5.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/158


P8_TA(2018)0054

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – EGF/2017/007 SE/Ericsson

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Iżvezja – EGF/2017/007 SE/Ericsson) (COM(2017)0782 – C8-0010/2018 – 2018/2012(BUD))

(2019/C 129/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0782 – C8-0010/2018),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0032/2018),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.

billi, bil-għan li jiġu aġevolati r-riallokazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu;

C.

billi l-Iżvezja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/007 SE/Ericsson għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 2 388 sensja mogħtija fis-settur ekonomiku kklassifikat skont id-Diviżjoni 26 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi), fir-reġjuni ta' livell NUTS 2 ta' Stokkolma (SE11), Västsverige (SE23), u Östra Mellansverige (SE12), kif ukoll fiż-żona ta' Sydsverige (SE22);

D.

billi l-applikazzjoni hi msejsa fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrekjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħata s-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni u persuni li jaħdmu għal rashom u li ntemmet l-attività tagħhom;

E.

billi, f'dawn l-aħħar snin ġew ippreżentati bosta applikazzjonijiet mill-istess settur jew minn setturi relatati u li jinvolvu kumpaniji kbar;

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li l-Iżvezja intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 130 400 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 550 667;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Żvediżi ppreżentaw l-applikazzjoni fid-9 ta' Awwissu 2017, u li, wara li l-Iżvezja tat informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-18 ta' Diċembru 2017 u nnotifikat il-Parlament fil-15 ta' Jannar 2018;

3.

Ifakkar li din hi t-tieni applikazzjoni mill-Iżvezja għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fir-rigward tas-sensji fl-Ericsson, wara applikazzjoni preċedenti f'Marzu 2016 u d-deċiżjoni pożittiva dwarha (4);

4.

Jiddispjaċih dwar l-użu baxx tal-każ preċedenti tal-FEG tal-2016 li jinvolvi sensji fl-Ericsson, iżda jilqa' l-fatt li ġew misluta tagħlimiet minn dan il-każ; jinnota b'approvazzjoni li l-ex impjegati fil-mira tal-applikazzjoni attwali se jkunu jistgħu jibdew l-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr ma jiġi affettwat ħażin il-kumpens għas-sensji tagħhom;

5.

Jinnota li l-Iżvezja targumenta li s-sensji huma marbuta ma' bidliet strutturali fix-xejriet tal-kummerċ dinji kaġun tal-globalizzazzjoni, u partikolarment minħabba t-tkabbir negattiv fil-linja kummerċjali ċċentrata fuq il-hardware tal-industrija tat-telekomunikazzjoni għall-Ericsson fl-Iżvezja, minħabba l-kompetizzjoni globali; jindika li fl-Iżvezja, l-Ericsson ilha tnaqqas l-persunal tagħha b'mod gradwali, filwaqt li fl-istess ħin kienet qed tikber madwar id-dinja kollha;

6.

Jinsab konxju li hemm talba għolja għal persuni b'ħiliet fl-IT fost ir-reġjuni differenti, filwaqt li hemm spariġġ ta' ħiliet bejn dawk li ngħataw is-sensja mill-Ericsson u r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol; jirrikonoxxi li ħafna persuni bl-istess ħiliet qegħdin jingħataw is-sensja fl-istess żmien u fl-istess żoni ġeografiċi; iqis li l-ħaddiema manwali u dawk ikbar fl-età huma fi bżonn partikolari ta' għajnuna; jinnota li l-FEG jista' jiffaċilita wkoll il-moviment transfruntier tal-ħaddiema, minn setturi li qed jiċkienu lokalizzati f'xi Stati Membri, għal setturi li qed jespandu fi Stati Membri oħra;

7.

Ifakkar fid-diversità tal-impjegati, li tinkludi kemm ħaddiema manwali kif ukoll dawk li mhumiex, u li ntlaqtu mis-sensji; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fl-industriji tal-manifattura tradizzjonali, id-domanda fis-suq tax-xogħol hi pjuttost baxxa; jirrikonoxxi li l-opportunitajiet għal dawn il-ħaddiema fl-industriji tas-servizzi tas-settur pubbliku jew privat kieku jirrikjedu sforzi kbar ta' taħriġ mill-ġdid;

8.

Jinnota li l-applikazzjoni tirrigwarda 2 388 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-Ericsson, u li minnhom, 900 se jintlaqtu mill-miżuri proposti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li aktar minn 30 % ta' dan il-grupp għandhom bejn 55 u 64 sena, b'ħiliet speċifiċi għall-industrija tal-hardware tat-telekomunikazzjoni, u li ma għadhomx rilevanti għas-suq tal-impjieg attwali, u li għalhekk jinsabu f'pożizzjoni ta' żvantaġġ biex jirritornaw f'impjieg u jinsabu f'riskju ta' qgħad fit-tul; jilqa', għalhekk, li l-proġett jiffoka fuq “Miżuri għal Gruppi Żvantaġġjati”;

9.

Jilqa' d-deċiżjoni li jipprovdi għajnuna speċjalizzata lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja li għandhom iktar minn 50 sena, li huma f'riskju li jispiċċaw qiegħda għal żmien twil, u dawk b'diżabbiltajiet ta' tagħlim jew fiżiċi, minħabba ż-żieda fl-isfidi li jistgħu jiffaċċjaw biex isibu xogħol alternattiv;

10.

Jinnota li l-ispiża ta' allowances u inċentivi għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja kważi tilħaq il-limitu ta' 35 % tal-ispiża totali tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati elenkati skont il-punt(b) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar il-FEG u li dawk l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg jew ta' taħriġ;

11.

Jinnota li l-Iżvezja qiegħda tippjana ħames tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma koperti minn din l-applikazzjoni: (i) konsulenza u ppjanar tal-karriera, (ii) miżuri għal gruppi żvantaġġjati, (iii) appoġġ għall-intraprenditorija, (iv) edukazzjoni u taħriġ, (v) tfittix ta' impieg u allowances għall-mobbiltà; jinnota wkoll li l-azzjonijiet proposti jistgħu jgħinu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jadattaw il-ħiliet tagħhom u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tagħhom lejn impjiegi ġodda jew jgħinuhom iwaqqfu l-impriżi tagħhom stess; jisħaq fuq il-fatt li l-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri ta' protezzjoni soċjali; jilqa' d-deċiżjoni tal-Iżvezja li tibda tipprovdi servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fi Frar 2017, qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-FEG;

12.

Jirrikonoxxi li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal wara konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mar-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll mal-atturi pubbliċi lokali; jappella għal aktar konsultazzjonijiet mal-intraprendituri sabiex l-iżvilupp ta' ħiliet ġodda u edukazzjoni jiġi adattat għall-ħtiġijiet tagħhom;

13.

Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' l-obbligu tas-Servizz Pubbliku Żvediż għall-Impjiegi li jinkludi t-talbiet ambjentali fis-sejħiet għall-offerti tiegħu u fil-prattika tiegħu stess;

14.

Jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Żvediżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

15.

Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew tal-ftehimiet kollettivi, jew il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospettivi ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità, it-tul ta' żmien u s-sostenibbiltà ta' impjiegi ġodda, dwar l-għadd u l-perċentwal ta' persuni li jaħdmu għal rashom u negozji ġodda, u r-rata ta' riintegrazzjoni miksuba mill-FEG;

17.

Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

18.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  Deċiżjoni (UE) 2016/1858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2016 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (wara l-applikazzjoni mill-Iżvezja — EGF/2016/002 SE/Ericsson) (ĠU L 284, 20.10.2016, p. 25).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Iżvezja – EGF/2017/007 SE/Ericsson

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2018/514.)