IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.1.2018
COM(2018) 10 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali
{SWD(2018) 10 final}
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali
1.Introduzzjoni u kuntest
Din il-Komunikazzjoni tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni biex tiżdied il-konformità mal-liġi ambjentali tal-UE u tittejjeb il-governanza ambjentali. Tinvolvi li l-Kummissjoni taħdem id f’id mal-Istati Membri u ma' professjonisti bħal spetturi, prosekuturi, uffiċjali tal-pulizija, u awdituri sabiex toħloq mentalità intelliġenti u kollaborattiva ta’ konformità mar-regoli ambjentali tal-UE f’attivitajiet bħall-produzzjoni industrijali, ir-rimi tal-iskart u l-agrikoltura.
L-UE diġà għandha korp estensiv ta’ leġiżlazzjoni ambjentali. Madankollu, hemm sfidi importanti fl-implimentazzjoni tiegħu, kif enfasizza ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR). Dawn huma marbutin ma’ problemi ambjentali persistenti bħalma huma t-tniġġis tal-ilma mxerred, il-kwalità fqira tal-arja urbana, it-trattament tal-iskart mhux sodisfaċenti, u l-ispeċijiet u l-ħabitats li qed jonqsu. Hemm ukoll inċidenza gravi ta’ kriminalità ambjentali, u għadd kbir ta’ lmenti ambjentali lill-Kummissjoni u petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew. L-ispiża ta’ non-implimentazzjoni hija stmata għal madwar EUR 50 biljun fis-sena.. Bosta benefiċċji jistgħu jinkisbu permezz ta’ implimentazzjoni mtejba mingħajr ma tinħoloq leġiżlazzjoni ġdida.
Dan jeħtieġ, fost affarijiet oħra, il-konformità fuq il-post mar-regoli ambjentali, jiġifieri li l-industrija, l-utilitajiet, is-sidien tal-art u “dawk fid-dmir” oħrajn jissodisfaw l-obbligi ambjentali li jolqtu l-attivitajiet tagħhom. L-obbligi jistgħu jkunu fil-forma ta’ projbizzjonijiet, regoli ġenerali li jorbtu, permessi u miżuri oħra stabbiliti sabiex jipproteġu l-ambjent, is-saħħa pubblika u l-ħtiġijiet tar-riżorsi fit-tul tas-soċjetà.
Mekkaniżmi dgħajfa għall-iżgurar tal-konformità u l-governanza effettiva fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali huma fost il-kawżi ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni.. Huma wkoll fattur ta’ kompetizzjoni inġusta u ħsara ekonomika, bħal telf ta’ dħul mit-taxxa, u jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku fl-effettività tal-liġijiet tal-UE.
Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ dawn il-mekkaniżmi. Hi tikkomplementa l-Komunikazzjoni “Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar”, li fiha l-Kummissjoni tistabbilixxi kif se żżid l-isforzi tagħha fl-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE b’mod ġenerali.
2.Il-ħtieġa għall-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali
L-Istati Membri huma marbuta bi dmir li jikkooperaw b’bona fide għall-kisba tal-objettivi tal-UE.
Il-Qorti tal-Ġustizzja dderivat minn dan rekwiżit għall-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jirrimedjaw il-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-UE
u rekwiżit li l-infurzar ikun effettiv, proporzjonat u dissważiv
. Għalhekk, l-Istati Membri jrid ikollhom strutturi xierqa fis-seħħ sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi derivati mill-UE.
In-nuqqas ta’ konformità jista’ jseħħ għal raġunijiet differenti, inkluż konfużjoni, nuqqas ta’ fehim jew in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni tar-regoli, in-nuqqas ta’ investiment, l-opportuniżmu u l-kriminalità. L-impatti ta’ dan fuq l-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija se jiddependu fuq in-natura, l-iskala u l-persistenza tal-ksur.
Fil-prattika, il-mekkaniżmi għall-iżgurar tal-konformità jinvolvu lill-Istati Membri bl-użu ta’ tliet klassijiet wesgħin ta’ intervent (kollettivament imsejħa “l-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali”):
·il-promozzjoni tal-konformità tgħin lil min hu fid-dmir li jikkonforma permezz ta’ mezzi bħal gwida, “mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss” u servizzi ta’ helpdesks;
·il-monitoraġġ tal-konformità jidentifika u jikkaratterizza il-kondotta ta’ min hu fid-dmir li jikkonforma u jidentifika u jivvaluta kwalunkwe nuqqas ta’ konformità, bl-użu ta’ spezzjonijiet ambjentali u kontrolli oħra;
·is-segwitu u l-infurzar iserħu fuq il-liġi ċivili, amministrattiva u kriminali biex iwaqqfu, jiskoraġġixxu, jissanzjonaw u jiksbu rimedju għal imġiba mhux konformi u jħeġġu l-konformità.
Dawn l-interventi huma mwettqa minn tipi differenti ta’ awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-korpi b’rwoli ta’ spezzjoni tipikament iwettqu kontrolli ta’ rutina jew ad hoc u jippromwovu l-konformità. L-uffiċjali tal-pulizija u s-servizzi tal-prosekuzzjoni għandhom rwoli importanti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ għemil ħażin serju. Korpi differenti jistgħu jkunu konnessi mal-katina tal-“assigurazzjoni tal-konformità ambjentali”, bħal meta l-ispetturi, l-uffiċjali tad-dwana u tal-pulizija u l-prosekuturi jikkooperaw fil-ġbir tax-xhieda u l-prosekuzzjoni. Il-korpi tal-awditjar jistgħu jeżerċitaw funzjoni prezzjuża billi jħarsu lejn il-problemi tan-nonkonformità ġeneralizzata jew tal-prestazzjoni ta’ awtoritajiet partikulari.
L-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali ttaffi r-riskju li xi wħud minn dawk fid-dmir li jirrispettaw l-obbligi ma jirrispettawhomx biex b’hekk iħallu impatt negattiv fuq l-istat tal-ilma, l-arja, il-bijodiversità, is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija. Hija tagħmel dan billi tivvaluta l-kawżi u l-impatti tan-nonkonformità u billi tuża kombinazzjoni adattabbli ta’ tliet klassijiet ta’ intervent biex tinfluwenza l-imġiba ta’ dawk fid-dmir. Il-kunċett żviluppa maż-żmien fi skambji ma’ esperti, eż. minn Stati Membri u minn netwerks tal-prattikanti.
3.Sfidi
L-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli mill-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali qed jiffaċċjaw bosta sfidi, b’mod partikolari:
·il-firxa u d-diversità tar-regoli ambjentali tal-UE dwar l-attivitajiet b’impatti ambjentali,
·il-fatt li dawn ikopru t-territorju kollu tal-Istati Membri, kemm iż-żoni rurali kif ukoll urbani,
·l-eżistenza ta’ problemi rikonoxxuti tat-tniġġis tal-arja u l-ilma, ir-rimi tal-iskart u d-deklin tan-natura,
·l-aspettattivi tal-pubbliku,
·l-għadd ta’ dawk li jridu jikkonformaw mar-regoli ambjentali u d-diversità tagħhom,
·id-diversi tipi ta’ problemi ta’ konformità li jafu jfeġġu,
·id-diffikultajiet biex jinstabu u jiġu indirizzati dawn il-problemi, b’mod partikolari r-reati ambjentali.
Il-kapaċità tista’ tiġi miżjuda ma’ din il-lista wkoll, għax ir-responsabbiltajiet huma sikwit allokati lil korpi iżgħar b’riżorsi finanzjarji limitati, ammont żgħir ta’ persunal jew nuqqas ta’ għarfien speċjalizzat. F’ħafna Stati Membri, il-baġits tal-ispettorati tal-ambjent staġnaw jew naqsu minħabba l-kriżi finanzjarja. Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi, anke l-awtoritajiet il-kbar b’riżorsi tajbin jistgħu jsibuha diffiċli biex b’mod indipendenti jiżviluppaw l-għarfien dwar l-aħjar modi biex tiġi żgurata l-konformità.
L-isfidi ffaċċjati minn dawn l-awtoritajiet irriżultaw f’domanda u tfaċċar ta’ forom differenti ta’ appoġġ fil-livell tal-UE. Dawn it-tipi ta’ appoġġ huma miġbura fil-qosor fit-Tabella 1 ta’ hawn taħt, flimkien mal-benefiċċji speċifiċi tagħhom.
Tabella 1: Forom ta’ appoġġ li jiżguraw il-konformità ambjentali u l-benefiċċji tagħhom
|
Tip ta' appoġġ
|
Benefiċċji
|
|
Netwerks tal-UE għall-prattikanti
|
Jippermettu lill-prattikanti jiskambjaw l-għarfien u l-esperjenza u flimkien jiżviluppaw xi forom oħra ta’ appoġġ inklużi f’din it-tabella
|
|
Evalwazzjoni fil-livell tal-UE tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali tal-Istati Membri.
|
Tippermetti t-tqabbil u l-identifikazzjoni tal-punti tajbin u dawk dgħajfin
|
|
Portali ta’ informazzjoni aċċessibbli b’mod ġenerali dwar l-assigurazzjoni tal-konformità
|
Jiffaċilitaw it-tagħlim, l-iskambju ta’ prattiki tajba u li jkunu faċilment komparabbli, u jsaħħu t-trasparenza u r-responsabbiltà
|
|
Mekkaniżmi li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni, l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenzi u li jaħdmu flimkien mal-UE kollha u input dwar l-assigurazzjoni tal-konformità minn Stati Membri u minn awtoritajiet oħrajn
|
Jippermettu effikaċja akbar billi jaħdmu flimkien
Jippermettu li jinsilet tagħlim minn għarfien speċjalizzat li jkun issawwar xi mkien ieħor
|
|
Kundizzjonalità skont il-Politika Agrikola Komuni (PAK)
|
Tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-konformità mal-obbligi ambjentali tal-bdiewa
|
|
Informazzjoni u gwida dwar prassi tajba
|
Jippermettu li jinsilet tagħlim minn għarfien li jkun diġà nkiseb
Inaqqas il-bżonn li jiġu żviluppati prattiki tajbin mix-xejn (titjib fl-effiċjenza)
|
|
Programmi ta’ taħriġ, materjal ta’ taħriġ u gwida dwar il-ħiliet
|
Jippermettu li jiġu żviluppati u jinżammu l-ħiliet
|
|
Aċċessibbiltà ta’ sorsi tad-dejta ġenerati mill-UE, bħall-immaġni satellitari
|
Testendi l-possibbiltajiet għal assigurazzjoni tal-konformità effettiva
|
|
Appoġġ finanzjarju tal-UE
|
Jgħin lill-awtoritajiet tal-assigurazzjoni tal-konformità biex dawn iwettqu aħjar l-objettivi tagħhom
|
L-ispetturi, l-uffiċjali tal-pulizija, l-uffiċjali tad-dwana, il-prosekuturi, l-imħallfin u l-awdituri diġà ffurmaw netwerks separati fil-livell Ewropew biex jaqsmu bejniethom u jibnu għarfien dwar l-assigurazzjoni tal-konformità. Huma u oħrajn joffru eżempji pożittivi tat-tipi differenti ta’ appoġġ deskritti fil-qosor hawn fuq. Minkejja l-limitazzjonijiet attwali tagħhom fir-rigward tal-kopertura u l-kamp ta’ applikazzjoni, dawn l-eżempji jindikaw it-triq lejn kif, bil-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni, jista’ jsir aktar biex tissaħħaħ il-governanza ambjentali u tiżdied il-konformità.
4.Raġunament għall-azzjonijiet
Il-Kummissjoni qieset għadd ta’ alternattivi sabiex ittejjeb l-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali, inklużi dawk leġiżlattivi, u fl-2014 ħejjiet abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt li jinformaha fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. Hija kkonkludiet li pjan ta’ azzjoni b’miżuri ta’ appoġġ immirati li jindirizzaw il-ħtiġijiet prattiċi hija l-għażla li x’aktarx l-aktar li tagħti riżultati f’diversi oqsma ta’ prijorità anke f’qasir żmien.
Il-fażi preparatorja, inkluża konsultazzjoni tal-Istati Membri u tan-netwerks ta’ prattikanti
, ikkonfermat il-valur ta’ forom ta’ appoġġ miġbura fil-qosor fit-Tabella 1 u identifikat modi kif issaħħaħhom u tiżviluppa għodod ġodda. In-netwerks prattikanti enfasizzaw il-valur tal-iskambju tal-għarfien espert u li jkun hemm aktar sforzi kkoordinati fl-Istati Membri. Huma ġibdu l-attenzjoni dwar l-importanza tat-taħriġ professjonali u l-iskambju effettiv tal-għarfien. Il-konsultazzjonijiet identifikaw ukoll għadd ta’ setturi li fihom hemm domanda sinifikanti għal materjal ta’ referenza ta’ prattika tajba u għodod ġodda. Il-kriminalità bl-iskart u b’rabta mal-organiżmi selvaġġi ġiet identifikata bħala l-aktar li tistħoqqilha attenzjoni. Il-politika agrikola komuni (PAK) 2014-2020 tagħti prijorità lill-“ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika” permezz ta’ varjetà ta’ strumenti ta’ politika komplementari, fosthom il-kundizzjonalità. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar “L-Agrikoltura u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma fl-UE”
diġà rrefera għall-inizjattiva li qed tiġi ppreżentata hawnhekk bħala waħda li qed toffri mezz għat-titjib tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-konformità nazzjonali għal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma f’dak li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet tal-biedja. Bl-istess mod, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija
jidentifika l-ħtieġa li tissaħħaħ il-konformità
. Temi oħra li feġġew fil-konsultazzjonijiet huma l-kontribut li t-teknoloġija tista’ tagħti biex tidentifika n-nuqqas ta’ konformità u r-rwol importanti li ċ-ċittadini jkollhom f’ilmenti u sottomissjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali. Xi leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE tipprevedi b’mod espliċitu r-rwol ta’ linji gwida jew gwida dwar l-ispezzjonijiet
u huwa f’waqtu li jinbeda x-xogħol biex dawn jitwasslu. Il-ħidma fuq l-ewwel rapporti EIR speċifiċi għall-pajjiżi enfasizzat l-iskop għat-titjib tal-feedback tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-assigurazzjoni tal-konformità u dwar aspetti oħra tal-amministrazzjoni pubblika. Fl-aħħar nett, il-konsultazzjonijiet identifikaw xewqa għal djalogu ta’ livell għoli bejn il-prattikanti tal-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali u l-maniġers ta’ livell għoli fi ħdan l-amministrazzjonijiet ambjentali.
5.Azzjonijiet
Il-Pjan ta’ Azzjoni jikkonsisti f’disa’ azzjonijiet imfassla fuq il-ħtiġijiet identifikati fil-fażi ta’ tħejjija. Dawn qed jingħataw fil-qosor fit-Tabella 2.
Tabella 2: Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet
|
Numru
|
Azzjoni
|
Skedar
|
|
1
|
Titjib fl-iskjerament tal-għarfien espert dwar l-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali fl-UE kollha permezz ta’ reviżjonijiet bejn il-pari, azzjonijiet konġunti ta’ infurzar, żjarat tal-assigurazzjoni tal-konformità u l-użu tal-għodda Peer2Peer TAIEX-EIR
|
2019
|
|
2
|
Identifikar tas-settijiet ta’ ħiliet professjonali u l-ħtiġijiet ta’ taħriġ neċessarji għall-ispetturi ambjentali u titjib tal-kooperazzjoni ma’ prattikanti u korpi oħra li jippromwovu l-eċċellenza u jipprovdu taħriġ għal professjonisti tal-assigurazzjoni tal-konformità fil-livell nazzjonali u Ewropew
|
2018
|
|
3
|
Iffaċilitar tal-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba, materjal ta’ referenza u ta’ kuntest, tħeġġiġ ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament għall-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali, u stħarriġ tat-twaqqif ta’ portal għal implimentazzjoni ambjentali usa’
|
2019
|
|
4
|
Tħejjija ta’ dokument ta’ gwida ta’ prattika tajba dwar l-istrateġiji għall-ġlieda kontra r-reati ambjentali u ksur ieħor relatat, b’enfasi partikolari fuq l-iskart u reati marbuta mal-organiżmi selvaġġi
|
2019
|
|
5
|
Tħejjija ta’ dokument(i) ta’ gwida dwar prattika tajba fl-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali f’żoni rurali (f’dak li għandu x’jaqsam ma’ art u ilma)
|
2019
|
|
6
|
Tħejjija ta’ linji gwida tekniċi għall-ispezzjonijiet ta’ faċilitajiet tal-estrazzjoni tal-iskart
|
2018
|
|
7
|
Tħejjija ta’ dokumentazzjoni dwar prattiki tajba fit-trattament ta’ lmenti ambjentali u l-involviment taċ-ċittadini fil-livell tal-Istati Membri, inkluż permezz tax-xjenza taċ-ċittadini u l-ħidma mal-Istati Membri biex jiġu kondiviżi prattiki tajbin dwar mekkaniżmi nazzjonali effettivi għat-trattament ta’ lmenti dwar il-liġi ambjentali tal-UE
|
2019
|
|
8
|
Tiswir tal-kapaċità u l-użu ta’ intelligenza ġeospazjali għall-assigurazzjoni tal-konformità u t-tħeġġiġ ta’ proġetti ta’ prattika tajba (eż. bl-użu ta’ dejta ta’ Copernicus)
|
2019
|
|
9
|
Valutazzjoni tas-sistemi nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali bħala parti minn strateġija usa’ ta’ qafas ta’ valutazzjoni tal-governanza u l-preżentazzjoni regolari ta’ feedback lill-Istati Membri, anke bħala parti mir-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali
|
2019
|
6.Tisħiħ tal-kooperazzjoni
Minn naħa waħda, fir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni għandha rwol prinċipali li tiżgura l-applikazzjoni sħiħa u korretta tal-liġi ambjentali tal-UE taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità primarja li jimplimentaw b’mod korrett il-liġi tal-UE. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni se jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi li ssemmew fil-bidu li jiffaċċjaw l-Istati Membri.
Biex jiġi żgurat li dan il-Pjan ta’ Azzjoni jkollu r-riżultati mixtieqa, l-Istati Membri huma mistiedna:
·jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tagħhom f’netwerks ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-UE;
·jiżguraw li l-prattiki tajbin li ġew identifikati, b’mod partikolari dawk marbuta mal-użu ta’ metodi bbażati fuq ir-riskju u t-trasparenza, jiġu segwiti u li l-għodod żviluppati skont il-Pjan ta’ Azzjoni jintużaw;
·jiffaċilitaw it-taħriġ u l-iżvilupp ta’ ħiliet professjonali;
·jiżguraw il-livell xieraq ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet b’funzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-konformità;
·jiżguraw l-allokazzjoni xierqa tar-riżorsi umani u finanzjarji għall-assigurazzjoni tal-konformità fit-territorji kollha tagħhom.
Il-Kummissjoni qiegħda twaqqaf ukoll grupp ta’ esperti (“Forum ta’ Konformità u Governanza Ambjentali”) sabiex jipprovdi tmexxija għall-Pjan ta’ Azzjoni u jippermetti l-iskambju ta’ fehmiet ma’ maniġers ta’ livell għoli fl-Istati Membri dwar kif jistgħu jittejbu l-aspetti tal-konformità u tal-governanza fl-implimentazzjoni. Dan il-Forum, b’mod partikolari, se jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u minn netwerks tal-prattikanti fil-livell tal-UE, b’rappreżentanti tal-Kunsill, tal-Parlament, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li se jkunu mistiedna jieħdu sehem. Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tinvolvi l-partijiet konċernati l-oħra, inklużi l-NGOs, u l-organizzazzjonijiet tan-negozju, u se tiddiskuti l-aħjar modi kif isir dan fl-ewwel laqgħa tal-Forum dwar il-Konformità u l-Governanza Ambjentali.
It-twettiq tal-azzjonijiet se jkun proċess kollaborattiv, li jinvolvi mhux biss il-Forum dwar il-Konformità u l-Governanza Ambjentali iżda in-netwerks tal-prattikanti fil-qasam. In-netwerks se jingħataw għajnuna biex jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa wkoll ir-rwoli usa’ tagħhom.
L-istrumenti eżistenti ta’ finanzjament tal-UE, bħal LIFE
u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF)
, jistgħu joffru soluzzjonijiet konkreti li jappoġġaw tipi differenti ta’ attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-konformità u tal-governanza. L-Istati Membri, in-netwerks tal-prattikanti u partijiet konċernati oħra għalhekk huma mħeġġa jagħmlu użu sħiħ minnhom.
Fit-tiswir tal-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni se tqis ukoll id-dimensjonijiet esterni u globali importanti tal-liġi ambjentali tal-UE, kif rifless fil-parteċipazzjoni tal-UE f’konvenzjonijiet reġjonali u globali. Pereżempju, il-kummerċ globali u l-ktajjen ta’ provvista globali huma rilevanti għall-ġestjoni tal-iskart u l-protezzjoni tal-bijodiversità. Fil-fatt, il-konformità ambjentali għandha relevanza globali ġenerali, u hi meħtieġa fost affarijiet oħra għat-twettiq tal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli. It-tisħiħ tagħha fl-Ewropa se jgħin lill-Unjoni biex ikollha rwol mexxej billi tagħti eżempju u tkun imsieħba effettiva fil-livell internazzjonali.
7.Monitoraġġ u segwitu
Dan il-Pjan ta’ Azzjoni se jifforma l-bażi tal-programm ta’ ħidma kontinwu għall-2018-2019. Il-programm se jiġi revedut matul l-2019 u se jiżdiedu azzjonijiet ġodda skont kif ikun jixraq, wara konsultazzjoni mal-Forum dwar il-Konformità u l-GovernanzaAmbjentali.
Il-qafas tal-valutazzjoni maħsub (l-Azzjoni 9) se joħloq bażi għal eżami ta’ kif l-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali u tal-amministrazzjoni pubblika miexja ’l quddiem fi ħdan l-Istati Membri, filwaqt li jippermetti segwitu permezz tal-EIR, u jivvaluta sa tmiem l-ewwel programm ta’ ħidma jekk humiex meħtieġa inizjattivi oħra f’dan il-qasam.
8.Konklużjonijiet
Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jwieġeb għal talba għal appoġġ prattiku lill-prattikanti li jaħdmu fl-UE kollha, biex jgħin ħalli tittejjeb l-assigurazzjoni tal-konformità u tal-governanza fil-qasam tal-ambjent. Minbarra l-benefiċċji diġà msemmija, il-pjan se jgħin biex kollettivament jistabbilixxi approċċ tal-UE aktar konsistenti biex jiġu indirizzati l-isfidi tal- konformità u tal-governanzaambjentali. Ir-riżultati għandhom jippermettu lill-prattikanti: biex jindirizzaw aħjar il-ksur tar-regoli ambjentali u l-kompetizzjoni inġusta kif ukoll l-ħsara li dawn jikkawżaw,; biex jgħinu aħjar lil dawk li għandhom id-dmir li jissodisfaw l-obbligi tagħhom; biex jiżguraw aktar il-fiduċja tal-pubbliku fl-assigurazzjoni tal-konformità, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, iħarsu aħjar il-wirt komuni tal-Ewropa.