Brussell, 8.3.2018

COM(2018) 109 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech: Għal settur finanzjarju Ewropew iktar kompetittiv u innovattiv


Introduzzjoni

Il-FinTech — l-innovazzjoni abbażi tat-teknoloġija fis-servizzi finanzjarji — żviluppat b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar snin u qed taffettwa l-mod kif is-servizzi finanzjarji jiġu prodotti u konsenjati. Il-FinTech 1 tinsab f’salib it-toroq bejn is-servizzi finanzjarji u s-suq uniku diġitali. Is-settur finanzjarju huwa l-akbar utent ta’ teknoloġiji diġitali u jirrappreżenta mutur ewlieni fit-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà. Jeżistu sinerġiji important bejn l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni 2 , l-istrateġija taċ-ċibersigurtà tal-UE 3 , ir-Regolament eIDAS 4 u inizjattivi ta’ servizzi finanzjarji bħall-Pjan ta’ Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji tal-Konsumatur 5 u r-Rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) 6 .

Filwaqt li l-innovazzjoni fil-finanzi mhi xejn ġdid, l-investiment fit-teknoloġija u l-pass tal-innovazzjoni żdiedu b’mod konsiderevoli. Qed jiġu implimentati soluzzjonijiet tal-FinTech li jużaw identifikazzjoni diġitali, applikazzjonijiet tal-mowbajl, cloud computing, analitika tal-big data, intelliġenza artifiċjali, blockchain u teknoloġiji ta’ reġistru distribwit. Teknoloġiji ġodda qed jibdlu l-industrija finanzjarja u l-mod li bih il-konsumaturi u l-kumpaniji jaċċessaw is-servizzi, u qed joħolqu opportunitajiet għal soluzzjonijiet abbażi ta’ FinTech sabiex jipprovdu aċċess aħjar għall-finanzi u jtejbu l-inklużjoni finanzjarja għal ċittadini konnessi diġitalment. Il-FinTech ipoġġi lill-konsumaturi f’pożizzjoni ta’ tmexxija, jappoġġa l-effiċjenza operattiva u jkompli jżid il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE. Il-FinTech huwa importanti wkoll għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Jista’ jgħin japprofonda u jwessa’ s-swieq kapitali tal-UE billi jintegra d-diġitalizzazzjoni biex jinbidlu l-mudelli tan-negozju permezz ta’ soluzzjonijiet iggwidati mid-dejta, pereżempju fl-immaniġġar tal-assi, fl-intermedjazzjoni tal-investiment u fid-distribuzzjoni tal-prodotti 7 .

Il-FinTech jippreżenta wkoll opportunitajiet u sfidi għal konformità u superviżjoni regolatorja. Jista’ jiffaċilita, jissimplifika u jawtomatizza l-konformità u r-rappurtar u jtejjeb is-superviżjoni. Fornituri tas-servizz jistgħu joffru servizzi tal-konformità abbażi tal-FinTech lil entitajiet regolati. Madankollu, l-entitajiet regolati infushom jibqgħu responsabbli biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom. Pereżempju entitajiet soġġetti għal rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta tal-klijent skont ir-regolament kontra l-ħasil tal-flus ma jistgħux jiddelegaw ir-responsabbiltà li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti lil fornituri tas-servizz esterni.

Il-FinTech jippreżenta wkoll sfidi bħalma huma r-riskji marbuta maċ-ċibernetika, kwistjonijiet ta’ ħarsien tad-dejta, tal-konsumatur u tal-investitur u kwistjonijiet ta’ integrità tas-suq. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus joffru salvagwardji fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta personali u l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Suq finanzjarju tal-UE megħjun mit-teknoloġija jirrikjedi konformità sħiħa ma’ dawn is-salvagwardji fundamentali. Riskji ċibernetiċi jdgħajfu l-fiduċja u jirrappreżentaw theddida għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Il-fatt li regolarment iseħħ ksur tas-sigurtà 8 jtenni li l-attakki ċibernetiċi huma ta’ tħassib dejjem akbar. Attakki bħal dawn għandhom jiġu indirizzati b’mod deċiżiv sabiex jimpedixxi u jtaffi kwalunkwe konsegwenza negattiva għas-settur finanzjarju u l-klijenti tiegħu. It-tisħiħ ċibernetiku tas-settur finanzjarju huwa ta’ importanza ewlenija biex jiġi żgurat li huwa mħares sew, li s-servizzi finanzjarji huma mogħtija b’mod effettiv u mingħajr xkiel fl-UE, u li l-fiduċja u l-kunfidenza tal-konsumatur u tas-suq jiġu ppreservati.

L-oqfsa regolatorji u superviżorji tal-Ewropa għandhom jippermettu lill-kumpaniji li joperaw fis-Suq Uniku tal-UE li jibbenefikaw mill-innovazzjoni finanzjarja u jipprovdu lill-klijenti bl-iktar prodotti xierqa u aċċessibbli. Oqfsa bħal dawn għandhom jiżguraw ukoll livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u l-investituri u jiżguraw ir-reżiljenza u l-integrità tas-sistema finanzjarja. Il-benefiċċji tal-innovazzjoni teknoloġika kienu diġà fil-qalba tar-reviżjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament 9 u d-Direttiva u r-Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji 10 .

L-innovazzjoni teknoloġika wasslet għal tipi ġodda ta’ assi finanzjarji bħal kriptoassi. Tali kriptoassi u t-teknoloġija blockchain sottostanti jippromettu għas-swieq u l-infrastrutturi finanzjarji. L-użu tagħhom jippreżenta wkoll riskji, kif ġie mixhud mill-instabbiltà qawwija tal-kriptoassi, il-frodi u dgħufijiet u vulnerabbiltajiet operazzjonali f'boroż tal-kriptoassi. Fil-livell tal-UE, diġà ttieħdet azzjoni biex jiġu indirizzati xi riskji speċifiċi. It-theddida u l-vulnerabbiltà ta’ muniti virtwali u l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ġew evalwati bħala sinifikanti sa sinifikanti ħafna fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu 11 . F’Diċembru 2017, il-leġiżlaturi Ewropej qablu li jestendu l-ambitu tad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus 12 kemm lil skambji ta’ muniti virtwali kif ukoll lil fornituri tal-kartieri. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) ħarġu twissijiet dwar l-ambjent tas-suq spekulattiv għal muniti virtwali u riskji oħra assoċjati mal-kriptoassi 13 . It-twissijiet kollha jippuntaw lejn il-fatt li investiment fil-kriptoassi huwa ta’ riskju għoli u li l-investituri jistgħu jġarrbu telf sostanzjali minħabba l-volatilità tagħhom iżda wkoll minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza tas-suq u l-integrità u dgħjufijiet operazzjonali kif ukoll vulnerabbiltajiet fis-servizzi u ċ-ċentri ta’ negozjar tal-kriptoassi.

Fl-inizjattiva reċenti tagħha li tirrieżamina l-qafas superviżorju Ewropew 14 , il-Kummissjoni pproponiet li jenħtieġ li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej iqisu b’mod sistematiku il-FinTech fl-attivitajiet kollha tagħhom. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (General Data Protection Regulation, GDPR), li se jibda japplika minn Mejju 2018, huwa wkoll ta’ importanza kritika għall-użu xieraq ta’ servizzi finanzjarji innovattivi xprunati mid-dejta 15 bħalma hija l-proposta għal Regolament dwar qafas għall-fluss ħieles ta’ dejta mhux personali fl-UE 16 , li għandu l-għan jiżgura li dejta mhux personali tkun tista’ tiċċaqlaq b’mod ħieles fis-suq uniku. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent transfruntiera ta’ mezzi elettroniċi ta’ identifikazzjoni pprovduti mir-Regolament eIDAS se jipprovdi salvagwardji u jtaffi r-riskji minn teknoloġiji emerġenti, filwaqt jagħmilha iktar faċli li jintlaħqu r-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta tal-klijent u awtentikazzjoni b’saħħitha tal-partijiet f’ambjent diġitali.

Il-FinTech huwa qasam ta’ prijorità fil-livell internazzjonali wkoll, pereżempju għall-G20. Il-Kummissjoni tikkontribwixxi għal diskussjonijiet ta’ politika fil-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja u fora internazzjonali oħra. Għadd dejjem jiżdied ta’ ġurisdizzjonijiet żviluppaw oqfsa regolatorji u ta’ sorveljanza biex jindirizzaw forom speċifiċi ta’ innovazzjoni tal-FinTech. Barra l-Ewropa, ir-regolaturi ffukaw l-aktar fuq strumenti u servizzi u forom alternattivi ta’ finanzjament, bħalma huma l-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari. Għal iktar interazzjoni ma’ żviluppaturi tal-FinTech, għadd ta’ superviżuri (pereżempju l-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, Hong Kong, Singapor u l-Ġappun) stabbilixxew ċentri tal-FinTech. Bosta awtoritajiet żviluppaw ukoll oqfsa ta’ esperimentazzjoni għal kumpaniji innovattivi msejħa “ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja” (eż. l-Awstralja, Hong Kong, Singapore u l-Kanada).

Il-Kummissjoni għandha l-għan li twieġeb għat-talbiet kemm tal-Parlament Ewropew 17 kif ukoll tal-Kunsill Ewropew 18 għal qafas regolatorju aktar orjentat lejn il-futur li jħaddan id-diġitalizzazzjoni u joħloq ambjent fejn prodotti u soluzzjonijiet innovattivi tal-FinTech jistgħu jiġu introdotti fl-UE biex jibbenefikaw mill-ekonomiji tal-iskala tas-suq uniku, mingħajr ma tiġi kompromessa l-istabbiltà finanzjarja jew il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur.

Abbażi tal-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni pubblika 19 ta’ Marzu-Ġunju 2017 u filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi diġà ppreżentati, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-każ għal azzjoni jew riforma leġiżlattiva jew regolatorja wiesgħa fil-livell tal-UE f’dan l-istadju hija limitata. Għadd ta’ inizjattivi mmirati għall-UE biex titħaddan id-diġitalizzazzjoni tas-settur finanzjarju huma, madankollu, meħtieġa.

1.Nippermettu mudelli ta’ negozju innovattivi li jilħqu l-iskala tal-UE

1.1.Nippermettu mudelli ta’ negozju innovattivi li jikbru fl-UE permezz ta’ rekwiżiti ta’ liċenzjar ċari u konsistenti

Fis-settur finanzjarju, kumpaniji huma awtorizzati u ssorveljati abbażi tal-attivitajiet, is-servizzi jew il-prodotti tagħhom, irrispettivament minn jekk jużawx mezzi tradizzjonali jew innovattivi biex jipprovdu dawk is-servizzi. Skont is-servizzi u l-prodotti offruti, kumpaniji jistgħu jkunu awtorizzati u rregolati skont il-liġi tal-UE jew dik nazzjonali, u ma jkunu soġġetti għal ebda regolament speċifiku dwar is-servizzi finanzjarji.

Ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni jippermettu li ssir superviżjoni effikaċi tal-fornituri tas-servizzi biex jiżguraw l-istabbiltà, l-integrità u l-imparzjalità tas-swieq. Jiżguraw ukoll li l-konsumaturi u l-investituri jkunu protetti. Fl-istess ħin, kundizzjonijiet uniformi ta’ operazzjoni jippermettu lill-kumpaniji tas-servizzi finanzjarji tal-UE li jkunu awtorizzati u ssorveljati b’mod xieraq mill-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom li jibbenefikaw minn passaport Ewropew. Dan il-passaport jagħti lil dawn il-kumpaniji l-possibilità li jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Istati Membri l-oħra kollha u li jikbru fis-Suq Uniku sħiħ tal-UE.

Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-FinTech qiesu li l-iktar mudelli ta’ negozju innovattivi jkunu jistgħu jaħdmu skont ir-regoli eżistenti tal-UE, ġaladarba l-qafas leġiżlattiv tal-UE jagħti lok li tiġi applikata l-proporzjonalità fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni.

Madankollu, is-superviżuri jistgħu jadottaw approċċi differenti sabiex jidentifikaw il-qafas leġiżlattiv applikabbli tal-UE u japplikaw il-proporzjonalità meta joħorġu liċenzji għal mudelli ta’ negozju innovattivi 20 . L-Awtorità Bankarja Ewropea identifikat differenzi fir-reġimi ta’ awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni 21 bħala qasam li jeħtieġ aktar attenzjoni. L-EIOPA osservat xejriet simili 22 . Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ukoll riċentement nieda konsultazzjoni dwar “Gwida għal valutazzjonijiet ta’ applikazzjonijiet ta’ liċenzja għal istituzzjoni ta’ kreditu tal-FinTech” 23 .

Servizzi finanzjarji ġodda mhux dejjem jaqgħu kompletament taħt il-qafas regolatorju eżistenti tal-UE; dan huwa l-każ bl-attivitajiet kollettivi u bejn il-pari għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu. Għadd kbir ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-FinTech enfasizzaw li attivitajiet kollettivi ibbażati fuq investiment jew ibbażati fuq self ikunu jibbenefikaw minn qafas regolatorju tal-UE b’saħħtu u proporzjonat. Ħdax-il Stat Membru diġà adottaw reġimi mfassla apposta li ta’ spiss ikunu konfliġġenti u jfixklu l-iżvilupp ta’ Suq Uniku għal servizzi ta’ finanzjament kollettiv. Nuqqas ta’ qafas komuni tal-UE wkoll ifixkel l-abbiltà ta’ fornituri ta’ finanzjament kollettiv li jespandu fis-Suq Uniku prinċipalment minħabba f’kunflitti bejn reġimi ta’ superviżjoni u regolamentazzjoni nazzjonali. Il-qafas tal-UE propost f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni se joffri reġim Ewropew komprensiv tal-passaportar għal dawk l-atturi tas-suq li jiddeċiedu li joperaw bħala fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv Ewropej (European crowdfunding service providers, ECSP). Dan il-qafas se jipprovdi inċentivi lill-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv biex jikbru filwaqt li jiżguraw biżżejjed ħarsien għal investituri u sidien ta’ proġetti.

Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu identifikati rekwiżiti ta’ liċenzjar diverġenti li jaffettwaw lil kumpaniji tal-FinTech. Azzjonijiet ta’ segwitu jistgħu jinkludu:

·il-kjarifika tal-qafas leġiżlattiv tal-UE applikabbli għas-servizzi;

·il-valutazzjoni tal-ħtieġa għal qafas tal-UE biex ikopri mudelli ta’ negozju innovattivi ġodda; kif ukoll

·l-għoti ta’ gwida għal superviżuri nazzjonali biex jiżguraw aktar konverġenza bejn ir-reġimi regolatorji nazzjonali.

Barra minn hekk, is-superviżuri kienu qed jivvalutaw l-iżviluppi tas-suq fi kriptoassi u l-ħolqien ta’ offerti inizjali tal-muniti (ICOs), mod ġdid ta’ finanzjament bl-użu tal-hekk imsejħa “muniti” jew “tokens”. Filwaqt li tali bejgħ tat-tokens jista’ joffri lil kumpaniji modi ġodda u innovattivi ta’ ġbir ta’ kapital, jista’ jippreżenta wkoll riskji ċari għall-investituri. Investimenti spekulattivi fi kriptoassi u tokens tal-ICOs jesponu lil investituri għal riskju sinifikanti tas-suq, għal frodi u għal riskji tas-sigurtà ċibernetika li jirriżultaw minn skambji u fornituri tas-servizzi li jippermettu lill-investituri jixtru kriptoassi u tokens, iżommuhom jew jinnegozjawhom. F’Novembru 2017, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ħarġet żewġ dikjarazzjonijiet 24 li jinformaw lill-investituri dwar ir-riskji potenzjali u sabiex tfakkar lil ICOs li dawn l-attivitajiet jistgħu jaqgħu taħt leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, skont l-istruttura u l-karatteristiċi preċiżi tagħhom. Awtoritajiet fl-UE u madwar id-dinja qed jevalwaw l-ICOs u liem regolamentazzjoni tista’ tkun applikabbli għalihom, filwaqt li ċ-Ċina u l-Korea t’Isfel ipprojbixxewhom.

Iż-żieda rapida fil-prezzijiet u l-volatilità tal-kriptoassi matul dawn l-aħħar xhur teħtieġ fehim aħjar tar-riskji u tal-opportunitajiet li jmorru id f’id mal-użu tagħhom u fehim aħjar tal-applikabbiltà tar-regolamentazzjoni tal-UE. Madankollu, kriptoassi u tokens jistgħu wkoll jiskappaw ir-regolamentazzjoni u l-objettivi tat-trasparenza, tal-governanza u tal-protezzjoni tal-investitur li r-regolamentazzjoni tipprova tikseb. Fi Frar 2018, wara talba mill-Kummissjoni Ewropea, it-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) ippubblikaw twissija konġunta lill-investituri u lill-utenti dwar ir-riskji assoċjati ma’ xiri ta’ kriptoassi 25 . Barra minn hekk, it-tibdiliet li saru fir-raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus li laħqu qbil dwarhom il-Parlament Ewropew u l-Kunsill f’Diċembru 2017 se jnaqqsu l-anonimità u jżidu t-traċċabbiltà ta’ tranżazzjonijiet billi jitolbu li skambji fi kriptoassi u fornituri ta’ portafolli ta’ kustodja fl-Unjoni Ewropea jwettqu identifikazzjoni tal-konsumatur u jeżerċitaw id-diliġenza dovuta.

Valutazzjoni tal-adegwatezza tal-qafas regolatorju attwali tal-UE fir-rigward tal-Offerti Inizjali tal-Muniti u l-kriptoassi b’mod ġenerali hija meħtieġa. Minn naħa, l-għan għandu jkun li jiġi żgurat li l-kumpaniji, l-investituri u l-konsumaturi tal-UE jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn din l-innovazzjoni teknika fi ħdan qafas ġust u trasparenti sabiex l-Ewropa ssir attur ewlieni fl-iżvilupp ta’ modi ġodda biex tiffinanzja rapidament in-negozji li qed jikbru. Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu indirizzati kif xieraq l-istabbiltà finanzjarja potenzjali, l-integrità tas-suq, il-ħarsien tal-investitur u tal-konsumatur, il-protezzjoni tal-informazzjoni personali u r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Peress li l-kriptoassi huma fenomenu dinji, se tkun meħtieġa koordinazzjoni u konsistenza internazzjonali, pereżempju fi ħdan il-G20, il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) u dawk li jistabbilixxu l-istandards finanzjarji internazzjonali. Il-Kummissjoni se taħdem ma’ superviżuri, regolaturi, l-industrija u s-soċjetà ċivili, kemm jekk fl-UE kif ukoll ma’ sħab internazzjonalment, biex tiddetermina kwalunkwe kors ta’ azzjoni ulterjuri li jkun xieraq.

Kaxxa 1

1.Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta proposta għal Regolament tal-UE dwar fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ibbażat fuq investiment u fuq self (ECSP) għan-negozju. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura qafas regolatorju xieraq u proporzjonat li jippermetti pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv li jridu joperaw b’mod transfruntier biex jagħmlu dan b’reġim ta’ passaportar komprensiv taħt superviżjoni unifikata.

2.Il-Kummissjoni tistieden lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, sal-ewwel trimestru 2019, sabiex jimmappjaw il-modi attwali ta’ awtorizzazzjoni u liċenzjar għal mudelli ta’ negozju innovattivi tal-FinTech. B’mod partikulari, għandhom jesploraw kif il-proporzjonalita u l-flessibbiltà fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji huma applikati mill-awtoritajiet nazzjonali. Fejn xieraq, l-ASE għandhom joħorġu linji gwida dwar approċċi u proċeduri jew jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jadattaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji.

3.Matul l-2018, il-Kummissjoni se tkompli l-monitoraġġ tal-iżviluppi ta’ kriptoassi u Offerti Inizjali tal-Muniti mal-ASE, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-FSB kif ukoll dawk li jiffissaw l-istandards internazzjonali. Abbażi tal-valutazzjoni tar-riskji, l-opportunitajiet u l-adegwatezza tal-qafas regolatorju applikabbli, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk hix meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE.

1.2.Inżidu l-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-atturi fis-suq permezz ta’ standards komuni u soluzzjonijiet interoperabbli

Il-produzzjoni u l-forniment ta’ servizzi finanzjarji jeħtieġu li operaturi differenti fil-katina tal-valur jikkooperaw u jinteraġixxu. Suq tal-FinTech madwar l-UE mhux se jilħaq il-potenzjali sħiħ tiegħu mingħajr l-iżvilupp ta’ standards miftuħa li jżidu l-kompetizzjoni, jsaħħu l-interoperabbiltà u jissimplifikaw l-iskambju tad-dejta bejn l-atturi fis-suq u l-aċċess għaliha.

Hemm modi differenti kif tiġi implimentata l-interoperabbiltà. Kumpaniji jew fornituri ta’ teknoloġija jistgħu jiżviluppaw interfaċċji mfassla apposta li partijiet oħra jkollhom jadattaw għalihom. Approċċ ieħor huwa li jintlaħaq kunsens dwar standards ta’ interoperabbiltà għas-suq sħiħ, u b’hekk inaqqas l-isforzi meħtieġa għall-fornituri tas-servizzi biex jiskambjaw dejta ma’ pjattaformi differenti. Jenħtieġ li proċessi li jistipulaw l-istandards ikunu bbażati fuq il-prinċipji ta’ ftuħ, trasparenza u kunsens, skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea. Biex l-istandards ikunu favur il-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-parteċipazzjoni ma tkunx ristretta u li l-proċedura għall-adozzjoni tal-istandard tkun trasparenti, b’hekk jippermettu lill-partijiet interessati jinformaw ruħhom b’mod effettiv dwar il-ħidma ta’ standardizzazzjoni. Jenħtieġ li aċċess effettiv għall-istandard jingħata fuq termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji.

Ħafna minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-FinTech enfasizzaw li huwa prijorità li jiġu żviluppati l-istandards, tiġi promossa l-adozzjoni tagħhom, u żgurata interoperabbiltà bejn is-sistemi. L-approċċ ippreferut ikun immexxi minn parteċipanti tas-suq u tal-industrija, bi żvilupp ta’ standards globali u mhux lokali jew reġjonali. Teżisti domanda partikolari għal standardizzazzjoni akbar tat-teknoloġiji ta’ reġistri distribwiti/blockchain, interfaċċji tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet u ġestjoni tal-identità. Id-Direttiva tas-Servizzi ta’ Pagament riveduta, applikata minn Jannar tal-2018, isservi bħala każ ta’ prova interessanti: il-banek huma meħtieġa li jiftħu kanali ta’ komunikazzjoni għal kumpaniji FinTech li jipprovdu s-servizzi tagħhom abbażi tal-aċċess għall-kontijiet tal-pagamenti. L-iżvilupp ta’ interfaċċji tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet standardizzati jkun joħloq kundizzjonijiet ekwi li jippermettu servizzi ġodda u mtejba f’ambjent tassew miftuħ, filwaqt li jinżammu standards għoljin tal-protezzjoni tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-konsumatur.

Kaxxa 2

1.Il-Kummissjoni se tgħin tiżviluppa modi iktar koordinati dwar l-istandards għall-FinTech sar-raba’ trimestru tal-2018 billi tikkoordina u taħdem ma’ korpi li jistabbilixxu l-istandards, bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni inklużi fiż-żona ta’ blockchain.  

2.Il-Kummissjoni tħeġġeġ u se tappoġġa sforzi konġunti mill-atturi fis-suq biex jiżviluppaw, sa nofs l-2019, interfaċċji tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet standardizzati li jkunu konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament u r-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data Ġenerali bħala bażi għal ekosistema bankarja miftuħa Ewropea li tkopri l-ħlas u kontijiet oħra.

1.3.Faċilitazzjoni tal-ħolqien ta’ mudelli tan-negozju fl-UE permezz ta’ faċilitaturi ta’ innovazzjoni

Kumpaniji innovattivi jintroduċu prodotti ġodda fis-suq jew jipprovdu modi kif jipprovdu servizzi magħrufa sew f’forom innovattivi jew bi prezzijiet aktar kompetittivi. L-innovaturi jeħtieġu li jkunu jistgħu jestendu s-servizzi tagħhom lil bażi kemm jista’ jkun wiesgħa ta’ utenti, u b’hekk jingranaw ekonomiji ta’ skala. Sabiex jibbenefikaw b’mod sħiħ mis-suq uniku l-innovaturi għandhom ikunu jistgħu jużaw passaport Ewropew. Dan jeħtieġ li jissodisfa rekwiżiti regolatorji li jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu ssodisfati. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għal negozji stabbiliti ġodda u għal dawk li jużaw teknoloġiji innovattivi jew mudelli li jistgħu jvarjaw mill-prattiki standard fis-seħħ f’dak iż-żmien li r-regoli ġew adottati.

Approċċi u teknoloġiji innovattivi huma ta’ sfida wkoll għal superviżuri meta jiġu biex jiddeċiedu jekk jawtorizzawx jew le kumpanija jew attività u jiddeterminaw kif għandhom jissodisfaw l-obbligi ta’ superviżjoni tagħhom. It-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni jissuġġerixxu li hemm domanda qawwija fost is-superviżuri biex jifhmu aħjar l-aħħar xejriet tal-Fintech u biex isaħħu l-kuntatti mal-kumapniji u fornituri oħra tat-teknoloġija.

Fl-UE, 13-il Stat Membru stabbilixxew dawk li jissejħu “faċilitaturi tal-FinTech” (ċentri ta’ innovazzjoni 26 jew ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja 27 ) biex jipprovdu gwida ġenerali lil kumpaniji matul il-proċess ta’ awtorizzazzjoni. Dan jippermetti lil dawn il-kumpaniji li jiksbu aċċess aktar malajr fis-suq u jifhmu aħjar ir-regoli u l-aspettattivi superviżorji. Il-faċilitaturi jistgħu jipprovdu wkoll gwida għall-istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti. Mill-perspettiva tas-superviżuri, approċċi bħal dawn jipprovdu sors importanti ta’ informazzjoni, jgħinuhom jiksbu għarfien aħjar tal-mudelli tan-negozju innovattivi u l-iżviluppi tas-suq fi stadju bikri.

Ambjenti esperimentali regolatorji jieħdu l-idea ta’ ċentri tal-innovazzjoni pass oltre billi joħolqu ambjent fejn is-sorveljanza tkun imfassla għal kumpaniji jew servizzi innovattivi. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom japplikaw il-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji rilevanti tal-UE. Madankollu, dawn ir-regoli jinkludu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u l-flessibbiltà inkorporati f’dawn ir-regoli. Dan jista’ jkun partikularment utli fil-kuntest ta’ innovazzjoni teknoloġika.

L-approċċ ta’ ambjent esperimentali ġie appoġġat minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika min-naħa tal-industrija. L-awtoritajiet nazzjonali esprimew opinjonijiet iktar ambigwi: xi superviżuri jqisu li inizjattivi bħal dawn mhumiex parti mill-mandat tagħhom; superviżuri li mhumiex kontra ambjenti esperimentali, min-naħa l-oħra, iqisu li oħrajn għandhom jieħdu inizjattivi simili. Approċċ konsistenti fost is-superviżuri se jrawwem l-introduzzjoni tal-innovazzjoni fis-suq uniku tal-UE.

Riċentament, kemm l-ABE, l-EIOPA kif ukoll l-ESMA immappjaw il-faċilitaturi ta’ innovazzjoni eżistenti madwar l-UE. Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon aktar sforzi biex jiġu identifikati l-aħjar prattiki madwar l-UE u jiġu stabbiliti prinċipji u kriterji komuni għal ċentri ta’ innovazzjoni u ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja. Azzjonijiet oħrajn ta’ segwitu jistgħu jinkludu l-promozzjoni tat-twaqqif ta’ ċentri ta’ innovazzjoni fl-Istati Membri kollha u l-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom. Dan jista’ jwassal biex jitqies qafas tal-UE għall-esperimentazzjoni għall-adozzjoni u l-adattament għal teknoloġiji ġodda.

Kaxxa 3

1.Filwaqt li tibni fuq ħidma reċenti mill-ASE sabiex jimmappjaw il-faċilitaturi tal-FinTech stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, il-Kummissjoni tistieden lill-ASE jwettqu analiżi ulterjuri u jidentifikaw l-aħjar prattiki sar-raba’ trimestru tal-2018 u, fejn xieraq, joħorġu linji gwida dwar dawn il-faċilitaturi.

2.Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet kompetenti fuq il-livelli tal-Istati Membri u tal-UE biex jieħdu inizjattivi biex jiffaċilitaw l-innovazzjoni abbażi ta’ dawn l-aħjar prattiki u tistieden lill-ASE biex jiffaċilitaw kooperazzjoni superviżorja, inklużi l-koordinazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-teknoloġiji innovattivi, l-istabbiliment u l-operat ta’ ċentri ta’ innovazzjoni u ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja, u konsistenza tal-prattiki superviżorji.

3.Abbażi tal-ħidma tal-ASE, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport bl-aħjar prattiki għal ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja sal-ewwel trimestru tal-2019.

2.Appoġġ għat-tnedija ta’ innovazzjoni teknoloġika fis-settur finanzjarju

2.1.Rieżami tal-adegwatezza tar-regoli tagħna u assigurazzjoni tas-salvagwardji għal teknoloġiji ġodda fis-settur finanzjarju

In-newtralità teknoloġika hija waħda mill-prinċipji gwida tal-politiki tal-Kummissjoni.

Madankollu, regoli tal-UE li saru qabel id-data tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi fil-prattika jistgħu ma jkunux dejjem teknoloġikament newtrali lejn dawn l-innovazzjonijiet. Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika, pereżempju, indikaw rekwiżiti jew preferenzi għal żvelar fuq il-karta, jew il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika. In-nuqqas ta’ proċessi ċari u armonizzati biex jiġu identifikati konsumaturi u negozji onlajn, b’konformità sħiħa mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta u kontra l-ħasil tal-flus, kien ukoll meqjus bħala sfida għas-soluzzjonijiet tal-FinTech. Bl-istess mod, dawk li wieġbu esprimew tħassib li l-investiment f’softwer huwa inqas attraenti taħt ir-regoli prudenzjali attwali għall-banek fejn investimenti f’softwer magħmula mill-banek tal-UE iridu jitnaqqssu mill-kapital regolatorju tagħhom, b’kuntrast mat-trattament aktar favorevoli li jgawdu minnu l-banek fl-Istati Uniti.

Il-Kummissjoni diġà tat konsiderazzjoni lil xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet. Fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur 28 , il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiffaċilita l-aċċettazzjoni transkonfinali tal-identifikazzjoni elettronika u proċessi remoti ta’ “kun af il-klijent tiegħek”. L-għan huwa li l-banek ikunu jistgħu jidentifikaw konsumaturi diġitalment f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta u kontra l-ħasil tal-flus, filwaqt li jagħmlu użu sħiħ mill-għodod ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettroniċi pprovduti skont eIDAS. Biex tiffaċilita l-użu tal-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi, il-Kummissjoni waqqfet 29 grupp ta’ esperti apposta dwar l-identifikazzjoni elettronika u proċessi remoti ta’ “kun af il-klijent tiegħek”. L-użu ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji, bħal teknoloġiji ta’ reġistru distribwit u intelliġenza artifiċjali, jista’ jippreżenta sfidi regolatorji addizzjonali. Jenħtieġ li rekwiżiti għal żvelar fuq il-karta jiġu indirizzati. Tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika jistgħu jqajmu tħassib li l-użu ta’ teknoloġiji bħal dawn jistgħu jiġu pprojbiti jew ristretti mir-regoli eżistenti, pereżempju bil-modi li ġejjin:

·applikazzjonijiet abbażi ta’ blockchain jistgħu jqajmu kwistjonijiet ġurisdizzjonali dwar il-liġi applikabbli u kwistjonijiet ta’ responsabilità;

·il-validità legali u l-infurzabbiltà ta’ kuntratti intelliġenti jistgħu jkunu jeħtieġu kjarifika;

·jeżistu inċertezzi dwar l-istatus legali ta’ ICOs u r-regoli applikabbli għalihom, kif stabbilit diġà fil-punt 1.1 hawn fuq;

Iktar analiżi hija meħtieġa biex jiġi evalwat l-estent sa fejn il-qafas legal għas-servizzi finanzjarji huwa teknoloġikament newtrali u kapaċi jakkomoda innovazzjoni tal-FinTech, jew jekk jeħtieġx jiġi adatt għal dan l-għan. Fl-istess ħin, huwa meħtieġ li niżguraw li jkunu rispettati l-istabbiltà finanzjarja, il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur, rekwiżiti kontra l-ħasil tal-flus u l-infurzar tal-liġi.

Kaxxa 4

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta’ esperti biex sat-tieni trimestru tal-2019 jivvaluta jekk hemmx ostakoli regolatorji mhux ġustifikati għall-innovazzjoni finanzjarja fil-qafas regolatorju tas-servizzi finanzjarji.

2.2.Tneħħija tal-ostakli fis-servizzi tal-cloud

Il-cloud computing jista’ jżid l-effiċjenza tal-infrastruttura diġitali li tirfed is-servizzi finanzjarji. L-esternalizzazzjoni tal-ipproċessar tad-dejta u l-kapaċità tal-ħażna lill-fornituri tas-servizzi tal-cloud tnaqqas il-kost ta’ ospitar, infrastruttura u softwer għall-kumpaniji u tista’ tgħin fis-simplifikazzjoni tan-nefqa għall-IT. Fl-istess ħin, tista’ tiżgura prestazzjoni, flessibbiltà u adattabbiltà akbar.

Kumpaniji regolati li jesternalizzaw attivitajiet lil fornitur tas-servizz tal-cloud għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti legali kollha (pereżempju f’termini ta’ ġestjoni xierqa tar-riskji, protezzjoni tad-dejta u superviżjoni adatta minn superviżuri). Partijiet interessati li rrispondew għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni qajmu tħassib li inċertezzi dwar l-aspettattivi tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza finanzjarja kienu qed jillimitaw l-użu tas-servizzi tal-cloud computing. Tali inċertezzi huma dovuti b’mod partikolari għan-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali u interpretazzjonijiet differenti tar-regoli ta’ esternalizzazzjoni 30 .

L-ABE riċentement ippubblikat rakkomandazzjonijiet dwar l-esternalizzazzjoni tas-servizzi tal-cloud 31 . L-ESMA, fl-irwol tagħha bħal superviżur dirett għal aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u repożitorji tat-tranżazzjonijiet, qed tesplora dawn il-kwistjonijiet u għandha l-għan li fl-2018 tiċċara ma’ liem rekwiżiti dawn il-kumpaniji għandhom ikunu konformi meta jesternalizzaw is-servizzi tal-cloud. L-esternalizzazzjoni tas-servizzi tal-cloud hija wkoll parti mill-mandat tal-EIOPA fiż-żona InsurTech. Madankollu, il-kwistjoni jistħoqqilha attenzjoni lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi eżistenti. Tista’ tinkiseb ċertezza addizzjonali jekk l-aspettattivi superviżorji jiġu espressi fil-forma ta’ linji gwida formali ta’ l-ASE 32 .

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi qafas għall-fluss liberu ta’ dejta mhux personali fl-UE għandha l-għan li tneħħi r-restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni ta’ dejta mhux ġustifikati u b’hekk tindirizza waħda mill-problemi ewlenin identifikati. Il-proposta tindirizza wkoll il-kwistjonijiet addizzjonali relatati mal-cloud, bħalma huma l-prevenzjoni tal-intrappolament tal-bejjiegħa minn fornituri tas-servizzi tal-cloud. Biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-Regolament propost b’mod speċifiku f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tas-servizzi tal-cloud, fl-2018 il-Kummissjoni se tiġbor flimkien lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, li jikkonsistu f’utenti tal-cloud u l-awtoritajiet regolatorji.

Kaxxa 5

1.Il-Kummissjoni tistieden lill-ASE biex jesploraw il-ħtieġa għal linji gwida dwar l-esternalizzazzjoni lil fornituri ta’ servizzi cloud sal-ewwel trimestru tal-2019.

2.Fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-Bini ta’ Ekonomija ta’ Data Ewropea, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet ikkonċernati tal-cloud biex jiżviluppaw kodiċijiet ta’ kondotta awtoregolatorji transsettorjali biex jiffaċilitaw il-bdil bejn il-fornituri tas-servizzi tal-cloud. Il-Kummissjoni se tistieden ukoll rappreżentanti mis-settur finanzjarju biex jippermettu portabbiltà tad-dejta iktar faċli anki għal istituzzjonijiet finanzjarji.

3.F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tħeġġeġ u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ klawsoli kuntrattwali standard għall-esternalizzazzjoni tal-cloud minn istituzzjonijiet finanzjarji, tibni fuq l-isforzi tal-partijiet ikkonċernati transettorjali tal-cloud diġà ffaċilitati mill-Kummissjoni, u tiżgura l-involviment tas-settur finanzjarju f’dan il-proċess. Jenħtieġ li din il-ħidma titwettaq permezz ta’ taħlita bbilanċjata ta’ kumpaniji mis-settur finanzjarju u fornituri ta’ servizzi cloud, u jenħtieġ li tindirizza b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-awditjar, ir-rekwiżiti tar-rappurtar jew id-determinazzjoni tal-materjalità tal-attivitajiet li se jiġu esternalizzati.

2.3.Nippermettu applikazzjonijiet tal-FinTech bl-inizjattiva blockchain tal-UE

Teknoloġiji ta’ reġistru distribwit u ta’ blockchain x’aktarx se jwasslu għal kisba sinifikanti li tittrasforma l-mod kif l-assi jew l-informazzjoni jkunu skambjati, validati u aċċessati permezz ta’ netwerks diġitali. X’aktarx li jkomplu jiżviluppaw fis-snin li ġejjin u jsiru komponent ewlieni tal-ekonomija u s-soċjetà diġitali.

Huwa importanti li tiġi evitata l-konfużjoni bejn it-teknoloġiji blockchain u l-kriptoassi (msemmijin hawn fuq), li jirrappreżentaw tip wieħed biss ta’ applikazzjoni ta’ blockchain. Il-blockchain kapaċi jsostni firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet f'setturi varji, li jistgħu ma jkunux limitati għal kriptoassi jew saħansitra qas biss ikunu FinTech.

Is-settur finanzjarju qiegħed imexxi l-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-blockchain b’bosta provi ta’ kunċett u proġetti pilota f’firxa wiesgħa ta’ oqsma bħalma huma pagamenti, titoli, depożiti u self, ġbir tal-kapital, ġestjoni tal-investiment, proviżjonament tas-suq, negozjar u wara n-negozjar kif ukoll il-finanzjament u r-rappurtar tal-kummerċ (eż. RegTech).

Teknoloġiji ta’ reġistru distribwit u blockchain għandhom potenzjal kbir li jixprunaw is-sempliċità u l-effikaċja permezz tal-ħolqien ta’ infrastruttura u proċessi ġdida. Dawn it-teknoloġiji jistgħu jsiru ċentrali għall-infrastruttura futura tas-servizzi finanzjarji. L-applikazzjonijiet li l-aktar ikollhom impatt ikunu jesiġu kollaborazzjoni kbira bejn l-operaturi diġà stabbiliti, l-innovaturi u r-regolaturi biex ikun hemm implimentazzjoni b’suċċess u ta’ benefiċċju. L-ambitu ta’ applikazzjoni potenzjali huwa wiesa’ ħafna u għandu jkun sorveljat mill-qrib.

Minkejja li t-teknoloġiji blockchain għadhom fi stadju bikri, jeħtieġ li jiġu indirizzati għadd ta’ sfidi u riskji. L-Osservatorju u l-Forum tal-UE dwar il-Blockchain 33 , li ġie varat fi Frar tal-2018 għal perjodu ta’ sentejn, għandu l-għan li jissorvelja xejriet u żviluppi, jiġbor flimkien l-għarfien espert biex jindirizza kwistjonijiet settorjali u transsettorjali u jesplora soluzzjonijiet konġunti u każijiet transfruntieri ta’ użu tal-blockchain. Il-Parlament Ewropew appoġġa wkoll it-tnedija tal-Portal ta’ Trasparenza Finanzjarja Ewropew (EFTG), proġett pilota li juża t-teknoloġija tar-reġistru distribwit sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji kollha elenkati fi swieq regolati tat-titoli tal-UE fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Trasparenza 34 . Din l-inizjattiva għandha l-għan li żżid it-trasparenza tas-swieq regolati tal-UE, trawwem kemm integrazzjoni tas-suq kif ukoll likwidità tas-suq, b’konformità mal-għanijiet ta’ unjoni tas-swieq kapitali. Il-Kummissjoni Ewropea bdiet ukoll, pereżempju, il-blockchain għat-trasformazzjonijiet industrijali (#Blockchain4EU) u l-prova ta’ kunċett biex jintuża l-blockchain biex jiffaċilitaw il-ġbir ta’ dazji tas-sisa.

Waqt li kkunsidrat in-natura trasversali tal-blockchain, li tmur lil hinn mis-servizzi finanzjarji u potenzjalment tinkludi s-setturi kollha tal-ekonomija u s-soċjetà, il-Kummissjoni diġà ħadet passi biex tistabbilixxi inizjattiva tal-blockchain tal-UE permezz tat-tnedija tal-Osservatorju u l-Forum tal-UE dwar il-Blockchain. L-inizjattiva se tipproponi azzjonijiet, finanzjament ta’ miżuri u qafas li jippermetti skalabbiltà, jiżviluppa governanza u standards, u jappoġġja interoperabbiltà. Din l-inizjattiva transettorjali mistennija li tippermetti l-adozzjoni bikrija ta’ din it-teknoloġija fis-settur finanzjarju u żżid il-kompetittività tal-Ewropa u t-tmexxija teknoloġika, f’kollaborazzjoni ma’ azzjonijiet oħra f’dan il-pjan ta’ azzjoni (b’mod partikolari, il-verifika tal-adegwatezza tal-leġislazzjoni finanzjarja tal-UE). Tiddependi fuq azzjonijiet pilota appoġġati permezz tal-programm Orizzont 2020, li se jiġi estiż bejn l-2018 u l-2020. Il-Kummissjoni diġà żviluppat ukoll rabtiet mal-Kumitat Tekniku 307 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni dwar il-blockchain u teknoloġiji ta’ reġistru distribwit. Organizzazzjonijiet tal-Istandardizzazzjoni Ewropej 35 ġew mistiedna jieħdu rwol ta’ tmexxija biex jidentifikaw karatteristiċi speċifiċi tal-UE għal blockchain.



Kaxxa 6

1.Il-Kummissjoni se tikkonsulta pubblikament dwar aktar diġitalizzazzjoni ta’ informazzjoni regolata dwar il-kumpaniji elenkati fi swieq regolati tal-UE fit-tieni trimestru tal-2018, inkluża l-implimentazzjoni possibbli ta’ Portal ta’ Trasparenza Finanzjarja Ewropew ibbażat fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit.

2.Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq strateġija komprensiva, waqt li tqis l-implikazzjonijiet legali rilevanti kollha, dwar teknoloġija ta’ reġistru distribwit u l-blockchain u tindirizza s-setturi kollha tal-ekonomija, inkluża li tippermetti applikazzjonijiet FinTech u RegTech fl-UE.

3.Fi Frar 2018, il-Kummissjoni varat Osservatorju u Forum tal-UE dwar il-Blockchain, kif ukoll studju dwar il-fattibbiltà ta’ infrastruttura blockchain pubblika tal-UE għall-iżvilupp ta' servizzi transfruntieri. Se jiġi vvalutat jekk il-blockchain jistax jintuża bħala infrastruttura tas-servizzi diġitali taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa bl-appoġġ tal-Osservatorju u l-Forum tal-UE u l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli tevalwa l-kwistjonijiet legali, ta’ governanza u tal-iskalabbiltà u tappoġġa sforzi tal-interoperabilità u tal-istandardizzazzjoni, inkluż l-evalwazzjoni ulterjuri ta’ każijiet ta’ użu tal-blockchain u l-applikazzjonijiet tiegħu fil-kuntest tal-Internet tal-Ġenerazzjoni li Jmiss.

2.4.Bini ta’ kapaċità u għarfien fost ir-regolaturi u s-superviżuri f’Laboratorju tal-FinTech tal-UE

Ostakli maġġuri li qed jimpedixxu l-industrija finanzjarja milli tadotta teknoloġija ġdida jinkludu nuqqas ta’ ċertezza u ta’ gwida dwar kif tintuża, frammentazzjoni u nuqqas ta’ approċċi komuni bejn regolaturi u superviżuri nazzjonali.

Xi fornituri ta’ teknoloġija diġà jagħmlu sforzi biex jinfurmaw lir-regolaturi u lis-superviżuri dwar in-natura tat-teknoloġiji tagħhom u kif dawn jiġu applikati fis-settur finanzjarju. Madankollu, ħafna awtoritajiet isibuha bi tqila biex jirċievu taħriġ jew jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet meta ospitati minn bejjiegħa magħżula.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi laboratorju tal-FinTech tal-UE sabiex tgħolli l-livell tal-kapaċità regolatorja u superviżorja u l-għarfien dwar teknoloġiji ġodda. Se tagħmel dan permezz ta’ dimostrazzjonijiet u diskussjonijiet bejn esperti f’Laboratorju ta’ teknoloġija finanzjarja newtrali u mhux kummerċjali. Il-Laboratorju se jlaqqa’ flimkien diversi bejjiegħa, b’mod partikolari mill-UE, b’regolaturi u superviżuri li jistgħu jqajmu u jiddiskutu kwistjonijiet regolatorji u superviżorji.

It-teknoloġiji indirizzati jistgħu jinkludu:

·teknoloġiji ta’ awtentikazzjoni u identifikazzjoni,

·każijiet speċifiċi li jużaw it-teknoloġija tar-reġistru distribwit, it-teknoloġija tal-cloud, it-tagħlim awtomatiku u l-intelliġenza artifiċjali,

·l-interfaċċji tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet u l-istandards bankarji miftuħa u

·RegTech.

Kaxxa 7

Il-Kummissjoni se tospita Laboratorju tal-FinTech tal-UE fejn awtoritajiet Ewropej u nazzjonali se jiġu mistiedna jinteraġixxu ma’ fornituri ta’ soluzzjoni teknoloġika fi spazju newtrali u mhux kummerċjali matul sessjonijiet immirati dwar innovazzjonijiet speċifiċi li jibdew fit-tieni trimestru tal-2018.

2.5.Ingranaġġ tat-teknoloġija biex tkun appoġġata d-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ investiment għall-konsumaturi fis-Suq Uniku

Illum, investituri fil-livell tal-konsumatur li jkollhom x’jaqsmu ma’ swieq kapitali jinsabu megħluba mill-kumplessità enormi, il-kost u l-inċertezza assoċjata ma’ prodotti ta’ investiment. Sar progress sinifikanti fit-titjib ta’ komparabbiltà ta’ prodotti ta’ investiment għall-konsumatur b’mod partikolari permezz ta’ rekwiżiti ta’ żvelar. Filwaqt li dan għandu jtejjeb il-kwalità tal-prodotti, investituri fil-livell ta’ konsumatur xorta jiffaċċjaw kostijiet sostanzjali tat-tiftix fl-għażla tal-aktar prodott ta’ investiment adegwat.

Għaldaqstant jenħtieġ li aktar trasparenza sabiex tistimula l-kompetizzjoni u twessa’ l-għażliet għal investituri fil-livell ta’ konsumatur fis-swieq kapitali tkun mirfuda minn soluzzjonijiet xprunati minn dejta li jkunu jużaw teknoloġiji ġodda u iktar effettivi li jiżguraw li l-informazzjoni hija kompluta, komparabbli u aċċessibbli faċilment. Għodod bħal dawn jistgħu jkunu bbażati fuq żvelar aċċessibbli pubblikament u jipprovdu interfaċċja faċli għall-utent li torbot il-bażijiet ta’ dejta eżistenti jew għodod diġitali bħal kalkolaturi onlajn, għodda ta’ paragun, konsulenti awtomatizzati jew fund supermarkets. Għal dan il-għan, hija meħtieġa ħidma sostanzjali biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-settijiet tad-dejta u l-iżvilupp ta’ algoritmi xierqa, filwaqt li jiġi żgurat li r-riżultati jiġu ppreżentati b’mod ġust u faċli biex jinftiehem. Għaldaqstant il-Kummissjoni se teżamina s-sitwazzjoni attwali tal-interfaċċji diġitali xprunati mit-teknoloġija li jgħinu lil individwi sabiex isibu prodotti ta’ investiment fil-livell tal-konsumatur xierqa u effikaċi fis-swieq kapitali tal-UE.

3.Tisħiħ ta’ sigurtà u integrità tas-settur finanzjarju

Iċ-ċibersigurtà għadha fiċ-ċentru tal-azzjoni politika tal-UE u li s-settur finanzjarju tal-UE jsir iktar reżiljenti ċibernetikament hija prijorità politika għall-Kummissjoni. Minkejja dan, attakki ċibernetiċi ta’ profil għoli ġibdu l-attenzjoni fuq il-ħtieġa kontinwa biex jiżguraw ir-reżiljenza u l-integrità tas-sistemi. In-natura transfruntiera ta’ theddid ċibernetiku teħtieġ livell għoli ta’ allinjament tar-rekwiżiti u l-aspettattivi regolatorji u superviżorji nazzjonali. Hekk kif is-settur finanzjarju jsir dejjem iktar dipendenti fuq it-teknoloġija diġitali, huwa essenzjali li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju huwa sikur u reżiljenti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza għal servizzi diġitali biex tinkorpora “approċċ ta’ sigurtà ddiżinjata” u, f’dan ir-rigward, diġà ppreżentat proposta 36 biex toħloq qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-UE għal prodotti u servizzi ta’ sigurtà tal-ICT.

Filwaqt li s-settur finanzjarju huwa mħejji aħjar minn setturi oħra, huwa wkoll l-iktar settur li jinsab taħt attakk. Riskji operazzjonali u ċibernetiċi huma ta’ theddida dejjem ikbar għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u jdgħajfu l-fiduċja li hija kruċjali għas-swieq finanzjarji. Il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi t-theddida potenzjali lill-istabbiltà tas-settur finanzjaru, u għalhekk jappella lill-Kummissjoni biex “tagħmel iċ-ċibersigurtà l-ewwel prijorità fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-FinTech” 37 . Inċidenti ċibernetiċi ripetuti minħabba li ġew sfruttati nuqqasijiet fis-sigurtà bażika f’sistemi u f’organizzazzjonijiet jenfasizzaw l-importanza kritika li tiġi pprattikata l-iġjene ċibernetika fundamentali 38 fi kwalunkwe organizzazzjoni. Miżuri u rekwiżiti iktar stretti ta’ iġjene ċibernetika huma kruċjali sabiex tiġi żgurata l-integrità. Madankollu, il-livell sa fejn il-kumpaniji jkunu soġġetti għal standards ta’ iġjene ċibernetika u jsaħħuhom ivarjaw madwar l-UE, l-iktar skont prattiki tal-industrija u nazzjonali. Fil-livell tal-UE, il-leġiżlazzjoni attwali dwar is-servizzi finanzjarji, b’mod partikolari dik li tkopri l-infrastrutturi u l-pagamenti tas-suq finanzjarju, diġà fiha rekwiżiti speċifiċi dwar l-integrità tar-riżorsi u s-sistemi tal-IT u l-governanza tagħhom. F’oqsma oħra, ir-rekwiżiti huma aktar ġenerali, pereżempju fil-każ ta’ rekwiżiti tal-kontinwità tan-negozju jew tar-riskju operazzjonali ġenerali.

It-traspożizzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni 39 (NIS) dwar rekwiżiti ta’ sigurtà f’servizzi finanzjarji oħra għadha għaddejja. Madankollu, jenħtieġ li jimtlew xi lakuni li jista’ għad hemm fil-leġiżlazzjoni tas-settur finanzjarju tal-UE biex tittejjeb ir-reżiljenza tas-settur. Qabel tittieħed tali azzjoni, jenħtieġ li jiġu studjati bir-reqqa l-prattiki u r-rekwiżiti 40 superviżorji. B’dan il-mod, l-aħjar prattiki fl-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ġenerali jistgħu jiġu identifikati.

Aċċess għal intelliġence dwar it-theddid u skambju ta’ informazzjoni huma wkoll fundamentali għat-titjib taċ-ċibersigurtà. Kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-iskambju tal-intelligence dwar it-theddid fis-settur finanzjarju tal-UE se jgħinu biex jiġu evitati u mitigati theddidiet ċibernetiċi. Uħud minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-FinTech esprimew tħassib li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar theddidiet ċibernetiċi jista’ jiġi ristrett mil-leġiżlazzjoni. Pereżempju jista’ jkun li ma jkunx kompatibbli mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Madankollu, dan ir-Regolament jagħraf li l-ipproċessar ta’ dejta personali li huwa meħtieġ u proporzjonat għall-fini tal-iżgurar tas-sigurtà tan-netwerk u l-informazzjoni jikkostitwixxi interess leġittimu.

Is-superviżuri qegħdin dejjem iżjed iwettqu ttestjar tal-penetrazzjoni u r-reżiljenza biex jivvalutaw l-effettività ta’ difiżi ċibernetiċi u rekwiżiti ta’ sigurtà. Ittestjar rigoruż diġà jikkostitwixxi l-aqwa prattiki fl-industrija, u t-testijiet u l-modalitajiet ta’ ttestjar qed ikunu dejjem iktar meħtieġa mill-awtoritajiet. Peress li l-infrastrutturi tas-suq finanzjarju u tal-istituzzjonijiet joperaw fuq bażi transfruntiera, il-multiplikazzjoni tal-ittestjar tal-oqfsa hija meqjusa li żżid il-kostijiet bla bżonn u potenzjalment iżżid ir-riskji. Il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw il-ħtieġa għal koordinazzjoni regolatorja u superviżorja fil-livell Ewropew. Saħqu li dan għandu jsir flimkien ma’ kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-ġurisdizzjonijiet u fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet dwar ir-riżultati tat-testijiet li n-natura sensittiva tagħhom kellha tiġi protetta. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li l-isforzi li l-BĊE, l-ASE u s-superviżuri nazzjonali qed jagħmlu pereżempju sabiex jiżviluppaw qafas tal-ittestjar Threat Intelligence Based Ethical Red Teaming (TIBER-EU) madwar l-UE huma promettenti. Il-valutazzjoni tar-reżiljenza ċibernetika tal-atturi tas-suq finanzjarju sinifikanti madwar is-settur finanzjarju tal-UE għandha l-potenzjal li b’mod effiċjenti u b’mod effettiv tidentifika vulnerabbiltajiet tal-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-UE kollha kemm hi.

Reżiljenza ċibernetika soda teħtieġ approċċ wiesa’ u kollettiv kif ukoll taħriġ effettiv u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali biex ittejjeb il-ħiliet diġitali fl-Ewropa kollha, inkluż għaċ-ċibersigurtà 41 . In-natura globali inerenti ta’ theddidiet ċibernetiċi għamlitha ċara li l-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji: għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni hija involuta b’mod attiv fil-ħidma tal-G20 u l-G7 dwar iċ-ċibersigurtà fis-servizzi finanzjarji.

Kaxxa 8

1.Fit-tieni trimestru tal-2018, il-Kummissjoni se torganizza workshop pubblika-privata biex tesplora u tevalwa ostakli li jillimitaw il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar theddid ċibernetiku bejn parteċipanti fis-swieq finanzjarji u biex jiġu identifikati soluzzjonijiet potenzjali filwaqt li tiżgura li standards ta’ protezzjoni ta’ data jkunu sodisfatti.

2.Il-Kummissjoni tistieden lill-ASE biex sal-ewwel trimestru tal-2019 jidentifikaw il-prattiki superviżorji eżistenti bejn is-setturi finanzjarji madwar rekwiżiti ta’ sigurtà u governanza tal-ICT, u fejn xieraq: a) li jikkunsidraw joħorġu linji gwida mmirati lejn il-konverġenza u l-infurzar superviżorju tar-rekwiżiti ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ mitigazzjoni tal-ICT fis-settur finanzjarju tal-UE u, b) jekk meħtieġ, jipprovdu lill-Kummissjoni b’pariri tekniċi dwar il-ħtieġa għal titjib leġislattiv.

3.Il-Kummissjoni tistieden lill-ASE biex sar-raba’ trimestru tal-2018 jivvalutaw il-kostijiet u l-benefiċċji tal-iżvilupp ta’ qafas koerenti tal-ittestjar ta’ ċiberreżiljenza għal parteċipanti u infrastrutturi tas-suq sinifikanti fis-settur finanzjarju kollu tal-UE.

KONKLUŻJONIJIET

L-avvanz rapidu tal-FinTech qed jixpruna bidliet strutturali fis-settur finanzjarju. F’ambjent li jinbidel daqstant malajr, regolamentazzjoni preskrittiva u għaġġelija wisq iġġorr ir-riskju ta’ eżiti mhux mixtieqa. Madankollu, hemm ukoll riskji li jekk wieħed joqgħod lura milli jaġġorna l-oqfsa politiċi u regolatorji l-fornituri ta’ servizzi finanzjarji tal-UE jistgħu jitqegħdu fi żvantaġġ f’suq dejjem aktar globali. Hemm ukoll il-possibbiltà, pereżempju fil-każ ta’ ċibersigurtà, li riskji ewlenin jibqgħu ma jiġux indirizzati.

Dan il-pjan ta’ azzjoni tal-FinTech jikkombina kemm miżuri ta’ appoġġ biex jgħinu biex jintroduċu soluzzjonijiet tal-FinTech u miżuri proattivi biex irawmu u jistimulaw soluzzjonijiet ġodda u jiġu indirizzati b’mod determinat l-isfidi u r-riskji emerġenti. Il-Kummissjoni stipulat il-pjanijiet tagħha għal aktar ħidma fuq l-iffaċilitar, l-akkomodazzjoni u, fejn possibbli, it-tħeġġiġ għal innovazzjoni fis-settur finanzjarju, filwaqt li tiżgura f’kull ħin il-preżervazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja u livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-investituri u tal-konsumaturi. Huwa pilastru importanti ta’ approċċ ta’ strateġija usa' għar-regolamentazzjoni fl-ambjent ta’ wara l-kriżi. L-għanijiet huma tlieta: li jiġu sfruttati l-avvanzi rapidi fit-teknoloġija għall-benefiċċju tal-ekonomija, iċ-ċittadini u l-industrija tal-ekonomija tal-UE, li jitrawwem settur finanzjarju Ewropew aktar kompetittiv u innovattiv, u li tiġi żgurata l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-UE.

(1) Il-FinTech huwa terminu użat biex jiddeskrivi innovazzjoni abbażi tat-teknoloġija fis-servizzi finanzjarji li tista' tirriżulta f’mudelli ta’ negozju, applikazzjonijiet, proċessi jew prodotti ġodda u jista’ jkollha effett materjali assoċjat fuq is-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji u kif is-servizzi finanzjarji huma pprovduti. Ara http://www.fsb.org/what-we-do/policy-development/additional-policy-areas/monitoring-of-FinTech/.
(2) COM(2015) 192 finali — Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa.
(3) JOIN/2017/0450 finali — Reżiljenza, Deterrent u Difiża: Bini tas-sigurtà ċibernetika b’saħħitha għall-UE.
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE.
(5) COM/2017/0139 finali — Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji: Prodotti Aħjar, Aktar Għażla.
(6) COM(2017) 292 finali — Komunikazzjoni dwar ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali.
(7) Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, disponibbli hawn.
(8) Fl-2016, is-settur finanzjarju kien fil-mira ta’ attakki ċibernetiċi 65 % iktar ta’ spiss minn kull settur ieħor. Dan irriżulta fi ksur ta’ aktar minn 200 miljun reġistrazzjoni, żieda ta’ 937 % fuq l-2015 meta ftit inqas minn 20 miljun ġew miksura. Sors: IBM ‘Security trends in the financial services sector’, April 2017.
(9) Id-Direttiva 2015/2366/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern.
(10) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u r-Regolament UE 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji.
(11) Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma' attivitajiet transfruntiera. COM(2017)340 finali, 26.6.2017
(12) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
(13) Twissija għall-konsumaturi dwar Muniti Virtwali. EBA/WRG/2013/01 - https://eba.europa.eu/documents/10180/598344/EBA+Warning+on+Virtual+Currencies.pdf ; Opinjoni tal-ABE dwar il-Muniti Virtwali – EBA/Op/2014/08 - https://www.eba.europa.eu/documents/10180/657547/EBA-Op-2014-08+Opinion+on+Virtual+Currencies.pdf ; L-ESMA twissi lill-investituri bir-riskji għolja tal-Offerti Inizjali tal-Muniti ESMA50-157-829 - https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/library/esma50-157-829_ico_statement_investors.pdf ; L-ESMA twissi lil kumpaniji involuti f’Offerti Inizjali tal-Muniti (ICOs) bil-ħtieġa li jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji rilevanti – ESMA50-157-828 - https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/library/esma50-157-828_ico_statement_firms.pdf ; L-ESMA, l-ABE u l-EIOPA jwissu lill-konsumaturi dwar ir-riskji tal-Muniti Virtwali – it-12 ta’ Frar 2018 - https://www.eba.europa.eu/documents/10180/2120596/Joint+ESAs+Warning+on+Virtual+Currencies.pdf
(14) https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/banking-and-finance/financial-supervision-and-risk-management/european-system-financial-supervision_en#reviewoftheesfs .
(15) Il-GDPR joħloq suq uniku ġenwin għall-moviment ħieles ta’ dejta personali b’livell għoli ta’ ħarsien ta’ dejta personali. Il-FinTech għandu jkun kompletament konformi mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali.
(16) Com(2017)495.
(17) Il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni “timplimenta approċċ proporzjonat, transettorjali u olistiku għall-ħidma tagħha fuq il-FinTech” — “Rapport dwar FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju”, Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Relatur: Cora van Nieuwenhuizen, 2016/2243(INI), 28 ta’ April 2017.
(18) EUCO 14/17, CO EUR 17, CONCL 5 ara http://www.consilium.europa.eu/media/21620/19-euco-final-conclusions-en.pdf  Il-Kunsill Ewropew “jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta l-inizjattivi meħtieġa għat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tal-qafas bil-għan li tippermetti lill-UE tesplora swieq ġodda permezz ta’ innovazzjonijiet radikali bbażati fuq ir-riskju u tafferma mill-ġdid ir-rwol mexxej tal-industrija tagħha”, 19 ta’ Ottubru 2017.
(19)   https://ec.europa.eu/info/finance-consultations-2017-fintech_en  
(20) Bħalma huma pjattaformi onlajn li jaġixxu bħala intermedjarji/sensara, assigurazzjoni bejn il-pari, muniti virtwali u pariri awtomatizzati dwar l-investiment, Offerta Inizjali tal-Muniti, eċċ.
(21)   https://www.eba.europa.eu/-/eba-publishes-a-discussion-paper-on-its-approach-to-fintech .
(22)   https://eiopa.europa.eu/Publications/Reports/Sixth%20Consumer%20Trends%20report.pdf  
(23)   https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/pr/date/2017/html/ssm.pr170921.en.html .
(24)

https://www.esma.europa.eu/press-news/esma-news/esma-highlights-ico-risks-investors-and-firms , 13 ta’ Novembru 2017

(25) L-ESMA, l-ABE u l-EIOPA jwissu lill-konsumaturi dwar ir-riskji tal-Muniti Virtwali – it-12 ta’ Frar 2018 - https://www.eba.europa.eu/documents/10180/2120596/Joint+ESAs+Warning+on+Virtual+Currencies.pdf
(26) Ara ABE/DP/2017/02 — “Ċentru ta’ innovazzjoni” tfisser arranġament istituzzjonali fejn entitajiet regolati jew mhux regolati (jiġifieri kumpaniji mhux awtorizzati) jitrattaw mal-awtorità kompetenti biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-FinTech (jiskambjaw informazzjoni u fehmiet, eċċ.) u jfittxu kjarifika dwar il-konformità ta’ mudelli tan-negozju mal-qafas regolatorju jew fuq rekwiżiti regolatorji/ta’ liċenzjar (jiġifieri gwida individwali lil kumpanija fuq l-interpretazzjoni tar-regoli applikabbli).
(27) Ara ABE/DP/2017/02 — “Ambjenti esperimentali” regolatorji jipprovdu istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji mhux finanzjarji bi spazju kkontrollat li fih ikunu jistgħu jittestjaw soluzzjonijiet innovattivi tal-FinTech bl-appoġġ ta’ awtorità għal perjodu ta’ żmien limitat, li jippermettilhom jivvalidaw u jittestjaw il-mudell tan-negozju tagħhom f’ambjent sikur.
(28) COM(2017) 139 finali.
(29) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 8405 tal-14 ta’ Diċembru 2017.
(30) Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni FinTech ipproponew li ftehimiet kuntrattwali standardizzati bejn il-fornituri tas-servizzi tal-cloud u finanzjarji jistgħu jirriflettu aħjar ir-restrizzjonijiet regolatorji settorjali tagħhom (bħal obbligi ta’ verifika, jew ir-rekwiżiti għal spezzjonijiet fuq il-post). Restrizzjonijiet fuq il-lokalizzazzjoni ta’ dejta minn awtoritajiet pubbliċi kienu jikkostitwixxu ostaklu importanti ieħor identifikat minn dawk li wieġbu. Fil-kuntest ta’ suq konċentrat ħafna għas-servizzi tal-cloud, istituzzjonijiet u superviżuri finanzjarji semmew ukoll ir-riskju ta’ dipendenza għolja fuq għadd żgħir ta’ fornituri mhux tal-UE u l-ħtieġa li jiġi evitat li l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej jiġu intrappolati ma’ fornituri.
(31) ABE/REC/2017/03, Recommendations on outsourcing to cloud service providers, Diċembru 2017, disponibbli hawnhekk .
(32) Fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, il-koordinazzjoni tal-approċċi meħuda mis-superviżuri tal-Protezzjoni tad-Data hija diġà regolata taħt il-GDPR.
(33)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/pre-information-notice-eu-blockchain-observatory-forum .
(34) Id-Direttiva 2013/50/UE.
(35) CEN, CENELEC u ETSI.
(36) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ENISA, “l-aġenzija għaċ-ċibersigurtà tal-UE” u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013, u dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (“l-Att taċ-Ċibersigurtà”)
(37) “Rapport dwar FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju”, Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Relatur: Cora van Nieuwenhuizen, 2016/2243(INI), 28 ta’ April 2017.
(38) ENISA, Review of the Cyber Hygiene practices, Diċembru 2016, p.14, disponibbli hawnhekk .L-iġjene ċibernetika hija prinċipju fundamentali marbut mas-sigurtà ta’ l-informazzjoni […], hija l-ekwivalenti għall-istabbiliment ta’ miżuri sempliċi ta’ rutina sabiex jitnaqqsu r-riskji minn theddidiet ċibernetiċi. Is-suppożizzjoni bażika hija li l-prattiki tajba ta’ iġjene ċibernetika jistgħu jixprunaw aktar l-immunità fost in-negozji u jnaqqsu r-riskju li organizzazzjoni vulnerabbli waħda tkun użata biex jitwettqu attakki jew tiġi kompromessa katina tal-provvista.
(39) Id-Direttiva (UE) 2016/1148.
(40) Il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, Stocktake of publicly released cybersecurity regulations, guidance and supervisory practices, Ottubru 2017, pp. 65-70, disponibbli hawnhekk (għad irid jiġi kkonfermat).
(41) Azzjoni 7 tal-pjan ta’ azzjoni tal-edukazzjoni diġitali għandha l-għan li tindirizza l-isfidi tal-bidla diġitali billi tvara: (i) kampanja ta’ ħolqien tal-kuxjenza mal-UE kollha li timmira l-edukaturi, il-ġenituri u l-istudenti biex jitrawmu s-sigurtà online, l-iġjene ċibernetika u l-litteriżmu medjatiku; u (ii) inizjattiva dwar it-tagħlim taċ-ċibersigurtà li tibni fuq il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini, biex in-nies jingħataw is-setgħa ħalli jużaw it-teknoloġija b’mod kunfidenti u responsabbli.

Brussell, 8.3.2018

COM(2018) 109 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech: Għal settur finanzjarju Ewropew iktar kompetittiv u innovattiv


Anness — Ħidma tal-inizjattivi inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-FinTech

Dan l-anness jipprovdi idea ġenerali tal-inizjattivi inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-FinTech.

NIPPERMETTU MUDELLI TA’ NEGOZJU INNOVTATIVI LI JILĦQU L-ISKALA TAL-UE

Kaxxa 1

Rekwiżiti ta’ liċenzjar ċari u konverġenti għal kumpaniji tal-FinTech

Il-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal Regolament tal-UE dwar fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ibbażat fuq investiment u fuq self (ECSP) għan-negozju.

L-ewwel trimestru tal-2018

Il-Kummissjoni tistieden lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej sabiex jimmappjaw il-modi attwali ta’ awtorizzazzjoni u liċenzjar għal mudelli ta’ negozju innovattivi tal-FinTech. B’mod partikulari, għandhom jesploraw kif il-proporzjonalita u l-flessibbiltà fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji huma applikati mill-awtoritajiet nazzjonali. Fejn xieraq, l-ASE (Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Ewropej) għandhom joħorġu linji gwida dwar approċċi u proċeduri jew jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jadattaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji.

L-ewwel trimestru tal-2019

Il-Kummissjoni se tkompli l-monitoraġġ tal-iżviluppi ta’ kriptoassi u Offerti Inizjali tal-Muniti mal-ASE, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-FSB kif ukoll dawk li jiffissaw l-istandards internazzjonali matul l-2018. Abbażi tal-valutazzjoni tar-riskji, l-opportunitajiet u l-adegwatezza tal-qafas regolatorju applikabbli, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk hix meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE.

Sar-raba’ trimestru tal-2018

Kaxxa 2

Standards komuni u soluzzjonijiet interoperabbli għall-FinTech

Il-Kummissjoni se tgħin tiżviluppa modi iktar koordinati dwar l-istandards għall-FinTech billi tikkoordina u taħdem ma’ korpi li jistabbilixxu l-istandards, bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni inkluż fil-qasam tal-blockchain.

Ir-raba’ trimestru tal-2018

Il-Kummissjoni tħeġġeġ u se tappoġġa sforzi konġunti mill-atturi fis-suq biex jiżviluppaw, sa nofs l-2019, interfaċċji tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet standardizzati li jkunu konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament u r-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data Ġenerali bħala bażi għal ekosistema bankarja miftuħa Ewropea li tkopri l-ħlas u kontijiet oħra.

It-tieni trimestru tal-2019

Kaxxa 3

Nippermettu mudelli ta’ negozju innovattivi li jikbru fl-UE permezz ta’ faċilitaturi ta’ innovazzjoni

Filwaqt li tibni fuq ħidma reċenti mill-ASE sabiex jimmappjaw il-faċilitaturi tal-FinTech stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, il-Kummissjoni tistieden lill-ASE jwettqu analiżi ulterjuri u jidentifikaw l-aħjar prattiki u, fejn xieraq, joħorġu linji gwida dwar dawn il-faċilitaturi.

Ir-raba’ trimestru tal-2018

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet kompetenti fuq il-livelli tal-Istati Membri u tal-UE biex jieħdu inizjattivi biex jiffaċilitaw l-innovazzjoni abbażi ta’ dawn l-aħjar prattiki u tistieden lill-ASE biex jiffaċilitaw kooperazzjoni superviżorja, inklużi l-koordinazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-teknoloġiji innovattivi, l-istabbiliment u l-operat ta’ ċentri ta’ innovazzjoni u esperimentazzjoni regolatorja, u konsistenza tal-prattiki superviżorji.

L-ewwel trimestru tal-2019

Abbażi tal-ħidma tal-ASE, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport bl-aħjar prattiki għall-esperimentazzjoni regolatorja

Sal-ewwel trimestru tal-2019

APPOĠĠ GĦAT-TNEDIJA TA’ INNOVAZZJONI TEKNOLOĠIKA FIS-SETTUR FINANZJARJU

Kaxxa 4

Analiżi tal-Adegwatezza tan-Newtralità tat-Teknoloġija

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta’ esperti biex jivvaluta jekk hemmx ostakoli regolatorji mhux ġustifikati għall-innovazzjoni finanzjarja fil-qafas regolatorju tas-servizzi finanzjarji.

It-tieni trimestru tal-2019

Kaxxa 5

Tneħħija tal-ostakli għall-użu tas-servizzi tal-cloud

Il-Kummissjoni tistieden lill-ASE biex jesploraw il-ħtieġa għal linji gwida dwar l-esternalizzazzjoni lil fornituri ta’ servizzi cloud sal-ewwel trimestru tal-2019.

L-ewwel trimestru tal-2019

Fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-Bini ta’ Ekonomija ta’ Data Ewropea, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet ikkonċernati tal-cloud biex jiżviluppaw kodiċijiet ta’ kondotta awtoregolatorji transsettorjali biex jiffaċilitaw il-bdil bejn il-fornituri tas-servizzi tal-cloud. Il-Kummissjoni se tistieden ukoll rappreżentanti mis-settur finanzjarju biex jippermettu portabbiltà tad-dejta iktar faċli anki għal istituzzjonijiet finanzjarji.

It-tieni trimestru tal-2018

Il-Kummissjoni se tħeġġeġ u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ klawsoli kuntrattwali standard għall-esternalizzazzjoni tal-cloud minn istituzzjonijiet finanzjarji, tibni fuq l-isforzi tal-partijiet interessati transettorjali tal-cloud diġà iffaċilitati mill-Kummissjoni, u tiżgura l-involviment tas-settur finanzjarju f’dan il-proċess. Jenħtieġ li din il-ħidma titwettaq permezz ta’ taħlita bbilanċjata ta’ kumpaniji mis-settur finanzjarju u fornituri ta’ servizzi cloud, u jenħtieġ li tindirizza b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-awditjar, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar jew id-determinazzjoni tal-materjalità tal-attivitajiet li se jiġu esternalizzati.

It-tieni trimestru tal-2019

Kaxxa 6

Inizjattiva Blockchain Pubblika tal-UE

Il-Kummissjoni se tikkonsulta pubblikament dwar aktar diġitalizzazzjoni ta’ informazzjoni regolata dwar il-kumpaniji elenkati fi swieq regolati tal-UE, inkluża l-implimentazzjoni possibbli ta’ Portal ta’ Trasparenza Finanzjarja Ewropew ibbażat fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit.

It-tieni trimestru tal-2018

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq strateġija komprensiva, waqt li tqis l-implikazzjonijiet legali rilevanti kollha, dwar teknoloġija ta’ reġistru distribwit u l-blockchain fejn tindirizza s-setturi kollha tal-ekonomija, inkluża li tippermetti applikazzjonijiet FinTech u RegTech fl-UE.

Fi Frar 2018, il-Kummissjoni varat Osservatorju u Forum tal-UE dwar il-Blockchain, kif ukoll studju dwar il-fattibbiltà ta’ infrastruttura blockchain pubblika tal-UE biex jiġu żviluppati servizzi transfruntieri. Se jkun ivvalutat jekk block chain jistax jintuża bħala infrastruttura ta’ servizzi diġitali skont il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Bl-appoġġ tal-Osservatorju u l-Forum tal-UE u l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli tevalwa l-kwistjonijiet legali, ta’ governanza u tal-iskalabbiltà u tappoġġa sforzi tal-interoperabilità u tal-istandardizzazzjoni, inkluż l-evalwazzjoni ulterjuri ta’ każijiet ta’ użu tal-blockchain u l-applikazzjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ Internet tal-Ġenerazzjoni li Jmiss.

Mill-ewwel trimestru tal-2018

Kaxxa 7

Bini ta’ kapaċità u għarfien f’Laboratorju tal-FinTech tal-UE

Il-Kummissjoni se tospita Laboratorju tal-FinTech tal-UE fejn awtoritajiet Ewropej u nazzjonali se jiġu mistiedna jidħlu f’kuntatt ma’ fornituri ta’ soluzzjoni teknoloġika fi spazju newtrali u mhux kummerċjali matul sessjonijiet immirati dwar innovazzjonijiet speċifiċi.

It-tieni trimestru tal-2018

TISĦIĦ TAS-SIGURTÀ U R-REŻILJENZA TAS-SETTUR FINANZJARJU

Kaxxa 8

Tisħiħ tar-reżiljenza ċibernetika tas-Settur Finanzjarju tal-UE

Il-Kummissjoni se torganizza workshop pubblika-privata biex tesplora u tevalwa ostakli li jillimitaw il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar theddid ċibernetiku bejn parteċipanti fis-swieq finanzjarji u biex tidentifika soluzzjonijiet potenzjali filwaqt li tiżgura li standards ta’ protezzjoni ta’ data jkunu sodisfatti.

It-tieni trimestru tal-2018

Il-Kummissjoni tistieden lill-ASE biex jidentifikaw il-prattiki superviżorji eżistenti bejn is-setturi finanzjarji madwar rekwiżiti ta’ sigurtà u governanza tal-ICT, u fejn xieraq: a) li jikkunsidraw joħorġu linji gwida mmirati lejn il-konverġenza u l-infurzar superviżorju tar-rekwiżiti ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ mitigazzjoni tal-ICT fis-settur finanzjarju tal-UE u, b) jekk meħtieġ, jipprovdu lill-Kummissjoni b’pariri tekniċi dwar il-ħtieġa għal titjib leġislattiv.

L-ewwel trimestru tal-2019

Il-Kummissjoni tistieden lill-ASE biex jivvalutaw il-kostijiet u l-benefiċċji tal-iżvilupp ta’ qafas koerenti tal-ittestjar ta’ ċiberreżiljenza għal parteċipanti u infrastrutturi tas-suq sinifikanti fis-settur finanzjarju kollu tal-UE.

Ir-raba’ trimestru tal-2018