarja, (ii) aktar riformi fir-ristrutturar, insolvenza u oqfsa ta’ rkupru tad-dejn nazzjonali, (iii) jiġu żviluppati s-swieq sekondarji għall-assi f’diffikultà, u (iv) it-trawwim, kif xieraq u meħtieġ, tar-ristrutturar tal-banek. L-azzjoni f’dawn l-erba’ oqsma għandha tittieħed fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni fejn ikun meħtieġ. Il-Kummissjoni hija impenjata li taħdem fuq dawk l-elementi tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Self Improduttiv li għandha responsabbiltà diretta għalihom.

Illum, il-Kummissjoni qed tadotta pakkett komprensiv li jindirizza l-erba’ oqsma deskritti hawn fuq, u b’hekk titrawwem l-istabbiltà finanzjarja fl-UE (ara l-Grafika 2 dwar kif il-pakkett ta’ miżuri tal-Kummissjoni jidħol fil-Pjan ta’ Azzjoni ġenerali). L-azzjoni proposta se tippermetti lill-banek u lill-Istati Membri jindirizzaw is-self improduttiv b’mod aktar determinat minn qabel u jevitaw l-akkumulazzjoni eċċessiva ta’ self improduttiv fil-futur.

Meta self ġdid isir improduttiv il-banek se jkunu meħtieġa jwarrbu biżżejjed riżorsi, u b’hekk qed jinħolqu inċentivi adegwati biex is-self improduttiv jiġi indirizzat fi stadju bikri u jiġu evitati akkumulazzjonijiet kbar ħafna ta’ self improduttiv.

Jekk, madankollu, is-self isir improduttiv, mekkaniżmi ta’ infurzar aktar effiċjenti għal self garantit se jippermettu lill-banek jindirizzaw is-self improduttiv, dment li jkun hemm salvagwardji xierqa għad-debituri u bl-eċċezzjoni tas-self mogħti lill-konsumaturi.

Jekk minkejja l-miżuri ta’ hawn fuq, l-istokkijiet tas-self improduttiv isiru kbar wisq — kif huwa l-każ bħalissa f’xi banek f’ċerti Stati Membri — il-banek se jkunu jistgħu jbigħu s-self improduttiv lil operaturi oħra fuq swieq sekondarji effiċjenti, kompetittivi u trasparenti. L-awtoritajiet superviżorji se jiggwidaw lill-banek f’dawn l-isforzi, abbażi tal-hekk imsejħa poteri eżistenti tagħhom speċifiċi għall-banek, tal-Pilastru 2 - skont ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali 19 .

Fejn is-self improduttiv sar problema sinifikanti u b’bażi wiesgħa, l-Istati Membri li jixtiequ jistgħu jistabbilixxu KMA nazzjonali jew miżuri oħra skont ir-regoli attwali tal-għajnuna mill-Istat u tar-riżoluzzjoni tal-banek.



Grafika 2: Elementi tal-“Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa” 20 tal-Kunsill

4.Kopertura suffiċjenti mill-banek għat-Telf mis-Self għal self improduttiv futur

Regolament li jemenda r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali 21 se jirrikjedi li l-banek ikollhom biżżejjed kopertura kontra t-telf minn self għal self ġdid jekk dan is-self isir skoperturi improduttivi. Din l-emenda tintroduċi “garanzija ta’ kontinġenza prudenzjali statutorja” sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sottoprovvediment għal self improduttiv futur. It-tali garanzija ta’ kontinġenza tammonta għal livelli minimi ta’ kopertura tal-provvedimenti u tnaqqis mill-fondi proprji li l-banek se jkunu meħtieġa jkollhom minħabba telf imġarrab u mistenni fuq self ġdid li jirriżulta improduttiv. F’każ li bank ma jilħaqx il-livell minimu applikabbli, isir japplika tnaqqis mill-fondi proprji.

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-qafas prudenzjali, il-Kummissjoni qed tintroduċi wkoll definizzjoni komuni għall-iskoperturi improduttivi, f’konformità ma’ dik diġà użata għall-finijiet tar-rappurtar superviżorju. Il-kontinġenza prudenzjali se tnaqqas ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jinħolqu minn livelli għoljin ta’ skoperturi improduttivi li ma jkunux koperti biżżejjed, billi tevita l-akkumulu jew iż-żieda ta’ dawn l-iskoperturi improduttivi b’potenzjali ta’ riperkussjonijiet f’kundizzjonijiet tas-suq taħt stress. Dan jiżgura wkoll li l-istituzzjonijiet ikollhom biżżejjed kopertura għat-telf minn skoperturi improduttivi, għalhekk dan se jipproteġi l-profittabilità, il-kapital u l-kostijiet ta’ finanzjament tagħhom fi żminijiet ta’ stress. Konsegwentement, dan jiżgura li jkun disponibbli finanzjament stabbli u anqas proċikliku għall-unitajiet domestiċi u għan-negozji.

5.Direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral

Id-Direttiva tippermetti lill-banek jittrattaw b’mod aktar effiċjenti mas-self ladarba dan isir improduttiv billi ttejjeb il-kundizzjonijiet biex jinfurzaw il-kollateral użat biex jiggarantixxi l-kreditu jew biex ibigħu l-kreditu lil partijiet terzi. Infurzar extraġudizzjarju aċċellerat tal-kollateral bħala mekkaniżmu rapidu ta’ rkupru tal-valur inaqqas il-kostijiet tar-riżoluzzjoni tas-self improduttiv u b’hekk jgħin lill-banek jirkupraw il-valur. F’każijiet fejn il-banek jiffaċċjaw akkumulazzjoni kbira ta’ self improduttiv u nuqqas ta’ persunal jew kompetenza biex jisservizzjawh sew, id-Direttiva tiffaċilita l-esternalizzazzjoni tas-servizzjar ta’ dan is-self lil servizzjant speċjalizzat tal-kreditu jew il-bejgħ ta’ ftehimiet ta’ kreditu lil xerrej tal-kreditu li jkollu l-predispożizzjoni u l-għarfien espert neċessarji biex immaniġġjah.

Iż-żewġ possibbiltajiet tal-banek biex jittrattaw mas-self improduttiv iffaċilitati minn din id-Direttiva jsaħħu lil xulxin. Żmien iqsar ta’ riżoluzzjoni u rkupru, kif mistenni b’infurzar extraġudizzjarju aċċellerat tal-kollateral, iżid il-valur tas-self improduttiv kif ukoll il-prezzijiet tal-offerti fi tranżazzjonijiet possibbli ta’ self improduttiv. Ikun wkoll iktar faċli biex jingħata prezz lis-self improduttiv kollateralizzat milli li self improduttiv mhux kollateralizzat fi swieq sekondarji minħabba li l-valur tal-kollateral jistipula l-valur minimu tas-self improduttiv. Għalhekk, ix-xerrejja ta’ kreditu se jippreferu self improduttiv b’karatteristika ta’ infurzar extraġudizzjarju aċċellerat tal-kollateral. Dan imbagħad jagħti inċentivi addizzjonali lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jużaw din il-karatteristika fl-oriġinazzajoni ta’ self ġdid. Barra minn hekk, l-armonizzazzjoni miksuba bl-infurzar extraġudizzjarju aċċellerat tal-kollateral trawwem l-iżvilupp ta’ investituri tas-self improduttiv pan-Ewropej, u dan ikompli jtejjeb il-likwidità tas-suq.

5.1.Inkomplu niżviluppaw is-swieq sekondarji għas-self improduttiv

Id-Direttiva se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għas-self improduttiv billi tneħħi ostakli bla bżonn għas-servizzjar tas-self minn partijiet terzi u għat-trasferiment ta’ self lil xerrejja ta’ self, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-acquis tal-liġi ċivili eżistenti tal-Unjoni u r-regoli tal-ħarsien tal-konsumatur tal-Istati Membri.

Attwalment il-banek mhux dejjem qed ikunu kapaċi jimmaniġġjaw is-self improduttiv tagħhom b’mod effettiv jew effiċjenti. F’dawn il-każijiet, il-banek qed jirkupraw anqas mill-portafoll tagħhom milli huwa possibbli. Dan jista’ jseħħ, pereżempju, meta l-banek jiffaċċjaw volum kbir ta’ self improduttiv u ma jkunux kapaċi jisservizzjawh sew. Il-banek jistgħu wkoll isibu ruħhom b’portafoll ta’ self improduttiv fejn in-natura tas-self tkun lil hinn mill-kompetenza ewlenija tal-bank biex jirkupra. F’dawn il-każijiet, l-aħjar għażla tista’ tkun l-esternalizzazzjoni tas-servizzjar ta’ dan is-self lil servizzjant speċjalizzat tas-self jew li ibigħu l-kuntratt tal-kreditu.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-proposta toħloq sett ta’ regoli komuni li s-servizzjanti tal-kreditu jridu jimxu miegħu biex joperaw transfruntirjalment fl-Unjoni. Il-proposta tistipula standards komuni biex tiżgura l-imġieba xierqa mix-xerrejja tas-self u mis-servizzjanti tal-kreditu u s-superviżjoni tagħhom fl-Unjoni kollha, filwaqt li tippermetti aktar kompetizzjoni billi jiġu armonizzati r-regoli tal-aċċess għas-suq bejn l-Istati Membri. Dan se jnaqqas l-ispejjeż tad-dħul tax-xerrejja potenzjali tas-self billi jżid l-aċċessibbiltà tas-servizzjar tal-kreditu u billi jnaqqas il-kostijiet tas-servizzjar tal-kreditu. Għadd akbar ta’ xerrejja fis-suq ifisser suq aktar kompetittiv, li jwassal għal aktar domanda u għal prezzijiet ta’ tranżazzjoni ogħla.

Sabiex ikun hemm suq sekondarju sod għas-self improduttiv u qafas solidu għas-servizzjanti tal-kreditu, qed jiġu proposti regoli ċari biex jipproteġu d-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi. Il-proposta tinkludi salvagwardji legali u regoli ta’ trasparenza, biex ikun żgurat li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur ma jiġix affettwat mit-trasferiment tad-dejn. Tingħata attenzjoni partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli u lill-konsumaturi li huma midjuna żżejjed. Pereżempju, servizzjant tal-kreditu għandu jkollu fis-seħħ politiki xierqa biex jittratta mal-mutwatarji u, fejn meħtieġ, għandu jirreferi lill-konsumaturi għal pariri dwar id-dejn jew għand is-servizzi soċjali.

Biex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ self improduttiv ġdid fil-kuntest ta’ self lill-konsumatur, l-Istati Membri huma mistiedna wkoll li jdaħħlu fis-seħħ regoli għall-valutazzjoni tal-affordabbiltà tal-konsumaturi. Il-ħidma preparatorja dwar il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja prevista fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur 22 għadha għaddejja, u l-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex jiġu identifikati l-aħjar prattiki u prinċipji ta’ gwida għall-istituzzjonijiet tal-kreditu meta jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumaturi.

5.2.Irkupru tal-valur aktar effiċjenti minn self garantit

Id-Direttiva se tipprovdi wkoll lill-kredituri garantiti b’metodu aktar effiċjenti ta’ rkupru tal-valur minn self garantit permezz ta’ proċedura tal-infurzar extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral. Dan jirreferi għal mekkaniżmu ta’ infurzar imħaffef u effiċjenti barra mill-qorti li jippermetti lill-mutwanti garantiti jirkupraw il-valur minn kollateral mogħti, biss minn kumpaniji u minn intraprendituri biex jiggarantixxu self. Mekkaniżmi bħal dawn diġà jeżistu f’25 Stat Membru (għalkemm f’nofs minn dawn, l-ambitu ta’ tali mekkaniżmi huwa limitata għal assi mobbli jew għal assi immobbli biss).

Il-proposta se tgħin lill-banek itejbu l-proċessi ta’ ristrutturazzjoni attwali tagħhom, u jimmaġġjaw is-self improduttiv billi jżidu l-effiċjenza tal-proċeduri tal-irkupru tad-dejn permezz ta’ proċedura ta’ infurzar extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral. Fil-maġġoranza tal-każijiet, il-banek jindirizzaw is-self improduttiv tagħhom huma stess billi jirkupraw il-valur permezz ta’ workout. Il-biċċa l-kbira tas-self li jsir improduttiv huwa self garantit minn kollateral. Filwaqt li l-banek jistgħu jinfurzaw il-kollateral skont l-oqfsa nazzjonali ta’ insolvenza u tal-irkupru tad-dejn, il-proċess jista’ jkun bil-mod u nieqas miċ-ċertezza legali. Sadanittant, is-self improduttiv jibqa’ fuq il-karti bilanċjali tal-bank, u l-bank jibqa’ skopert għal inċertezza fit-tul u bir-riżorsi tiegħu marbutin. Dan jimpedixxi lill-bank milli jiffoka fuq self ġdid lil konsumaturi vijabbli. Għalhekk, il-proposta tinkludi metodu effikaċi għall-banek u għal impriżi oħrajn awtorizzati jagħtu self, sabiex tippermettilhom jirkupraw il-fondi tagħhom minn self garantit lil mutwatarji kummerċjali, bi proċedura extraġudizzjarja. Din il-proċedura extraġudizzjarja effiċjenti tkun aċċessibbli meta tkun ġiet miftiehma minn qabel bejn il-mutwanti u l-mutwatarju, fil-ftehim tas-self. Mhix se tkun disponibbli għal krediti tal-konsumatur, u hija mfassla biex ma taffettwax ir-ristrutturar bikri jew il-proċedimenti tal-insolvenza. Mhix ser ikollha impatt fuq il-liġijiet tal-insolvenza tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet bħall-ġerarkija tal-kredituri f’insolvenza.

Ir-ristrutturar u l-proċedimenti ta’ insolvenza jieħdu preċedenza fuq il-proċedura ta’ infurzar ekstraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral stabbilita f’din il-proposta. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konsistenza sħiħa u kumplimentarjetà mal-Proposta tar-Ristrutturar, se japplika dan il-prinċipju: l-infurzar extraġudizzjarju ta’ kollateral ikun possibbli biss dment li ma tkunx applikabbli sospensjoni tal-azzjonijiet tal-infurzar individwali, skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli. Proposta tar-Ristrutturar diġà tipprevedi li l-kredituri, inklużi kredituri garantiti ta’ kumpanija jew imprenditur li jkun għaddej minn proċedimenti ta’ ristrutturar, ikunu suġġetti għal sospensjoni tal-azzjonijiet ta’ infurzar individwali. F’dan il-każ, id-debitur f’diffikultà jista’ jinnegozjaw pjan ta’ ristrutturar mal-kredituri u jevita l-insolvenza.

6.Pjan ta’ azzjoni tekniku ta’ kif jistgħu jiġu stabbiliti Kumpaniji tal-Immaniġġjar tal-Assi (KMA) nazzjonali

Il-pakkett joffri wkoll lill-Istati Membri gwida mhux vinkolanti dwar kif jistgħu jistabbilixxu, jekk jixtiequ, KMA nazzjonali f’konformità sħiħa mar-regoli bankarji tal-UE u mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Pjan ta’ azzjoni tal-KMA jipprovdi gwida prattika għat-tfassil u t-twaqqif ta’ KMA fil-livell nazzjonali, billi jibni fuq l-aħjar prattiki mill-esperjenzi tal-passat fl-Istati Membri, sal-punt applikabbli. Il-KMA jistgħu jkunu privati jew (parzjalment) sostnuti pubblikament mingħajr ħtieġa għal għajnuna mill-Istat, jekk l-Istat ikun jista’ jitqies li qed jaġixxi bħala aġent ekonomiku ieħor. Għażla ta’ KMA li tinvolvi għajnuna mill-Istat ma għandhiex titqies bħala soluzzjoni awtomatika. Minkejja dan, u filwaqt li wieħed iqis il-KMA b’element ta’ għajnuna mill-Istat bħala soluzzjoni eċċezzjonali, il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għan li jiċċara d-disinn permissibbli għal tali KMA, li jkun kompletament konsistenti mal-qafas legali tal-UE, partikolarment mal-BRRD, mal-SRMR u mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Il-Pjan ta’ azzjoni jissuġġerixxi għadd ta’ prinċipji komuni, bħalma huma l-perimetru tal-assi rilevanti, il-perimetru tal-parteċipazzjoni, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-limitu tad-daqs tal-assi, ir-regoli tal-valwazzjoni tal-assi, l-istruttura tal-kapital xieraq, u l-governanza u l-operazzjonijiet tal-KMA. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ azzjoni jiddeskrivi ċerti miżuri ta’ għajnuna alternattivi għall-assi indeboliti li mhumiex għajnuna mill-Istat, bħal garanziji mill-Istat li jkunu konformi mas-suq li jippermettu t-titolizzazzjoni tas-self improduttiv. Il-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin ivvalutat ukoll miżuri oħra proposti mill-Istati Membri biex jittrattaw mas-self improduttiv li tħalla mill-imgħoddi u se tkompli tagħmel dan f’każijiet individwali, sabiex tiżgura li dawn il-miżuri jirrispettaw b’mod sħiħ il-BRRD, l-SRMR u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

7.Pakkett b’saħħitu b’miżuri li jsaħħu lil xulxin

Il-proposti f’dan il-pakkett jirrinforzaw lil xulxin u ma jkunux effettivi jekk jiġu implimentati b’mod iżolat. Kontinġenza prudenzjali statutorja se tiżgura li t-telf minn kreditu minn self improduttiv futur jiġu kopert biżżejjed, ħalli r-riżoluzzjoni jew il-bejgħ tiegħu jkunu eħfef. Dawn l-effetti huma kkumplimentati minn sforzi biex jiġu żviluppati aktar is-swieq sekondarji għas-self improduttiv peress li dawn jagħmlu t-talba għas-self improduttiv aktar kompetittiva u jgħollu l-valur tagħhom fis-suq. Barra minn hekk, l-infurzar extraġudizzjarju aċċellerat tal-kollateral bħala mekkaniżmu ta’ rkupru tal-valur tal-kollateral inaqqas il-kostijiet tar-riżoluzzjoni tas-self improduttiv.

Dan il-pakkett ikopri parti kbira mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill. Il-pakkett sħiħ jgħaqqad diversi elementi li joħolqu l-ambjent adattat fejn jiġi ttrattat is-self improduttiv fuq il-karti bilanċjali tal-banek, u biex jitnaqqas ir-riskju ta’ akkumulazzjoni ta’ self improduttiv fil-ġejjieni. L-impatt tagħhom huwa mistenni li jkun differenti fl-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet differenti konċernati. Xi wħud se jkollhom impatt aktar b’saħħtu fuq il-valutazzjoni tar-riskju ex-ante tal-banek fl-oriġinazzjoni tas-self, oħrajn se jrawmu r-rikonoxximent rapidu u l-immaniġġjar aħjar tas-self improduttiv, filwaqt li oħrajn se jsaħħu l-valur tas-suq ta’ dan is-self improduttiv.

B’mod partikolari:

·Il-proposta dwar is-salwagwardji prudenzjali se tiżgura li jkun hemm biżżejjed provvediment għal telf minn kreditu minn self improduttiv futur, ħalli b’hekk ir-riżoluzzjoni u/jew id-disponiment minnhom isiru aktar faċli. Dawn l-effetti jkunu kkumplimentati minn swieq sekondarji żviluppati aktar għas-self improduttiv peress li dawn jistgħu jsaħħu d-domanda għas-self improduttiv u jgħollu l-valur tagħhom fis-suq. Dan jippermetti lill-banek li jbigħu s-self improduttiv aktar faċilment fid-dawl ta’ regoli aktar stretti tal-provvediment.

·Il-KMA urew li fil-passat kienu għodda utli meta kien hemm il-prekundizzjonijiet korretti u dawn għadhom għodda utli, anke jekk il-qafas legali rilevanti tal-UE evolva matul dawn l-aħħar snin. Madankollu, l-utilità tal-KMA tiċkien jekk is-swieq sekondarji għas-self improduttiv ma jkunux żviluppati biżżejjed, peress li waħda mill-għodod importanti tal-KMA hija l-bejgħ tas-self tagħha lil investituri terzi. Il-KMA u ħafna xerrejja potenzjali oħra ta’ kreditu huma dipendenti ħafna fuq id-disponibbiltà ta’ kumpaniji indipendenti biex jisservizzjaw u jimmaniġġjaw is-self f’isimhom. Għalhekk, il-KMA jkunu aktar effettivi jekk ikunu sostnuti mill-proposti legali li l-Kummissjoni qed tippreżenta f’dan il-pakkett. Għall-kuntrarju, mingħajr titjib fil-funzjonament tas-swieq sekondarji għas-self improduttiv, il-KMA jistgħu jesperjenzaw aktar diffikultajiet biex jilħqu l-għan tagħhom.

·Barra minn hekk, l-infurzar extraġudizzjarju aċċellerat tal-kollateral bħala mekkaniżmu ħafif ta’ rkupru tal-valur tal-kollateral inaqqas il-kostijiet tar-riżoluzzjoni tas-self improduttiv u għalhekk jgħin lill-banek u lix-xerrejja tas-self improduttiv jirkupraw il-valur. Dan il-mekkaniżmu disponibbli lil hinn mill-kuntest tar-ristrutturar preventiv jew mill-proċedimenti ta’ insolvenza jkun jikkumplimenta l-proposta għal Direttiva dwar ir-ristrutturar u t-tieni opportunità, u l-effiċjenza tal-oqfsa tal-insolvenza ta’ Novembru 2016.

Grafika 3: Il-pakkett tas-self improduttiv: Effetti ta’ rinfurzar bejn l-azzjonijiet

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda tesplora, flimkien mal-BĊE u mal-EBA, kif tista’ titrawwem aktar trasparenza fis-self improduttiv u fis-swieq tas-self improduttiv. Biex jinkiseb dan jeħtieġ li jitjiebu d-disponibbiltà u l-komparabbiltà tad-dejta dwar is-self improduttiv. Waħda mill-ideat li qed jiġu eżaminati f’dan il-kuntest huwa li jiġi megħjun l-iżvilupp ta’ pjattaformi ta’ informazzjoni dwar is-self improduttiv jew ta’ reġistri tal-kreditu mill-parteċipanti fis-suq. Il-ħidma esploratorja dalwaqt titlesta u nota teknika apposta se tippreżenta l-ħidma konġunta bejn il-Kummissjoni, il-BĊE u l-EBA.  23

Fl-aħħar nett, l-inizjattivi mressqa mill-Kummissjoni llum huma kumplimentari ħafna wkoll mal-elementi l-oħra tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill, inkluż il-miżuri proposti li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet superviżorji u minn istituzzjonijiet oħra tal-UE. B’mod aktar speċifiku, il-miżuri li ġejjin jikkumplimentaw lil dawk proposti mill-Kummissjoni llum:

·linji gwida ġenerali dwar l-immaniġġjar tas-self improduttiv fil-banek kollha tal-UE;

·linji gwida dettaljati dwar l-oriġinazzjoni tas-self mill-banek, il-monitoraġġ u l-governanza interna, li jindirizzaw b’mod partikolari t-trasparenza u l-valutazzjoni tal-affordabilità tal-mutwatarji;

·approċċi makroprudenzjali biex jipprevjenu li jitfaċċaw problemi ta’ self improduttiv mas-sistema kollha, li jqisu l-proċikliċità potenzjali u l-implikazzjonijiet fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-miżuri ta’ politika tas-self improduttiv; kif ukoll

·rekwiżiti ta’ divulgazzjoni fir-rigward tal-kwalità tal-assi tal-banek u tas-self improduttiv.

L-azzjonijiet mill-Kummissjoni, il-BĊE, l-EBA u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku se joħlqu sinerġiji importanti. Ir-rekwiżiti proposti għal kopertura minima statutorja se jipprovdu inċentivi qawwija biex il-maniġment tal-banek jevitataw l-akkumulazzjoni ta’ self improduttiv fil-futur billi jimmaniġġjaw aħjar is-self improduttiv u bi prattiċi tal-oriġinazzjoni tas-self aktar sodi. Dan ser isaħħaħ l-effetti mistennija tal-ħidma li għaddejja mill-BĊE u l-EBA fuq l-oriġinazzjoni tas-self mill-banek, l-immaniġġjar tas-self improduttiv, il-monitoraġġ u l-prattiki tal-governanza interna. Il-ħidma fuq l-informazzjoni dwar is-self improduttiv u dwar l-infrastruttura tas-suq ser issaħħaħ aktar il-funzjonament tas-swieq sekondarji għas-self improduttiv.

8.Konklużjonijiet

F’konformità mal-progress kumplessiv sinifikanti li sar fuq it-tnaqqis tar-riskji fis-settur bankarju tal-UE, l-istokk tas-self improduttiv fl-Unjoni qed ikompli jonqos. Minkejja din ix-xejra pożittiva, il-livell għoli ta’ self improduttiv għadu ta’ sfida kbira għal diversi Stati Membri kif ukoll għall-UE kollha kemm hi.

Li jitħaffu x-xejriet attwali ta’ tnaqqis fis-self improdutiv u l-prevenzjoni li jerġa’ jakkumula self improduttiv ġdid, huma passi importanti biex titlesta l-Unjoni Bankarja. Filwaqt li s-superviżjoni tal-BĊE tal-banek kbar u sistemiċi (Mekkaniżmu Superviżorju Uniku) u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni issa huma operazzjonali, l-Unjoni Bankarja għadha mhijiex lesta. Il-pedamenti prinċipali tal-oqfsa prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni ta’ wara l-kriżi jinsabu f’posthom jew kważi lesti, u r-riskji fis-settur bankarju taż-żona tal-euro qed jitnaqqsu b’mod sinifikanti. Dan ifisser li wasal iż-żmien li jinħolqu ż-żewġ elementi li għadhom neqsin fl-Unjoni Bankarja: garanzija ta’ kontinġenza fiskali komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni u s-Sistema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti. Jekk l-Unjoni Bankarja tibqa’ mhux kompleta, is-settur bankarju se jibqa’ frammentat skont linji nazzjonali u konsegwentement ma jipprovdix benefiċċji ekonomiċi u stabbiltà akbar ta’ settur iktar integrat.

Il-pakkett komprensiv li tnieda llum huwa pass importanti biex tiġi indirizzata din l-isfida. Huwa meħtieġ li jinżamm dan ir-ritmu ta’ progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri kollha previsti fix-xhur u fis-snin li ġejjin, jekk l-isfida tal-livell għoli ta’ self improduttiv trid tiġi indirizzata, kemm f’termini ta’ tnaqqis għal livelli sostenibbli tal-istokkijiet eżistenti, kif ukoll biex ma jerġgħux jakkumulaw fil-futur.

Filwaqt li banek individwali u l-Istati Membri konċernati jeħtieġu li jkomplu bl-isforzi tagħhom b’pass sostnut, l-azzjoni konċertata bejn il-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħra tal-UE, inkluż il-BĊE, trid tkompli wkoll. Il-pakkett ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ppreżentat illum, flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, jikkostitwixxi parti kritika minn din il-ħidma. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jagħmlu progress malajr fuq din il-kwistjoni importanti, bil-għan li jappoġġjaw l-isforzi konġunti li għaddejjin biex jitnaqqas ir-riskju fis-settur bankarju Ewropew. Fl-istess ħin, li miżuri leġiżlattivi pendenti dwar it-tnaqqis tar-riskju — il-Pakkett Bankarju ta’ Novembru 2016 24 — u l-liġi tar-ristrutturar u tal-insolvenza tan-negozju jridu jingħataw l-ogħla prijorità politika u jiġu miftiehma malajr kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni tinsab lesta li timpenja ruħha flimkien mal-koleġiżlaturi dwar dan.

(1) COM(2017) 821.
(2) http://www.consilium.europa.eu/media/21594/leaders-agenda.pdf .
(3) Il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni [COM(2018)] fis-7 ta’ Marzu bl-isem “Inlestu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sal-2019 - żmien li nħaffu l-proċess”.
(4)   https://ec.europa.eu/info/publications/171011-communication-banking-union_en .
(5)   http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/06/17/conclusions-on-banking-union/ .
(6) COM(2018) 37.
(7) Jiġifieri l-proporzjon tal-ingranaġġ massimu, li huwa kkalkulat b’mod iktar strett u ppreżentat qabel l-2019, meta jispiċċa l-perjodu ta’ tranżizzjoni. L-effett taffej tal-perjodu tranżitorju tal-implimentazzjoni huwa injorat.
(8) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-3731_mt.htm
(9) COM/2016/0723 - 2016/0359 (COD).
(10) Is-self improduttiv jinvolvi self fejn il-mutwatarju ma jkunx jista’ jħallas il-pagamenti skedati biex ikopri l-imgħax jew jirrimborża l-kapital. Meta l-pagamenti jaqbżu b’aktar minn 90 ġurnata, jew is-self jiġi vvalutat bħala li x’aktarx mhux se jitħallas lura mill-mutwatarju, dan is-self jiġi kklassifikat bħala self improduttiv (Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/227).
(11) Ara Taqsima 2 għal ħarsa ġenerali.
(12) F’xi każijiet bħala parti minn programm ta’ assistenza finanzjarja.
(13) It-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja, l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS), ġiet proposta mill-Kummissjoni f’Novembru 2015. F'Ottubru 2017, il-Kummisjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja [COM(2017) 592], tat spinta ġdida lin-negozjati dwar l-EDIS.
(14) (UE) 2017/825
(15) Sors: BĊE. Minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ dejta tas-self, il-proporzjon ta’ provvediment għall-UE huwa bbażat fuq l-indebolimenti u s-self improduttiv fl-istrumenti kollha tad-dejn (self u titoli ta’ dejn).
(16) Fi tmiem it-Q3 2017, bosta Stati Membri kellhom proporzjonijiet ta’ self improduttiv baxxi (10 Stati Membri kellhom proporzjon ta’ inqas minn 3 %). Oħrajn kellhom proporzjonijiet għoljin (8 Stati Membri kellhom proporzjon ta’ aktar minn 10 %).
(17)  Noti: Iċ-ċifri jikkorrispondu għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu domestiċi u għas-sussidjarji u l-fergħat b’kontroll barrani. * Mhijiex disponibbli dejta skont is-settur għall-Portugall u għall-UE. Iċ-ċifri jikkorrispondu għal self u avvanzi fis-setturi kollha. Dejta skont is-settur (jiġifieri l-iskopertura totali għall-unitajiet domestiċi u għall-korporazzjonijiet mhux finanzjarji) għall-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja u l-Ungerija hija disponibbli biss f’ammont riportat. * * Dejta għall-provvediment ta’ self mhijiex disponibbli għall-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja, l-Ungerija u l-UE. F’dawn il-każijiet, iċ-ċifri huma bbażati fuq l-indebolimenti u s-self improduttiv fl-istrumenti kollha tad-dejn (jiġifieri self u titoli ta’ dejn). Dejta aggregata tal-UE ma kinetx disponibbli għat-Q2 u għat-Q3 2016. Iċ-ċifra fit-tabella 2016 tikkorrispondi għall-Q1 2016.
(18) Sors: BĊE.
(19) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali)
(20) Nota dwar l-abbrevjazzjonijiet: KMA (Kumpanija tal-immaniġġjar tal-assi), SSMR (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżjorju Uniku), CRD IV (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali IV).
(21) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013.
(22) COM(2017) 139.
(23) L-immaniġġjar tas-self improduttiv jibbenefika minn oqfsa ta’ infurzar u ta’ insolvenza tas-self aktar effiċjenti u prevedibbli. Għalhekk il-Kummissjoni qed tagħmel eżerċizzju ta’ valutazzjoni komparattiva ta’ reġimi bħal dawn biex tistabbilixxi stampa affidabbli tad-dewmien u tal-irkupru tal-valur li jesperjenzaw il-banek meta jiffaċċjaw inadempjenzi tal-mutwatarji. Hija qed tistieden kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri u s-superviżuri biex tiżviluppa metodoloġija soda ta’ valutazzjoni komparattiva. F’dan il-kuntest, il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-insolvenza tal-intrapriżi, ir-ristrutturar u t-tieni opportunità tistabbilixxi obbligi fuq l-Istati Membri biex jiġbru dejta komparabbli dwar il-proċedimenti tal-insolvenza u tar-ristrutturar u jikkomunikawha lill-Kummissjoni. Dan huwa kruċjali biex tintwera l-effiċjenza tal-qafas regolatorju fl-Istati Membri fir-rigward tad-debituri insolventi.
(24) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-3731_mt.htm .