Strasburgu, 6.2.2018

COM(2018) 65 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent


PERSPETTIVA KREDIBBLI GĦAT-TKABBIR U INVOLVIMENT AKBAR TAL-UE MAL-BALKANI TAL-PUNENT

Fid-diskors tiegħu tal-Istat tal-Unjoni tal-2017, il-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker tenna l-futur Ewropew tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent:

Jekk irridu aktar stabbiltà fil-viċinat tagħna, irridu nżommu wkoll perspettiva ta’ tkabbir kredibbli għall-Balkani tal-Punent. Huwa ċar li mhux se jkun hemm aktar tkabbir matul il-mandat ta’ din il-Kummissjoni u dan il-Parlament. L-ebda kandidat ma huwa lest. Iżda wara l-Unjoni Ewropea se tkun numerikament akbar minn 27. Il-kandidati għall-adeżjoni jridu jagħtu l-ogħla prijorità lill-istat tad-dritt, il-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali.”

Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE appoġġaw il-mixja Ewropea tar-reġjun b’mod konsistenti, l-aktar riċenti fil-konklużjonijiet mill-President tal-Kunsill Ewropew f'Marzu 2017:

Il-Kunsill Ewropew […] tenna l-appoġġ inekwivoku għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. Filwaqt li jilqa’ l-progress li sar mill-pajjiżi tar-reġjun, il-Kunsill Ewropew jenfasizza li l-UE tibqa’ impenjata u involuta fil-livelli kollha biex tappoġġahom fit-twettiq ta’ riformi u proġetti orjentati lejn l-UE.”

Il-Balkani tal-Punent huma parti mill-Ewropa, ġeografikament imdawra bi Stati Membri tal-UE. Il-popli tal-UE u r-reġjun għandhom wirt storiku komuni u futur definit minn opportunitajiet u sfidi komuni. L-UE ilha ħafna involuta sew f’dan ir-reġjun. Mill-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika fl-2003, l-UE appoġġat il-futur tar-reġjun bħala parti integrali tal-UE.

Minn dak iż-żmien, il-prospettiva Ewropea tar-reġjun għenet lill-pajjiżi biex jiksbu riformi politiċi u ekonomiċi kumplessivi bi proċessi demokratiċi mtejba. Il-liberalizzazzjoni tal-viża u l-kooperazzjoni reġjonali mtejba qed irawmu soċjetajiet aktar miftuħa. Fl-2016, il-kummerċ totali tar-reġjun mal-UE kien ta' aktar minn EUR 43 biljun, 80% aktar mill-2008 u b’potenzjal ta’ tkabbir sinifikanti ulterjuri. Barra minn hekk, il-kumpaniji tal-UE huma l-akbar investituri fil-Balkani tal-Punent, b’EUR 10 biljun ta’ Investiment Dirett Barrani fir-reġjun fil-ħames snin li għaddew biss. L-interkonnessjoni u l-interdipendenza tar-reġjun mal-Unjoni Ewropea kienu evidenti fil-kriżi tal-migrazzjoni. Il-pajjiżi tar-reġjun aktar ma jmur, aktar qed jaġixxu bħala sħab fix-xena globali.

Dan il-prospett sod ibbażat fuq il-mertu tas-sħubija tal-UE għall-Balkani tal-Punent huwa fl-interess politiku, ta’ sigurtà u ekonomiku tal-Unjoni stess. Dan huwa investiment ġeostrateġiku f’Ewropa stabbli, b’saħħitha u magħquda bbażata fuq valuri komuni. Huwa għodda b’saħħitha biex tiġi promossa d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Perspettiva ta’ adeżjoni kredibbli tirrappreżenta l-ixprun ewlieni tat-trasformazzjoni fir-reġjun u għalhekk issaħħaħ l-integrazzjoni kollettiva, is-sigurtà, il-prosperità u l-benessri soċjali. It-trawwim tar-rikonċiljazzjoni u l-istabbiltà jibqa’ essenzjali.

Barra minn hekk, il-politika ta’ tkabbir tal-UE trid tkun parti integrali minn strateġija akbar biex issaħħaħ l-Unjoni sal-2025, li kienet stabbilita mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni ta’ Settembru 2017. Hija investiment fis-sigurtà, it-tkabbir ekonomiku u l-influwenza tal-UE u fl-abbiltà tagħha li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha.

Madankollu, qabel ma tista’ tikber, l-Unjoni tagħna trid tkun aktar b’saħħitha u soda. Din hija r-raġuni, f’konformità mal-Pjan Direzzjonali għal Unjoni aktar Magħquda, b’Saħħitha u Demokratika 1 , għaliex matul din is-sena l-Kummissjoni se tressaq għadd ta’ inizjattivi bil-għan li ttejjeb il-qafas demoktratiku, istituzzjonali u ta’ politika għall-Unjoni tal-2025, ibbażati fuq it-Trattati attwali. B’mod partikolari, dawn l-inizjattivi se jinkludu proposti biex titjieb l-effikaċja tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-UE billi tissaħħaħ il-maġġoranza kkwalifikata f’oqsma bħal politika għall-affarijiet barranin jew kwistjonijiet marbutin mas-suq intern.

Sa dik id-data, l-UE tista’ ssir ikbar minn 27 Membru. In-negozjati tal-adeżjoni mal-Montenegro u mas-Serbja diġà ilhom sew għaddejjin. B’rieda politika soda, it-twettiq ta’ riformi reali u sostnuti, u soluzzjonijiet definittivi għat-tilwim mal-ġirien, dawn jistgħu potenzjalment ikunu lesti jissieħbu sal-2025. Din il-prospettiva hija estremament ambizzjuża. Jekk tinkisibx jew le tiddependi għalkollox fuq il-merti u r-riżultati oġġettivi ta’ kull pajjiż.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kollha issa jridu jirduppjaw mill-ġdid b’mod urġenti l-isforzi tagħhom, jindirizzaw ir-riformi ewlenin u jikkonkludu t-trasformazzjoni politika, ekonomika u soċjali tagħhom, billi jgħaqqdu flimkien il-partijiet ikkonċernati kollha minn kull spettru politiku u mis-soċjetà ċivili. Is-sħubija mal-UE ferm aktar minn sempliċi proċess tekniku. Huwa għażla ġenerazzjonali, ibbażata fuq il-valuri, li kull pajjiż irid iħaddan b’mod aktar attiv, mill-politika tal-affarijiet barranin u dik reġjonali, sa dak li jiġi mgħallem lit-tfal fl-iskejjel.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent issa se tinfetħilhom tieqa storika ta’ opportunità biex jgħaqqdu l-futur tagħhom b’mod sod u inekwivoku mal-Unjoni Ewropea. Se jkollhom jaġixxu b’determinazzjoni. L-adeżjoni hija u tibqa’ proċess ibbażat fuq il-mertu li jiddependi kompletament fuq il-progress tal-objettiv miksub minn kull pajjiż. Il-pajjiżi jistgħu jilħqu jew jaqbżu lil xulxin skont il-progress li jkun sar.

Il-Kummissjoni hija lesta li tħejji rakkomandazzjonijiet biex jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, skont jekk jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet mitluba. Bi sforz u involviment sostnuti, il-Bożnija-Ħerzegovina tista’ ssir kandidat għall-adeżjoni. Il-Kosovo 2* għandu opportunità għal progress sostenibbli permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u biex javvanza fit-triq Ewropea tiegħu ladarba ċ-ċirkostanzi oġġettivi jippermettu.

Il-ħajja ta’ kuljum fil-Balkani tal-Punent għandha ssir progressivament aktar qrib il-ħajja fl-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċittadini jistennew bil-ħerqa li jgħixu f’pajjiżi li huma għanja u ugwali, fejn l-istat tad-dritt huwa b’saħħtu u l-korruzzjoni hija eliminata. Din l-istrateġija tistabbilixxi kif b’aktar appoġġ mill-UE, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni f’ċerti politiki u programmi tal-Unjoni, il-pajjiżi Balkani tal-Punent jistgħu jibbenifikaw diġà minn aktar stabbiltà u prosperità, li fl-aħħar mill-aħħar jiffaċilitaw il-progress fil-perkors Ewropew tagħhom.

I.PERSPETTIVA TA’ TKABBIR KREDIBBLI TIRRIKJEDI SFORZI U RIFORMI KREDIBBLI FIL-BALKANI TAL-PUNTENT 3

Il-Balkani tal-Punent se jkunu jistgħu jissieħbu mal-Unjoni Ewropea, ladarba l-kriterji tal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inklużi l-kriterji ta' Copenhagen, jiġu ssodisfati. Filwaqt li l-ebda pajjiż ma jissosidfa l-kriterji llum, ir-reġjun għamel ħafna progress mit-tmiem tas-snin disgħin. Inġenerali, sar progress sinifikanti kemm fir-riformi kif ukoll sabiex jingħeleb il-legat devastanti tal-gwerra u l-kunflitt. Iżda sabiex il-pajjiżi jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ sħubija u jsaħħu d-demokraziji tagħhom, f’ċerti oqsma għad jenħtieġu riformi komprensivi u konvinċenti, speċjalment fl-istat tad-dritt, il-kompetittività u l-kooperazzjoni u r-rikonċiljazzjoni reġjonali.

L-ewwel nett, l-istat tad-dritt, irid jissaħħaħ b’mod sinifikanti. Illum, il-pajjiżi juru elementi ċari ta’ manipulazzjoni tal-Istat, inkluż rabtiet ma’ kriminalità organizzata u korruzzjoni fl-livelli kollha tal-gvern u l-amministrazzjoni, kif ukoll indħil sinifikanti fl-interessi pubbliċi u privati. Dan kollu jwassal għal sentiment ta’ impunità u inugwaljanza. Hemm ukoll interferenza politika estensiva u kontroll tal-midja. Biex issir il-bidla dejjiema tas-soċjetà, huwa essenzjali li l-ġudikatura jkollha setgħa b’mod viżibbli u tkun indipendenti u l-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet jkunu akkontabbli.

It-tieni, partijiet kritiċi tal-ekonomiji tar-reġjun mhumiex kompetittivi, b’interferenza politika żejda u mhux dovuta u settur privat sottożviluppat. L-ebda mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala ekonomija tas-suq li tiffunzjona jew li għandha kapaċità li tlaħħaq mal-pressjonji tal-kompetittività u l-forzi tas-suq fl-unjoni. Minkejja l-progress kollu marbut mar-riformi, jibqgħu bosta kwistjonijiet strutturali, li mbagħad jaffettwaw is-swieq tax-xogħol u speċjalment l-opportunitajiet tax-xogħol għaż-żgħażagħ.

It-tielet, għad hemm tilwim bilaterali importanti bejn il-pajjiżi fir-reġjun li għad irid jiġi riżolt. L-UE mhux se taċċetta li timporta dan it-tilwim u l-instabbiltà li jista’ jinvolvi. Qabel ma pajjiż jissieħeb mal-UE, iridu jinstabu u jiġu implimentati soluzzjonijiet definittivi u vinkolanti.

Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, is-sħubija mal-UE hija għażla. Din tenħtieġ kunsens politiku u soċjetali u l-appoġġ tal-qlub u l-imħuħ tan-nies. Ma jistax ikun hemm ambigwità mill-mexxejja rigward fejn jappartjenu l-Balkani tal-Punent u d-direzzjoni ‘il fejn mexjin. Dan huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat u sostnut appoġġ kemm miċ-ċittadini tagħhom kif ukoll tal-UE, u jrid jirrifletti fil-komunikazzjonijiet tal-mexxejja u jilħaq liċ-ċittadini.

Il-mixjiet Ewropej rispettivi tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma akkumpanjati minn bosta inizjattivi, bħall-Proċess ta’ Berlin 4 , pjattaformi settorjali bħall-Komunitajiet tal-Enerġija u t-Trasport, u atturi reġjonali, bħall-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali.

Issa huwa f’idejn l-awtoritajiet tal-pajjiżi, bl-appoġġ tas-soċjetajiet tagħhom, li jinvolvu ruħhom u jwettqu l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-adeżjoni. Biex l-aħjar xenarju ambizzjuż isir realtà, trid tittieħed azzjoni issa. Fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċittadini tar-reġjun se jiġġudikaw il-gvernijiet tagħhom stess dwar jekk humiex lesti u kapaċi li jwettqu l-ambizzjonijiet Ewropej.

1.    L-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, il-governanza

L-indirizzar tar-riformi fil-qasam tal-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u governanza tajba jibqa’ l-aktar kwistjoni urġenti għall-Balkani tal-Punent. Huwa wkoll ir-riferiment ewlieni li abbażi tiegħu se jiġu ġġudikati l-prospetti ta’ dawn il-pajjiżi mill-UE. Ir-reġjun irid iħaddan dawn il-valuri fundamentali tal-UE b’mod aktar b’saħħtu u kredibbli. In-nuqqas ta’ rispett tagħhom huwa wkoll deterrent għall-investiment u l-kummerċ. It-tisħiħ tal-istat tad-dritt mhuwiex kwistjoni istituzzjonali biss. Dan jirikjedi trasformazzjoni soċjetali.

Irid jiġi żgurat li jkun hemm indipendenza, kwalità u effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja. L-indipendenza tal-imħallfin ġudizzjarji u individwali hija essenzjali biex tiġi żgurata ġustizzja u biex il-fergħat eżekuttivi u leġiżlattivi tal-gvern jiġu kkunsidrati bħala responsabbli. Din hija prekundizzjoni għal kwalunkwe soċjetà demokratika bbażata fuq l-istat tad-dritt u għall-iżvilupp ekonomiku tagħha.

Il-pajjiżi jridu jeliminaw il-korruzzjoni mingħajr l-ebda kompromess. Istituzzjonijiet b’saħħithom u indipendenti huma kruċjali biex tiġi evitata u indirizzata l-korruzzjoni u jitwettqu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet aktar effettivi, li jwasslu għal sentenzi finali tal-qrati li jiġu infurzati, u l-inklużjoni ta’ sanzjonijiet dissważivi. L-istrutturi ta’ prosekuzzjoni speċjalizzati biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-korpi ġudizzjarji għandhom jissaħħu b’mod sinifikanti. Dan għandu jinkludi l-allokazzjoni ta’ unitajiet tal-pulizija speċjali fl-uffiċċji tal-prosekuzzjoni. Għandhom jiġu segwiti u infurzati miżuri bħat-tneħħija ta’ assi akkwistati illegalment, it-telfa tad-dritt tal-kariga, regoli ta’ konformità aktar stretti għal uffiċjali pubbliċi u informazzjoni aċċessibbli u mekkaniżmi ta’ lmenti għaċ-ċittadini.

Il-pajjiżi jridu jistabbilixxu wkoll qafas b’saħħtu għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni. Tenħtieġ aktar trasparenza fil-ġestjoni tal-fondi pubbliċi speċjalment fl-istadji kollha tal-akkwist pubbliku, li huwa qasam partikolarment suxxettibbli għall-korruzzjoni. Kien hemm bosta eżempji fil-Balkani tal-Punent, ta’ proċeduri kunfidenzjali għall-akkwist ta’ oġġetti u ngħataw xi kuntratti ewlenin mingħajr offerta pubblika. Kien hemm allegazzjonijiet ta’ sottokuntratturi lokali b’rabta politika li ngħataw preferenza u ta’ pagamenti illeċiti. Il-pajjiżi għandhom iżidu t-trasparenza, il-kompetittività u l-ġustizzja tal-offerti tal-akkwist pubbliku, jillimitaw l-użu ta’ proċeduri kunfidenzjali u jintroduċu salvagwardji li jeskludu l-influwenza politika fuq l-offerenti. L-użu ta’ akkwist elettroniku trasparenti, u aċċessibbli pubblikament għandu jiġi implimentat bis-sħiħ. Dan għandu jippermetti liċ-ċittadini biex jaraw b’mod ċar kif ikunu qed jintefqu t-taxxi tagħhom, mill-offerta inizjali sal-eżekuzzjoni finali tal-kuntratti. Ir-responsabbilizzazzjoni maniġerjali, u l-kultura ta’ kontroll intern f’istituzzjonijiet pubbliċi huma kruċjali wkoll.

Il-bażi tal-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent għadha b’saħħitha, kemm f'dak li għandu x’jaqsam ma’ traffikar ta’ bnedmin, drogi u armi jew mar-riskju ta’ infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi u ekonomiċi. L-awtoritajiet iridu jeqirdu n-netwerks kriminali u l-bażijiet ekonomiċi tagħhom b’mod aktar effettiv, billi jagħmlu użu sistematiku tal-investigazzjonijiet finanzjarji u billi japplikaw għodod aktar immirati bħall-iffriżar prekawzjonali ta’ rikavat tal-kriminali, konfiska ta’ parti terza, inverżjoni tal-oneru tal-prova fuq iż-żamma ta’ ċerti tipi ta’ assi, konfiska tal-assi mingħajr kundanna biex jiġi ttrattat il-ġid inspjegabbli, rekwiżit sħaħ ta' żvelar ta’ sjieda għall-kumpaniji, u kooperazzjoni ġudizzjarja msaħħa. Għandu jiġi stabbilit rekord konkret u sostnut b’mod urġenti biex jiġu indirizzati l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata.

Id-drittijiet fundamentali huma fil-biċċa l-kbira stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, iżda jenħtieġ li jsir aktar biex jiġi żgurat li jiġu implimentati b’mod sħiħ fil-prattika. Jenħtieġ enfasi partikolari biex tiġi ssalvagwardjata l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tax-xandir bħala pilastru tad-demokrazija. Jenħtieġu sforzi deċiżivi biex jiġu protetti l-minoritajiet u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni, speċjalment kontra r-Rom, li għalihom għandha tiġi promossa inklużjoni soċjali b’mod aktar sod, kif ukoll il-komunità LGBTI. Trid tiġi żgurata wkoll l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u trid tiġi indirizzata l-vjolenza domestika.

It-tisħiħ tat-tħaddim ta’ istituzzjonijiet demokratiċi huwa essenzjali. Dan jinkludi l-iżgurar ta’ djalogu kostruttiv fl-ispettru politiku, speċjalment fil-parlamenti. Il-gvernijiet jenħtieġ li jiżguraw li l-oppożizzjoni jkollha l-possibbiltà li twettaq ir-rwol tagħha b’mod sħiħ. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-oppożizzjoni tinvolvi ruħha b’mod kostruttiv fil-proċess demokratiku. L-elezzjonijiet għandhom ikunu ħielsa u ġusti u r-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni tal-elezzjonijiet għandhom ikunu implimentati b’mod korrett. Ir-regoli għall-finanzjament pubbliku u privat tal-partijiet politiċi jenħtieġu riforma sostantiva wkoll.

Ir-riforma amministrattiva pubblika hija importanti ħafna għat-tisħiħ tal-governanza fil-livelli kollha. Dan jinkludi titjib tal-kwalità u l-akkontabbiltà tal-amministrazzjoni, żieda fil-professjonaliżmu, depolitiċizzazzjoni u trasparenza, anki fir-reklutaġġ u s-sensji, aktar trasparenza fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, u servizzi aħjar għaċ-ċittadini. Jenħtieġ li jinstab bilanċ xieraq bejn il-gvern ċentrali, reġjonali u dak lokali.

Il-gvernijiet għandhom jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati jistgħu jipparteċipaw fir-riforma u l-proċess ta’ twettiq ta’ politika, pereżempju billi jistabbilixxu djalogi strutturati u inklużivi dwar il-prijoritajiet ta’ riforma, b’involviment tas-soċjetà ċivili li jkollha leħen. Għaldaqstant, ambjent favorevoli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa kruċjali.

Dawn ir-riformi kollha jibqgħu fil-qalba tal-mixja tal-UE tar-reġjun. Permezz tal-kisba ta’ riżultati tanġibbli u sonstenibbli biss jista’ jintlaħaq il-momentum kredibbli meħtieġ.

2.    It-tisħiħ tal-ekonomija

Ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent għandu potenzjal ekonomiku sinifikanti. Ir-rati ta’ tkabbir huma aktar għolja minn dawk tal-UE u huwa suq dejjem aktar interessanti għall-oġġetti u s-servizzi tal-UE, li qed isir gradwalment parti mill-katina tal-valur Ewropea. Il-livell tal-integrazzjoni ekonomika mal-Unjoni huwa għoli ħafna, minħabba l-Ftehimiet ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Madankollu, jenħtieġu aktar sforzi biex tiżdied il-kompetittività tal-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent, biex jiġi indirizzat il-qgħad għoli, speċjalment fost iż-żgħażagħ, biex tiżdied il-prosperità u jinħolqu opportunitajiet ta’ negozju mhux lanqas għall-atturi lokali. Ekonomiji aktar b’saħħithom ibbażati fuq il-ħiliet se jgħinu wkoll biex jittaffa l-eżodu tal-imħuħ li jeżisti, u jinbidel f’ċirkolazzjoni tal-imħuħ. Il-modernizzazzjoni ulterjuri tal-ekonomiji reġjonali se tattira aktar l-investiment privat tal-UE u żżid id-domanda għall-oġġetti u s-servizzi tal-UE fil-Balkani tal-Punent. Ir-riformi strutturali meħtieġa għandhom ikunu bbażati fuq politiki ekonomiċi u fiskali xierqa.

L-ekonomiji tar-reġjun jiffaċċjaw dgħufijiet strutturali, bi swieq mhux effiċjenti u riġidi, produttività baxxa, aċċess limitat għal finanzjament, drittijiet tal-proprjetà mhux ċari u ambjent regolatorju kumpless, li jwassal għal kompetittività baxxa u rata għolja ta’ qgħad. B’mod globali, il-livelli ta’ investiment u r-rati ta’ tkabbir mhumiex biżżejjed biex inaqqsu b’mod sinifikanti d-diskrepanza mal-UE. L-iżvilupp ekonomiku jixxekkel ukoll minn ekonomija klandestina stabbilita sew. L-involviment tal-Istat u l-interferenza politika mhux dovuta fl-ekonomija għadhom għolja, filwaqt li l-politika tal-kompteizzjoni u politiki oħrajn ta’ appoġġ għadhom pjuttost dgħajfin. Ir-riformi stutturali msemmijin fil-Programmi ta’ Riforma Ekonomika jridu jitkomplew b’mod aktar rigoruż. Il-miżuri li jittrattaw l-isfidi soċjali u l-qgħad strutturali jridu jingħataw prijorità. Il-proċessi ta’ privatizzazzjoni jridu jiġu avvanzati bi trasparenza sħiħa. Prijorità oħra hija r-riforma tal-intrapriżi tal-istat u għandha tiġi indirizzata l-korruzzjoni. Il-potenzjal tat-tkabbir u l-kompetittività jibqgħu jixxekklu minn dgħufijiet fl-istat tad-dritt u funzjonament ħażin tal-istituzzjonijiet.

Integrazzjoni ekonomika ta’ suċċess fir-reġjun u mal-UE se tkun possibbli biss b’konnettività msaħħa. Wisq huma l-obbligazzjonijiet mill-ftehimiet reġjonali li għadhom ma ġewx issodisfati. Il-pajjiżi jridu jkunu konformi b’mod sħiħ mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija u t-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport u r-regoli tal-UE rilevanti għaż-Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea, li permezz tagħhom huma impenjaw ruħhom li jadottaw l-acquis tal-enerġija u t-trasport, kif ukoll l-istandards relatati (pereż. l-ambjent u l-kompetizzjoni) qabel l-adeżjoni.

Ir-reġjun għandu jiżgura wkoll il-ftehimiet u l-impenji eżistenti jkunu operazzjonali, pereżempju fil-kuntest tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali, li għandu jiġi riformat biex jindirizza aħjar il-ħtiġijiet tar-reġjun. L-adozzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni Pluriennali għall-iżvilupp ta’ Żona Ekonomika Reġjonali, maqbul mill-mexxejja tal-Balkani tal-Punent f'Lulju 2017, jidher promettenti: l-implimentazzjoni tiegħu se jkompli jsaħħaħ il-kummerċ, l-investiment u l-mobbiltà fir-reġjun u bejn ir-reġjun u l-UE. Dan se jgħin biex jintegra s-swieq fil-ktajjen ta' valur mondjali u Ewropej u tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji tar-reġjun. Se jgħin ukoll biex jitħaffef l-iżvilupp tal-intrapriża u l-ħiliet, ir-riċerka u l-innovazzjoni u t-tkabbir intelliġenti.

3.    L-applikazzjoni tar-regoli u l-istandards tal-UE

Kwistjonijiet ewlenin bħall-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività jibqgħu prijoritajiet ewlenin fil-proċess ta’ tkabbir. Dawn jifformaw il-bażi għal kull Stat Membru li qed jaspira li jiżgura li jkollu l-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja fis-seħħ biex japplika r-regoli u l-istandards tal-UE, mhux fil-liġi biss iżda fil-prattika.

Għad fadal ħafna xi jsir fl-oqsma kollha biex jiġu allinjati mal-acquis tal-UE, biex jiġu stabbiliti jew jinbnew l-istituzzjonijiet relatati, u tiġi żgurata kapaċità ta’ implimentazzjoni, kemm fir-rigward tar-regoli tas-suq uniku, il-politika soċjali, l-acquis tal-enerġija u tat-trasport jew il-liġi tal-ambjent tal-UE.

L-implimentazzjoni tal-obbligi li joriġinaw mill-Ftehimiet ta’ Stabbilizazzjoni u Asssoċjazzjoni u oħrajn settorjali se tgħin biex jiġu appoġġjati t-tħejjijiet għas-sodisfar tar-rekwiżiti tal-isħubija mal-UE. Għandu jsir użu sħiħ mill-assistenza teknika sinifikanti disponibbli, b’mod partikolari fl-appoġġ tal-bini tal-istituzzjonijiet permezz tal-Istrumenti ta’Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni.

4.        Rikonċiljazzjoni, relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u kooperazzjoni reġjonali - prerekwiżiti għall-adeżjoni

Il-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien huma essenzjali għall-progress fil-mixjiet Ewropej rispettivi tal-pajjiżi. Barra minn hekk, l-inizjattivi reġjonali eżistenti bħall-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, formati għall-kooperazzjoni politika sal-ogħla livell xprunati mir-reġjun u s-summits riċenti pprovdew momentum ġdid. Dan jenħtieġ li jiġi sfruttat aktar sabiex ikompli l-kontribut għall-istabilizzazzjoni politika u biex jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi.

Flimkien ma’ kooperazzjoni reġjonali mtejba, aktar sforzi fuq ir-rikonċiljazzjoni huma kruċjali biex tiġi stabbilita l-paċi u tiġi żgurata stabbiltà dejjiema fir-reġjun. Il-feriti tas-snin disgħin għad iridu ż-żmien biex ifiqu. Iżda 25 sena wara, wasal iż-żmien biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet miftuħa b’ħeġġa ġdida. Il-pajjiżi kollha jridu jimpenjaw ruħhom b’mod inekwivoku, kemm bil-kliem kif ukoll bil-fatti, biex jingħeleb il-legat tal-passat, billi jiksbu r-rikonċiljazzjoni u jsolvu il-kwistjonijiet miftuħa ferm qabel l-adeżjoni tagħhom mal-UE.

Il-kooperazzjoni reġjonali, ir-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u r-rikonċiljazzjoni ma jistgħux jiġu imposti minn barra. Il-mexxejja tar-reġjun iridu jieħdu sjieda sħiħa u jmexxu bl-eżempju. Huma jridu jevitaw u jikkundannaw kull dikjarazzjoni jew azzjoni li tista’ toħloq tensjoni interetnika u jiġġieldu b’mod attiv kontra narrattivi nazzjonalisti. Ma hemm l-ebda post fl-UE għar-retorika xewwiexa, aktar u aktar għall-glorifikazzjoni tal-kriminali tal-gwerra minn kull naħa. Il-proċess ta’ ġustizzja tranżizzjonali mhuwiex komplet. Il-kwistjonijiet sensittivi pendenti bħall-indirizzar ta’ kawżi dwar delitti tal-gwerra, inkluż kooperazzjoni sħiħa mal-Mekkaniżmu għat-Tribunali Kriminali Internazzjonali u s-Sezzjonijiet Speċjalizzati tal-Kosovo, id-destin ta’ persuni nieqsa, ir-refuġjati u l-persuni spostati f’pajjiżhom, kif ukoll l-identifikazzjoni u t-tneħħija tal-mini tal-art li fadal fir-reġjun iridu jiġu indirizzati b’mod urġenti.

Ir-rwol tal-edukazzjoni irid jingħata aktar prijorità speċjalment fir-rigward ta’ trawwim ta’ aktar tolleranza, u promozzjoni tal-valuri Ewropej u t-tisħiħ tal-koeżjoni tas-soċjetà. Il-Balkani tal-Punent għandhom jinvestu aktar fil-ġenerazzjoni żgħażugħa, iċ-ċittadini tal-UE futuri, u jagħtuhom perspettiva għall-futur, mhux il-passat. Għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura mar-reġjun kif ukoll fih.

Il-politika tat-tkabbir tal-UE trid tkompli tesporta l-istabbiltà. Għaldaqstant l-UE ma tistax u mhux se timporta tilwim bilaterali. Dawn irid jiġu riżolti b’mod urġenti mill-partijiet responsabbli. Il-kisba ta’ din il-mira se tkun iffaċilitata minn atmosfera ta’ relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, iżda se tkun ukoll test deċiżiv rigward kemm dawn ir-relazzjonijiet huma sodi. Fejn it-tilwim dwar il-fruntieri ma jkunx għadu riżolt bilateralment, il-partijiet għandhom iressquhom mingħajr kundizzjonijiet għal arbitraġġ interistituzzjonali finali vinkolanti, li d-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu applikati b’mod sħiħ u segwiti miż-żewġ partijiet qabel l-adeżjoni u kkunsidrati fit-tħejjija tat-Trattati ta’ Adeżjoni. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-proċess biex issolvi dan it-tilwim u tipprovdi appoġġ kif xieraq. Il-pajjiżi kollha jridu jastjenu milli jużaw kwistjonijiet pendenti fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE. Bħala prinċipju, il-pinjunieri fil-mixja tal-UE għandhom interess strateġiku li jappoġġjaw mhux ixekklu l-aspirazzjonijiet tal-ġirien tagħhom. Il-pajjiżi tar-reġjun huma interdipendenti u jagħmlu aktar progress jekk jgħinu lil xulxin matul il-mixja.

Mingħajr normalizzazzjoni effettiva u komprensiva tar-relazzjonijet bejn Belgrad u Pristina permezz ta’ Djalogu ta' faċilitazzjoni tal-UE ma jistax ikun hemm stabbiltà dejjiema fir-reġjun. Ftehim ta’ normalizzazzjoni komprensiv u legalment vinkolanti huwa urġenti u kruċjali sabiex is-Serbja u l-Kosovo jistgħu javvanzaw fil-mixjiet Ewropej rispettivi tagħhom.

5.    Il-passi li jmiss fil-mixjiet Ewropej rispettivi tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent

Fis-snin li ġejjin, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kollha se jkollhom l-opportunità li jimxu ’l quddiem fil-mixjiet Ewropej rispettivi tagħhom, abbażi tal-merti tagħhom u fuq kemm idumu biex jiksbuhom. Bħalissa, fuq quddiem tal-proċess hemm il-Montenegro u s-Serbja, u t-taqsima li ġejja turi l-istadji importanti li fadal fil-mixjiet tagħhom. L-Albanija u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qed jagħmlu progress sinifikanti fil-mixja Ewropea tagħhom, u l-Kummissjoni hija lesta li tħejji rakkomandazzjonijiet biex jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet mitluba. Il-Kummissjoni se tibda tħejji Opinjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Bożnija-Ħerzigovina wara li jaslulha tweġibiet komprensivi u sħaħ għall-Kwestjonarju tagħha. Bi sforz u involviment sostnuti, il-Bożnija-Ħerzegovina tista’ ssir kandidat għall-adeżjoni. Il-Kosovo għandu opportunità għal progress sostenibbli permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u biex javvanza fil-mixja Ewropea tiegħu ladarba ċ-ċirkostanzi oġġettivi jippermettu. Il-Kosovo se jgawdi konsiderevolment ukoll minn ftehim ta’ normalizzazzjoni definittiv mas-Serbja.

5.1 Illustrazzjoni indikattiva tal-passi meħtieġa għall-Montenegro u s-Serbja għat-tkomplija tal-proċess tal-adeżjoni sal-2025

Din it-taqsima tniżżel il-passi u l-kundizzjonijiet ewlenin fin-negozjati tal-adeżjoni meħtieġa bil-ħsieb ta’ prospettiva possibbli għall-2025. Din l-illustrazzjoni hija purament indikattiva, u bbażata fuq ix-xenarju tal-aħjar każ. Ma timplika xejn awtomatiku: il-proċess huwa, u se jibqa’, oġġettiv u bbażat fuq il-mertu. Din isservi biex turi kemm ir-riformi trasformattivi mniżżlin aktar ’il fuq iridu jiġu adottati u implimentati malajr biex dan ix-xenarju jiġi realizzat. Kull pajjiż se jiġi evalwat indipendentement fuq il-mertu tiegħu skont il-progress li jkun kiseb biex jilħaq il-kundizzjonijiet stabbiliti.

ØTlestija tal-parametri referenzjarji interim:

Enfasi iktar b’saħħitha fuq l-ilħiq tal-parametri referenzjarji interim fil-qasam tal-istat tad-dritt hija vitali. Dawn ir-rekwiżiti u kundizzjonijiet diġà ġew espressi b’mod ċar mill-Kummissjoni fir-rapportar regolari tagħha. Issa, il-mexxejja tal-pajjiżi rridu jindirizzaw l-isfidi eżistenti bis-saħħa u b’impenn iktar ċar. Fil-każ tas-Serbja, il-parametri referenzjarji interim relatati man-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo (il-kapitolu 35) iridu jiġu ssodisfati u hemm bżonn li ftehim ta’ normalizzazzjoni komprensiv u legalment vinkolanti jiġi konkluż b’urġenza. 

ØDefinizzjoni tal-pożizzjonijiet komuni tal-UE f’oqsma ta’ politika ewlenin:

Il-Kummissjoni se tħejji Komunikazzjoni b’valutazzjonijiet tal-effett tal-adeżjoni futura fuq oqsma ta’ politika ewlenin bħall-agrikoltura, il-politika ta’ koeżjoni, u l-baġit. Dan se jippermetti lill-Istati Membri tal-UE biex jiddefinixxu pożizzjonijiet komuni fil-kapitoli relevanti b’fehim sħiħ tal-impatt probabbli li se jkun hemm u biex jiddefinixxu kwalunkwe miżura tranżizzjonali. L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-moviment ħieles tal-ħaddiema għall-Istati Membri l-ġodda hija kwistjoni ta’ tħassib kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. In-natura tal-miżuri tranżizzjonali f’dan il-qasam għalhekk se jkollha tiġi indirizzata fin-negozjati. Fil-każ tas-Serbja, l-implimentazzjoni tal-ftehim komprensiv u legalment vinkolanti dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo se jkun hemm bżonn li tkun avvanzat sew.

ØL-għeluq tan-negozjati:

Ladarba l-parametri referenzjarji tal-għeluq kollha għal kull kapitlu jkunu ġew issodisfati, inkluż rekord kredibbli u sostenibbli tal-implimentazzjoni tar-riformi, partikolarment dwar l-istat tad-dritt, l-Istati Membri jkunu fil-qagħda li jaqblu li jagħlqu n-negozjati kumplessivi f’konferenza intergovernamentali. Dan se jkun jeħtieġ progress kontinwu u irriversibbli fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ riforma. Fil-każ tas-Serbja, se jkun hemm bżonn li jkun saret implimentazzjoni irriversibbli tal-ftehim komprensiv u legalment vinkolanti mal-Kosovo li jirrifletti l-konsolidament tan-normalizzazzjoni sħiħa tar-relazzjonijiet.

ØFirma tat-Trattat tal-Adeżjoni:

Ladarba l-pajjiż jew pajjiżi jkunu kkonkludew in-negozjati, it-Trattat tal-Adeżjoni jkun jista’ jiġi ffirmat, wara l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-kunsens tal-Parlament Ewropew u d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-ammissjoni tal-Istati Membri l-ġodda.

ØAdeżjoni:

Ladarba titlesta r-ratifika tat-Trattat tal-Adeżjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE u fil-pajjiż(i) aderenti, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti kostituzzjonali nazzjonali rispettivi, l-adeżjoni mbagħad tkun tista’ ssir. 

II.PERSPETTIVA TA’ TKABBIR KREDIBBLI - TENĦTIEĠ APPOĠĠ MILL-UNJONI EWROPEA

Il-perspettiva ta’ tkabbir tal-Balkani tal-Punent hija l-ewwel nett f’idejn il-pajjiżi nnifishom. Min-naħa tagħha l-UE trid tibqa’ kredibbli, soda u ġusta, filwaqt li ttejjeb il-politiki tagħha biex tappoġġa aħjar il-proċess ta’ trasformazzjoni fir-reġjun. Barra minn hekk, trid tissodisfa l-impenji tagħha, l-istess kif iridu jissodisfaw tagħhom il-Balkani tal-Punent, fl-interess strateġiku tal-Ewropa nnifisha.

It-Taqsima ta’ hawn taħt, flimkien mal-Pjan ta’ Azzjoni fl-Anness, tistabbilixxi għadd ta’ inizjattivi ewlenin li jirrappreżentaw tisħiħ sinifikanti tal-impenn tal-UE mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, f’interess reċiproku. Dawn l-inizjattivi se jirrikjedu appoġġ konkret mill-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll mill-Istati Membri tal-UE.

Il-politika tat-tkabbir tal-UE u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni u l-għodod u strumenti li dawn jipprovdu jibqgħu il-bażi tal-appoġġ lill-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni se timpenja ruħha biex tiżgura koordinazzjoni msaħħa tal-attivitajiet rilevanti kollha, anki ma partijiet ikkonċernati oħrajn, inkluż l-Istituzzjonijiet Finanzjarja Internazzjonali, u tkompli tippromwovi sjieda reġjonali, li hija kruċjali biex ir-reġjun jimxi ‘l quddiem.

L-UE għandha ssaħħaħ l-impenn tal-politika tagħha mal-Balkani tal-Punent, li tiffoka fuq oqsma ta’ interess konġunt bħall-ġustizzja u l-affarijiet interni, inkluża s-sigurtà u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-ekonomija u s-suq uniku, l-enerġija, it-trasport u l-politika diġitali, il-politika soċjali, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll l-affarijiet barranin u d-difiża.

Il-kooperazzjoni f’dawn l-oqsma għandha tiġi appoġġjata minn aktar parteċipazzjoni tal-Balkani tal-Punent fil-Kunsilli informali, kif ukoll fil-kuntatti ta’ livell Ministerjali. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha se tinkludi, kif xieraq, lill-Balkani tal-Punent fil-kumitati tekniċi u l-gruppi ta’ ħidma tal-Kummissjoni. Wara s-summit tal-Balkani tal-Punent f’Sofija f'Mejju 2018, il-mexxejja tal-UE għandhom ikomplu jimpenjaw ruħhom mal-kontropartijiet tagħhom fil-Balkani tal-Punent, inkluż fuq livell ta’ summit.

Il-politiki interni tal-UE rilevanti u l-programmi ta’ finanzjament għandhom jiġu estiżi aktar għall-Balkani tal-Punent u għandu jiġi pprovdut appoġġ sabiex jagħmlu użu aħjar mill-parteċipazzjoni eżistenti f’dawn il-programmi u n-netwerks tal-UE.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-assistenza teknika għall-Balkani tal-Punent biex tgħinhom jallinjaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE u tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tagħha fil-prattika. Skambji mal-amministrazzjonijiet fir-reġjun se jingħata spinta wkoll u formati bejn il-persuni se jiġu ffaċilitati aktar, bħas-sħubiji lokali bejn il-muniċipalitajiet fir-reġjun ma’ dawk f'pajiżi tal-UE.

Biex inkomplu l-interess komuni tagħna tat-tisħiħ tas-siġurtà tagħna, il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni strutturata/id-djalogi ta’ Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni għandhom jiġu estiżi u msaħħa b’aktar kontribuzzjonijiet għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet dinjin tal-UE ma’ sħab individwali kif xieraq, kif ukoll żvilupp ulterjuri tal-parteċipazzjoni f’azzjonijiet marbutin ma’ theddid ibridu, intelliġenza, kwistjonijiet spazjali u difiża u r-riform tas-settur tas-sigurtà. F’dan il-kuntest, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iridu iżidu wkoll l-allinjament mal-pożizzjonijiet ta’ politika barranija tal-UE, inklużi miżuri restrittivi. Is-sħubija mal-UE hija għażla, u waħda li tirrikjedi skambju tal-prinċipji, il-valuri u l-miri li l-Unjoni tippromwovi fil-viċinat u lil hinn minnu, inkluż l-allinjament sħiħ mal-politika estera u ta' sigurtà komuni.

1.It-tisħiħ tal-appoġġ għall-istat tad-dritt

Għandhom jissaħħu l-isforzi biex jiggwidaw riformi marbutin mal-istat tad-dritt fir-reġjun, biex jappoġġjaw il-passi ambizzjużi li għandhom jittieħdu mill-pajjiżi nnifishom. L-għodod li żviluppaw matul in-negozjati mal-Montenegro u s-Serbja skont il-kapitli tal-istat tad-dritt għandhom jiġu użati wkoll fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħala motivatur għal adozzjoni bikrija ta’ riformi ewlenin. Dan se jinkludi analiżi ta’ leġiżlazzjoni u prattika f’dan il-qasam, li twassal għall-istabbilment ta’ pjanijiet ta’ azzjoni dettaljati, li jagħtu prijorità lil kwistjonijiet ewlenin, u monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni u t-twettiq ta’ riżultati konkreti.

Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u l-esperti joffru vantaġġ kbir biex tiġi appoġġata u ssir pressjoni fuq l-implimentazzjoni tar-riforma. Għandhom isiru aktar valutazzjonijiet dettaljati tal-istat tad-dritt u l-missjonijiet konsultattiv għandhom jiġu estiżi għall-Balkani tal-Punent, abbażi tal-esperjenza tal-missjonijiet konsultattivi ta' qabel. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-infurzar għandhom jissaħħu inkluż permezz ta’ evalwazzjonijiet aktar sistematiċi bejn il-pari u abbażi tal-każijiet organizzati mill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni ta’ esperti mill-Istati Membri. Għandu jiġi introdott monitoraġġ tal-proċessi fil-qasam tal-korruzzjoni serja u tal-kriminalità organizzata. Għandha titwettaq ħidma li tiżviluppa indikaturi tal-implimentazzjoni ta’ riforma. Il-progress fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja hemm bżonn li jitkejjel mill-effettività tal-ġustizzja li dik is-sistema tkun kapaċi tagħti liċ-ċittadini u lin-negozji tagħha.

L-oqfsa ta’ negozjar għall-Montenegro u s-Serbja jpoġġu enfasi partikolari fuq il-ħtieġa għal riformi fl-istat tad-dritt li għandhom jiġu indirizzati fil-bidu tan-negozjati. Il-Kummissjoni tirrakkomanda aktar użu tas-saħħa pprovdut fl-oqfsa tan-negozjar. Għalhekk, għandu jsir titjib sostanzjali fl-istat tad-dritt u b’mod partikolari fir-riżultati konkreti fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata qabel it-taħditiet tekniċi dwar il-kapitli tan-negozjati tal-adeżjoni jkunu jistgħu jingħalqu proviżorjament.

ØIl-Kummissjoni se tgħaqqad dawn l-azzjonijiet flimkien f’inizjattiva ewlenija biex issaħħaħ l-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent.

2.It-tisħiħ tal-impenn fuq is-sigurtà u l-migrazzjoni

Kooperazzjoni strateġika u operazzjonali msaħħa bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent rigward is-sigurtà, inkluż permezz aġenziji rilevanti, hija essenzjali biex jiġu indirizzati b’mod effettiv u effiċjenti t-theddid eżistenti għas-sigurtà u mit-terroriżmu li jaffettwaw lill-Unjoni u lir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. L-iskambju ta’ kooperazzjoni u informazzjoni rigward l-infurzar tal-liġi fuq livell nazzjonali u reġjonali fost is-sħab tal-Balkani tal-Punent għandu jissaħħaħ ukoll.

Qed isir aktar xogħol fil-livell tal-UE biex ikun hemm għajnuna għall-kapaċitajiet fil-Balkani tal-Punent u tiġi ffaċilitata l-pulizija internazzjonali u l-kooperazzjoni ġudizzjarja biex jiġu miġġielda t-theddid li joriġina mill-kriminalità organizzata u mit-terroriżmu, inkluż ir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti, l-isfida tal-ġellieda terroristi barranin u t-traffikar ta’ armi u splussivi. Dan l-impenn għandu jissaħħaħ aktar, abbażi ta’ inizjattivi ta’ suċċess fil-qasam tas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u għandu jiddependi fuq id-djalogu ta' politika ta’ sigurtà li jinsab għaddej bejn l-Unjoni u l-Balkani tal-Punent. Fuq bażi ad hoc is-sħab tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu assoċjati aktar mill-qrib mad-diskussjonijiet tal-politika tas-sigurtà rilevanti li qed iseħħu fl-UE.

L-Aġenziji tal-UE, 5  appoġġati mill-Interpol, se jintalbu biex ikollhom rwol prominenti fit-tisħiħ ta’ pulizija strategika u operazzjonali u kooperazzjoni ġudizzjarja, inkluż li jintbagħat uffiċjal ta’ kollegament tal-Europol fir-reġjun u jiġu promossi aktar it-Timijiet ta’ Investigazzjoni Konġunti. Għandhom jiġu ffinalizzati l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Eurojust hekk kif l-istandards tal-protezzjoni tad-dejta meħtieġa jkunu fis-seħħ.

Impenn imsaħħaħ fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni għandu jinkludi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet strateġiċi, leġiżlattivi u istituzzjonali, abbażi ta’ djalogi mmirati kontra t-terroriżmu u pjanijiet ta’ azzjoni konġunti, u t-tkomplija ta’ skjerament ta’ għarfien espert kontra terroriżmu fil-Balkani tal-Punent. Il-kooperazzjoni għandha tissaħħaħ flimkien mar-rabta tas-sigurtà interna u dik esterna bl-għajnuna tal-Aġenzija tal-UE u l-Interpol, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-ġlieda ta’ terroristi barranin, u ż-żieda fl-appoġġ tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni għall-Balkani tal-Punent. Il-koerenza u s-sinerġiji tal-azzjonijiet għandhom jiġu żgurati permezz tal-Inizjattiva għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu fil-Balkani tal-Punent.

Il-kooperazzjoni operattiva fil-ġlieda kontra bosta tipi ta’ kriminalità organizzata fil-kuntest taċ-Ċiklu tal-Politika għandha tiġi estiża billi jiġu inklużi l-Balkani tal-Punent. Se tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi pprovdut aktar appoġġ biex tinbena l-kapaċità fil-qasam taċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. Il-kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE rilevanti bħall-Europol u l-Aġenzija dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni se tissaħħaħ.

Fl-istess ħin huwa essenzjali li tżdied il-kooperazzjoni strateġika u operazzjonali mal-Balkani tal-Punent fil-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri. Dan jinkludi l-iżgurar tal-aċċess għal protezzjoni internazzjonali, l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti (bħall-analiżi tar-riskju), it-tisħiħ tal-kontroll fuq il-fruntiera, l-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva ta’ riammissjoni u politiki ta’ ritorn u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali (inkluż mal-aġenziji tal-UE 6 u l-uffiċjali ta’ kollegament rispettivi fir-reġjun), u t-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċitajiet tal-fruntieri u l-migrazzjoni huma meħtieġa wkoll.

Il-Kummissjoni għaldaqstant tipproponi biex tkompli l-proċess biex tikkonkludi l-ftehimiet tal-istatus tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta mas-sħab tal-Balkani tal-Punent, li jipprovdu qafas legali ċar u jissalvagwardjaw il-kooperazzjoni operazzjonali mill-qrib. Dan għandu jinkludi l-possibbiltà ta’ skjerament u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet operazzjonali konġunti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Unjoni u l-Balkani tal-Punent f’dan il-qasam se jkunu essenzjali wkoll.

Biex is-segwitu fuq azzjonijiet varji jitmexxa ‘l quddiem mill-Aġenziji tal-UE marbutin mal-Balkani tal-Punent, il-Kummissjoni għandha l-għan li toħloq u tikkoordina Task Force Interaġenzjali tal-UE, f’konformita tal-mandati rispettivi tagħhom.

ØIl-Kummissjoni se tgħaqqad dawn l-azzjonijiet flimkien f’inizjattiva ewlenija biex issaħħaħ l-impenn fuq is-sigurtà u l-migrazzjoni fil-Balkani tal-Punent.

3.L-appoġġ tal-iżvilupp soċjoekonomiku

Investiment fil-Balkani tal-Punent huwa investiment fl-Ewropa. L-investimenti jiżdiedu biss jekk tissaħħaħ il-governanza ekonomika u jissoktaw ir-riformi strutturali biex tiżdied il-kompetittività. Il-miżuri ta’ hawn taħt iservu biex jappoġġjaw din il-mira u jsaħħu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi b’mod partikolari għaż-żgħażagħ tar-reġjun. Il-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, iffinanzjat permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni se jkun dejjem aktar fil-qalba tal-promozzjoni tal-investimenti fir-reġjun. Għal dan il-għan, dan se jiġi estiż aktar biex jattira u jikkoordina lid-donaturi bilaterali u l-investiment tal-Istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Huwa ppjanat aktar finanzjament fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, is-settur soċjali, l-ambjent, l-iżvilupp tas-settur privat, inkluż l-ekonomija diġitali. Biex l-iżvilupp soċjoekonomiku fir-reġjun jintrabat mal-prijoritajiet tal-investiment tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha l-mira li tagħti spinta konsiderevoli lill-provvediment ta’ garanziji permezz tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent biex jiġi attirat l-investiment fir-reġjun, li jkun komplementari għalkollox mal-inizjattivi eżistenti. B’ħarsa lejn il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-Balkani tal-Punent għandhom jiġu koperti wkoll b’mod adegwat fl-arranġamenti ta’ self estern possibbli futur.

Iż-Żona Ekonomika Reġjonali hija pass essenzjali għal aktar integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u biex tingħata spinta lill-attraenza tas-suq reġjonali. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-iżvilupp tal-integrazzjoni ekonomika intrareġjonali, fost l-oħrajn billi timmobilizza l-għarfien espert tagħha biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni taż-Żona Ekonomika Reġjonali, b’mod partikolari f’oqsma koperti mill-acquis tal-UE.

Filwaqt li l-kummerċ bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent kien iktar minn EUR 43 biljun fl-2016, għad hemm potenzjal tat-tkabbir sinifikanti. Biex dan il-potenzjal jitwettaq, il-Kummissjoni se tiffaċilita iktar il-kummerċ bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent. Dan se jinkludi l-iżvilupp ta’ programmi ta’ rikonoxximent reċiproku abbażi ta’ Żona ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali u Żona Ekonomika Reġjonali (pereżempju Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati). Is-sħubija fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ hija prerekwiżit għall-adeżjoni fl-UE, u tista’ tixpruna t-tkabbir ekonomiku u trawwem investiment sinifikanti fir-reġjun. Il-Kummissjoni se tkompli tgħin lill-Bożnija-Ħerzegovina u lis-Serbja fil-proċessi tagħhom għall-adeżjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

L-iżvilupp ta’ settur privat robust immexxi minn imprendituri mir-reġjun kif ukoll mill-UE se jwassal biex id-dinamiżmu taż-żgħażagħ fir-reġjun jiġi sfruttat u jrawwem integrazzjoni ekonomika li tkun ta’ benefiċċju reċiproku. Il-konnessjonijiet bejn il-komunità kummerċjali tad-dijaspora fl-UE u l-imprendituri fl-UE u l-Balkani tal-Punent se jkomplu jiġu mħeġġin, inkluż permezz tal-Programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi ż-Żgħar u ta’ Daqs Medju. Hemm bżonn miżuri biex jiżdied l-aċċess għal finanzjament u biex jiġi sfruttat il-potenzjal tat-tkabbir tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Sabiex tagħti spinta lill-intraprenditorija u lill-innovazzjoni, il-Kummissjoni se tvara skema li tappoġġa t-trasferiment tat-teknoloġija u l-kumpaniji għadhom jibdew madwar ir-reġjun u tappoġġa l-isforzi mmirati għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti kif ukoll għall-ekonomija ċirkolari. Il-Programmi Qafas tal-UE diġà huma miftuħin għall-Balkani tal-Punent. Biex dawn jieħdu sehem b’mod iktar effettiv, hemm bżonn li tiġi prevista iktar integrazzjoni fin-netwerks ta’ għarfien eżistenti fl-UE, inkluż il-bini ta' kapaċità fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-kollaborazzjoni tista’ tiġi żviluppata aktar taħt inizjattivi oħrajn, inklużi strateġiji makroreġjonali tal-UE.

Il-Kummissjoni se taħdem biex tappoġġa l-professjonaliżmu u l-indipendenza tal-uffiċjali tal-akkwist pubbliku u biex issaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza biex jista’ jkun hemm monitoraġġ taċ-ċiklu sħiħ tal-offerti. Biex dawn l-isforzi jkunu effiċjenti, hemm bżonn impenn politiku sod li tiġi indirizzata l-korruzzjoni.

L-eżerċizzju tal-programm annwali ta’ riforma ekonomika mmexxi mill-Kummissjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kollha huwa għodda kruċjali biex tiġi appoġġata l-modernizzazzjoni tal-ekonomiji tagħhom u biex tinkiseb koordinazzjoni ekonomika iktar mill-qrib mal-UE. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ dan l-eżerċizzju, u tqarrbu iktar mas-Semestru Ewropew għall-Istati Membri tal-UE, kif ukoll tagħti assistenza teknika iktar avvanzata.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jirrifletti prinċipji u drittijiet li huma essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti li jaħdmu tajjeb. Permezz ta’ dimensjoni soċjali ġdida msaħħa għall-Balkani tal-Punenti, il-Kummissjoni se taħdem biex tappoġġa l-impjiegi u l-politika soċjali fir-reġjun, tħeġġeġ involviment xieraq mil-livelli kollha tal-gvern, tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili. Dan se jinkludi enfasi ikbar fuq ir-riformi tal-impjiegi u soċjali permezz ta’ monitoraġġ ikbar tal-politiki rilevanti, inkluż fil-kuntest tal-programmi ta’ riforma ekonomika. Il-Kummissjoni tipproponi laqgħa ministerjali annwali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar kwistjonijiet soċjali u ta’ impjiegi biex isir skambju ta’ fehmiet. Hemm bżonn li tkun prevista iktar għajnuna finanzjarja fis-settur soċjali, partikolarment l-investiment fl-edukazzjoni u s-saħħa favur l-inklużjoni soċjali.

Għandu jingħata appoġġ imsaħħaħ lill-edukazzjoni, b’mod partikolari l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet vokazzjonali kif ukoll it-taħriġ għall-għalliema u l-edukazzjoni preprimarja. Il-finanzjament bis-saħħa tal-programm Erasmus+ se jiġi rduppjat biex jgħin lil aktar ċittadini żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent biex jistudjaw u jiksbu l-esperjenza fl-UE, biex b’hekk ikompli jikber l-iżvilupp ekonomiku u jiġu promossi l-valuri komuni. Se tiġi mwaqqfa skema pilota ta’ mobbiltà għall-istudenti u dawk li jħarrġuhom fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, inkluża l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ.

ØIl-Kummissjoni se tgħaqqad dawn l-azzjonijiet flimkien f’inizjattiva emblematika biex jiġi appoġġat l-iżvilupp soċjo-ekonomiku fil-Balkani tal-Punent.

4.Inżidu l-konnettività

It-tisħiħ tal-konnettività fil-Balkani tal-Punent jirrappreżenta interess strateġiku għaż-żewġ naħat. Iż-żieda fil-konnessjonijiet tat-trasport u tal-enerġija se tippermetti li jkun hemm iktar kompetittività, tkabbir ekonomiku u sigurtà tal-provvista, u fl-istess waqt hija prerekwiżit importanti għall-integrazzjoni ekonomika fil-Balkani tal-Punent infushom. It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija u t-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport, kif ukoll iż-Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea jipprevedu oqfsa regolatorji avvanzati li jistgħu – f’kombinazzjoni ma’ kooperazzjoni politika b’saħħitha fir-reġjun – jiffaċilitaw sew il-konnettività intrareġjonali.

Il-Balkani tal-Punent huma ġeografikament imdawrin bi Stati Membri tal-UE u hija prijorità politika li l-infrastruttura tiġi konnessa wkoll bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u li jiġi aċċellerat l-iżvilupp ta’ netwerks trans-Ewropej interkonnessi fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u s-servizzi diġitali. L-investimenti fin-netwerks tal-infrastruttura jwasslu għal benefiċċji tanġibbli li huma rikonoxxuti b’mod ċar miċ-ċittadini u n-negozji fl-UE u fil-Balkani tal-Punent. Barra minn finanzjament ikbar ta’ dawn in-netwerks u l-ħolqien ta’ skema ta' garanzija ġdida għall-investiment tas-settur privat, il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura li jsir użu iktar effettiv tad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni se tesplora possibbiltajiet biex is-sehem tagħhom fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li ġej jiġi ffaċilitat.

Unjoni tal-enerġija mal-Balkani tal-Punent: Biex l-Unjoni tal-Enerġija tal-UE tissaħħaħ, id-dimensjonijiet kollha tagħha hemm bżonn li jiġu estiżi għall-Balkani tal-Punent, biex b’hekk ikun hemm appoġġ għas-sigurtà tal-enerġija, l-integrazzjoni tas-swieq u t-tranżizzjoni tal-enerġija, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli. F’dan il-kuntest, kull pajjiż għandu jlesti r-riformi meħtieġa u jġib il-politika tiegħu konformi kompletament mal-ħames pilastri tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-bini ta’ kapaċità tar-regolaturi tal-enerġija u l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni fil-Balkani tal-Punent trid tiġi appoġġata sabiex dawn ikun jista’ jkollhom sehem sħiħ fin-netwerks fil-livell tal-UE. Għandha ssir il-ħidma meħtieġa biex is-Suq Reġjonali tal-Elettriku fil-Balkani tal-Punent jitlesta, waqt li l-integrazzjoni tiegħu fis-Suq Intern tal-Elettriku tiġi assigurata.

Lejn unjoni tat-trasport ta’ veru mal-Balkani tal-Punent: L-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport li daħal fis-seħħ fl-2017 se tkun il-pass ewlieni li jwassal għal integrazzjoni progressiva tar-reġjun fis-suq tat-trasport tal-UE. Diġà hemm ftehimiet dwar kurituri tat-trasport ta’ prijorità bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent bħala parti min-netwerk trans-Ewropew tat-trasport. Dawn issa hemm bżonn li jissarrfu f'realtà biex tiġi żgurata l-kontribuzzjoni tagħhom biex tiżdied il-kompetittività tal-kontinent kollu kemm hu. Barra mill-investimenti, il-prijorità hi li jkun hemm allinjament mal-istandards operattivi tal-UE. Din se tkun teħtieġ – fost riformi ewlenin oħra – miżuri msaħħin biex jitneħħew l-effetti lembut amministrattivi u l-ostakli fil-fruntieri bil-ħsieb li jiġu promossi l-operazzjonijiet ta’ toroq u ferroviji integrati. Hemm bżonn strateġija tal-ferroviji ġodda biex il-Balkani tal-Punent jinġiebu fin-netwerk u suq ewlenin tal-UE u biex jiġi promoss il-ftuħ tas-suq tal-ferroviji reġjonali. Barra minn hekk, se jkun hemm bżonn ta’ sforzi mmirati biex jitnaqqas l-għadd sproporzjonatament għoli ta’ mwiet fit-toroq permezz ta’ strateġija ġdida għas-sigurtà fit-toroq.

ØIl-Kummissjoni se tgħaqqad dawn l-azzjonijiet flimkien f’inizjattiva emblematika biex tiġi appoġġata l-konnettività fil-Balkani tal-Punent.

5.Invaraw Aġenda Diġitali għall-Balkani tal-Punent

L-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali tal-UE jikkontribwixxi biex jiġu żviluppati n-negozji, jinħoloq it-tkabbir, tingħata spinta lill-produttività, jiġu trasformati s-servizzi pubbliċi u titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Huwa essenzjali li l-Balkani tal-Punent jiġu inklużi fl-isforzi tal-UE li tiġi mħaddna l-bidla teknoloġika biex huma jkunu jistgħu jgawdu minn għodod diġitali, u b’hekk jiġi żgurat ġejjieni prosperu u sostenibbli għaċ-ċittadini tagħhom.

Flimkien mas-sħab fil-Balkani tal-Punent, il-Kummissjoni se tvara Aġenda Diġitali għall-Balkani tal-Punent, inkluż pjan direzzjonali biex jiġi ffaċilitat it-tnaqqis tal-ispejjeż tar-roaming. Se jingħata appoġġ biex jiġi varat il-broadband fil-Balkani tal-Punent. Hemm bżonn li tiġi żviluppata s-soċjetà diġitali, u għalhekk se jingħata appoġġ b’mod partikolari għas-servizzi elettroniċi tal-Gvern, tal-Akkwist u tas-Saħħa, kif ukoll għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-bini ta' kapaċità fil-fiduċja u s-sigurtà u d-diġitalizzazzjoni tal-industrija fil-Balkani tal-Punent biex tiżgura li s-setturi kollha jgawdu mill-innovazzjonijiet diġitali. Dawn l-isforzi se jiġu komplementati minn appoġġ imsaħħaħ għall-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-acquis fil-qasam tas-suq uniku diġitali.

ØIl-Kummissjoni se tgħaqqad dawn l-azzjonijiet flimkien f’inizjattiva emblematika għal Aġenda Diġitali għall-Balkani tal-Punent.

6.Appoġġ għar-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien

Ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien u r-rikonċiljazzjoni għandhom bżonn sens qawwi ta’ sjieda fil-Balkani tal-Punent u għandhom jiġu mmexxija l-ewwel u qabel kollox mill-pajjiżi tar-reġjun. Ir-relazzjonijiet tajba mal-ġirien hemm bżonn li jkomplu jiġu msaħħa permezz ta' diversi inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali. Il-Kummissjoni hija lesta li tkompli tagħti s-sostenn tagħha għal din il-kooperazzjoni, sew hux fuq l-aġenda tal-konnettività, permezz tal-format WB6 u inizjattivi li jgħaqqdu flimkien lill-kapijiet ta’ stat u tal-gvern mir-reġjun u inizjattivi oħrajn li jsaħħu s-sjieda tagħhom tal-kooperazzjoni reġjonali.

Il-Kummissjoni se tkompli testendi s-sostenn tagħha għal inizjattivi ta’ rikonċiljazzjoni, inklużi dawk li jindirizzaw il-ġustizzja tranżizzjonali u li jfittxu li jgħelbu l-effetti tal-kunflitti reċenti. Se jkun hemm tkomplija tal-appoġġ għax-xogħol tal-Mekkaniżmu għat-Tribunali Kriminali Internazzjonali, u l-Awli Speċjalisti tal-Kosovo. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll kif l-aħjar tavvanza x-xogħol tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Persuni Neqsin biex titrawwem il-kooperazzjoni reġjonali biex tiġi solvuta l-kwistjoni tal-persuni neqsin u jiġi eżaminat x’jista’ jsir iktar biex titnaqqas il-problema tal-mini tal-art.

L-appoġġ favur l-edukazzjoni u l-potenzjal taż-żgħażagħ fil-Balkani huwa kruċjali biex ir-reġjun jiżviluppa aktar u prerekwiżit għall-koeżistenza paċifika u r-rikonċiljazzjoni. Barra mill-edukazzjoni, se tiżdied ukoll il-kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport. L-ambitu u l-kamp ta' ħidma tal-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ se jitwessgħu. Barra milli żżid il-finanzjament taħt Erasmus+, il-Kummissjoni se tkompli trawwem ir-rabtiet kulturali mar-reġjun. Dan se jinkludi xogħol biex jitħares il-wirt kulturali tal-Balkani tal-Punent u biex jiġu promossi l-industriji kulturali u kreattivi tagħhom.

ØIl-Kummissjoni se tgħaqqad dawn l-azzjonijiet flimkien f’inizjattiva emblematika biex tappoġġa r-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien fil-Balkani tal-Punent.

III.INĦEJJU L-UE BIEX TILQA’ MEMBRI ĠODDA

1.    Kwistjonijiet istituzzjonali

L-UE nfisha hemm bżonn li tiżgura li fil-livell istituzzjonali tkun lesta li tilqa’ Stati Membri ġodda ladarba jkunu laħqu l-kriterji stabbiliti. L-Unjoni trid tkun isħaħ u iktar soda, qabel ma tista’ tikber.

L-użu ta’ votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill hija għodda ewlenija li tippermetti li jsiru d-deċiżjoni neċessarji f’Unjoni Ewropea ta’ 27. Biex jiġi żgurat teħid ta’ deċiżjonijiet effettivi se jkun neċessarju li tal-anqas jinżammu oqsma ta’ politika taħt il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill. Il-Kummissjoni se tadotta Komunikazzjonijiet dwar il-possibbiltà li jkompli jissaħħaħ l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fit-tielet trimestru tal-2018.

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea tfisser li jiġu aċċettati u promossi l-valuri tagħha. Meta jitqies il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea, hemm bżonn li jkun hemm mekkaniżmu iktar effettiv li jista’ jiżgura li jkunu jistgħu jittieħdu miżuri effettivi biex tiġi indirizzata theddida sistemika jew ksur sistemiku ta’ dawn il-valuri minn xi Stat Membru tal-UE. Il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva biex issaħħaħ l-infurzar tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea f’Ottubru tal-2018. It-trattati tal-adeżjoni jistgħu jipprovdu l-bażi ġuridika biex tali mekkaniżmu jiġi stabbilit fil-qafas tat-trattati.

L-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent se jkollha impatt fuq l-arranġament istituzzjonali eżistenti fl-UE. Qabel jingħalqu n-negozjati, se jkun hemm bżonn proposti biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet istituzzjonali. Meta jiġu indirizzati l-arranġamenti istituzzjonali għat-tkabbir li jmiss, hemm bżonn li titqies is-sħubija futura ta’ pajjiżi tal-Balkani tal-Punent oħrajn. B’mod partikolari, l-użu ta’ votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill hija għodda ewlenija li tippermetti li jsiru d-deċiżjoni neċessarji f’Unjoni Ewropea ta’ 27.

Hemm bżonn li jkun hemm ukoll arranġament speċjali u impenji irrevokabbli biex jiġi żgurat li l-Istati Membri l-ġodda ma jkunux f’qagħda li jimblukkaw l-adeżjoni ta’ kandidati oħrajn mill-Balkani tal-Punent. Se jkun hemm bżonn ukoll arranġamenti speċjali fir-rigward tal-ilsna nazzjonali tal-Istati Membri futuri.

Ferm qabel ma jingħalqu n-negozjati tal-adeżjoni ġenerali, il-Kummissjoni se tipprovdi valutazzjonijiet ta’ kif oqsma ta’ politika ewlenin, bħall-agrikultura, il-politika ta’ koeżjoni, u l-baġit, se jiġu affettwati mill-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid. Dan se jippermetti lill-Istati Membri tal-UE biex jiddefinixxu pożizzjonijiet komuni għall-kapitoli relevanti b’fehim sħiħ tal-impatt probabbli li se jkun hemm, u biex jieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni.

2.    Nipprovdu l-mezzi finanzjarji għal adeżjoni b’suċċess

L-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni jappoġġa l-Balkani tal-Punent huma u jħejju għall-adeżjoni tagħhom u jiffaċilita l-kooperazzjoni reġjonali u transfruntiera. Bejn l-2007 u l-2017, l-UE investiet iktar minn EUR 8,9 biljun fir-reġjun permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni. Fl-2018, huma previsti EUR 1,07 biljun. Il-finanzjament mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni se jkun iktar imfassal għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi. L-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija se tkun teħtieġ finanzjament ikbar. Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha fi ħsiebha żieda gradwali tal-appoġġ mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-Balkani tal-Punent sal-2020 sa fejn jippermettu r-riallokazzjonijiet fl-envelop tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni.

Filwaqt li jitqiesu t-tagħlimiet meħuda minn tkabbir preċedenti, hemm bżonn li tiġi prevista tranżizzjoni gradwali u mingħajr skossi mill-istatus ta’ qabel l-adeżjoni għal dak ta’ Stat Membru, biex tippermetti li tiġi żviluppata l-kapaċità ta’ assorbiment meħtieġa. Din għandha twassal għal żieda gradwali ta’ finanzjament fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, akkumpanjata minn żieda gradwali ta’ nfiq wara l-adeżjoni. Dan effettivament se jfisser li filwaqt li Stat Membru ġdid ma jistax jistenna li jirċievi allokazzjonijiet sħaħ tan-nefqa tal-UE mill-ewwel wara l-adeżjoni, l-aċċess tiegħu għall-finanzjament ta’ qabel l-adeżjoni se jkun imkabbar sinifikantement b’mod li jikkorrespondi qabel jingħaqad.

Il-kondizzjonalità marbuta mal-assistenza bilaterali tagħna se tissaħħaħ. Il-finanzjament miżjud kemm fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali kif ukoll dak li ġej għandu jkun marbut mal-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi fundamentali u r-relazzjonijiet tajbin mal-ġirien.

Minħabba l-livelli relattivament baxxi ta’ Prodott Domestiku Gross u l-popolazzjoni tar-reġjun, l-impatt tal-adeżjoni tal-Balkani tal-Punent fuq il-baġit tal-UE huwa mistenni li jkun limitat ħafna. Madankollu, it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea jiswa l-flus u se jimplika iktar infiq għall-Istati Membri kollha. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali jirrifletti l-prijoritajiet politiċi tal-UE. Il-ħtiġijiet għat-tħejjijiet għall-adeżjoni se jkun hemm bżonn li jitqiesu fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li ġej, li fih se jkunu inklużi provvedimenti speċifiċi dwar it-tkabbir. Jekk xi kandidati jkunu lesti jissieħbu tul il-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li ġej, allura jkun hemm bżonn li jsiru l-aġġustamenti meħtieġa.

3.    Komunikazzjoni

Biex il-proċess ta’ adeżjoni jirnexxi, l-opportunitajiet u l-isfidi li jippreżenta jridu jiġu kkomunikati b’mod iktar ċar, kemm fir-reġjun kif ukoll fl-UE. Fil-Balkani tal-Punent, hija primarjament ir-responsabbiltà tal-gvernijiet li jipprovdu informazzjoni adegwata liċ-ċittadini u lin-negozji, u li jissawwar kunsens nazzjonali madward l-għan strateġiku tagħhom.

Min-naħa tal-UE, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membir li jinfrumaw liċ-ċittadini tagħhom u li jtuhom il-fatti dwar l-opportunitajiet u l-isfidi tal-proċess. Il-Kummissjoni se tagħti s-sostenn tagħha lil dawn l-isforzi billi żżid il-komunikazzjoni strateġika tagħha f’dawn il-pajjiżi u fl-Unjoni u biex tiżgura l-viżibbiltà tal-politika tat-tkabbir.

IV.KONKLUŻJONIJIET

L-UE ilha żmien twil favur il-prospettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. Il-ġejjieni tar-reġjun bħala parti integrali mill-UE huwa fl-interess politiku, ta’ sigurtà u ekonomiku tal-Unjoni nfisha. Il-politika tat-tkabbir tal-UE hija parti integrali mill-istrateġija usa' li l-Unjoni tissaħħaħ sal-2025. B’rieda politika soda, it-twettiq ta’ riformi reali u sostnuti, u soluzzjonijiet definittivi għat-tilwim mal-ġirien, kemm is-Serbja kif ukoll il-Montenegro jistgħu potenzjalment ikunu lesti li jissieħbu sa din id-data. L-adeżjoni hija u se tibqa’ proċess abbażi tal-mertu li jiddependi fuq il-progress oġġettiv miksub minn kull pajjiż.

Sabiex jintlaħqu l-kriterji għas-sħubija, li huma stabbiliti sew, u fl-interess tagħhom stess, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom bżonn jimplimentaw riformi komprensivi f’oqsma kruċjali. L-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-governanza jridu jissaħħu sinifikantement. Ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika hemm bżonn li jwasslu għal riżultati reali, u hemm bżonn li t-tħaddim tal-istituzzjonijiet demokratiċi jissaħħaħ serjament. Hemm bżonn li ssir ħidma bis-saħħa favur ir-riformi ekonomiċi, u d-dgħufijiet strutturali, il-kompetittività baxxa, u l-qgħad għoli hemm bżonn li jiġu indirizzati.

Il-pajjiżi kollha jridu jimpenjaw ruħhom b’mod ċar, kemm bil-kliem u bl-għemil, li jgħelbu l-wirt tal-imgħoddi billi jiksbu r-rikonċiljazzjoni u jsolvu l-kwistjonijiet li għadhom miftuħin sew qabel l-adeżjoni tagħhom mal-UE, b’mod partikolari fit-tilwim dwar il-fruntieri. Hemm bżonn li jkun hemm ftehim ta’ normalizzazzjoni komprensiv u legalment vinkolanti bejn is-Serbja u l-Kosovo ħalli t-tnejn li huma jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem fil-mogħdijiet rispettivi Ewropej tagħhom.

L-UE se ssaħħaħ l-appoġġ tagħha sinifikantement għall-proċess tat-trasformazzjoni fil-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni tipprevedi Pjan ta' Azzjoni favur it-Trasformazzjoni tal-Balkani tal-Punent, li huwa mehmuż ma’ din l-Istrateġija. Dan jinkludi sitt Inizjattivi Emblematiċi li jindirizzaw oqsma speċifiċi ta’ interess reċiproku għall-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent infushom permezz ta’ għadd ta’ miżuri ġodda f’oqsma ta’ interess reċiproku qawwi:

Inizjattiva għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt: Għodod ta’ negozjar eżistenti, bħal pjanijiet ta’ azzjoni dettaljati, se jiġu estiżi għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent. Il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riformi se tissaħħaħ, inkluż permezz ta’ missjonijiet ta’ konsulenza ġodda fil-pajjiżi kollha. Se jsir użu ikbar tas-saħħa ta’ negozjar ipprovduta fl-oqfsa tan-negozjar mas-Serbja u l-Montenegro.

Inizjattiva biex issaħħaħ l-interazzjoni dwar is-sigurtà u l-migrazzjoni: Kooperazzjoni msaħħa għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, u favur is-sigurtà tal-fruntieri u l-ġestjoni tal-migrazzjoni. Se jiġu skjerati uffiċjali ta' kollegament tal-Europol fir-reġjun; l-Iskwadri ta' Investigazzjoni Konġunta se jiġu promossi iktar u jiġu konklużi ftehimiet dwar l-istatus mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Inizjattiva biex issaħħaħ l-appoġġ għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku: se tinkludi Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, spinta sinfikanti fil-provvediment ta’ garanziji biex jiġi attirat l-investiment privat, appoġġ lil kumpaniji fil-fażi tal-bidu u l-SMEs, u faċilitazzjoni ikbar tal-kummerċ. Dimensjoni soċjali ġdida u msaħħa se jkollha enfasi ikbar fuq il-politiki soċjali u tal-impjiegi, b’assistenza finanzjarja ikbar biex tappoġġa lis-settur soċjali, b’mod partikolari l-edukazzjoni u s-saħħa. Il-finanzjament taħt Erasmus+ se jiġi rduppjat.

Inizjattiva biex tiżdied il-konnettività tat-trasport u l-enerġija fir-reġjun u mal-UE, inkluż appoġġ ġdid għall-investiment. Se jsir użu iktar effettiv tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Biex tissaħħaħ l-Unjoni tal-Enerġija tal-UE, hemm bżonn li d-dimensjonijiet kollha tagħha jiġu estiżi għall-Balkani tal-Punent.

Inizjattiva għal Aġenda Diġitali għall-Balkani tal-Punent: se tinkludi pjan direzzjonali biex tiġi ffaċilitata t-tbaxxija tal-ispejjeż tar-roaming, appoġġ għall-installazzjoni tal-broadband fir-reġjun u l-iżvilupp tal-gvern elettroniku, l-akkwist elettroniku, is-servizzi tas-saħħa elettroniċi, u l-ħiliet diġitali.

Inizjattiva biex tappoġġa r-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien: se tinkludi l-appoġġ għall-ġustizzja tranżizzjonali, il-persuni neqsin, u iktar kooperazzjoni fl-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport, u l-espansjoni tal-ambitu tal-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ.

F’Marzu 2018, is-servizzi tal-Kummissjoni se jsejħu laqgħa inizjali ta’ koordinazzjoni mal-Istati Membri f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jiġi diskuss il-Pjan ta’ Azzjoni u l-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni operattiva għall-implimentazzjoni tiegħu.

Hemm bżonn li l-UE tkun imħejjija li tilqa’ membri ġodda, inkluż mill-perspettiva istituzzjonali u finanzjarja, ladarba dawn ikunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa. Il-Kummissjoni se tħejji valutazzjonijiet tal-impatt f’oqsma prinċipali ta’ politika ferm qabel l-adeżjoni. Sabiex jiġi żgurat finanzjament adegwat biex tiġi appoġġata din l-istrateġija u tranżizzjoni bla xkiel għas-sħubija, il-Kummissjoni tipproponi li żżid il-finanzjament gradwalment taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u tiżgura li jkun hemm biżżejjed provvediment fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li ġej biex ikun jista’ jittratta adeżjonijiet possibbli. Biex jiġi żgurat teħid ta’ deċiżjonijiet effettiv se jkun neċessarju li tal-anqas jinżammu, u jiġi kkunsidrat li jittejbu, oqsma ta’ politika taħt il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill. Jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema iktar effettiva biex tindirizza theddid sistemiku jew ksur għall-istat tad-dritt fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE. L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni se jissaħħu.

Il-prospettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent hija ċara u mingħajr ambigwità, u l-kundizzjonijiet u l-kriterji għas-sħubija fl-UE huma stabbiliti sew. Permezz ta’ din l-istrateġija, l-UE se tkun kapaċi tipprovdi appoġġ bla preċedent għal dan l-għan. Hemm ħafna xogħol xi jsir għall-pajjiżi kkonċernati biex ikunu f’pożizzjoni li jilħqu dawn il-kriterji. Il-gvernijiet iridu jiżguraw proċessi ta’ riforma aktar inklużivi li jiġbru flimkien lill-partijiet ikkonċernati u s-soċjetà inġenerali flimkien. Iktar fundamentalment, il-mexxejja fir-reġjun ma jridu jħallu l-ebda dubju dwar l-orjentament u l-impenn strateġiċi tagħhom. Huwa huma li fl-aħħar mill-aħħar iridu jassumu r-responsabbiltà biex isarrfu din l-opportunità storika f’realtà.

(1) https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/roadmap-factsheet-tallinn_en.pdf
(2) * Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(3) F'April 2018, il-Kummissjoni se tadotta l-komunikazzjoni regolari tagħha dwar il-politika ta’ tkabbir tal-UE flimkien ma’ rapporti komprensivi tal-pajjiż.
(4) L-aktar summit riċenti tal-proċess sar fi Trieste f'Lulju 2017.
(5) L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ( EBCGA), l-Unità Ewropea tal-Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (Cepol).
(6) Il-ħidma tal-aġenziji msemmijin hawn fuq hija rilevanti, kif hija ukoll dik tal-uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil.

Strasburgu,6.2.2018

COM(2018) 65 final

ANNESS

għall-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent


ANNESS

Pjan ta’ Azzjoni b’Appoġġ għat-Trasformazzjoni tal-Balkani tal-Punent

Azzjonijiet ewlenin

Twaqqit

1. Tisħiħ tal-appoġġ għall-istat tad-dritt

1.1. L-appoġġ għat-twaqqif ta’ pjanijiet ta’ azzjoni dettaljati fil-Balkani tal-Punent biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u jiġu prijoritizzati kwistjonijiet ewlenin għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-prattika mal-istandards tal-UE.

2019-20

1.2. L-estensjoni tal-istat tad-dritt b’missjonijiet ta’ konsulenza fil-Balkani tal-Punent u l-inkoraġġiment ta’ aktar appoġġ minn esperti tal-Istati Membri.

2019-20

1.3. It-titjib tal-monitoraġġ ta’ riformi permezz ta’ missjonijiet ta’ evalwazzjoni bejn il-pari aktar sistematiċi.

2018-19

1.4. L-introduzzjoni ta’ monitoraġġ bi prova fil-qasam ta’ korruzzjoni serja u l-kriminalità organizzata.

2019-20

1.5. Ħidma lejn kejl aħjar tar-riżultati fir-riforma tal-ġustizzja.

2018-19

1.6. Ħidma lejn użu aħjar tal-kundizzjonalità fin-negozjati tal-adeżjoni, b’mod partikolari billi jiġi żgurat li jinkisbu riżultati konkreti fir-riforma ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata qabel ma diskussjonijiet tekniċi dwar kapitoli oħrajn ikunu jistgħu jingħalqu b’mod proviżorju.

2018

1.7 Introduzzjoni ta’ sostenn għall-Balkani tal-Punent permezz tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija fil-qasam ta’ midja indipendenti u pluralistika u s-soċjetà ċivili.

2018-19

2. Rinfurzar tal-impenn dwar is-sigurtà u dwar il-migrazzjoni

2.1. Intensifikar tal-ħidma konġunta dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti. Koordinaturi nazzjonali u uffiċċji għall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti għandhom jiġu stabbiliti jew imsaħħa, u għandu jiġi stabbilit netwerk reġjonali ta’ koordinaturi nazzjonali, bl-appoġġ tan-Netwerk tal-UE ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u tal-esperti reġjonali tal-UE għall-ġlieda ta’ kontra t-terroriżmu. Pjanijiet ta’ azzjoni konġunta dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom jiġu elaborati.

2018-19

2.2. Tisħiħ b’mod sinifikanti tal-kooperazzjoni operattiva, inkluż mal-aġenziji tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata internazzjonali, b’mod partikolari l-kuntrabandu tal-armi tan-nar, tat-traffikar tad-droga, tat-traffikar tal-migranti u tat-traffikar tal-bnedmin.

2018-19

2.3. Tqegħid ta’ uffiċjali ta’ kollegament tal-Europol fir-reġjun kollu.

2019

2.4. Tħeħħiġ għall-finalizzazzjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Eurojust.

2019-20

2.5. Promozzjoni ulterjuri ta’ Timijiet ta' Investigazzjoni Konġunti li jinvolvu l-Balkani tal-Punent u l-Istati Membri tal-UE. Din għandha tinkludi l-involviment attiv tal-Eurojust u l-Europol, skont il-mandati rispettivi tagħhom.

2018-19

2.6. L-espansjoni taċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE dwar il-kriminalità organizzata sa fejn hu possibbli biex jinkludi l-Balkani tal-Punent fl-attivitajiet operattivi. Il-Balkani tal-Punent se jiġu mistiedna jipparteċipaw f’proġetti speċifiċi tal-Pjattaforma Multidixxiplinarja Ewropea kontra t-Theddid Kriminali u għal-laqgħat tal-Kumitat Permanenti għall-Kooperazzjoni Operattiva dwar is-Sigurtà Interna, inkluż dawk organizzati b’mod konġunt mill-Kumitat tas-Sigurtà fuq bażi ad hoc meta jiġu diskussi proġetti.

2018

2.7. Żieda fl-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-qasam taċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, inkluż il-kooperazzjoni mal-Grupp Ewropew għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità, bil-ħsieb ta’ parteċipazzjoni fl-Istrateġija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni.

2018-19

2.8. Tisħiħ fil-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, li ssaħħaħ il-fluss ta’ informazzjoni strateġika u tattika fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u r-ritorn ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-istatus mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

2018-19

2.9. Kooperazzjoni msaħħa ulterjorment bejn l-uffiċjali ta’ kollegament skjerati mill-UE (Aġenzija Ewropea tal-Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta) l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti fil-Balkani tal-Punent

2018

2.10. It-twaqqif ta’ ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għall-kontroll tal-fruntieri fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jiġu konnessi permezz ta’ netwerk reġjonali maċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għal skambju ta’ informazzjoni fl-Istati Membri ġirien.

2019

2.11. Sabiex ikun hemm segwitu għad-diversi azzjonijiet li se jwettqu l-Aġenziji tal-UE, jinħoloq Task Force Interaġenzjali tal-UE kkoordinat mill-Kummissjoni li jinvolvi l-Europol, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Eurojust, iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi.

2019

2.12. L-evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni 2015-2019 dwar it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar bi tħejjija għat-tiġdid tiegħu fl-2019 biex jindirizza b’mod aktar effettiv il-provvista ta’ armi tan-nar illeċiti u ħażniet kbar ta’ armi.

2018-19

2.13. Djalogu strutturat ta' Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni/Politika Komuni ta’ Sigurtà u ta’ Difiża, imwessa’ u approfondit mal-Balkani tal-Punent, b’żieda fil-kontribuzzjoni għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja.

2018

2.14. Żvilupp ulterjuri tal-parteċipazzjoni f’azzjonijiet marbuta ma’ theddid ibridu, intelligence, kwistjonijiet spazjali u d-difiża u r-riforma tas-settur tas-sigurtà.

2018

3. Appoġġ għall-iżvilupp soċjoekonomiku

3.1. Il-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent se jiġi estiż biex jkompli jattira u jikkoordina d-donaturi bilaterali u l-Istituzzjonijiet ta’ Finanzjament Internazzjonali ta’ investiment.

2019

3.2 Tisħiħ b’mod sinifikanti tal-għoti ta' garanziji biex jattiraw investimenti privati mill-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent.

2019

3.3. Miżuri ta’ tisħiħ li jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur privat, inkluża skema li tappoġġa lin-negozji li jkunu għadhom jiftħu madwar ir-reġjun u jappoġġaw sforzi maħsuba għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti.

2019

3.4. Żieda fl-aċċess għall-finanzi u sfruttar tal-potenzjal tat-tkabbir tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

2018

3.5. Integrazzjoni ulterjuri tal-Balkani tal-Punent fin-netwerks eżistenti tal-għarfien tal-UE u appoġġ għall-bini tal-kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni għal parteċipazzjoni effettiva fi Programmi Qafas tal-UE.

2018

3.6. Il-mobilizzazzjoni ta’ għarfien espert tal-UE b'appoġġ għall-implimentazzjoni taż-Żona Ekonomika Reġjonali.

2018

3.7. Iffaċilitar tal-kummerċ bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u fir-reġjun, inkluż l-iżvilupp ta’ rikonoxximent reċiproku tal-programmi fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali u ż-Żona Ekonomika Reġjonali (pereż. Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati).

2018

3.8 Barra minn hekk għajnuna ulterjuri lill-Bożnja-Ħerzegovina u lis-Serbja fil-proċess tagħhom ta’ adeżjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

2018

3.9. Permezz ta’ djalogi u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni rinforzati, it-tisħiħ tal-assistenza fil-Balkani tal-Punent bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konverġenza tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju.

2018

3.10. Tisħiħ ulterjuri tal-eżerċizzju tal-programm ta’ riforma ekonomika billi dan jinġieb f’konformità mas-Semestru Ewropew eżistenti għall-Istati Membri tal-UE, it-tisħiħ tal-assistenza teknika u tal-integrazzjoni ulterjuri tal-prijoritajiet tal-programmi ta’ riforma ekonomika u l-gwida politika ministerjali fl-Istrument għall-ipprogrammar tal-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni.

2018-19

3.11. Fokus akbar fuq ir-riformi fl-impjiegi u soċjali permezz ta’ aktar monitoraġġ tal-politiki rilevanti u t-twaqqif ta’ laqgħa Ministerjali UE-Balkani tal-Punent annwali dwar dawn il-kwistjonijiet u li se titqies fil-programmi ta’ riforma ekonomika.

2019

3.12. L-għoti ta’ aktar għajnuna finanzjarja fil-qasam soċjali fil-Balkani tal-Punent, inkluż fuq is-saħħa.

2019-20

3.13 Titjib fl-appoġġ għall-edukazzjoni, b’mod partikolari it-tnedija ta’ proġett pilota għall-mobbiltà fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ.

2019

3.14. Finanzjament doppju skont il-programm Erasmus+.

2019-20

4. Żieda fil-konnettività.

4.1. Żieda fl-appoġġ għat-teħid ta’ opportunitajiet skont il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fil-Balkani tal-Punent, f’konformità wkoll mal-objettivi rilevanti tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE.

2018

4.2. L-espansjoni tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE lejn il-Balkani tal-Punent: is-sigurtà tal-enerġija, il-ftuħ tas-swieq u tranżizzjoni tal-enerġija — inkluża l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli.

2019-20

4.3. Appoġġ għall-bini ta’ kapaċità u faċilitazzjoni fil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet tal-Balkani tal-Punent f’ħidmet in-netwerk tar-regolaturi tal-enerġija u l-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni, b’mod partikolari l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija u n-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni.

2018- 19

4.4. Ħidma biex jitlesta s-Suq tal-Elettriku Reġjonali fil-Balkani tal-Punent, u jiġi żgurat li s-suq tal-Balkani tal-Punent hu integrat fis-Suq Intern tal-Elettriku tal-UE.

2018-19

4.5 Appoġġ ulterjuri għall-ħolqien ta’ spazju regolatorju uniku u għall-proċess effettiv ta’ riforma tas-suq tal-enerġija skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija.

2018

4.6. Appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport u l-operazzjoni sħiħa tas-segretarjat tiegħu.

2018-19

4.7. Tkomplija fl-inkoraġġiment għall-parteċipazzjoni tal-Balkani tal-Punent f’fora u laqgħat differenti tat-trasport talkumitat tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport.

2019

4.8. Appoġġ għal żieda fil-kompetittività permezz ta’ miżuri mtejba biex jitneħħew ostakli fil-fruntieri, b’mod partikolari qsim tal-fruntieri bi trasport bil-ferrovija u bit-triq integrat.

2018-19

4.9. Appoġġ għal-istrateġija ferrovjarja ġdida biex il-Balkani tal-Punent jinġiebu fin-netwerk ewlieni tal-UE u tas-suq permezz tal-integrazzjoni progressiva fil-Kurituri Ewlenin tal-UE tal-Orjent u l-Lvant tal-Mediterran u tal-Mediterran.

2018

4.10. Esplorazzjoni tal-possibbiltà li l-parteċipazzjoni tal-Balkani tal-Punent tkun permessa fl-aġenziji Ewropej tat-trasport.

2018

4.11. Appoġġ għat-twaqqif ta’ strateġija ġdida għas-sikurezza fit-toroq, inkluża ħidma biex jitnaqqsu l-fatalitajiet fit-toroq billi jitneħħew il-blackspots fis-sikurezza fit-toroq.

2018-19

5. Aġenda Diġitali għall-Balkani tal-Punent

5.1. It-tnedija ta’ Aġenda Diġitali għall-Balkani tal-Punent, inkluż pjan direzzjonali biex jiffaċilita t-tnaqqis tal-ispejjeż tar-roaming.

2018

5.2. Appoġġ għall-użu tal-broadband fil-Balkani tal-Punent, inkluż permezz tal-integrazzjoni tan-netwerk tal-Uffiċċju Kompetenti fil-Broadband.

2018-19

5.3. Appoġġ għall-iżvilupp tal-gvern elettroniku, l-akkwist elettroniku, is-saħħa elettronika, u l-ħiliet diġitali fil-Balkani tal-Punent.

2018-19

5.4. Appoġġ għall-bini ta’ kapaċità fil-fiduċja u s-sigurtà diġitali, flimkien ma’ sforzi biex tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni ta’ industriji.

2018-19

5.5. Appoġġ imsaħħaħ għall-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-acquis fil-qasam tas-Suq Uniku Diġitali.

2018-19

6. Appoġġ għar-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajba ta’ viċinat

6.1. Appoġġ għal inizjattivi li jippromovu r-rikonċiljazzjoni u l-ġustizzja tranżizzjonali, bħall-Kummissjoni Reġjonali mwaqqfa biex tistabbilixxi l-fatti dwar id-delitti tal-gwerra u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju ta’ dik li qabel kienet il-Jugoslavja (RECOM).

2018-19

6.2 Appoġġ fil-ġlieda kontra l-impunità permezz ta’ appoġġ għall-Mekkaniżmu għal Tribunali Kriminali Internazzjonali, kemm biex japprofondixxi l-kooperazzjoni bejn il-prosekuturi nazzjonali u biex jinforma lill-pubbliku, u għall-Awli Speċjalizzati tal-Kosovo.

2018-19

6.3 Ħidma lejn soluzzjoni reġjonali biex jiġu solvuti l-kwistjonijiet ta’ persuni neqsin u mini tal-art.

2018-19

6.4. Appoġġ ulterjuri għal inizjattivi ta’ rikonċiljazzjoni, inkluż l-espansjoni tal-ambitu u l-ilħuq tal-Uffiċċju Reġjonali ta’ Kooperazzjoni għaż-Żgħażagħ u l-introduzzjoni ta’ skema ta’ mobbiltà intrareġjonali. 

2018-19

6.5. Kooperazzjoni msaħħa fil-kultura u l-isport, inkluż ħidma biex jiġi mħares il-wirt kulturali fil-Balkani tal-Punent, għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ beni kulturali, u l-promozzjoni tal-industriji kulturali u kreattivi, inkluża l-parteċipazzjoni fil-programm Ewropa Kreattiva.

2018

6.6. Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent se jkunu assoċjati b’mod sħiħ mas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali u se jkunu involuti fl-avvenimenti u l-inizjattivi rilevanti kollha. It-tnedija tar-Rotta tal-Patrimonju UE - Balkani tal-Punent, li tinkludi sensiela ta’ avvenimenti li jiċċelebraw il-wirt kulturali fil-forom kollha tiegħu.

2018