IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.3.2018
COM(2018) 114 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Inlestu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sal-2019 - żmien li nħaffu l-proċess
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.3.2018
COM(2018) 114 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Inlestu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sal-2019 - żmien li nħaffu l-proċess
Introduzzjoni
Fit-22 u t-23 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill Ewropew se jieħu kont tal-progress fit-twettiq, fost l-oħrajn, tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) 1 . Din hija prijorità importanti għall-Unjoni Ewropea u parti mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. L-UE kollha kemm hi tgawdi minn suq kapitali uniku, iżda dan huwa ta’ rilevanza partikolari għal dawk l-Istati Membri li jużaw l-euro bħala l-munita komuni tagħhom.
Swieq kapitali profondi u integrati jrawmu l-kondiviżjoni transfruntiera tar-riskju privat fiż-żona tal-euro u lil hinn minnha, biex b’hekk tingħata spinta lill-użu produttiv u innovattiv tal-kapital privat, b’mod li jitwessgħu u jiġu diversifikati s-sorsi u l-mezzi ta’ finanzjament fl-ekonomija reali, u titnaqqas il-ħtieġa li s-settur pubbliku jikkondivi r-riskju. Flimkien ma’ fatturi oħra li l-Kummissjoni ħadmet fuqhom, bħal pereżempju fuq suq tax-xogħol integrat u ġust, u sistema tat-taxxa trasparenti li hija protetta mill-abbuż, u għat-tnaqqis tas-self improduttiv, is-swieq kapitali huma kruċjali għall-kapaċità tal-ekonomiji tal-UE li tistabbilizza u tassorbi l-iskossi ekonomiċi li jaffettwaw Stati Membri, reġjuni jew setturi partikolari. Nuqqas ta' diversifikazzjoni finanzjarja jesponi lis-sistema għal aktar instabilità kkawżata mill-volatilità ta’ ċerti flussi finanzjarji meta jkun hemm xokk strutturali (ara l-Grafika). Jekk it-tfaddil Ewropew jiġi investit f’firxa wiesgħa ta’ prodotti finanzjarji pprovduti minn firxa varjata ta’ atturi fi Stati Membri differenti, ir-ritorn tagħhom ikun anqas soġġetti għall-volatilità u għall-istat ta’ xi ekonomija individwali.
Grafika — Flussi finanzjarji lejn korporazzjonijiet mhux finanzjarji (f’biljuni ta’ EUR, ammonti netti)
Sors: Kalkoli tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea
Nota: Id-dejta tirreferi għal medji annwali li jinbidlu tal-flussi netti ta’ kull tliet xhur bejn ir-raba’ kwart tal-1999 u t-tielet kwart tal-2017.
Unjoni tas-Swieq Kapitali li tirnexxi, li tikkumplimenta l-Unjoni Bankarja tal-UE, jeħtieġ ukoll li tiftaħ is-swieq biex tagħti aċċess aħjar għall-finanzjament lin-negozji tal-UE u aktar opportunitajiet ta’ investiment innovattivi għal dawk li jfaddlu, li llum għandhom aktar mezzi biex jifhmu kif l-investimenti tagħhom qed jintużaw u jixtiequ għażla akbar ta' fejn jinvestu. Huwa għalhekk li t-trasformazzjoni tas-swieq kapitali trid tipprovdi l-għodod biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet il-ġodda offruti mit-teknoloġija finanzjarja u mill-finanzi sostenibbli, u biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari aktar nadifa u aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.
Kif stabbiliet il-Kummissjoni f’Ġunju 2017 fir-rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali 2 , għandna bżonn ngħollu l-livell ta’ ambizzjoni, sabiex nindirizzaw l-ostakli iżda aktar importanti minn hekk biex nieħdu vantaġġ minn dawn l-opportunitajiet ġodda.
Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qed tippreżenta wkoll Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Teknoloġija Finanzjarja (FinTech) u Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli.
Meta jitqiesu l-konklużjonijiet mill-konsultazzjoni pubblika ta’ bejn Marzu u Ġunju 2017, u filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi diġà ppreżentati, il-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa għadd ta’ inizjattivi mmirati fil-livell tal-UE biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet li toħloq l-innovazzjoni mit-teknoloġija fis-servizzi finanzjarji. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-FinTech jistabbilixxi passi ċari u konkreti li jippermettu lill-mudelli kummerċjali innovattivi jikbru, jappoġġjaw l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u jżidu ċ-ċibersigurtà u l-integrità tas-sistema finanzjarja. Dan se jiżgura li s-settur finanzjarju Ewropew jibqa’ innovattiv u kompetittiv, mingħajr ma tiġi kompromessa l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-investitur.
Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli għandu l-għan li joħloq il-kundizzjonijiet għal aktar tkabbir u żvilupp ekonomiku sostenibbli billi jorjenta l-flussi kapitali lejn investimenti aktar sostenibbli, bħat-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. L-integrazzjoni tal-fatturi tas-sostennibilità fil-ġestjoni tar-riskju u t-trawwim tat-trasparenza u l-perspettiva fit-tul fil-governanza pubblika u privata huma wkoll objettivi importanti f’dan il-pjan biex jiġu direzzjonati aktar investimenti pubbliċi u privati lejn l-iżvilupp sostenibbli, f’konformità ma’ impenji dinjin bħall-Ftehim ta’ Pariġi u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
Il-ħtieġa li jsir progress fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali saret aktar urġenti minħabba t-tluq futur tar-Renju Unit, peress li l-akbar ċentru finanzjarju tal-UE se jħalli s-Suq Uniku. B’konsegwenza ta’ dan, hemm bżonn ta’ sforz akbar lejn swieq kapitali iktar żviluppati, integrati u b’superviżjoni aħjar.
Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2016 talab għal “progress rapidu u determinat biex jiġi żgurat aċċess aktar faċli għal finanzjament għan-negozji u jingħata appoġġ għall-investiment fl-ekonomija reali billi tiġi promossa l-aġenda tal-Unjoni tas-swieq kapitali.” Il-Kunsill ECOFIN enfażizza l-importanza li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali titlesta sal-2019 f’diversi okkazzjonijiet u l-aktar riċenti f’Lulju 2017, fejn ġedded l-impenn tiegħu lejn l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u b’mod partikolari lejn is-sett sħiħ ta’ azzjonijiet ippreżentati fir-rieżami ta’ Nofs it-terminu, inklużi d-disa’ inizzjattivi ta’ prijorità. Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2016 irrikonoxxiet ir-rwol importanti li s-swieq tal-kapital jista’ jkollhom fl-indirizzar tal-ħtiġijiet finanzjarji tal-ekonomiji tal-Istati Membri u ssottolinjat li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali trid tiffoka aktar fuq l-utenti aħħarija tas-swieq kapitali, jiġifieri l-kumpaniji u l-investituri.
Il-Kummissjoni hija impenjata li tistabbilixxi s-sisien tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali sa nofs l-2019. Filwaqt li l-ewwel riżultati u miri ewlenin diġà ntlaħqu (ara t-tabella fl-anness), issa wasal iż-żmien li timxi 'l quddiem u tiżgura li l-proposti leġiżlattivi pendenti kollha jitlestew sa tmiem il-mandat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni llum qed tipproponi miżuri addizzjonali biex tiżviluppa u tintegra s-swieq kapitali tal-UE, u l-proposti li fadal se jiġu ppreżentati sa Mejju 2018 sabiex, bir-rieda politika meħtieġa, il-leġiżlazzjoni tkun tista’ tiġi adottata qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019.
Għall-ġejjieni, it-tħaddim effettiv tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali jeħtieġ li tingħata spinta qawwija billi jitqiegħdu l-pedamenti madwar tliet dimensjonijiet li jsaħħu lil xulxin: is-suq Uniku tal-UE, regoli ċari u proporzjonati, u superviżjoni effiċjenti.
1.Nesplojtaw bl-aħjar mod il-potenzjal tas-Suq Uniku permezz ta’ prodotti, tikketti u passaporti Ewropej ġodda
Prodotti, tikketti u passaporti pan-Ewropej ġodda jiżguraw li l-investituri, il-konsumaturi u n-negozji jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku (jikbru fl-Ewropa u jikkompetu fid-dinja). Diġa hemm fis-seħħ regoli ġodda biex tingħata spinta lill-investiment f’fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (EuVECA) fi start-ups u kumpaniji żgħar u medji u l-promozzjoni ta’ suq sikur u profond għal titolizzazzjoni Sempliċi, Trasparenti u Standardizzata (STS). Jekk il-ħruġ tat-titolizzazzjoni tal-UE jerġa’ jilħaq il-medja ta’ qabel il-kriżi, it-titolizzazzjoni tiġġenera sa EUR 150 biljun f’finanzjament addizzjonali għall-ekonomija. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll tikketta ġdida għall-pensjonijiet personali pan-Ewropej (PEPP) sabiex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa jfaddlu għall-irtirar u jinjettaw aktar tfaddil fis-swieq kapitali u għalhekk jiddirezzjonaw aktar finanzjament lejn l-investimenti produttivi. Il-Kummissjoni qed tappella lill-koleġiżlaturi biex jiffinalizzaw malajr ħidmiethom dwar din il-proposta, ħalli ċ-ċittadini Ewropej kollha jkollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta’ għażliet biex ifaddlu għall-irtirar tagħhom filwaqt li jibbenefikaw minn protezzjoni tal-konsumatur soda.
Sabiex isir progress f’oqsma oħra wkoll, il-Kummissjoni llum qed tipproponi miżuri addizzjonali biex jiġu żviluppati prodotti u tikketti ġodda u biex jiġu integrati s-swieq kapitali:
·Tikketta Ewropea għal pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv abbażi ta’ investiment u abbażi ta’ self (“Fornituri ta’ Servizzi Ewropej ta’ Investiment Kollettivi għan-Negozji”) li tippermetti attività transfrutiera u tindirizza r-riskji għall-investituri b’mod proporzjonat. Dan se jgħin biex lill-fornituri tas-servizzi tal-finanzjament kollettiv jikbru fis-Suq Uniku, u b’hekk jiżdied l-aċċess għall-finanzi għall-imprendituri, għall-kumpaniji ġodda u għall-kumpaniji żgħar u medji b’mod ġenerali. Dan huwa wkoll l-ewwel riżultat konkret tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-FinTech, li għandu l-għan li joħloq ambjent fejn prodotti u soluzzjonijiet innovattivi jkunu jistgħu faċilment jemerġu u jikbru madwar l-UE, mingħajr ma tiġi kompromessa l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumatur.
·Qafas abilittattiv tal-UE għall-bonds koperti - Il-bonds koperti wrew li huma sors ta’ finanzjament stabbli u kosteffikaċi matul il-kriżi finanzjarja u għandhom jiġu żviluppati aktar, abbażi tal-prassi tajba tas-sistemi nazzjonali eżistenti. Dan il-qafas se jappoġġja l-finanzjament tal-ekonomija filwaqt li jagħti lill-investituri firxa usa’ u aktar sikura ta’ opportunitajiet ta’ investiment u jippreserva l-istabbiltà finanzjarja.
·Miżuri li jnaqqsu l-ostakli regolatorji għad-distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi ta’ investiment fl-UE. Dan se jnaqqas il-kost tal-attivitajiet transfruntieri u se jappoġġja suq uniku aktar integrat għall-fondi ta’ investiment. Iż-żieda fil-kompetizzjoni se tagħti lill-investituri għażla akbar u valur aħjar, filwaqt li tissalvagwardja livell għoli ta’ protezzjoni għall-investitur.
2.L-appoġġ għan-negozji u l-intraprendituri permezz ta’ regoli aktar ċari u sempliċi
Il-Kummissjoni pproponiet, f’Novembru 2016, Direttiva dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, it-tieni opportunità u miżuri biex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tar-rilaxx. Din il-proposta importanti għandha l-għan li tiffaċilita r-ristrutturar effiċjenti ta’ kumpaniji vijabbli f’diffikultajiet finanzjarji biex jevitaw l-insolvenza u l-qerda ta’ valur f’negozju avvjat. Għal persuni fiżiċi, inklużi intraprendituri għal rashom, il-proposta tipprovdi għal tieni opportunità permezz tar-rilaxx mid-dejn, sabiex tippermettilhom jibdew mill-ġdid u tinċentiva l-imprenditorija. Dan se jżid ukoll il-fiduċja li l-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi ta’ pagament tagħhom, pereżempju fir-rigward ta’ self mill-bank tagħhom. Meta tarmonizza dawn il-proċeduri, l-inizjattiva tkun qed tneħħi l-ostakli għall-investiment transfruntier u b’hekk tkun qed trawwem l-iżvilupp tas-suq kapitali fl-UE. Dan se jikkontribwixxi wkoll biex titnaqqas l-akkumulazzjoni futura ta’ self improduttiv mill-banek u jiġu indirizzati l-istokkijiet eżistenti. Billi ttejjeb il-possibbiltà għall-intraprendituri u għall-kumpaniji f’diffikultà finanzjarja li jadottaw b’suċċess pjan ta’ ristrutturar, aktar kumpaniji jkunu jistgħu jevitaw l-insolvenza u jbiddlu s-self improduttiv f’self li l-imprendituri u l-kumpaniji jkunu jistgħu jħallsu lura. Il-Kummissjoni tistieden lill-koleġiżlatur biex jaċċelleraw l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli importanti.
Il-Kummissjoni pproponiet ukoll, bħala parti mill-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK) proposta, li tindirizza l-preferenza tas-sistema tat-taxxa għad-dejn aktar milli għall-ekwità, billi tipprovdi għall-ħruġ tal-ekwità. Rata fissa, magħmula minn rata tal-imgħax mingħajr riskju u riskju tal-primjum, tal-ekwità ta' kumpanija ġdida se ssir detuċibbli kull sena. Bil-kundizzjonijiet ta' bħalissa tas-suq, ir-rata tkun ta' 2,7%. Dan iħeġġeġ lill-kumpaniji jfittxu sorsi aktar stabbli ta’ finanzjament u biex jużaw is-swieq kapitali. Din ikun ta’ benefiċċji wkoll f'termini ta' stabbiltà finanzjarja, hekk kif kumpaniji b'bażi kapitali aktar b'saħħitha tkun inqas vulnerabbli għax-xokkijiet. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jaċċellera l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli importanti.
Il-Kummissjoni issa qed tipproponi wkoll regoli ġodda biex jiġu ffaċilitati t-tranżazzjonijiet transfruntiera billi tipprovdi ċertezza legali dwar ta’ min hi pretensjoni finanzjarja, biex b’hekk jiġi eliminat ir-riskju legali u l-konsegwenzi negattivi sistematiċi potenzjali. L-allokazzjoni tal-pretensjonijiet huwa mekkaniżmu li jintuża minn kumpaniji kbar u żgħar biex jiksbu likwidità u jkollhom aċċess għal kreditu u minn istituzzjonijiet finanzjarji biex jottimizzaw l-użu tal-kapital tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni qed tipprovdi gwida ulterjuri f’Komunikazzjoni separata fir-rigward ta’ liema liġi tapplika biex tiddetermina min huwa s-sid tal-assi sottostanti fi tranżazzjonijiet ta’ titoli.
Diġà ġew adottati regoli ġodda dwar il-prospetti biex jgħinu lill-kumpaniji jiġbru flus mis-swieq pubbliċi tal-ekwità u tad-dejn 3 . Għal kumpaniji żgħar u medji li jixtiequ jiġbru flus minn madwar l-UE, se jinħoloq prospett ġdid tal-UE għat-tkabbir. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li t-tikketta tas-Swieq tat-Tkabbir tal-SMEs maħluqa mill-MiFID II toħloq bilanċ tajjeb bejn li tagħti biżżejjed protezzjoni lill-investituri u tevita piż amministrattiv bla bżonn. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni se tippreżenta miżuri oħrajn sa Mejju 2018 biex twassal għal ambjent regolatorju aktar proporzjonat biex tgħin l-elenkar ta’ kumpaniji żgħar u medji fis-Swieq ta’ Tkabbir tal-SMEs.
3.Superviżjoni aktar effiċjenti tas-swieq tal-kapital tal-UE
Aktar integrazzjoni finanzjarja teħtieġ superviżjoni aktar integrata u effettiva. L-attività transfruntiera se tiġi ffaċilitata permezz ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni konsistenti, kemm għall-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll għall-konsumaturi u n-negozji li jużaw servizzi finanzjarji. U għalkemm l-integrazzjoni finanzjarja u tal-finanzjament ibbażat fuq is-suq kapitali tista’ ġġib magħha benefiċċji kbar, dawn jistgħu wkoll jagħtu lok għal riskji ġodda. Din hija r-raġuni għaliex huwa importanti li jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju, jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi kif ukoll protezzjoni konsistenti tal-investituri u l-istabilità finanzjarja.
B’mod partikolari għas-suċċess tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali huwa neċessarju li tissaħħaħ l-abbiltà ta’ Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) biex jiġu żgurati superviżjoni u infurzar konsistenti, u biex din twettaq superviżjoni diretta ta’ ċerti swieq tal-kapital. Għalhekk, il-Kummissjoni tinsab lesta li tiddiskuti b’mod attiv mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill ideat biex jitħaffu n-negozjati attwali sabiex tiżgura l-adozzjoni finali tar-Rieżami tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropew qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019.. Dan huwa kruċjali għas-suċċess tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali
L-infrastruttura tas-suq ta’ wara n-negozjar għandha rwol kruċjali fi swieq kapitali integrati. Din hija r-raġuni għaliex huwa importanti wkoll li jkun hemm aktar konverġenza superviżorja u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet għal approċċ iktar pan-Ewropew għas-superviżjoni tal-kontropartijiet ċentrali tal-UE (CCPs). Il-Kummissjoni pproponiet riformi biex issaħħaħ is-superviżjoni tas-CCPs, u tappella lill-koleġislaturi biex iħaffu l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli importanti.
Konklużjoni
Il-Kummissjoni qed twassal għal riżultati fuq l-impenn tagħha li tistabbilixxi s-sisien tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali sal-2019. Il-Kummissjoni ppreżentat tmien proposti leġiżlattivi, li s’issa ġew adottati biss tlieta minnhom mill-koleġiżlaturi u qed tippreżenta erba’ proposti oħra llum. Sa Mejju 2018, il-Kummissjoni se tkun ippreżentat l-inizjattivi leġiżlattivi kollha li kienu mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-2015 u fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-2017. Il-Kummissjoni tinsab lesta li taħdem b’mod attiv mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar il-proposti rilevanti pendenti kollha għal Unjoni tas-Swieq Kapitali.
Ir-riforma tas-swieq kapitali tal-UE ma tistax titwettaq mill-Kummissjoni waħedha. Dawk kollha konċernati fil-livell nazzjonali u dak Ewropew iridu wkoll jagħmlu l-parti tagħhom u l-Kummissjoni se tkompli tappoġġja dawn l-isforzi. Bħala pass immedjat li jmiss, il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa d-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew fl-22 u t-23 ta’ Marzu, u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex iħaffu l-ħidma fuq il-proposti leġislattivi pendenti kollha rilevanti għat-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, biex jiżguraw l-adozzjoni tagħhom qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’nofs l-2019 l-aktar tard.
Komunikazzjoni “Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali”, COM(2015) 468, 30.9.2015
Komunikazzjoni “Dwar ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali", COM(2017) 292, 8.6.2017.
Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE, ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12–82.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.3.2018
COM(2018) 114 final
ANNESS
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠUNI
Inlestu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sal-2019 - żmien li nħaffu l-proċess
|
Inizjattivi leġiżlattivi u azzjonijiet ta’ prijorità |
Sors (*) |
Data |
||
|
Data tal-adozzjoni |
Regulation (EU) 2017/1991 of the European Parliament and of the Council of 25 October 2017 on European venture capital funds and European social entrepreneurship funds |
PA |
Ottubru 2017 |
|
|
Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat |
PA |
Ġunju 2017 |
||
|
Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata |
PA |
Diċembru 2017 |
||
|
Proposti |
Proposta għal Direttiva tal-Kunsill għal Bażi tat-Taxxa Korporattiva Komuni u Konsolidata (CCCTB) |
PA |
Ottubru 2016 |
|
|
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, it-tieni opportunità u miżuri biex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tar-rilaxx. |
PA |
Novembru 2016 |
||
|
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew (PEPP) |
RNT |
Ġunju 2017 |
||
|
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar emendi fir-Regolamenti li jistabbilixxu l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra, u l-atti assoċjati |
RNT |
Settembru 2017 |
||
|
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għad-ditti tal-investiment |
RNT |
Diċembru 2017 |
||
|
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-effetti tal-partijiet terzi tal-allokazzjonijiet tal-pretensjonijiet u Komunikazzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-effetti proprjetarji tat-tranżazzjonijiet f’titoli |
RNT |
Marzu 2018 |
||
|
Il-Komunikazzjoni "Pjan ta’ Azzjoni: Finanzjament għal Tkabbir Sostenibbli” |
RNT |
Marzu 2018 |
||
|
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv (ECSP) għan-negozju u Komunikazzjoni "Pjan ta’ Azzjoni għall-FinTech: Għal settur finanzjarju Ewropew aktar kompetittiv u innovattiv” |
RNT |
Marzu 2018 |
||
|
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u bonds koperti minn superviżjoni pubblika u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskoperturi fil-forma ta’ bonds koperti |
RNT |
Marzu 2018 |
||
|
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-distribuzzjoni transfruntiera ta’ fondi ta’ investiment kollettiv u proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta’ fondi ta’ investiment kollettiv |
RNT |
Marzu 2018 |
||
|
Qed jitħejjew |
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ kreditu, ix-xerrejja ta’ kreditu u l-irkupru tal-kollateral |
RNT |
Marzu 2018 |
|
|
Ambjent regolatorju proporzjonat li jappoġġja l-elenkar tal-SMEs (Valutazzjoni tal-impatt) |
RNT |
Mejju 2018 |
||
|
Komunikazzjoni dwar l-appoġġ tal-UE għas-swieq tal-kapital lokali |
RNT |
It-tieni trimestru tal-2018 |
||
|
Investiment transfruntier fl-UE: i) valutazzjoni tal-impatt bil-ħsieb li jiġi stabbilit qafas adegwat għar-riżoluzzjoni bonarja tat-tilwim dwar l-investiment; ii) il-Komunikazzjoni interpretattiva li tipprovdi gwida dwar l-istandards eżistenti tal-UE għat-trattament tal-investimenti transfruntier fl-UE |
RNT |
It-tieni/it-tielet trimestru tal-2018 |
||
Nota: (*) “PA” tirreferi għal azzjonijiet li jinsabu fil-Komunikazzjoni “Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali”, COM(2015) 468, 30.9.2015 “RNT” tirreferi għal azzjonijiet li jinsabu fil-Komunikazzjoni “Dwar ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali", COM(2017) 292, 8.6.2017.