IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.1.2018
COM(2018) 42 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-impatt tal-attivitajiet internazzjonali għat-trattament xieraq tal-annimali dwar il-kompetittività tal-produtturi Ewropej tal-bhejjem f'dinja globalizzata
1.Introduzzjoni
L-Unjoni Ewropea (UE) minn dejjem kienet fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta’ mudell leġiżlattiv solidu u bbażat fuq ix-xjenza dwar it-trattament xieraq tal-annimali. Il-Kummissjoni minn kmieni fehmet li, biex inkunu sostenibbli, jenħtieġ li tali mudell jiġi disseminat ukoll internazzjonalment.
Il-promozzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali u l-kompetizzjoni ġusta globalment tibqa’ waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali.
L-għan ġenerali tal-attivitajiet internazzjonali tal-Kummissjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali huwa l-promozzjoni tal-valuri tal-UE fir-rigward tal-annimali, li titqajjem sensibilizzazzjoni u li jiġu mħeġġa fil-livell globali, l-istandards għoljin għat-trattament xieraq tal-annimali b’mod partikolari mas-sħab kummerċjali tal-UE, li jirriflettu l-mudell u l-prinċipji tal-UE. It-titjib tal-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali fil-livell globali jikkontribwixxi wkoll biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi tal-UE u dawk li mhumiex tal-UE.
Fl-2012, fi ħdan l-Istrateġija tal-UE għall-Protezzjoni u t-Trattament Xieraq tal-Annimali 2012-2015 il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli bl-attivitajiet internazzjonali tagħha dwar it-trattament xieraq tal-annimali.
Il-Kummissjoni ddeskriviet il-ħtieġa li jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar it-trattament xieraq tal-annimali fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali jew li jiġu stabbiliti forom oħra ta’ kooperazzjoni, kif ukoll li tiġi żviluppata kollaborazzjoni konkreta ma’ pajjiżi terzi.
Il-Kummissjoni xtaqet ukoll li tibqa’ attiva fl-arena multilaterali, b’mod partikolari fl-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u fl-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), kif ukoll fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.
L-Istrateġija tal-UE kienet ipprevediet l-adozzjoni ta’ dan ir-rapport. Din tikkostitwixxi pass importanti biex jitqiesu l-attivitajiet internazzjonali,, mwettqa f’dawn l-aħħar 15-il sena fil-qasam tat-trattament xieraq tal-annimali.
2.għanijiet
Dan ir-rapport għandu l-għan li jeżamina l-attivitajiet internazzjonali ewlenin dwar it-trattament xieraq tal-annimali li jipproduċu l-ikel u sar mill-Kummissjoni bl-appoġġ tal-Istati Membri tal-UE.
Ir-rapport jevalwa l-eżiti tal-attivitajiet għall-promozzjoni tal-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali fil-livell globali u janalizza kif dawn ikkontribwew biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi tal-UE u dawk li mhumiex tal-UE.
Ir-rapport għalhekk għandu l-għan li jidentifika l-attivitajiet u l-istrumenti ta’ politika li kienu l-aktar effikaċi f’termini ta’ eżiti matul il-perjodu 2004-2016.
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq studju bit-titlu “Study on the impact of animal welfare international activities” (aktar ’il quddiem “l-istudju”). Dan iqis ukoll l-istudju bit-titlu “Assessing farmers’ cost of compliance with EU legislation in the fields of environment, animal welfare and food safety”. L-istudju tal-aħħar mhuwiex dedikat għat-trattament xieraq tal-annimali iżda fih informazzjoni rilevanti għal dan ir-rapport.
3.attivitajiet internazzjonali
L-attivitajiet internazzjonali tal-Kummissjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali jsiru kemm fil-livell multilaterali kif ukoll dak bilaterali.
L-attivitajiet multilaterali jirreferu għall-attivitajiet imwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali li joperaw fuq bażi dinjija (eż. OIE, FAO).
L-attivitajiet bilaterali jirreferu għall-kooperazzjoni ma’ gruppi individwali jew reġjonali ta’ pajjiżi terzi bħall-Istati tal-Mercosur. Tali kooperazzjoni tista’ sseħħ fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali, jew f’forom oħra ta’ kooperazzjoni (ara l-Anness II).
L-istrumenti prinċipali li jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali huma inizjattivi ta’ taħriġ u ta’ bini ta’ kapaċità, bħalma huma l-programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel (il-BTSF) u l-istrument ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (it-TAIEX), il-programmi ta’ riċerka u l-proġetti mmirati tal-UE.
3.1.kunsiderazzjonijiet ġenerali
Fl-1995, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tmexxi negozjati bil-ħsieb li tikkonkludi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji, inkluż dwar it-trattament xieraq tal-annimali relatati mal-kummerċ.
Bl-eċċezzjoni ta’ standards waqt il-qatla fil-biċċerija, l-istandards tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali japplikaw biss għall-produzzjoni tal-UE u mhux għall-prodotti importati. Barra minn hekk, meta jiġu esportati annimali ħajjin, ċerti rekwiżiti dwar it-trasport tal-annimali biss huma applikabbli barra mit-territorju tal-UE. Għall-istandards tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali, il-Kummissjoni għandha setgħa limitata biex tinfluwenza pajjiżi terzi. It-trattament xieraq tal-annimali ma ġiex espliċitament rikonoxxut bħala kummerċ rilevanti skont il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (il-GATT). Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet relatati mat-trattament xieraq tal-annimali inklużi fil-ftehimiet kummerċjali huma marbutin l-aktar mal-kooperazzjoni u mhux mal-konformità ma’ ċerti rekwiżiti. Il-kisbiet tal-UE f’dan il-qasam jiddependu fuq il-livell tar-rieda tal-pajjiżi terzi biex jikkooperaw.
3.2.attivitajiet multilaterali
Dawn l-attivitajiet huma mmirati lejn l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ standards internazzjonali mill-OIE u l-kooperazzjoni mal-FAO.
L-għanijiet prinċipali tal-attivitajiet mal-OIE huma li:
1.Jiżguraw li l-istandards jirriflettu sa fejn possibbli l-prinċipji u l-mudell tal-UE;
2.Jibnu kunsens ma’ pajjiżi terzi biex jadottaw dawn l-istandards;
3.Jippromwovu u jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istandards tal-OIE f’pajjiżi terzi;
4.Jużaw l-istandards tal-OIE bħala l-bażi biex jintlaħaq fehim komuni dwar it-trattament xieraq tal-annimali ma’ pajjiżi terzi.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE ilhom mill-2002 jaħdmu flimkien mal-OIE f’kull pass tal-proċess tat-twaqqif ta’ standards kif ukoll waqt l-implimentazzjoni tagħhom mill-pajjiżi membri tal-OIE.
Il-kontributi ewlenin min-naħa tal-Kummissjoni huma:
1.Involviment fil-proċess tat-twaqqif ta’ standards permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fi gruppi ta’ ħidma u billi tipprovdi pożizzjonijiet koordinati tal-UE;
2.Għoti ta’ appoġġ finanzjarju u organizzazzjoni konġunta ta’ avvenimenti ta’ taħriġ tal-OIE li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali;
3.Appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji reġjonali tal-OIE dwar it-trattament xieraq tal-annimali.
L-Istati Membri kollha tal-UE huma membri tal-OIE, filwaqt li l-Kummissjoni għandha l-istatus ta’ osservatur. Fil-proċess tat-twaqqif ta’ standards, fi stadju bikri, il-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-gruppi ta’ esperti rilevanti tal-OIE. Ladarba l-istandards jiġu ppreżentati għall-adozzjoni, il-Kummissjoni tikkontribwixxi permezz tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-UE “b’vuċi waħda”. Il-Kummissjoni fil-fatt għandha rwol ewlieni sabiex tippreżenta pożizzjonijiet komuni tal-UE f’kull stadju ta’ konsultazzjoni u fil-mument tal-adozzjoni tal-istandards mill-OIE.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontribwixxi biex tiffaċilita l-adozzjoni tal-istandards billi jiġu kkoordinati l-pożizzjonijiet mill-pajjiżi tal-OIE mhuex membri tal-UE . Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll lill-pajjiżi membri tal-OIE fil-proċess tat-twaqqif ta’ standards, pereżempju, billi jiġu organizzati seminars reġjonali għall-punti fokali tal-OIE għat-trattament xieraq tal-annimali. Barra minn hekk, il-proġetti ta’ kooperazzjoni tal-Kummissjoni, iddedikati għat-tisħiħ tas-servizzi veterinarji, appoġġaw il-koordinazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi Afrikani u l-involviment tagħhom fil-proċess tat-twaqqif ta’ standards tal-OIE.
Mill-2002, bħala riżultat, kienu adottati 14-il standard internazzjonali dwar it-trattament xieraq tal-annimali kif ukoll prinċipji ta’ gwida (ara l-Anness I). Barra minn hekk, l-UE rnexxielha tilħaq livell konsiderevoli ta’ allinjament bejn l-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali tal-OIE u dawk tal-UE f’bosta oqsma.
Fejn jidħol il-livell tal-implimentazzjoni tal-istandards, il-Kummissjoni appoġġat l-iżvilupp ta’ għarfien u ta’ ħiliet fost l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-OIE. Sa mill-2004, il-Kummissjoni kkontribwiet finanzjarjament ukoll għall-organizzazzjoni ta’ inizjattivi globali u reġjonali tal-OIE, u kienet tifforma parti mill-kumitati li jiddefinixxu l-għanijiet u l-programmi ta’ avvenimenti bħal dawn. L-attivitajiet tal-Kummissjoni ffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-istandards tal-OIE f’pajjiżi terzi b’mod partikolari waqt il-qatla u fit-trasport.
Fil-livell reġjonali, il-Kummissjoni ffaċilitat l-iżvilupp ta’ Strateġiji Reġjonali tal-OIE għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u kkofinanzjat l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti f’ħames reġjuni tal-OIE. Il-Kummissjoni ffinanzjat l-attivitajiet tal-Pjattaforma tal-OIE dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali għall-Ewropa fejn hi għandha rwol ewlieni fit-tmexxija tal-prijoritajiet u biex tiddeskrivi l-attivitajiet tal-Pjattaforma.
Fl-2017, intlaħaq avveniment importanti meta l-OIE adottat, bl-appoġġ tal-UE, l-ewwel strateġija globali tagħha għat-trattament xieraq tal-annimali. Fil-fatt hija tippromwovi t-trattament xieraq tal-annimali bħala parti minn valuri soċjali ewlenin oħra bħalma huma l-iżvilupp u s-sostenibbiltà soċjoekonomiċi. Barra minn hekk, l-istrateġija tal-OIE hija bbażata fuq l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ standards ibbażati fuq ix-xjenza, il-bini tal-kapaċità, l-edukazzjoni, id-diversi partijiet ikkonċernati u d-djalogu. Dan l-approċċ huwa konformi mal-viżjoni u l-prinċipji tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali.
Il-Kummissjoni tikkoopera wkoll mal-FAO fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tal-bini tal-kapaċità, li jippromwovu t-trattament xieraq tal-annimali bħala ġid pubbliku u komponent tal-produzzjoni sostenibbli. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkontribwiet għal avvenimenti importanti, bħal pereżempju l-ewwel laqgħa tal-esperti tal-FAO dwar il-bini tal-kapaċità, il-“FAO Expert meeting on capacity building to implement good animal welfare practices”. Il-Kummissjoni kkontribwiet ukoll għall-iżvilupp tal-portal tal-FAO, il-“FAO Gateway to Farm Animal Welfare”, pjattaforma virtwali għall-iskambju tal-għarfien bejn diversi partijiet ikkonċernati. Il-Gateway, li l-Kummissjoni tifforma parti mill-Bord Editorjali tiegħu, ikkontribwixxa biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali fil-livell globali, kif ukoll dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni.
3.3.attivitajiet bilaterali
L-għanijiet ewlenin tal-kooperazzjoni bilaterali huma li:
1.Titqajjem sensibilizzazzjoni u jinħoloq fehim komuni dwar it-trattament xieraq tal-annimali;
2.Qsim tal-għarfien tekniku;
3.Appoġġ għall-pajjiż sieħeb fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali bbażati fuq il-mudell u l-prinċipji tal-UE jew tal-OIE;
4.Diskussjoni dwar suġġetti fuq it-trattament xieraq tal-annimali b’impatt fil-kummerċ bejn il-partijiet.
L-istrumenti ewlenin użati mill-Kummissjoni biex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma:
1.Konferenzi u avvenimenti internazzjonali;
2.Sessjonijiet ta’ ħidma ta’ taħriġ jew missjonijiet tal-esperti;
3.Programmi komuni tar-riċerka, immirati għall-kuntest lokali;
4.Assistenza teknika.
L-ewwel ftehim kummerċjali bilaterali b’referenza espliċita għat-trattament xieraq tal-annimali kien iffirmat maċ-Ċilì fl-2002. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-kooperazzjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali ddaħħlet fil-biċċa l-kbira tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali inklużi l-kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji u ġiet proposta b’mod konsistenti fin-negozjati kummerċajli kollha li għaddejjin.
Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll kooperazzjoni ’l barra mill-ftehimiet kummerċjali (ara l-Anness II).
L-istandards tal-OIE spiss jintużaw bħala bażi biex jintlaħaq fehim komuni ma’ pajjiżi terzi. Fil-fatt dawn l-istandards jipprovdu qafas aċċettat b’mod wiesa’ sabiex jibdew u jiżviluppaw kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.
L-inklużjoni tat-trattament xieraq tal-annimali fi ftehimiet kummerċjali bilaterali dejjem saret fuq talba tal-UE. Fi ħdan jew barra mill-ftehimiet kummerċjali, il-kooperazzjoni bilaterali kisbet riżultati konkreti matul is-snin. Il-gruppi ta’ ħidma bejn l-UE u s-sħab tagħha (eż. iċ-Ċilì u n-New Zealand) ħafna drabi jiġu stabbiliti biex jiddefinixxu l-pjanijiet ta’ ħidma annwali b’azzjonijiet korrispondenti. Bħala riżultat, iċ-Ċilì żviluppa korp sħiħ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trattament xieraq tal-annimali, u f’New Zealand u fil-Kanada twaqqfet l-ekwivalenza dwar it-trattament xieraq tal-annimal waqt il-qatla.
Proġetti fuq żmien qasir ukoll kisbu riżultati tanġibbli bħalma huma l-azzjonijiet implimentati mill-2014 fil-qafas tal-Istrument ta’ Djalogu Settorjali bejn l- UE u l-Brażil fil-kuntest ta’ Memorandum ta’ Qbil dwar it-trattament xieraq tal-annimali. B’mod ġenerali, dawn l-azzjonijiet jistgħu jitqiesu li jinfluwenzaw l-attitudnijiet tal-bdiewa u tal-industriji fuq id-dibattitu dwar it-trattament xieraq tal-annimali, u f’xi każijiet iwassluhom biex jinvolvu ruħhom f’impenji volontarji tat-trattament xieraq tal-annimali, bħal dwar il-hawsing fi grupp għall-ħnieżer nisa.
3.4.riċerka, Assistenza Teknika u attivitajiet għall-bini ta’ kapaċità
Attivitajiet tar-riċerka
Il-Kummissjoni ffinanzjat 15-il proġett dwar it-trattament xieraq tal-annimali fil-qafas tas-Sitt u s-Seba’ Programmi ta’ Qafas, li jinvolvu l-istituzzjonijiet ta’ riċerka minn pajjiżi terzi. Fosthom, Welfare Quality® kien l-ewwel proġett kbir tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali li stabbilixxa netwerk xjentifiku li ilu għaddejj għal ħafna żmien bejn l-UE u l-pajjiżi terzi.
Barra minn hekk, l-EFSA ilha mill-2004, tipproduċi opinjonijiet xjentifiċi dwar it-trattament xieraq tal-annimali li l-Kummissjoni tippromwovi f’pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni ffaċilitat wkoll skambji bejn l-esperti u x-xjenzati tal-EFSA minn pajjiżi sħab (pereżempju, New Zealand, iċ-Ċilì).
Iż-żewġ attivitajiet ikkontribwew biex jipprovdu l-bażi xjentifka għall-iżvilupp ta’ standards u linji gwida internazzjonali għat-trattament xieraq tal-annimali.
Assistenza Teknika u attivitajiet għall-Bini ta’ kapaċità
Il-Programm BTSF u t-TAIEX huma l-istrumenti ewlenin għall-bini ta’ kapaċità. Barra minn hekk, intużaw proġetti ta’ ġemellaġġ fil-kuntest tal-Politika tal-Viċinat.
Il-programm BTSF jimmira lill-uffiċjali f’pajjiżi terzi li jesportaw ikel u annimali lejn l-UE. L-uffiċjali mħarrġa mbagħad huma responsabbli għat-tixrid tal-għarfien miksub u biex jimplimentaw taħriġ ta’ disseminazzjoni.
Il-BTSF kien ilu jwassal il-bini ta’ kapaċità lil pajjiżi terzi permezz ta’:
1.BTSF World, dedikat u organizzat f’pajjiżi terzi, bħal sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali u Missjonijiet ta’ Taħriġ Sostnut;
2.L-integrazzjoni ta’ uffiċjali ta’ pajjiżi terzi f’sessjonijiet ta’ taħriġ organizzati għall-UE;
3.Moduli ta’ tagħlim elettroniku.
Is-suġġetti koperti mill-BTSF kienu jvarjaw minn prinċipji xjentifiċi bażiċi għal leġiżlazzjoni speċifika tal-UE u l-istandards tal-OIE dwar it-trattament xieraq tal-annimali, b’mod partikolari l-qatla u t-trasport. Bejn l-2004 u l-2015, l-attivitajiet tal-BTSF World dedikati għat-trattament xieraq tal-annimali laħqu madwar 1.000 parteċipant minn pajjiżi terzi.
It-TAIEX jappoġġa l-amministrazzjoni fil-pajjiżi kandidati kollha u fil-pajjiżi tal-viċinat għall-approssimazzjoni, it-traspożizzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Bejn l-2004 u l-2015, it-TAIEX iffinanzja aktar minn 60 proġett tat-trattament xieraq tal-annimali, b’aktar minn 40 sessjoni ta’ ħidma u 16-il missjoni ta’ esperti. Eżempju ta’ suċċess ta’ wieħed minn dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma kien dak li seħħ fil-Libanu, fl-2015. Is-sessjoni ta’ ħidma, organizzata f’kooperazzjoni mal-OIE, immirat lejn it-titjib tat-trattament xieraq tal-annimali waqt it-trasport u l-qatla.
Fil-perjodu eżaminat, it-trattament xieraq tal-annimali ddaħħal fi proġetti ta’ ġemellaġġ b’mod partikolari mal-pajjiżi tal-Balkani u mal-Ukrajna.
3.5.IMPATT FUQ IL-KOMPETITTIVITÀ
Din it-taqsima tivvaluta sa liema punt l-attivitajiet internazzjonali dwar it-trattament xieraq tal-annimali taw kontribut għat-titjib tal-kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali bejn il-produtturi tal-UE u dawk mhux tal-UE.
L-istudju evalwa l-kompetittività tas-setturi tal-UE influwenzati mill-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali kif ukoll l-impatt tal-konformità tal-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali fuq erba’ dimensjonijiet ewlenin tal-kompetittività:
1.Il-produttività u l-kost tal-kompetittività;
2.L-aċċess għas-suq;
3.Id-distorsjonijiet tal-kummerċ;
4.Il-kapaċità tal-innovazzjoni.
Il-metodoloġija applikata għall-analiżi tal-kompetittività kienet ibbażata fuq erba’ sorsi ewlenin ta’ informazzjoni: i) il-letteratura disponibbli, (ii) l-intervisti ma’ assoċjazzjonijiet tan-negozju tal-UE, iii) il-flussi tal-kummerċ, iv) żewġ stħarriġiet apposta mmirati lejn operaturi tal-UE u dawk mhux tal-UE f’pajjiżi terzi magħżula.
Abbażi tan-numru limitat ta’ risposti għall-istħarriġ, jidher li l-operaturi tal-UE u dawk mhux tal-UE għandhom perċezzjoni differenti ħafna tal-impatt fuq il-kompetittività tal-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali.
Il-produttività u l-kost tal-kompetittività
Ir-riżultati tal-istħarriġ jissuġġerixxu li l-konformità mal-leġiżlazzjoni/l-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali timplika kosti tal-produzzjoni ogħla għall-operaturi irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom.
Fir-rigward tal-kompetittività fis-swieq tal-UE u dawk internazzjonali, l-istudju enfasizza d-differenzi sinifikanti bejn l-operaturi tal-UE u dawk mhux tal-UE fil-perċezzjoni tagħhom rigward il-fatturi tal-kompetittività. Minn naħa waħda, l-operaturi tal-UE jqisu li l-leġiżlazzjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali tqiegħedhom fi żvantaġġ sinifikanti għall-kosti u l-ishma tas-suq tagħhom fi ħdan u barra l-UE. Min-naħa l-oħra, l-operaturi ta’ pajjiżi terzi ma jqisux id-differenzi fl-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali bħala sors ta’ vantaġġ għalihom. Fil-fatt, l-istudju sab li f’ħafna każijiet il-kosti tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali huma relattivament baxxi meta mqabbla ma’ kosti oħra tal-produzzjoni (bħall-għalf u l-ħaddiema). Għall-bajd u l-prodotti tal-bajd l-istudju sab evidenza li tissuġġerixxi li d-differenza fl-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali jistgħu jikkawżaw id-devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali u r-rilokazzjoni tal-prodott. Madankollu, dan ftit li xejn seħħ għall-importazzjonijiet fl-UE, minħabba rekwiżiti sanitarji u fitosanitarji paralleli.
Il-letteratura,, indikat li l-vantaġġi tal-kosti f’xi pajjiżi terzi huma prinċipalment dovuti għall-kosti tal-għalf u dawk tal-ħaddiema kif ukoll għad-disponibbiltà tar-riżorsi naturali. Id-differenzi fl-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali jidhru li għandhom impatt ħafna aktar baxx. Il-letteratura dwar il-produzzjoni tat-tiġieġ tas-simna pereżempju, turi li f’pajjiżi bħall-Brażil u t-Tajlandja l-vantaġġi kompetittivi huma prinċipalment dovuti għall-kosti tal-għalf u tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet klimatiċi aktar favorevoli. Fil-qosor, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-operaturi mhux tal-UE se jibqgħu aktar kompetittivi anke kieku ġew applikati standards tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali, minħabba kundizzjonijiet strutturali aktar favorevoli.
Madankollu, minkejja l-fatt li s-setturi tal-UE tal-laħam tal-majjal u tat-tjur huma soġġetti għal leġiżlazzjoni komprensiva dwar it-trattament xieraq tal-annimali, huma għadhom esportaturi netti għal għadd ta’ setturi tas-suq. Fil-perjodu kkunsidrat fir-rapport, l-UE saħħet il-pożizzjoni tagħha bħala l-akbar esportatur tal-laħam tal-majjal fil-livell dinji. Barra minn hekk, l-UE hija t-tielet l-akbar esportatur dinji tal-laħam tat-tjur, iżda hija wkoll importatur ewlieni ta’ prodotti tat-tjur. Bl-istess mod l-UE hija waħda mill-akbar esportaturi tal-bajd u tal-prodotti tal-bajd b’madwar 25 % tal-kummerċ totali fl-2013-2015. Sadanittant, l-UE hija attur minuri f’oqsma mhux regolati mil-leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għall-ispeċi u, b’mod partikolari, hija importatur nett tal-laħam taċ-ċanga u tan-nagħaġ. Fl-istess ħin, wieħed mill-esportaturi ewlenin tad-dinja tal-laħam tan-nagħaġ, New Zealand, għandu standards għolja tat-trattament xieraq tal-annimali.
Għalhekk, l-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali mhumiex xprun ewlieni tal-kompetittività fis-suq dinji għaliex fatturi oħrajn jistgħu jinfluwenzaw b’mod qawwi l-kompetittività (bħalma huma l-prossimità tas-suq, fatturi tal-produzzjoni oħrajn, it-tip ta’ segmenti tas-suq jew l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ ftehimiet kummerċjali).
Minkejja dan li ntqal hawn fuq, il-perċezzjoni li qed tikber tal-konsumatur tal-metodi ta’ produzzjoni sostenibbli tal-UE – inklużi l-istandards għoljin tat-trattament xieraq tal-annimali – tista’ ttejjeb u fil-fatt ittejjeb il-pożizzjoni fis-suq ta’ prodotti tal-UE.
B’mod ġenerali l-operaturi tal-UE u mhux tal-UE jidhru li għandhom preċezzjoni differenti wkoll dwar l-impatt tal-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali fuq il-produttività. L-operaturi mhux tal-UE jirrapportaw produttività ogħla li tirriżulta minn konformità mal-leġiżlazzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali, filwaqt li l-operaturi tal-UE rrappurtaw l-oppost. It-tnejn li huma qiesu li l-konformità mal-leġiżlazzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali għandha impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-prodott.
L-aċċess għas-suq
Il-maġġoranza kemm tal-operaturi tal-UE kif ukoll dawk mhux tal-UE indikaw li l-konformità mal-leġiżlazzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali u mal-istandards għenet biex jaċċessaw fetħiet għal swieq ġodda.
Teżisti perċezzjoni differenti dwar l-aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi minħabba fatturi relatati mat-trattament xieraq tal-annimali. Filwaqt li aktar minn nofs ta’ dawk li wieġbu li mhumiex fl-UE rrapportaw aċċess aħjar għas-swieq internazzjonali, ir-rispondenti tal-UE ċaħdu t-tali aċċess imtejjeb.
Il-konformità mar-rekwiżiti tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali waqt il-qatla kkontribwew għal kundizzjonijiet ugwali ta’ aċċess għall-UE, u biex jitnaqqas id-distakk bejn il-pajjiżi esportaturi u l-UE. Barra minn hekk, l-operaturi ta’ pajjiżi terzi jqisu li din il-konformità għandha impatti pożittivi f’termini tal-aċċess għas-swieq tal-esportazzjonijiet primjum minbarra l-UE. Dan juri li l-promozzjoni globali tal-istandards tal-Unjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali tirrappreżenta opportunità biex jiġi valorizzat il-valur fis-suq ta’ prodotti miksuba skont dawn l-istandards. Dan huwa fil-fatt wieħed mill-għanijiet tal-Pjattaforma tal-UE dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Id-distorsjonijiet tal-kummerċ
L-istudju sab żewġ każijiet potenzjali ta’ distorsjonijiet tal-kummerċ li jirriżultaw minn differenzi fil-leġiżlazzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali applikati bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk ta’ pajjiżi terzi. Dan kien jikkonċerna l-bajd u l-prodotti tal-bajd u l-esportazzjonijiet tal-bovini ħajjin.
Fir-rigward tal-bajd u l-prodotti tal-bajd, l-istudju juri li d-dewmien fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għat-tiġieġ tal-bajd f’pajjiżi tal-Viċinat, b’mod partikolari fl-Ukrajna, seta’ kkawża żvantaġġi għall-kosti tal-operaturi tal-UE. Madankollu, dawn ma ġewx materjalizzati f’distorsjonijiet tal-kummerċ fis-suq għall-bajd tal-ikel minħabba l-fatturi sanitarji paralleli (eż. sistema ekwivalenti tal-kontroll tas-Salmonella) li ma ppermettewx l-esportazzjoni lejn l-UE. Id-distorsjonijiet fis-suq għall-prodotti tal-bajd baqgħu ristretti fid-daqs minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-kwoti.
Rigward il-kummerċ tal-bovini ħajjin lejn pajjiżi terzi, l-operaturi tal-UE qiesu li l-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali jistgħu jfixklu t-trasport tal-annimali fit-tul (b’mod partikolari bil-baħar). Madankollu, l-istudju ma sab l-ebda evidenza konklużiva li l-istandards differenti tat-trattament xieraq tal-annimali dwar it-trasport bil-baħar kellhom impatt fuq il-flussi tal-kummerċ, jew ta’ ħsara għall-pożizzjoni kompetittiva tal-UE fl-istudji tal-każijiet li ġew analizzati.
Il-kapaċità tal-innovazzjoni
L-istudju juri li kien diffiċli li tiġi kkwantifikata l-importanza ekonomika tas-suq fil-prodotti li huma favur it-trattament xieraq tal-annimali. Ħafna drabi d-dejta ma kinitx disponibbli u komponenti oħra (eż. sostenibbiltà ambjentali) kienu kkombinati flimkien mat-trattament xieraq tal-annimali kemm fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kif ukoll fil-perċezzjoni tal-konsumaturi.
4.Konklużjonijiet
1.Il-Kummissjoni għandha approċċ kooperattiv biex tippromwovi t-trattament xieraq tal-annimali fix-xena internazzjonali.
2. L-attivitajiet internazzjonali tat-trattament xieraq tal-annimali huma investiment fit-tul, li huwa bbażat fuq tliet stadji sussegwenti: sensibilizzazzjoni, bini ta’ kapaċità u ffinanzjar. Matul is-snin, il-Kummissjoni allokat riżorsi sinifikanti għal inizjattivi bħal dawn.
3.Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri tal-UE, kellha rwol prominenti u deċiżiv sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni globali dwar it-trattament xieraq tal-annimali u nkisbu riżultati sinifikanti.
4.Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ favur il-kummerċ internazzjonali bbażat fuq il-valuri kif enfasizzat fl-istrateġija “Kummerċ għal Kulħadd”. Hija tirrikonoxxi li l-promozzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali hija importanti.
5.L-istandards tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali kellhom effett ta’ sinjalazzjoni u spiss kienu jirrappreżentaw sors ta’ ispirazzjoni għal inizjattivi volontarji mill-industrija dwar it-trattament xieraq tal-annimali.
6.Il-Kummissjoni rnexxielha tpoġġi t-trattament xieraq tal-annimali fid-djalogu ma’ ħafna pajjiżi terzi.
7.Fil-livell multilaterali, l-attivitajiet imwettqa flimkien ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali ppromwovew il-mudell tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali f’għadd kbir ta’ pajjiżi terzi.
8.L-UE għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni u l-appoġġ għall-attivitajiet tal-OIE. B’mod partikolari, l-UE kienet kontributur kbir għall-proċess tat-twaqqif tal-istandards tal-OIE u kienet proattiva fit-tħeġġiġ ta’ parteċipazzjoni attiva minn bosta pajjiżi terzi.
9.Il-Kummissjoni għandha wkoll rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-istandards tal-OIE f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari dwar it-trattament xieraq tal-annimali waqt il-qatla u t-trasport.
10.Il-kooperazzjoni bilaterali tejbet il-kondizzjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali mrobbija f’xi pajjiżi terzi. Din iffaċilitat l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-importazzjoni dwar l-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali waqt il-qatla.
11.Ir-riċerka, it-taħriġ u l-attivitajiet għall-bini ta’ kapaċità tal-Kummissjoni laħqu eluf ta’ professjonisti. Dawn żiedu b’mod sostanzjali l-għarfien u l-ħiliet dwar it-trattament xieraq tal-annimali u appoġġaw l-implimentazzjoni ta’ politiki u standards tat-trattament xieraq tal-annimali f’pajjiżi benefiċjarji.
12.L-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali għandhom impatt limitat b’mod ġenerali fuq il-kompetittività tal-produtturi tal-UE fis-swieq dinjija.
13.Il-kostijiet ġenerali tal-konformità mal-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali għadhom baxxi ħafna meta mqabbla ma’ kosti oħra tal-produzzjoni li jaffettwaw il-kompetittività globali u jinfluwenzaw ix-xejriet tal-kummerċ dinji.
14.Il-promozzjoni globali tal-istandards tal-Unjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan fit-tul li t-trattament xieraq tal-annimali jitjieb madwar id-dinja u li jitnaqqsu l-prattiki kummerċjali inġusti. Din hija wkoll opportunità biex jiġi vvalorizzat il-valur miżjud tas-suq għall-prodotti miksuba skont dawn l-istandards.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.1.2018
COM(2018) 42 final
ANNESSI
tar-
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-impatt tal-attivitajiet internazzjonali għat-trattament xieraq tal-annimali dwar il-kompetittività tal-produtturi Ewropej tal-bhejjem f'dinja globalizzata
ANNESS I
Lista ta’ standards internazzjonali għat-trattament xieraq tal-annimali adottati mill-OIE
Annimali ta' l-art
Taqsima 7 It-trattament xieraq tal-annimali tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali It-terrestri tal-OIE
·Introduzzjoni għar-rakkomandazzjonijiet għat-trattament xieraq tal-annimali (Definizzjoni u prinċipji ta’ gwida)
·It-trasport ta’ annimali bil-baħar
·It-trasport ta’ annimali bit-triq
·It-trasport ta’ annimali bl-ajru
·It-tbiċċier tal-annimali.
·Il-qtil ta’ annimali għal skopijiet ta’ kontroll ta’ mard
·Il-kontroll tal-popolazzjoni tal-klieb li jiġru fit-toroq
·L-użu tal-annimali fir-riċerka u l-edukazzjoni
·It-trattament xieraq tal-annimali u s-sistemi tal-produzzjoni tal-baqar taċ-ċanga
·It-trattament xieraq tal-annimali u s-sistemi tal-produzzjoni tat-tiġieġ tas-simna
·It-trattament xieraq tal-annimali u s-sistemi tal-produzzjoni tal-bhejjem tal-ħalib
·It-trattament xieraq tal-ekwidi tax-xogħol
Annimali Akkwatiċi
Taqsima 7 It-trattament xieraq tal-ħut imrobbi tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi tal-OIE
·Introduzzjoni għar-rakkomandazzjonijiet dwar it-trattament xieraq tal-ħut tal-akkwakultura;
·It-trattament xieraq tal-ħut tal-akkwakutura waqt it-trasport
·L-aspetti tat-trattament xieraq tal-isturdament u l-qtil tal-ħut tal-akkwakutura għall-konsum mill-bniedem
·Il-qtil tal-ħut tal-akkwakultura għal skopijiet ta’ kontroll ta’ mard
Dokumenti oħra tal-OIE
·Linji gwida dwar il-ġestjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri fir-rigward tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa pubblika veterinarja
ANNESS II
Ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE li jinkludu t-trattament xieraq tal-annimali u forom oħra ta’ kooperazzjoni teknika dwar it-trattament xieraq tal-annimali
Ftehimiet ta’ kummerċ bilaterali diġà ffirmati
·Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ċilì
·Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CEIt-tA)
·Il-Ftehim dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera
·Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel
·Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali: diskussjonijiet għaddejjin mal-Amerika Ċentrali sabiex jistabbilixxu reġjonali lill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-It-trattament Xieraq tal-Annimali u pjan ta’ azzjoni skont il-ftehim iffirmat
·Il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan
·Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Perù/il-Kolombja
·Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn UE u l-Ukrajna
·Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja
·Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova
Forom oħra ta’ kooperazzjoni teknika dwar it-trattament xieraq tal-annimali barra mill-ftehimiet kummerċjali esterni
·Il-Forum għall-Kooperazzjoni dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali bejn il-Kummissjoni tal-UE u New Zealand
·Il-Forum għall-Kooperazzjoni dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali bejn il-Kummissjoni tal-UE u l-Awstralja
·Il-Memorandum ta’ Ftehim Amministrattiv dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali bejn il-Kummissjoni tal-UE u l-Brażil
·L-Arranġament Amministrattiv għall-kooperazzjoni teknika dwar it-trattament xieraq tal-annimali bejn il-Kummissjoni tal-UE u l-Arġentina
Ftehimiet kummerċjali bilaterali fil-proċess tal-iffirmar
·Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore
·Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam
·Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun
·Il-Ftehim ta’ Qafas ġdid bejn l-UE u l-Armenja