IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.2.2018
COM(2018) 66 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)
{SWD(2018) 44 final}
Introduzzjoni
It-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività tal-Ewropa jiddependu fuq konnettività effiċjenti, kemm fl-Ewropa kif ukoll mal-bqija tad-dinja. Il-kisba ta’ infrastrutturi tat-trasport, tal-enerġija u diġitali interkonnessi tajjeb, interoperabbli u mmaniġġati b’mod effiċjenti fl-Ewropa teħtieġ l-abbiltà ta’ ppjanar u investiment b’aproċċ koordinat fit-tul fil-livell tal-UE.
Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF, Connecting Europe Facility) hija programm komuni ta’ finanzjament għall-infrastrutturi tat-trasport, tal-eneġija u tat-telekomunikazzjonijiet, immaniġġat ċentralment, b’baġit disponibbli ta’ EUR 30.4 biljun għas-snin 2014 sal-2020. Dan il-programm ġie stabbilit bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv u l-objettivi ‘20-20-20’ tal-UE fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija u l-klima.
Ibbażat fuq il-linji gwida settorjali rispettivi, is-CEF jappoġġja l-iżvilupp tan-netwerks trans-Ewropej (TEN) bil-għan li jtejjeb il-koeżjoni fis-suq intern u l-kompetittività tal-UE fis-suq globali. L-objettiv ġenerali tas-CEF huwa li jrawwem l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jikkontribwixxu għat-tkomplija tat-TEN. Dan huwa rifless fil-prijoritajiet stabbiliti fil-linji gwida għat-tliet setturi tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet. Is-CEF jindirizza l-fallimenti tas-suq, jiffoka fuq proġetti ta’ valur miżjud Ewropew għoli u jgħin biex jaġevola aktar investiment mis-settur privat.
Kif deskritt fil-Komunikazzjoni dwar il-baġit għall-Ewropa 2020
, il-Kummissjoni qieset li "filwaqt li s-suq jista’ u għandu jiġġenera l-biċċa l-kbira tal-investimenti, hemm il-ħtieġa li jiġi indirizzat il-falliment tas-suq – biex jiġu eliminati nuqqasijiet persistenti, jitneħħew l-ostakli u jiġu żgurati konnessjonijiet transkonfinali adegwati. Madankollu, l-esperjenza turi li l-baġits nazzjonali qatt ma huma se jagħtu prijorità għolja biżżejjed lil investimenti transkonfinali f’bosta pajjiżi biex jarmaw is-Suq Uniku bl-infrastruttura meħtieġa. Dan huwa eżempju ieħor tal-valur miżjud tal-baġit tal-UE. Huwa jista’ jassigura fondi għall-proġetti pan-Ewropej li jgħaqqdu ċ-ċentru u l-periferija għall-benefiċċju ta’ kulħadd. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi l-ħolqien ta’ Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jitħaffef l-iżvilupp tal-infrastruttura li l-UE teħtieġ.”
Il-ħtiġijiet ta’ investiment fit-tliet setturi kienu stmati li huma madwar EUR 970 biljun meta s-CEF ġie propost fl-2011. Kien mistenni li l-biċċa l-kbira ta’ dan l-investiment isir mis-settur privat, b’appoġġ pubbliku fil-livell nazzjonali jew jitrawwem b’miżuri regolatorji. Madankollu, il-valutazzjoni tal-impatt identifikat ukoll "il-ħtieġa li jiġi indirizzat il-falliment tas-suq — biex jiġu eliminati nuqqasijiet persistenti, jitneħħew l-ostakli u jiġu żgurati konnessjonijiet transkonfinali adegwati".
Skont ir-Regolament tas-CEF, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-benefiċjarji kkonċernati, meħtieġa tippreżenta rapport dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tas-CEF lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017. L-evalwazzjoni tivvaluta l-prestazzjoni ġenerali tal-programm fid-dawl tal-objettivi ġenerali u settorjali tiegħu, kif ukoll meta mqabbla ma’ dak li jkun inkiseb b’riżultat ta’ azzjoni nazzjonali jew tal-UE.
L-evalwazzjoni dettaljata hija ppreżentata fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni (SWD) li jakkompanja din il-Komunikazzjoni. Skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni, l-evalwazzjoni saret skont ħames kriterji: l-effikaċja, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE. Il-valutazzjoni dettaljata skont dawn il-kriterji tinsab fl-SWD, filwaqt li din il-Komunikazzjoni tenfasizza s-sejbiet ewlenin minn dan il-proċess.
1
Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa qed tappoġġja proġetti fejn l-UE tagħmel differenza
1.1
L-iżvilupp ta’ infrastrutturi li jgħaqqdu
Il-politika tal-UE fil-qasam tal-infrastruttura għandha tliet dimensjonijiet ewlenin:
-Ippjanar komuni fit-tul tal-iżvilupp tal-infrastruttura fir-rigward kemm tal-iskop ġeografiku kif ukoll tal-karatteristiċi tekniċi tiegħu (b’approċċi differenti adattati għal kull settur);
-sett ta’ miżuri regolatorji biex jiġi ffaċilitat l-investiment;
-strument ta’ finanzjament speċifiku, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
L-esperjenza bis-CEF sal-lum turi interazzjoni pożittiva qawwija bejn dawn it-tliet dimensjonijiet. L-ippjanar fit-tul ifisser li jista’ jitħejja pipeline ta’ proġetti fl-Istati Membri, filwaqt li, il-possibbiltà ta’ appoġġ għal investimenti b’dimensjoni Ewropea ċara tippermetti l-iżvilupp ta’ netwerks aktar integrati. Bħala eżempju, fit-trasport il-possibbiltà ta’ appoġġ għal sezzjonijiet ewlenin ta’ infrastruttura transkonfinali tiffaċilita l-iżvilupp ta’ approċċ ta’ kuritur fost l-Istati Membri, li jwassal għall-ippjanar koerenti ta’ sezzjonijiet nazzjonali. Fl-eneġija, il-proċess dinamiku li tiġi stabbilita kull sentejn lista ta’ proġetti ta’ interess komuni (PCIs) li jinsabu f’kurituri ta’ prijorità u oqsma tematiċi jassigura kemm l-ippjanar fit-tul kif ukoll l-adattazzjoni għal ħtiġijiet tal-ġejjieni. Fit-telekomunikazzjonijiet, il-linji gwida tat-telekomunikazzjoni tas-CEF jelenkaw l-elementi fundamentali u l-infrastrutturi ta’ servizzi diġitali speċifiċi għas-settur (DSIs) eliġibbli għall-finanzjament.
Tliet snin u nofs wara li tnieda, it-tip ta’ proġetti kofinanzjati mis-CEF jaqbel strettament mal-ambizzjoni tal-UE li: (i) iżżid il-konnettività fuq skala Ewropea għat-tliet setturi u; (ii) tikkonċentra l-appoġġ fuq il-beni pubbliċi ta’ dimensjoni Ewropea. Is-CEF jikkontribwixxi għall-prijoritajiet tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, is-suq intern, l-Unjoni tal-Enerġija u l-klima u s-Suq Uniku Diġitali, b’hekk isaħħaħ il-kompetittività globali tal-UE. Barra minn hekk, is-CEF jipprovdi sehem sostanzjali tal-finanzjament tal-UE għall-proġetti tat-trasport u tal-enerġija b’kontribuzzjoni qawwija biex tiġi dekarbonizzata l-ekonomija Ewropea, b’hekk jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-UE għat-tnaqqis fl-emissjonijiet skont il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.
Fit-trasport, ingħatat prijorità lill-proġetti li joħolqu jew itejbu l-konnessjonijiet transkonfinali, jitkomplew il-konnessjonijiet nieqsa u jitneħħew l-ostakli. Dawn jistgħu jkunu proġetti li jaffettwaw sezzjonijiet fiżiċi tan-netwerk jew programmi fil-livell tal-UE biex jiġu żviluppati sistemi ta’ ġestjoni tat-traffiku li huma effiċjenti, interoperabbli u aktar siguri għall-modalitajiet differenti tat-trasport. L-objettiv tal-finanzjament ‘tas-CEF tat-Trasport’ dwar l-infrastruttura tat-trasport transkonfinali jirrappreżenta 86% tal-fondi attwalment allokati għat-trasport (EUR 18.35 biljun). L-eżempji jinkludu l-Fehmarn Belt (mina multimodali bejn id-Danimarka u l-Ġermanja), il-proġett Rail Baltica, li jtejjeb il-konnessjonijiet tal-Lvant u l-Punent bejn il-Polonja, il-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja, u l-implimentazzjoni tas-SESAR (Riċerka dwar (il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru) l-Ajru Uniku Ewropew). Fl-aħħar mill-aħħar, is-CEF qed jagħmel kontribuzzjoni konkreta għall-ambizzjoni li jinkiseb qasam tat-trasport uniku Ewropew.
Fl-enerġija, is-CEF indirizza ostakli għal suq tal-eneġija tal-UE integrat aħjar billi saħħaħ il-konnessjonijiet transkonfinali. L-għanijiet speċifiċi huma biex jispiċċa l-iżolament tal-enerġija u jitneħħew l-ostakli. Skont l-objettivi tiegħu "is-CEF tal-Enerġija" jappoġġja proġetti li għandhom esternalitajiet sinifikanti. Dan ikkontribwixxa biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista fl-Istati Membri fejn din il-kwistjoni hija l-aktar urġenti. L-eżempji jinkludu l-Interkonnettur tal-Gass Polonja- Litwanja, l-ewwel interkonnettur tal-gass bejn ir-reġjun tal-Baħar Baltiku tal-Lvant u l-Ewropa kontinentali, u l-Balticonnector, l-ewwel interkonnettur tal-gass bejn il-Finlandja u l-Estonja. Is-sostenibbiltà ġiet indirizzata b’appoġġ għall-proġetti tal-elettriku innovattivi billi ġew kofinanzjati studji u xogħlijiet importanti: konnessjoni ta’ 600 km taħt il-baħar bejn l-Irlanda u Franza, il-ħażna ta’ arja kkompressata tal-enerġija fl-Irlanda ta’ Fuq u proġett ta’ grilji intelliġenti bejn is-Slovenja u l-Kroazja.
Fit-telekomunikazzjonijiet, ingħatat prijorità lill-implimentazzjoni ta’ servizzi diġitali trans-Ewropej b’soluzzjonijiet tekniċi maturi u organizzattivi, kif elenkat fil-linji gwida tat-telekomunikazzjoni. Dawn ikopru oqsma diversi bħalma hi l-identifikazzjoni elettronika — li tindirizza l-isfida tal-għarfien transkonfinali ta’ mekkaniżmi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa fuq livell nazzjonali (identifikazzjoni elettronika jew teknoloġija tal-identità elettronika) li jippermettu l-Ewropej jaċċessaw servizzi pubbliċi online madwar l-Ewropa bla xkiel, — u servizzi tas-saħħa interoperabbli — li jiffaċilitaw il-kontinwità tal-kura u s-sigurtà tal-pazjent għal ċittadini li jfittxu kura tas-saħħa transkonfinali u hekk jippermettu l-iskambju tad-dejta dwar is-saħħa bejn il-fruntieri nazzjonali-. Peress li dawn is-servizzi transkonfinali jgħinu biex titjieb il-ħajja ta’ kuljum tal-Ewropej permezz tal-inklużjoni u l-konnettività diġitali, huma essenzjali għall-kisba tas-suq uniku diġitali. Madankollu, l-evalwazzjoni sabet li l-linji gwida tat-telekomunikazzjonijiet jillimitaw l-abbiltà tal-programm li jieħu vantaġġ sħiħ mill-aħħar żviluppi teknoloġiċi u jindirizzaw il-prijoritajiet ġodda li ħarġu sussegwentement fl-aġenda politika.Minħabba l-limitazzjonijiet fir-riżorsi, s’issa l-appoġġ għal broadband kien iffukat fuq:(i) attivitajiet ta’ assistenza teknika li jistgħu jgħinu biex proġetti b’argument ta’ vijabbiltà diffiċli jimmaterjalizzaw; u (ii) strumenti finanzjarji b’ingranġġ potenzjali sinifikanti.
1.2
Iffukar fuq il-valur miżjud tal-UE
L-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-konnettività huma għoljin ħafna fit-tliet setturi koperti bil-programm. Għat-trasport, kalkoli riċenti mill-Kummissjoni kkonfermati fil-pjanijiet tax-xogħol tal-Koordinaturi tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni juru li l-investiment meħtieġ fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T jammonta għal EUR 750 biljun u dan biss sal-2030, u madwar it-triplu ta' dan l-ammont inkluż in-netwerk komprensiv u investimenti oħra marbuta mat-trasport bħalma huma t-trasport urban, id-diġitalizzazzjoni u l-manutenzjoni.
Fl-enerġija, l-investiment meħtieġ għal proġetti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala PCIs jammonta għal EUR 179 biljun matul il-perjodu 2021-2030, l-ikbar sehem bla dubju huwa fis-settur tal-elettriku. Fit-telekomunikazzjonijiet, x’jiswa b’madwar EUR 500 biljun f’investimenti huma stmati li se jkunu meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi fuq il-konnettività tal-gigabits sal-2025, jew EUR 155 biljun aktar minn dak li jista’ jkun mistenni abbażi tax-xejriet tal-investiment attwali. Madankollu, dawn il-kalkoli ma jinkludux aktar investimenti li huma meħtieġa biex titkompla l-implimentazzjoni tad-DSIs transkonfinali.
Barra dan, il-fallimenti tas-suq jippersistu għal proġetti li għandhom l-għan li jiksbu l-objettivi tal-politika tat-TEN. Pereżempju, il-fallimenti jistgħu jiġru meta l-ispejjeż jintnefqu fil-livell nazzjonali/lokali filwaqt li l-benefiċċji jiġu realizzati fuq skala Ewropea, jew meta l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ proġetti li jinvolvu ħafna Stati Membri jinqasmu b’mod asimetriku bejniethom. Dan huwa l-każ tipiku għal proġetti transkonfinali u l-implimentazzjoni ta’ sistemi teknoloġiċi mal-UE kollha, fejn finanzjament xieraq normalment ma jiġix ipprovdut permezz tas-suq jew tal-baġit nazzjonali biss.
Fl-enerġija, proġetti li ma għandhomx viabbiltà kummerċjali jaqgħu f’din il-kategorija, peress li jagħtu esternalitajiet bħas-sigurtà tal-provvista fuq bażi reġjonali jew soluzzjonijiet innovattivi ħafna.
Sa mit-tnedija tiegħu, is-CEF iffoka biex jipprovdi l-valur miżjud tal-UE għall-iżvilupp tal-konnettività fit-trasport, fl-enerġija u fit-telekomunikazzjonijiet, mhux biss minħabba t-tip ta’ beni pubbliċi b’dimensjoni Ewropea li jkopri, iżda wkoll minħabba l-fokus tiegħu fuq proġetti fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali li ma jiġux realizzati mingħajr l-appoġġ tal-UE. B’mod aktar speċifiku, il-valur miżjud tal-UE mis-CEF qiegħed fil-kapaċità tiegħu li:
-jidderieġi finanzi pubbliċi u privati lejn l-objettivi tal-politika tal-UE;
-jippermetti investimenti ewlenin fejn l-ispejjeż jitħallsu fil-livell nazzjonali/lokali filwaqt li l-benefiċċji huma tanġibbli fuq skala Ewropea;
-iħaffef il-bidla għal soċjetà diġitali u b’emissjonijiet baxxi.
Fit-trasport, is-CEF ġab valur miżjud ċar, b’mod partikolari għat-tkomplija tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T sal-2030 u għall-ambizzjoni ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi. Xi proġetti infrastrutturali tal-ferroviji u tal-passaġġi fuq l-ilma intern, li huma investimenti fit-tul (b’ċiklu tal-ħajja minn 30 sa 50 sena), ma setgħux jinbdew mingħajr l-għotja ta’ finanzjament pubbliku Ewropew disponibbli taħt is-CEF. Dan huwa l-każ tal-proġett tal-mina Brenner Base, li se jneħħi ostaklu ferrovjarju ewlieni fl-UE bejn l-Awstrija u l-Italja. L-impenn tas-CEF jipprovdi assigurazzjoni u xi kultant jassigura wkoll sorsi addizzjonali ta’ finanzjament, notevolment mis-settur bankarju u minn investituri privati. Barra dan, il-programmi emblematiċi Ewropej bħas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) kienet teħtieġ implimentazzjoni koordinata ta’ investimenti madwar pajjiżi u partijiet interessati biex iġġib il-benefiċċji ta’ prestazzjoni, interoperabbiltà u sikurezza. L-appoġġ tas-CEF kemm permezz ta’ għotjiet ta’ finanzjament kif ukoll b’azzjonijiet ta’ appoġġ għall-programmi bħat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fl-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri ħolqu l-kundizzjonijiet biex dik il-koordinazzjoni titwettaq.
Fl-enerġija, is-CEF huwa strument ewlieni li jappoġġja kooperazzjoni transnazzjonali u jiġġenera ekonomiji ta’ skala. Huwa qiegħed ikollu wkoll rwol ewlieni fl-appoġġ għall-infrastruttura tal-enerġija transkonfinali, peress li l-PCIs għandhom jagħtu benefiċċji lil mill-inqas żewġ Stati Membri. Is-CEF huwa katalista b’saħħtu biex ilaqqa’ flimkien il-promoturi tal-proġetti, l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali u rappreżentanti tal-gvern biex isolvu kwistjonijiet sabiex il-proġetti infrastrutturali transkonfinali jistgħu jiġu realizzati. Il-komponent tal-għotjiet tiegħu qed jagħmel id-differenza fil-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi biex jiżviluppaw PCIs tal-interkonnessjoni tal-enerġija li inkella ma jsirux. Dan huwa speċjalment il-każ għal proġetti transkonfinali li jinsabu f’pajjiżi b’daqsijiet ta’ popolazzjoni iżgħar jew f’postijiet aktar remoti, fejn it-tariffi jkunu jridu jiżdiedu sostanzjalment biex ikopru l-ħtiġijiet tal-investiment. L-Interkonnettur tal-Gass Polonja-Litwanja huwa eżempju ewlieni ta’ proġett li ma setgħax jiġi ffinanzjat f’kuntest purament nazzjonali.
Fit-telekomunikazzjonijiet, is-CEF iffaċilita l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri dwar l-iżvilupp ta’ standards u li jippermettu servizzi transkonfinali interkonnessi. Għalkemm l-Istati Membri żviluppaw soluzzjonijiet li jagħmlu s-servizzi pubbliċi disponibbli online, il-benefiċċji tagħhom huma limitati bil-fruntieri nazzjonali. Is-CEF kellu rwol ewlieni jgħin biex dawn is-soluzzjonijiet jiksbu riżultati aħjar billi għamilhom interoperabbli, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-amministrazzjoni pubblika madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, f’xi każijiet bħall-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali, peress li l-Istati Membri għandhom obbligu legali li jiżguraw il-komunikazzjoni transkonfinali bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali, is-CEF kellu rwol importanti fit-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali taċ-ċittadini mobbli u fl-għajnuna lill-Istati Membri biex iħaffu l-konformità. F’oqsma oħra bħas-sigurtà -ċibernetika — fejn l-interoperabbiltà transkonfinali mhix suġġetta għal obbligu legali — is-CEF għamilha possibbli li tiġi stabbilita pjattaforma ta’ kooperazzjoni volontarja li ssaħħaħ it-tħejjija u r-rispons għal attakki ċibernetiċi billi tipprovdi soluzzjoni għall-UE kollha għal theddid li ma jirrispettax il-fruntieri nazzjonali. Skont riżultati minn konsultazzjoni fost il-partijiet interessati, mingħajr is-CEF, l-implimentazzjoni ta’ xi DSI kien jittardja b’mod sinifikanti jew anki jiġi abbandunat. Barra minn hekk, soluzzjonijiet bażiċi appoġġjati b’finanzjament mis-CEF ('l hekk imsejħa elementi fundamentali) qed joħolqu ekonomiji ta’ skala billi jerġgħu jintużaw b’mod estensiv f’servizzi diġitali aktar kumplessi, inkluż lil hinn mill-mandat tas-CEF, f’oqsma bħall-agrikoltura, l-ambjent u l-edukazzjoni.
Fl-aħħar, azzjoni fil-livell tal-UE (inkluża l-kooperazzjoni regolatorja) qed tippermetti s-CEF jegħleb nuqqasijiet fl-informazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, li jistgħu jfixklu proġetti daqstant kumplessi iżda kruċjali.
2.
Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tipprovdi appoġġ tal-UE b’mod effiċjenti u koerenti
2.1
L-użu ta’ għotjiet bl-aktar mod effiċjenti
Il-biċċa l-kbira tal-finanzjament li jipprovdi s-CEF huwa f’forma ta’ għotjiet (90%). Approċċ bħal dan huwa xieraq peress li maġġoranza kbira tal-finanzjament tas-CEF huwa relatat ma’ proġetti b’benefiċċji reġjonali u tal-UE ua’ iżda b’finanzjament nazzjonali jew finanzjament ibbażat fuq is-suq insuffiċjenti.
Dan huwa l-każ fil-qasam tat-trasport għall-biċċa l-kbira tal-proġetti transkonfinali fuq in-netwerk trans-Ewropew u għall-prijoritajiet ‘orizontali’, partikolarment is-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku bħall-ERTMS għall-ferroviji, SESAR għall-avjazzjoni u s-sistemi tat-trasport intelliġenti (ITS) għat-toroq, kif ukoll fjuwils alternattivi. Dan huwa wkoll il-każ għall-proġetti fejn il-benefiċċji tagħhom għadhom ma jistgħux jiġu internalizzati. F’dan is-settur, rati għoljin ħafna ta’ sottoskrizzjonijiet wara sejħa għall-proposti juru domanda għolja ħafna għall-għotjiet tal-UE, bil-baġit disponibbli dejjem jonqos milli jilħaq mal-ħtiġijiet tas-settur.
Fl-enerġija, l-ostakli għadhom jeżistu u għadhom meħtieġa aktar interkonnessjonijiet biex is-suq jiġi integrat bis-sħiħ, biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u biex l-UE tkun tista' tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi rinnovabbli tagħha u b’hekk tevita tnaqqis. L-għotjiet huma meqjusa bħala l-aktar strument xieraq għall-appoġġ ta’ proġetti li jagħtu esternalitajiet pożittivi sinifikanti li jmorru lil hinn minn tariffi ssettjati fuq livell nazzjonali, bħas-sigurtà tal-provvista, l-innovazzjoni teknoloġika u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.
Fit-telekomunikazzjonijiet, id-DSIs kollha għandhom żewġ saffi: il-pjattaforma ewlenija tas-servizz (CSP, core service platform) maħluqa bħala hub ċentrali li jippermetti l-interoperabbiltà, u s-servizzi ġeneriċi (GS) bħala passarelli li jikkonnettjaw is-soluzzjonijiet żviluppati fuq livell nazzjonali mas-CSP. L-għotjiet jintużaw biex jappoġġjaw l-użu ta’ servizzi ġeneriċi, filwaqt li l-akkwist jintuża għall-iżvilupp u l-operat tal-pjattaformi ewlenin tas-servizz. Dan huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ investiment fil-livell tal-Istati Membri f’soluzzjonijiet interoperabbli għall-integrazzjoni tas-servizz Pan-Ewropew.
Il-proposta tal-Kummissjoni għas-CEF fl-2011 kien fiha baġit totali ta’ EUR 50 biljun (31.7 biljun għat-trasport, 9.1 biljuni għall-enerġija u 9.2 biljuni għat-telekomunikazzjonijiet). It-tnaqqis li ġie wara kemm matul il-fażi tan-negozjati kif ukoll matul in-negozjati ta’ wara dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) naqqas il-finanzjament totali għal EUR 30.44 biljun. Is-settur tat-telekomunikazzjoni esperjenza l-aktar tnaqqis qawwi (EUR 8 biljun, b’allokazzjoni ta’ finanzjament finali ta’ EUR 1.04 biljun). It-tkomplija tat-TEN stabbilita fil-prijoritajiet tal-politika tal-UE għad teħtieġ investimenti enormi, parti minnhom se tiddependi mill-appoġġ kontinwu tal-UE. Id-daqs tas-CEF attwalment jagħmilha possibbli li jiġu indirizzati ftit biss mill-fallimenti tas-suq li ġew identifikati (eż. jitnaqqas id-distakk fil-finanzjament bl-appoġġ tal-UE) fit-tliet setturi. Għalhekk, jeżisti l-potenzjal li jiġi sfruttat aktar investiment pubbliku u privat jekk ikun hemm baġit tal-UE addizzjonali disponibbli biex jindirizza aktar fallimenti tas-suq.
Il-proċess tal-għażla tas-CEF jiżgura li l-għotja ta’ finanzjament tiġi modulata għal kull settur u kategorija ta’ investiment, waqt li jitqies in-nuqqas ta’ finanzjament għall-proġetti individwali. Għat-trasport, l-appoġġ ivarja minn rati ta’ kofinanzjament ta’ 85% għall-pakkett ta’ koeżjoni, għal rati ta’ kofinanzjament massimi li jvarjaw bejn 10% u 50% skont il-prijorità u n-natura tal-azzjoni. Għall-enerġija, ir-rati ta’ finanzjament jistgħu jiġu modulati sa 50%, u — f’każijiet eċċezzjonali — jiżdiedu għal massimu ta’ 75%. Madankollu, dan huwa possibbli biss jekk l-azzjonijiet proposti jipprovdu grad għoli ta’ sigurtà tal-provvista reġjonali jew tal-UE kollha, isaħħu s-solidarjetà jew jinkludu soluzzjonijiet innovattivi ħafna. Għat-telekomunikazzjonijiet, il-pjattaformi ewlenin tas-servizz ġeneralment ġew iffinanzjati permezz tal-akkwist, filwaqt li s-servizzi ġeneriċi kienu appoġġjati permezz ta’ għotjiet b’rata ta’ kofinanzjament sa 75% tal-ispejjeż eliġibbli. In-natura kompetittiva tas-sejħiet u l-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni u tal-għażla li hemm ifissru li proġetti li ma għandhomx il-kapaċità juru l-ħtieġa għall-għajnuna finanzjarja f’forma ta’ għotjiet jistgħu jiġu mwarrba. Proġetti bħal dawn xorta jistgħu jikkunsidraw jużaw possibbiltajiet eżistenti taħt l-FEIS jew l-Istrumenti Finanzjarji tas-CEF kif jixraq.
Għal strument xprunat mill-politika b’objettivi settorjali speċifiċi u meta jitqies li s-CEF jindirizza proġetti kumplessi b’dimensjoni ta’ interoperabbiltà transkonfinali jew mal-UE kollha, il-ġestjoni diretta kienet effiċjenti biex tiżgura allokazzjoni mgħaġġla tal-fondi u eżekuzzjoni baġitarja soda ħafna. Matul l-implimentazzjoni tagħhom, il-proġetti jiġu segwiti mill-qrib mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA) biex tiżgura li l-fondi tal-UE jintnefqu kif xieraq. Il-baġit tas-CEF huwa ottimizzat bis-saħħa tal-kapaċità tal-INEA li tadatta malajr biex timmaniġġa flus li ma ntnefqux f’ċerti azzjonijiet u li ġew allokati mill-ġdid, u tużahom minflok biex tiffinanzja azzjonijiet ġodda.Pereżempju, madwar EUR 600 miljun ġew investiti mill-ġdid f’sejħa tat-trasport fl-2016, filwaqt li investiment ta’ EUR 120 miljun kienu proposti biex jiffinanzjaw proġett ewlieni ġdid, WIFI4EU, fis-settur diġitali fl-2016.
2.2
Xprunar tal-użu ta’ strumenti finanzjarji u taħlit
Għal proġetti li jiġġeneraw dħul, l-appoġġ tas-CEF jista’ jingħata f’forma ta’ strumenti finanzjarji. Il-baġit tal-istrumenti finanzjarji tas-CEF jista’ jintuża biex jipprovdi varjetà ta’ prodotti bħal garanziji jew dejn superjuri sostnut mill-kapital tal-UE. B’hekk, huma jgħinu biex jottimizzaw l-użu tal-fondi pubbliċi. Proġetti bħal dawn, pereżempju, estensjonijiet tal-kapaċità fil-portijiet, links ferrovjarji għall-ajruporti u l-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ fjuwil alternattiv fis-settur tat-trasport, kif ukoll self subordinat jew garanziji għad-delimitazzjoni ta’ proġetti ta’ trażmissjoni fis-settur tal-eneġija.
Madankollu, fit-tliet setturi, l-istrumenti finanzjarji ma ntużawx sal-livell mistenni. Abbażi tal-esperjenza miksuba bl-Istrument ta’ Garanzija għal Self għat-Trasport Trans-Ewropew (LGTT) u l-fażi pilota tal-Inizjattiva dwar Bonds li Jiffinanzjaw Proġetti (PBI), l-Istrument tad-Dejn tas-CEF (CEF DI), ta bidu għall-użu ta’ strumenti finanzjarji, iżda kien hemm effett ta’ sostituzzjoni meta nħoloq l-FEIS. L-użu tal-istrumenti finanzjarji tas-CEF mistenni jaqbad ir-ritmu matul it-tieni nofs tal-programm meta l-kumplimentarjetà bejn l-istrumenti finanzjarji speċifiċi tas-CEF u l-FEIS tkun assigurata wara s-sejħa għal gwida speċifika mill-Kumitat tat-Tmexxija tas-CEF DI biex tiġi assigurata kumplimentarjetà effettiva bejn iż-żewġ inizjattivi.
Fis-settur tal-eneġija, numru ta’ fatturi kkontribwixxew biex is-CEF DI ma jintużax. Wieħed minn dawn huwa l-pipeline qasir ta’ proġetti eliġibbli bankabbli għas-CEF disponibbli fiż-żmien li s-CEF DI daħal fis-seħħ. Hemm ukoll firxa kompetittiva ta’ opzjonijiet ta’ dejn u ekwità diġà disponibbli għall-promoturi tal-proġetti minħabba l-mudell ta’ Bażi ta’ Assi Regolati sod tagħhom għall-finanzjament tal-proġetti. Madankollu, il-monitoraġġ konġunt tal-proġetti mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Kummissjoni wassal biex numru ta’ PCIs kisbu finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment.
Barra dan, attwalment qed jiġi żviluppat strument tal-ekwità. Fit-telekomunkazzjonijiet, il-panorama tal-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-broadband hija diversa ħafna u teħtieġ varjetà ta’ strumenti li jindirizzaw sfidi speċifiċi għall-post. Filwaqt li l-istrumenti tad-dejn jistgħu jilqgħu għal implimentazzjonijiet xprunati kummerċjalment b’każ ċar ta’ negozju li jsiru minn parteċipanti ikbar, l-istrumenti tal-ekwità huma meħtieġa biex jitneħħew nuqqasijiet eżistenti ta’ finanzjament billi jappoġġjaw proġetti b’każ ta’ negozju aktar riskjuż u aktar fit-tul. Il-Connecting Europe Broadband Fund (CEBF), li se jidħol fis-seħħ fl-ewwel nofs tal-2018, mistenni jieħu dan l-irwol.
Fi Frar 2017, tnediet ‘sejħa ta’ taħlit’ għas-CEF tat-Trasport. Is-sejħa, li tħallat l-għotjiet tas-CEF ma’ finanzjament ibbażat fuq is-suq, b’mod partikolari strumenti finanzjarji disponibbli taħt l-FEIS, hija maħsuba biex issaħħaħ il-kumplementarjetà bejn iż-żewġ skemi ta’ appoġġ waqt li fl-istess ħin taġevola sorsi oħra ta' finanzjament, primarjament il-FEIS, l-investituri privati jew il-banek promozzonali nazzjonali. Approċċ bħal dan kien diġà applikat qabel b’suċċess taħt is-CEF fuq bażi ad hoc f’xi każijiet, bħall-Port ta’ Dublin u l-Port ta’ Calais fis-settur tat-trasport. L-ewwel esperjenza ta' dan kienet pożittiva ħafna b’EUR 2.2 biljun ta’ finanzjament mitluba għal sejħa b’baġit indikattiv ta’ EUR 1 biljun
2.3
Titjib tas-sinerġiji u l-koerenza, li jissimplifikaw l-aċċess
Sinerġiji
Għall-ewwel darba, is-CEF ġab is-setturi tat-trasport, tal-eneġija u tat-telekomunikazzjonijiet taħt qafas ta’ finanzjament komuni, immaniġġjat ċentralment mill-Kummissjoni.
Fil-livell ta’ programm, dan l-approċċ jippermetti ekonomiji ta’ skala billi jiddelega l-ġestjoni tal-għotjiet lill-aġenzija eżekuttiva unika (INEA) u billi jistabbilixxi proċeduri komuni għat-tliet setturi (implimentazzjoni koordinata mill-Aġenzija, Programmi ta’ Ħidma komuni għall-Istrumenti Finanzjarji tas-CEF, Kumitat komuni ta’ koordinazzjoni tas-CEF magħmul mill-Istati Membri kollha, ftehimiet tal-għotjiet magħmula fuq mudell komuni).
Fil-livell ta’ proġett, s'issa, is-CEF ma rnexxilux għalkollox iġib sinerġiji bejn it-tliet setturi minkejja l-aspettattivi msemmija fil-premessi tar-Regolament. Dan huwa partikolarment dovut għad-differenzi inerenti fl-objettivi settorjali tal-politika u r-riġidità tal-qafas legali/baġitarju fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-proġetti u l-eliġibbiltà tal-ispejjeż. Sejħa pilota multisettorjali (trasport u enerġia) ta’ EUR 40 miljun għal proposti għal studji mnedija fl-2016, għalhekk ma laħqitx l-aspettattivi f’dak li għandu x’jaqsam man-numru ta’ proġetti magħżula (7) u l-allokazzjoni tal-baġit (EUR 24 miljun).
Madankollu, iż-żamma tat-tliet setturi flimkien tidher xierqa fid-dawl tal-miri u l-isfidi komuni tagħhom. Skont il-partijiet interessati li ġew ikkonsultati waqt l-evalwazzjoni, dawn l-isfidi jinkludu l-kumplessità tal-infrastruttura tan-netwerks li tinħoloq mis-sistemi nazzjonali differenti, il-ħtiġijiet tal-interkonnessjoni tagħhom kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-interoperabbiltà filwaqt li kontinwament tadatta għat-tibdil fis-suq u fit-teknoloġija. In-numru ta’ eżempji ta’ sinerġiji li jinvolvu t-tliet setturi koperti bis-CEF qed jiżdied, imrawwem minn żviluppi innovattivi riċenti u l-fatt li s-sinerġiji huma preżenti b’mod naturali f’kull wieħed mis-setturi jew jirrelataw ma’ prijorità ewlenija bħas-sigurtà ċibernetika. Eżempji jinkludu mobbiltà konnessa, kooperattiva u awtomatika, infrastruttura tal-fjuwil alternattiv għal karozzi, karozzi tal-linja u vapuri, grilja aktar intelliġenti, u l-użu ta’ 5G matul in-netwerk tat-trasport. Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet biex proġetti bħal dawn ikomplu jseħħu se jwassal għal aktar kisbiet fl-effiċjenza.
Kumplimentarjetà
Is-CEF wera bil-provi li hu kumplimentari għall-Orizzont 2020, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u għall-FEIS.
L-Orizzont 2020 jiffinanzja l-istadji bikrin tal-katina tal-innovazzjoni, filwaqt li s-CEF jippermetti l-użu teknoloġiku fl-infrastruttura kollha.
Kemm is-CEF kif ukoll l-FSIE jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tat-TEN. Filwaqt li l-FSIE jiffoka l-appoġġ finanzjarju fuq ir-reġjuni anqas żviluppati u l-15-il Stat Membru li huma eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni, is-CEF jiffoka fuq l-integrazzjoni tal-UE permezz ta’ proġetti ta’ konnessjonijiet transkonfinali u interkonnessjonijiet, it-tneħħija tal-ostakli u l-interoperabbiltà. Fit-trasport, hemm elementi parzjalment komuni bejn is-CEF u l-FSIE rigward il-proġetti ferrovjarji li jinsabu fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T, filwaqt li l-FSIE jiffinanzja wkoll proġetti li mhumiex eliġibbli għas-CEF (pereżempju proġetti tat-toroq, u proġetti fuq in-netwerk komprensiv). Fl-enerġija, l-FSIE jiffoka fuq grilji tad-distribuzzjoni intelliġenti fil-livell lokali/reġjonali, filwaqt li s-CEF jappoġġja infrastruttura tat-trażmissjoni. Fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, l-FSIE huwa mmirat għall-iżvilupp ta’ servizzi diġitali nazzjonali, filwaqt li s-CEF jippermetti l-interoperabbiltà transkonfinali ta’ xi servizzi diġitali speċifiċi żviluppati fuq livell nazzjonali.
Għall-ewwel darba, sehem tal-baġit ta’ koeżjoni (EUR 11.3 biljun — trasport) twettaq taħt il-ġestjoni diretta fil-qafas tas-CEF. Dan ta prova ta’ suċċess kbir b’100% tal-pakkett allokat matul l-ewwel nofs tal-perjodu tal-programm, kważi esklussivament fuq modalitajiet tat-trasport sostenibbli. Assistenza teknika mmirata, spejjeż amministrattivi aktar baxxi għall-Istati Membri u prijoritajiet ta’ finanzjament ċari kkontribwixxew għal dan is-suċċess.
Fir-rigward tal-FEIS, is-CEF ħadmet bħala katalista għall-FEIS peress li ħafna proġetti li bdew fil-kuntest tas-CEF DI daħlu fil-pipeline tal-proġetti tal-FEIS. Dan kien il-każ għall-Grand Contournement Ouest de Strasbourg (A355), il-proġett A6 Wiesloch autobahn, il-proġett tal-interkonnettur tal-gass it-Transgaz “BRUA” (Bulgarija-Rumanija-Ungerija-Awstrija), u l-interkonnettur tal-elettriku Italja-Franza. Barra minn hekk, proġetti ppreparati bl-appoġġ tas-CEF jew appoġġjati parzjalment bl-għotjiet tas-CEF għax-xogħlijiet bdew jibbenefikaw mill-FEIS. Madankollu, kif ġie diskuss qabel, kien hemm effett ta’ sostituzzjoni fuq l-FIs tas-CEF min-naħa tal-FEIS.
Filwaqt li kien antiċipat li s-CEF se jkabbar il-possibbiltajiet għall-finanzjament tad-dejn ta’ proġetti tal-broadband, l-FEIS issa għandu biżżejjed finanzjament disponibbli f’dan ir-rigward. Għalhekk huwa previst li jiffoka fuq appoġġ ta’ ekwità u kważi ekwità għall-proġetti tal-broadband. Kif indikat hawn fuq, is-CEBF mistenni jikkumplimenta strumenti eżistenti (jiġifieri appoġġ tal-FEIS bbażat fuq id-dejn għall-implimentazzjoni xprunata kummerċjalment b’każ ċar ta’ negozju u l-għotjiet tal-FSIE prinċipalment għall-implimentazzjoni xprunata mill-pubbliku). Il-kontribuzzjoni tas-CEF tal-kapital li jassorbi r-riskju għall-appoġġ tat-tip ekwità se jkun ikkumplimentat b’segment ta’ riskju aktar baxx mill-FEIS kif ukoll b’segment tas-suq kompost minn Bank Promozzjonali Nazzjonali u b’ishma mis-settur privat (struttura ta’ fond b’ħafna saffi). Nuqqas addizzjonali qed isir aktar u aktar evidenti iżda għadu ma ġiex indirizzat bl-FEIS, is-CEBF jew bl-FSIE, b’mod partikolari għall-proġetti fit-tarf tal-viabbiltà kummerċjali (anki fuq perjodu fit-tul). Fil-qasam tal-broadband, dan in-nuqqas jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ strument strutturat ta’ taħlit li jgħaqqad flimkien kemm l-għotjiet pubbliċi kif ukoll l-appoġġ finanzjarju mal-investiment privat.
Simplifikazzjoni
Titjib fil-proċess tal-applikazzjoni rriżulta fi proċeduri aktar sempliċi u fi ffrankar ta’ ħin għall-benefiċjarji u għall-Kummissjoni. Eżempji ta’ titjib bħal dak jinkludu l-introduzzjoni ta’ għodod elettroniċi għall-iskambji mal-benefiċjarji u l-bdil ta’ deċiżjonijiet dwar l-għotjiet adottati mill-Kummissjoni permezz tal-ftehimiet tal-għotjiet li l-firma tagħhom ġiet delegata lid-Direttur tal-INEA. Għall-benefiċjarji, l-ispejjeż amministrattivi tqiesu li huma ġeneralment proporzjonati mal-appoġġ finanzjarju mogħti. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni jindikaw, madankollu, li r-rekwiżiti legali u amministrattivi għall-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet jistgħu jimponu spejjeż sproporzjonati fuq azzjonijiet iżgħar li, fil-każ tagħhom, il-forom simplifikati ta’ appoġġ jistgħu jiġu adattati aħjar. Dan huwa partikolarment minnu għat-telekomunikazzjonijiet, fejn il-medja tad-daqs tal-għotja kienet biss EUR 1 miljun. Barra minn hekk, għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet ukoll, l-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma annwali ma tippermettix l-ippjanar ta’ finanzjament fit-tul għall-azzjonijiet u joħloq piż amministrattiv fir-rigward tal-ġestjoni tal-programm.
3
Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa qegħda fit-triq it-tajba biex tagħti r-riżultati
3.1
Kontribut għall-objettivi settorjali tal-politika
Is-CEF huwa ffukat fuq l-objettivi fit-tul tal-politika tal-UE li ġejjin:
ØTrasport: sal-2030, jitkompla n-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T, inkluż l-implimentazzjoni tas-SESAR u l-ERTMS, u t-tranżizzjoni lejn mobbiltà nadifa, kompetittiva u konnessa, inkluża l-bażi tat-tariffi infrastrutturali tal-fjuwils alternattivi tal-UE sal-2025; progress lejn it-tkomplija tan-netwerk komprensiv tat-TEN-T sal 2050.
ØEnerġija: sal-2030, jitkomplew il-kurituri prijoritarji tat-TEN-T u l-oqsma tematiċi allinjati ma’ “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” u l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni fit-tul, jiġifieri biex il-grilji jsiru diġitali u aktar intelliġenti, biex jintlaħqu l-miri tal-interkonnessjoni tal-2030 (inkluż għall-Istati Membri periferiċi), biex jiġu żviluppati grilji malji lil hinn mill-kosta u jiżguraw is-sigurtà tal-provvista, ukoll permezz ta’ sinkronizzazzjoni.
ØDiġitali: sal-2030, jiġu massimizzati l-benefiċċji tas-suq uniku diġitali għaċ-ċittadini u n-negozji kollha bil-kisba ta’ soċjetà tal-gigabits b’sigurtà ċibernetika sħiħa sal-2025, tħejjija għall-konnettività terabit sal-2030 u l-introduzzjoni ta’ infrastruttura tas-servizzi diġitali u tad-dejta mal-UE kollha li tgħin it-trasformazzjoni diġitali ta’ oqsma ewlenin ta’ interess pubbliku, mill-kura tas-saħħa għall-mobilità u l-amministrazzjonijiet pubbliċi.
Peress li l-programm qiegħed fl-istadji bikrin tal-implimentazzjoni, hemm disponibbli biss dejta limitata dwar l-outputs attwali u r-riżultati. Għalhekk waqt l-evalwazzjoni ta’ spiss ma kienx ikun possibbli li jitkejjel il-progress lejn l-objettivi settorjali tal-politika. Madankollu, kważi l-partijiet interessati kollha li wieġbu għall-istħarriġ tekniku huma tal-fehma li s-CEF se twassal b’mod effettiv għall-iżvilupp ta’ netwerks trans-Ewropej moderni u ta’ prestazzjoni għolja fit-trasport, fl-enerġija u fit-telekomunikazzjonijiet, għall-anqas sa ċertu punt (99%, 97% u 96%, bi 33%, 38% u 21% jaqblu għalkollox).
Il-biċċa l-kbira tal-pakkett tat-trasport tas-CEF ingħata għat-tkomplija ta’ konnessjonijiet nieqsa u t-tneħħija ta’ ostakli fuq proġetti matul in-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T (jew permezz tal-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida jew ta’ titjib sostanzjali u riabilitazzjoni tal-infrastruttura eżistenti).
Fl-enerġija, l-għotjiet tas-CEF jikkontribwixxu b’mod effettiv biex titjieb is-sigurtà tal-provvista, jispiċċa l-iżolament tal-eneġija, jitneħħew l-ostakli, jitkompla s-suq intern tal-enerġija u tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-enerġija rinovabbli fil-grilja. Eżempji ta’ proġetti ewlenin tal-enerġija taħt is-CEF jinkludu l-Balticconnector, l-ewwel interkonnettur bejn il-Finlandja u l-Estonja, u l-Interkonnettur tal-Gass Polonja-Litwanja, li se jippermettu lil dawn l-Istati Membri jiddiversifikaw is-sorsi u r-rotot tal-gass tagħhom, b’hekk jissalvagwardjawhom kontra l-possibbiltà ta’ interruzzjonijiet tal-provvista fil-ġejjieni.
Fit-telekomunikazzjonijiet, hemm evidenza li l-appoġġ tas-CEF għall-implimentazzjoni tad-DSIs qed jippermetti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, liċ-ċittadini u lin-negozji jibbenefikaw minn servizzi online transkonfinali aktar effiċjenti u komprensivi, b’hekk jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività kemm tal-atturi privati kif ukoll dawk pubbliċi. Eżempji b'mod partikolari jinkludu l-ħolqien ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u żieda tal-kapaċitajiet biex iwieġbu għal theddid ċibernetiku, aċċess aktar faċli għal kumpaniji għal proċeduri nazzjonali tal-akkwist fi Stati Membri oħra tal-UE, proċeduri tal-fatturazzjoni razzjonalizzati u għarfien u validazzjoni transkonfinali tal-Identifikazzjoni elettronika u l-Firma elettronika. Is-CEF jgħin ukoll biex jitneħħew l-ostakli li jfixklu t-tkomplija tas-Suq Uniku Diġitali, għalkemm il-baġit limitat s’issa ppermetta biss li jiġu indirizzati parzjalment il-ħtiġijiet tas-settur.
Fit-tliet setturi li jkopri, is-CEF huwa strumentali: (i) fl-użu ta’ sistemi ġodda fil-ġestjoni tat-traffiku u s-sigurtà tal-UE kollha (eż. SESAR għall-avjazzjoni, ERTMS għall-ferrovjiji, ITS għat-toroq); (ii) fl-implimentazzjoni ta’ linji tal-elettriku ta’ prestazzjoni għolja u grilji intelliġenti transkonfinali fl-enerġija; u (iii) fl-introduzzjoni ta’ Servizzi Diġitali interkonnessi (bħas-Saħħa elettronika, is-Sigurtà Ċibernetika, l-Akkwist elettroniku, l-Identifikazzjoni elettronika u l-Firma elettronika).
3.2
Kontribuzzjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv
Is-CEF jappoġġja investimenti f’netwerks moderni u ta’ prestazzjoni għolja fl-UE kollha, li huma essenzjali biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal ekonomija kompetittiva. Sa mill-2014, hu investa EUR 25 biljun, li rriżultaw f’madwar EUR 50 biljun ta’ investiment f’infrastruttura ġenerali fl-UE.
In-nefqa tas-CEF fit-trasport u l-enerġija hija kontributur sinifikanti għall-mira tal-UE li mill-anqas 20% tat-total tal-baġit tal-UE jkun iddedikat għall-infiq fuq azzjonijiet relatati mal-klima. Netwerks integrati tajjeb fl-enerġija u t-trasport u l-promozzjoni ta’ modalitajiet tat-trasport b’karbonju baxx jgħinu biex l-ispiża tad-dekarbonizzazzjoni tinżamm taħt kontroll. Filwaqt li l-kontribuzzjoni ta’ azzjonijiet appoġġjati mis-CEF għall-miri speċifiċi ma tistax titkejjel b’mod sħiħ f’dan l-istadju ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, saret analiżi tal-kontribuzzjoni tiegħu fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju multiannwali tal-2014-2020. Dik l-analiżi wriet li s-CEF ikkontribwixxa b’mod effettiv u sinifikanti għall-miri tal-UE, b’sehem mill-appropjazzjonijiet ta’ impenn stmati b’medja ta’ aktar minn 5% tat-total tal-finanzjament tat-tibdil fil-klima fil-baġit tal-UE għall-2014-2016. Din il-medja telgħet għal 35% meta titqies il-kontribuzzjoni tas-CEF għall-intestatura "Kompetittività għal Tkabbir u Impjiegi" tal-baġit tal-UE.
Fit-trasport, is-CEF jikkontribwixxi għall-mira tal-UE b’81% tal-ammont totali ta’ finanzjament mogħti għal modalitajiet tat-trasport b’emissjonijiet aktar baxxi, b’mod partikolari l-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma intern, b’hekk iwassal għal bidla modali. Barra dan, il-programm jiffinanzja tekonoloġiji ġodda li għandhom l-għan li jiddekarbonizzaw it-trasport, b’mod partikolari fjuwils alternattivi, u l-użu tagħhom matul l-infrastruttura tat-trasport. Pereżempju, il-proġett LNG Motion għandu l-għan li jżid id-disponibbiltà tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG) matul in-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T li jkopri Franza, il-Belġju, in-Netherlands, il-Ġermanja, il-Polonja, Spanja, l-Italja, l-Ungerija u r-Rumanija, prinċipalment għat-trasport bl-art. Dan il-proġett jirċievi kontribuzzjoni ta’ għotja tal-UE ta’ EUR 27.8 miljun minn spiża totali ta’ EUR 55.5 miljun (rata ta’ kofinanzjament ta’ 50%).
Fl-enerġija, 40% tal-allokazzjonijiet tas-CEF huma meqjusin li jikkontribwixxu għar-razzjonalizzazzjoni tal-azzjoni klimatika fil-livell tal-programm. Il-proġetti tal-elettriku jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 billi jżidu l-kapaċità tal-grilja biex tintegra l-enerġija li tiġi prodotta mis-sorsi rinovabbli.
Konklużjonijiet
L-evalwazzjoni wriet li wara tliet snin u nofs tal-implimentazzjoni tas-CEF, il-programm qiegħed fit-triq it-tajba, għalkemm għadu kmieni wisq biex jitkejlu r-riżultati meta jitqies li l-programm għadu fi stadju bikri tal-implimentazzjoni. Barra minn hekk, il-qafas ta’ prestazzjoni stabbilit fir-Regolament huwa nieqes minn indikaturi definiti sew jew robusti. B’din ir-riserva fil-ħsieb, l-evalwazzjoni wriet li:
ØIs-CEF huwa strument effettiv u mmirat għall-investiment fl-infrastruttura trans-Ewropea (TEN) fit-trasport, fl-enerġija u fis-settur diġitali. Sa mill-2014, dan investa EUR 25 biljun, li rriżultaw f’madwar EUR 50 biljun ta’ investiment ġenerali fl-infrastruttura fl-UE. Is-CEF ikkontribwixxa għall-prijoritajiet tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, is-suq intern, l-Unjoni tal-Enerġija u l-klima, u s-Suq Uniku Diġitali. B’hekk, dan qed isaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE.
ØIs-CEF iġib valur miżjud Ewropew għoli għall-Istati Membri billjappoġġja proġetti ta’ konnettività b’dimensjoni transkonfinali. Il-biċċa l-kbira tal-finanzjament jingħata għall-proġetti li joħolqu konnessjonijiet nieqsa u jneħħi l-ostakli, bil-għan li jiżgura l-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-UE u l-koeżjoni territorjali fost l-Istati Membri fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u dak diġitali. Il-proġetti fl-enerġija jipprovdu wkoll sigurtà tal-provvista u huma punti essenzjali għad-dekarbonizzazzjoni kost-effettiva tal-ekonomija. Is-CEF huwa wkoll strumentali fl-implimentazzjoni ta’ sistemi ġodda fil-ġestjoni tat-traffiku u s-sigurtà tal-UE kollha (eż. SESAR għall-avjazzjoni, ERTMS għall-ferroviji), linji tal-elettriku bi prestazzjoni għolja u grilji intelliġenti essenzjali għat-teħid mgħaġġel ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli bla karbonju, u fl-introduzzjoni ta’ Servizzi Diġitali broadband u interkonnessi (bħad-Dejta Miftuħa, is-Saħħa elettronika, l-Akkwist elettroniku, l-Identifikazzjoni elettronika u l-Firma elettronika).
ØIl-ġestjoni diretta tal-għotjiet tas-CEF tat prova li kienet effiċjenti ħafna, b’pipeline ta’ proġetti b’saħħtu u proċess tal-għażla kompetittiv, b’fokus fuq l-objettivi tal-politika tal-UE, implimentazzjoni koordinata u involviment sħiħ tal-Istati Membri. L-aġenzija eżekuttiva INEA għandha rekord tal-passat tajjeb ħafna dwar il-ġestjoni finanzjarja tas-CEF u dwar l-ottimizzazzjoni tal-baġit, partikolarment minħabba l-flessibbiltà tagħha biex f’malajr talloka mill-ġdid flus li ma jintnefqux minn xi azzjonijiet biex tiffinanzja oħrajn ġodda.
ØGħall-ewwel darba, sehem tal-baġit ta’ koeżjoni (EUR 11.3 biljun għat-trasport) ġie utilizzat taħt ġestjoni diretta fil-qafas tas-CEF. 100% tal-pakkett ġie allokat matul l-ewwel nofs tal-perjodu tal-programm, kważi esklussivament fuq modalitajiet ta’ trasport sostenibbli. Assistenza teknika mmirata, spejjeż amministrattivi aktar baxxi għall-Istati Membri, prijoritajiet ta’ finanzjament ċari u pipeline ta’ proġetti solidu li ġej mill-kontinwità ta’ proġetti u studji li qabel kienu appoġġjati mill-Programm tat-TEN-T jew mill-istrumenti tal-Politika ta’ Koeżjoni kkontribwixxew għall-allokazzjoni mgħaġġla tal-fondi.
ØIs-CEF kompla juża u jiżviluppa strumenti finanzjarji innovattivi. Madankollu, l-implimentazzjoni tagħhom kienet limitata minħabba l-possibbiltajiet ġodda offruti mill-FEIS. L-użu tal-istrumenti finanzjarji tas-CEF mistenni jaqbad ir-ritmu matul it-tieni nofs tal-programm meta l-kumplimentarjetà bejn l-istrumenti finanzjarji speċifiċi tas-CEF u l-FEIS jkunu ġew assigurati.
ØBarra minn hekk, l-ewwel esperjenza pożittiva ħafna ta’ taħlit tal-għotjiet mal-istrumenti finanzjarji saret fl-2017 fit-trasport, b’EUR 2.2 biljun ta’ finanzjament mitluba għal sejħa b’baġit indikattiv ta’ EUR 1 biljun, li ppermettiet l-użu ta’ għotjiet biex jiġi massimizzat l-ingranġġ ta’ fondi privati u pubbliċi.
ØIn-nefqa tas-CEF fit-trasport u l-enerġija hija kontributur sinifikanti għall-mira tal-UE li mill-anqas 20% tat-total tal-baġit tal-UE jkun iddedikat għall-infiq fuq azzjonijiet relatati mal-klima.
ØFis-settur tat-telekomunikazzjoni, il-fokus doppju tas-CEF fuq is-servizzi diġitali transkonfinali ta’ interess pubbliku u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni u tal-informatika wera li l-programm għandu impatt importanti għall-ilħuq tal-għanijiet tas-suq uniku diġitali tal-UE, li jippermetti ċ-ċittadini u n-negozji jaċċessaw servizzi diġitali ta’ kwalità għolja madwar l-Ewropa. Huwa għen ukoll biex tiġi żviluppata u implimentata politika komuni li tindirizza sfidi tas-soċjetà inkluża t-trasformazzjoni diġitali tal-kura tas-saħħa, is-siġurtà ċibernetika u d-diġitalizzazzjoni tal-gvernijiet. Madankollu, peress li l-finanzjament propost għat-telekomunikazzjoni taħt is-CEF kien imnaqqas b’mod sinifikanti, il-finanzi tal-programm setgħu jappoġġjaw biss l-ewwel passi lejn infrastruttura diġitali transkonfinali sħiħa f’oqsma ta’ interess pubbliku.
ØIs-CEF ittestja wkoll sinerġiji transsettorjali, iżda kien limitat b’restrizzjonijiet fil-qafas legali/baġitarju attwali. Il-linji gwida tal-politika settorjali u l-istrument tas-CEF iridu jkunu aktar flessibbli biex jiffaċilitaw is-sinerġiji u jirrispondu aħjar għal żviluppi u prijoritajiet teknoloġiċi ġodda bħad-diġitalizzazzjoni, filwaqt li jaċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni u jindirizzaw l-isfidi komuni tas-soċjetà bħas-sigurtà ċibernetika.
ØIt-tkomplija tat-TEN definita fil-prijoritajiet tal-politika tal-UE xorta se tkun teħtieġ investimenti kbar, li parti minnhom se tiddependi fuq l-appoġġ kontinwu tal-UE. Id-daqs tas-CEF attwalment jagħmilha possibbli li jindirizza biss xi wħud mill-fallimenti tas-suq li ġew identifikati fit-tliet setturi. Għalhekk, jeżisti l-potenzjal biex jiġi sfruttat aktar investiment pubbliku u privat kieku kien hemm baġit addizzjonali tal-UE disponibbli biex jindirizza l-fallimenti tas-suq.