7.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/282


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar iż-żgħażagħ

(2019/C 86/15)

Relatur:

Matteo Luigi BIANCHI (IT/KRE), Sindku tal-Muniċipalità ta’ Morazzone (Varese)

Dokument ta’ referenza:

Proposta għal Regolament tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar [ir-Regolament dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà] u r-Regolament (UE) Nru 375/2014

COM(2018) 440 final

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ

COM(2018) 269 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Preambolu (1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq is-solidarjetà, fost iċ-ċittadini tagħha u fost l-Istati Membri tagħha. Dan il-valur komuni jiggwida l-azzjonijiet tagħha u jipprovdi l-unità neċessarja biex jiġu indirizzati sfidi attwali u fil-ġejjieni għas-soċjetà, li ż-żgħażagħ Ewropej huma lesti li jgħinu jindirizzaw billi jesprimu s-solidarjetà tagħhom fil-prattika.

L-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq is-solidarjetà fost iċ-ċittadini tagħha u fost l-Istati Membri tagħha , kif ukoll fost il-komunitajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri stess . Dan il-valur komuni jiggwida l-azzjonijiet tagħha u jipprovdi l-unità neċessarja biex jiġu indirizzati sfidi attwali u fil-ġejjieni għas-soċjetà, li ż-żgħażagħ Ewropej huma lesti li jgħinu jindirizzaw billi jesprimu s-solidarjetà tagħhom fil-prattika u jiżviluppaw impenn solidali fit-tul, li jakkumpanjahom għall-bqija ta’ ħajjithom.

Raġuni

Iż-żieda fit-test tenfasizza r-rwol tad-dimensjoni lokali u reġjonali fl-impenn ċiviku taż-żgħażagħ u tirrikonoxxi li huma l-ewwel punt ta’ kuntatt fundamentali fil-qasam tas-solidarjetà.

Emenda 2

Preambolu (5)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Iż-żgħażagħ jenħtieġ li jiġu pprovduti b’opportunitajiet li jkunu faċilment aċċessibbli biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ solidarjetà, li jistgħu jippermettulhom jesprimu l-impenn tagħhom għall-benefiċċju tal-komunitajiet filwaqt li jiksbu esperjenza, ħiliet u kompetenzi siewja għall-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali, ċiviku u professjonali tagħhom, u b’hekk itejbu l-impjegabbiltà tagħhom. Dawk l-attivitajiet jenħtieġ li jappoġġaw ukoll il-mobilità tal-voluntiera, tat-trainees u tal-ħaddiema żgħażagħ.

Iż-żgħażagħ jenħtieġ li jiġu pprovduti b’opportunitajiet li jkunu faċilment aċċessibbli biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ solidarjetà, li jistgħu jippermettulhom jesprimu l-impenn tagħhom għall-benefiċċju tal-komunitajiet , anke dawk reġjonali u lokali f’sitwazzjonijiet normali kif ukoll ta’ emerġenza, filwaqt li jiksbu esperjenza, ħiliet u kompetenzi siewja għall-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali, ċiviku u professjonali tagħhom, u b’hekk itejbu l-impjegabbiltà tagħhom. Dawk l-attivitajiet jenħtieġ li jappoġġaw ukoll il-mobilità tal-voluntiera, tat-trainees u tal-ħaddiema żgħażagħ.

Raġuni

Din iż-żieda tiċċara s-sinifikat tad-dimensjoni reġjonali u lokali għall-impenn taż-żgħażagħ Ewropej, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fejn tkun meħtieġa għajnuna umanitarja.

Emenda 3

Preambolu (6)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-attivitajiet ta’ solidarjetà offruti liż-żgħażagħ jenħtieġ li jkunu ta’ kwalità għolja, fis-sens li dawn għandhom iwieġbu għall-ħtiġijiet mhux issodisfati tas-soċjetà, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-komunitajiet, joffru liż-żgħażagħ l-opportunità li jiksbu għarfien u kompetenzi siewja, ikunu finanzjarjament aċċessibbli għaż-żgħażagħ, u jiġu implimentati f’kundizzjonijiet sikuri u tajbin.

L-attivitajiet ta’ solidarjetà offruti liż-żgħażagħ jenħtieġ li jkunu ta’ kwalità għolja, fis-sens li dawn għandhom iwieġbu għall-ħtiġijiet mhux issodisfati tas-soċjetà, inklużi l-ħtiġijiet lokali, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-komunitajiet lokali u reġjonali , joffru liż-żgħażagħ l-opportunità li jiksbu għarfien u kompetenzi siewja, ikunu finanzjarjament aċċessibbli għaż-żgħażagħ, u jiġu implimentati f’kundizzjonijiet sikuri u tajbin.

Raġuni

Tennija tal-importanza li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjali u li l-attivitajiet tal-volontarjat jiġi trasformati f’mezzi ta’ tisħiħ tal-komunitajiet lokali jew reġjonali.

Emenda 4

Preambolu (7)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jipprovdi punt ta’ dħul uniku għall-attivitajiet ta’ solidarjetà fi ħdan l-Unjoni u lil hinn. Il-konsistenza u l-komplimentarjetà jenħtieġ li jiġu żgurati flimkien ma’ politiki u ma’ programmi rilevanti oħra tal-Unjoni. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa mibni fuq il-vantaġġi u fuq is-sinerġiji tal-programmi predeċessuri u dawk eżistenti, b’mod partikolari s-Servizz Volontarju Ewropew (1) u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE (2). Dan jikkomplimenta wkoll l-isforzi magħmula mill-Istati Membri biex jappoġġaw liż-żgħażagħ u biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol skont il-Garanzija għaż-Żgħażagħ billi jipprovdulhom opportunitajiet addizzjonali biex jidħlu fis-suq tax-xogħol fl-għamla ta’ traineeships jew ta’ impjiegi f’oqsma relatati mas-solidarjetà fi ħdan l-Istat Membru rispettiv tagħhom jew bejn il-fruntieri. Hija żgurata wkoll il-komplimentarjetà ma’ netwerks eżistenti fil-livell tal-Unjoni li huma pertinenti għall-attivitajiet skont il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, bħan-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, l-EURES u n-netwerk Eurodesk. Barra minn hekk, il-komplimentarjetà bejn skemi relatati eżistenti, b’mod partikolari skemi ta’ solidarjetà nazzjonali u skemi ta’ mobilità għaż-żgħażagħ, u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, jenħtieġ li tiġi żgurata permezz ta’ elaborazzjoni fuq il-prattiki tajba fejn xieraq.

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jipprovdi punt ta’ dħul uniku għall-attivitajiet ta’ solidarjetà fi ħdan l-Unjoni u lil hinn. Il-konsistenza u l-komplimentarjetà jenħtieġ li jiġu żgurati flimkien ma’ politiki u ma’ programmi rilevanti oħra tal-Unjoni , billi jiġi żviluppat approċċ orizzontali u tiġi inkoraġġita kemm jista’ jkun possibbli l-kooperazzjoni transettorjali. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa mibni fuq il-vantaġġi u fuq is-sinerġiji tal-programmi predeċessuri u dawk eżistenti, b’mod partikolari s-Servizz Volontarju Ewropew (1) u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE (2). Dan jikkomplimenta wkoll l-isforzi magħmula mill-Istati Membri biex jappoġġaw liż-żgħażagħ u biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol skont il-Garanzija għaż-Żgħażagħ billi jipprovdulhom opportunitajiet addizzjonali biex jidħlu fis-suq tax-xogħol fl-għamla ta’ traineeships , ta’ apprendistat jew ta’ impjiegi f’oqsma relatati mas-solidarjetà fi ħdan l-Istat Membru rispettiv tagħhom jew bejn il-fruntieri. Hija żgurata wkoll il-komplimentarjetà ma’ netwerks eżistenti fil-livell tal-Unjoni li huma pertinenti għall-attivitajiet skont il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, bħan-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, l-EURES u n-netwerk Eurodesk , kif ukoll netwerks soċjali bħaċ-Ċentru Ewropew għall-Volontarjat u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Barra minn hekk, il-komplimentarjetà bejn skemi relatati eżistenti, b’mod partikolari skemi ta’ solidarjetà nazzjonali u skemi ta’ mobilità għaż-żgħażagħ, u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, jenħtieġ li tiġi żgurata permezz ta’ elaborazzjoni fuq il-prattiki tajba fejn xieraq. Jeħtieġ jiġu żviluppati sinerġiji u djalogu kostanti u dirett ma’ kull awtorità lokali u reġjonali involuta, kif ukoll mal-korpi kollha, anke fil-livell interreġjonali, li diġà bbenefikaw minn interventi ta’ solidarjetà u li jistgħu joffru, permezz tal-esperjenza tagħhom, suġġerimenti u ideat ġodda dwar solidarjetà.

Raġuni

Il-Kummissjoni għandha tappoġġja approċċ kemm jista’ jkun transettorjali u tiżgura involviment dirett akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kooperazzjoni mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, kif ukoll djalogu kostanti mal-partijiet interessati diġà attivi fil-qasam u diġà benefiċjarji ta’ diversi interventi ta’ solidarjetà.

Emenda 5

Preambolu (10)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Dawn l-attivitajiet jenħtieġ li jkunu għall-benefiċċju tal-komunitajiet filwaqt li jrawmu wkoll l-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali, ċiviku u professjonali tal-individwu, li jista’ jieħu l-għamla ta’ volontarjat, traineeships u impjiegi, proġetti jew attivitajiet ta’ netwerking, żviluppati b’rabta ma’ oqsma differenti, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-intraprenditorija – b’mod partikolari l-intraprenditorija soċjali –, iċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni demokratika, il-protezzjoni tal-ambjent u tan-natura, l-azzjoni klimatika, il-prevenzjoni ta’ diżastri, it-tħejjija għalihom u l-irkupru minnhom, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, il-forniment ta’ oġġetti tal-ikel u mhux tal-ikel, is-saħħa u l-benessri, il-kreattività u l-kultura, l-edukazzjoni fiżika u l-isport, l-assistenza soċjali u s-servizzi soċjali, l-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-kooperazzjoni u l-koeżjoni territorjali, u l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri. Dawn l-attivitajiet ta’ solidarjetà jenħtieġ li jinkludu dimensjoni soda ta’ tagħlim u ta’ taħriġ permezz ta’ attivitajiet rilevanti li jistgħu jiġu offruti lill-parteċipanti qabel, matul u wara l-attività ta’ solidarjetà.

Dawn l-attivitajiet jenħtieġ li jkunu għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali u l-attivitajiet aktar ġenerali ta’ tisħiħ tal-komunità filwaqt li jrawmu wkoll l-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali, ċiviku u professjonali tal-individwu, li jista’ jieħu l-għamla ta’ volontarjat, ta’ apprendistat, traineeships u impjiegi, proġetti jew attivitajiet ta’ netwerking, żviluppati b’rabta ma’ oqsma differenti, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-intraprenditorija – b’mod partikolari l-intraprenditorija soċjali –, iċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni demokratika, il-protezzjoni tal-ambjent u tan-natura, l-azzjoni klimatika, il-prevenzjoni ta’ diżastri, it-tħejjija għalihom u l-irkupru minnhom, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, il-forniment ta’ oġġetti tal-ikel u mhux tal-ikel, is-saħħa u l-benessri, il-kreattività u l-kultura, l-assistenza soċjali u s-servizzi soċjali, l-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-kooperazzjoni u l-koeżjoni territorjali, il-valorizzazzjoni u l-irkupru tal-wirt kulturali u artistiku lokali u reġjonali – kemm ta’ natura materjali u mhux materjali  – u l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri. Dawn l-attivitajiet ta’ solidarjetà jenħtieġ li jinkludu dimensjoni soda ta’ tagħlim u ta’ taħriġ permezz ta’ attivitajiet rilevanti li jistgħu jiġu offruti lill-parteċipanti qabel, matul u wara l-attività ta’ solidarjetà.

Raġuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza l-ħtieġa li tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali u reġjonali u ta’ kwalunkwe parti interessata permezz ta’ programmi u inizjattivi għall-valorizzazzjoni u l-irkupru tal-wirt kulturali u artistiku lokali.

Emenda 6

Preambolu (11)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-attivitajiet ta’ volontarjat (kemm fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll lil hinn minnha) jikkostitwixxu esperjenza rikka f’kuntest ta’ tagħlim mhux formali u informali li ssaħħaħ l-iżvilupp personali, soċjoedukattiv u professjonali taż-żgħażagħ, kif ukoll iċ-ċittadinanza attiva u l-impjegabbiltà tagħhom. L-attivitajiet ta’ volontarjat jenħtieġ li ma jkollhomx effett avvers fuq impjieg bi ħlas potenzjali jew eżistenti, u lanqas ma jenħtieġ li jitqiesu bħala sostitut għal dan. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikooperaw fir-rigward tal-politiki ta’ volontarjat fil-qasam taż-żgħażagħ permezz ta’ metodu miftuħ ta’ kooperazzjoni.

L-attivitajiet ta’ volontarjat (kemm fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll lil hinn minnha) jikkostitwixxu esperjenza rikka f’kuntest ta’ tagħlim mhux formali u informali li ssaħħaħ l-iżvilupp personali, soċjoedukattiv u professjonali taż-żgħażagħ, kif ukoll iċ-ċittadinanza attiva u l-impjegabbiltà tagħhom. L-attivitajiet ta’ volontarjat jenħtieġ li ma jkollhomx effett avvers fuq impjieg bi ħlas potenzjali jew eżistenti, u lanqas ma jenħtieġ li jitqiesu bħala sostitut għal dan. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkooperaw fir-rigward tal-politiki ta’ volontarjat fil-qasam taż-żgħażagħ permezz ta’ metodu miftuħ ta’ kooperazzjoni u permezz tal-identifikazzjoni ta’ strumenti komuni sabiex jiġi evitat l-impjieg mhux iddikjarat jew l-użu mhux xieraq tal-volontarjat għall-fini biex żgħażagħ involuti f’attivitajiet ta’ solidarjetà ma jitħallsux.

Raġuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni jtenni l-bżonn li jiġu identifikati forom ta’ koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u strumenti li kapaċi li jiddefinixxu b’mod ċar id-distinzjoni bejn il-volontarjat u attivitajiet relatati mas-solidarjetà, imħallsa minn jew appoġġjati fl-ambitu tal-programm.

Emenda 7

Preambolu (12)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

It-traineeships u l-impjiegi f’oqsma relatati mas-solidarjetà jistgħu joffru opportunitajiet addizzjonali għaż-żgħażagħ biex dawn jidħlu fis-suq tax-xogħol filwaqt li jagħtu l-kontribut tagħhom biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-soċjetà. Dan jista’ jgħin biex jitrawmu l-impjegabbiltà u l-produttività taż-żgħażagħ filwaqt li titħaffef it-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għall-impjiegi, li hi xi ħaġa importanti biex jissaħħu l-possibbiltajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol. L-attivitajiet ta’ traineeships offruti taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jsegwu l-prinċipji tal-kwalità spjegati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships (1). It-traineeships u l-impjiegi offruti jikkostitwixxu pont li permezz tiegħu, iż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol u jkunu akkumpanjati minn appoġġ adegwat wara l-attività. L-attivitajiet ta’ traineeship u impjiegi huma ffaċilitati mill-atturi rilevanti tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari mis-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi, mis-sħab soċjali u mill-Kmamar tal-Kummerċ, u huma rimunerati mill-organizzazzjoni parteċipanti. Bħala organizzazzjonijiet parteċipanti, dawn jenħtieġ li japplikaw għal finanzjament permezz tal-istruttura ta’ implimentazzjoni kompetenti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fid-dawl tal-intermedjazzjoni bejn il-parteċipanti żgħażagħ u l-impjegaturi li joffru l-attivitajiet ta’ traineeship u ta’ impjiegi fis-setturi tas-solidarjetà.

It-traineeships u  l-apprendistati u l-impjiegi f’oqsma relatati mas-solidarjetà jistgħu joffru opportunitajiet addizzjonali għaż-żgħażagħ biex dawn jidħlu fis-suq tax-xogħol , filwaqt li joffru opportunitajiet sabiex jiġi żviluppat spirtu solidali fit-tul anke fil-ħajja privata. Dan jista’ jgħin biex jitrawmu l-impjegabbiltà u l-produttività taż-żgħażagħ filwaqt li titħaffef it-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għall-impjiegi, li hi xi ħaġa importanti biex jissaħħu l-possibbiltajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol. L-attivitajiet ta’ apprendistat u/jew ta’ traineeships offruti taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jsegwu l-prinċipji tal-kwalità spjegati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships (1) u jkunu akkumpanjati minn appoġġ adegwat wara l-attività. L-attivitajiet ta’ traineeship , ta’ apprendistat u impjiegi huma ffaċilitati mill-atturi rilevanti tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari mis-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi, mis-sħab soċjali, l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali interessati u l-iktar sensittivi għall-ħtiġijiet reali tat-territorju u mill-Kmamar tal-Kummerċ, u huma rimunerati mill-organizzazzjoni parteċipanti. Bħala organizzazzjonijiet parteċipanti, dawn jenħtieġ li japplikaw għal finanzjament permezz tal-istruttura ta’ implimentazzjoni kompetenti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fid-dawl tal-intermedjazzjoni bejn il-parteċipanti żgħażagħ u l-impjegaturi li joffru l-attivitajiet ta’ traineeship , ta’ apprendistat u ta’ impjiegi fis-setturi tas-solidarjetà.

Raġuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni jagħraf il-valur ta’ tali traineeships bħala għodda biex jiġi ffaċilitat id-dħul taż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol, filwaqt li jtenni l-ħtieġa ta’ approċċ b’saħħtu u regolari għall-korpi lokali pubbliċi u privati lokali u reġjonali li jistgħu jifhmu l-bżonnijiet soċjali reali tat-territorju.

Emenda 8

Preambolu (13)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-ispirtu ta’ inizjattiva taż-żgħażagħ hu assi importanti għas-soċjetà u għas-suq tax-xogħol. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jikkontribwixxi għat-trawwim ta’ dan l-aspett billi joffri l-opportunità liż-żgħażagħ li jfasslu u jimplimentaw il-proġetti tagħhom stess immirati biex jindirizzaw sfidi speċifiċi għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali. Dawn il-proġetti huma opportunità biex jiġu ppruvati ideat u biex iż-żgħażagħ jiġu appoġġati li jkunu huma stess dawk li jixprunaw l-attivitajiet ta’ solidarjetà. Dawn iservu wkoll bħala punt tat-tluq għall-involviment ulterjuri f’attivitajiet ta’ solidarjetà u huma l-ewwel pass biex il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jitħeġġu sabiex jinvolvu rwieħhom f’impjieg indipendenti jew fit-twaqqif ta’ assoċjazzjonijiet, ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi jew ta’ korpi oħra attivi fis-setturi tas-solidarjetà, ta’ mingħajr skop ta’ qligħ u taż-żgħażagħ.

L-ispirtu ta’ inizjattiva taż-żgħażagħ hu assi importanti għas-soċjetà u għas-suq tax-xogħol. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jikkontribwixxi għat-trawwim ta’ dan l-aspett billi joffri l-opportunità liż-żgħażagħ li jfasslu u jimplimentaw il-proġetti tagħhom stess immirati biex jindirizzaw sfidi speċifiċi għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali. Dawn il-proġetti huma opportunità biex jiġu ppruvati ideat u biex iż-żgħażagħ jiġu appoġġati li jkunu huma stess dawk li jixprunaw l-attivitajiet ta’ solidarjetà għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali u jrawmu l-involviment ċiviku, fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-migrazzjoni minn żoni rurali għal dawk urbani . Dawn iservu wkoll bħala punt tat-tluq għall-involviment ulterjuri f’attivitajiet ta’ solidarjetà u huma l-ewwel pass biex il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jitħeġġu sabiex jinvolvu rwieħhom f’impjieg indipendenti jew fit-twaqqif ta’ assoċjazzjonijiet, ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi jew ta’ korpi oħra attivi fis-setturi tas-solidarjetà, ta’ mingħajr skop ta’ qligħ u taż-żgħażagħ.

Raġuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza l-importanza ta’ strateġija solidali li tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ biex jippruvaw esperjenzi intraprenditorjali anke awtonomi, għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali u għal soċjetajiet iktar inklużivi.

Emenda 9

Preambolu (14)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Jenħtieġ li ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jħossu li jappartjenu f’komunità ta’ individwi u ta’ entitajiet bl-impenn li jsaħħu s-solidarjetà madwar l-Ewropa. Fl-istess ħin, l-organizzazzjonijiet parteċipanti jeħtieġu l-appoġġ biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex joffru attivitajiet ta’ kwalità tajba lil numru dejjem jikber ta’ parteċipanti. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jappoġġa l-attivitajiet ta’ netwerking bl-għan li jsaħħu l-involviment taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet parteċipanti f’din il-komunità , li jrawwem spirtu tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, kif ukoll li jħeġġeġ l-iskambju ta’ prattiki u ta’ esperjenza siewja. Dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu wkoll għas-sensibilizzazzjoni dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fost l-atturi pubbliċi u privati, kif ukoll għall-ġbir ta’ feedback mingħand il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti dwar l-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Jenħtieġ li ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jħossu li jappartjenu f’komunità ta’ individwi u ta’ entitajiet bl-impenn li jsaħħu s-solidarjetà madwar l-Ewropa. Fl-istess ħin, l-organizzazzjonijiet parteċipanti jeħtieġu l-appoġġ biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex joffru attivitajiet ta’ kwalità tajba lil numru dejjem jikber ta’ parteċipanti. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jappoġġa l-attivitajiet ta’ netwerking bl-għan li jsaħħu l-involviment taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, li jrawwem spirtu tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, kif ukoll li jħeġġeġ l-iskambju ta’ prattiki u ta’ esperjenza siewja. Dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu wkoll għas-sensibilizzazzjoni dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fost l-atturi pubbliċi u privati, kif ukoll għall-ġbir ta’ feedback mingħand il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti dwar l-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, u dwar il-kapaċità tiegħu li jindirizza l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-komunitajiet lokali.

Raġuni

Il-kollaborazzjoni attiva bejn il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-partijiet interessati kollha hija ta’ importanza fundamentali, u mhijiex biss kapaċi twieġeb għal kull talba ta’ informazzjoni li jressqu dawn tal-aħħar, iżda tibgħat ukoll aġġornamenti u komunikazzjonijiet li jistgħu jiżguraw approċċ aktar integrat u evalwazzjonijiet kwalitattivi tal-proġetti.

Emenda 10

Preambolu (15)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-iżgurar tal-kwalità tal-attivitajiet u opportunitajiet oħra offruti taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, b’mod partikolari billi jiġu offruti taħriġ, appoġġ lingwistiku, assigurazzjoni, appoġġ amministrattiv u appoġġ wara l-attività lill-parteċipanti, kif ukoll il-validazzjoni tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi miksuba permezz tal-esperjenza tagħhom fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Is-sikurezza u s-sigurtà tal-voluntiera jibqgħu ta’ importanza kruċjali u l-voluntiera ma għandhomx jintbagħtu f’operazzjonijiet li jitwettqu f’żoni ta’ kunflitti armati internazzjonali u mhux internazzjonali.

Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-iżgurar tal-kwalità tal-attivitajiet u opportunitajiet oħra offruti taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, b’mod partikolari billi jiġu offruti taħriġ, appoġġ lingwistiku, assigurazzjoni, appoġġ amministrattiv u appoġġ wara l-attività lill-parteċipanti, kif ukoll il-validazzjoni tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi miksuba permezz tal-esperjenza tagħhom fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà permezz ta’ kriterji speċifiċi ta’ ċertifikazzjoni. L-attivitajiet ta’ volontarjat jeħtieġ jinvolvu organizzazzjonijiet bi skop ta’ qligħ u dawk mhux bi skop ta’ qligħ, fondazzjonijiet, entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ oħrajn, assoċjazzjonijiet u impriżi soċjali, bl-iżvilupp ta’ regoli speċifiċi għal “kollokamenti okkupazzjonali”. Dawn jippermettu li jingħata appoġġ għal proġetti solidali li jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjonijiet/inċentivi fiskali fuq inizjattivi indipendenti tal-Istati Membri. Is-sikurezza u s-sigurtà tal-voluntiera jibqgħu wkoll ta’ importanza kruċjali u l-voluntiera ma għandhomx jintbagħtu f’operazzjonijiet li jitwettqu f’żoni ta’ kunflitti armati internazzjonali u mhux internazzjonali.

Raġuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni jtenni l-ħtieġa għall-appoġġ għall-volontarjat, it-traineeships, l-apprendistati u l-attivitajiet ta’ impjieg imħallsa mal-promoturi kollha ta’ proġetti fl-ambitu tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, inkluż l-analiżi tal-possibbiltà għall-Istati Membri biex jieħdu inizjattivi ta’ eżenzjoni/inċentiv fiskali.

Emenda 11

Preambolu (18)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Kwalunkwe entità li tixtieq tieħu sehem fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jenħtieġ li tirċievi tikketta tal-kwalità, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet xierqa. Il-proċess li jwassal għall-attribuzzjoni ta’ tikketta tal-kwalità jenħtieġ li jitwettaq fuq bażi kontinwa mill-korpi ta’ implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. It-tikketta tal-kwalità attribwita jenħtieġ li terġa’ tiġi vvalutata b’mod perjodiku u tista’ tiġi revokata jekk, fil-kuntest tal-verifiki li jridu jsiru, il-kundizzjonijiet li wasslu għall-attribuzzjoni tagħha jinstab li ma jibqgħux issodisfati.

Kwalunkwe entità li tixtieq tieħu sehem fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jenħtieġ li tirċievi tikketta tal-kwalità, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet xierqa. Dawn għandhom jinkludu valutazzjoni tal-livell ta’ attenzjoni li l-entità tagħti lill-ħtiġijiet lokali u reġjonali, il-preżenza ta’ approċċ integrat u kooperazzjoni attiva u siewja ma’ kull awtorità lokali u reġjonali u/jew assoċjazzjonijiet jew entitajiet oħrajn li joperaw fis-settur tas-solidarjetà. Il-proċess li jwassal għall-attribuzzjoni ta’ tikketta tal-kwalità jenħtieġ li jitwettaq fuq bażi kontinwa mill-korpi ta’ implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-aġenziji nazzjonali u b’kont meħud tal-ambiti fejn qed tiżviluppa s-solidarjetà fl-Istati Membri. It-tikketta tal-kwalità attribwita jenħtieġ li terġa’ tiġi vvalutata b’mod perjodiku u tista’ tiġi revokata jekk, fil-kuntest tal-verifiki li jridu jsiru, il-kundizzjonijiet li wasslu għall-attribuzzjoni tagħha jinstab li ma jibqgħux issodisfati.

Raġuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni massima tal-aġenziji nazzjonali, tal-organizzazzjonijiet li diġà jeżistu jew tal-istituzzjonijiet lokali u reġjonali attivi fil-qasam tas-solidarjetà bħal, pereżempju, bosta assoċjazzjonijiet sportivi li jippromovu inizjattivi volontarji innovattivi, filwaqt li jappoġġjaw approċċ integrat u kollaborazzjoni fil-livelli kollha ta’ gvern ma’ msieħba li jixtiequ jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Emenda 12

Preambolu (22)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Iċ-Ċentri tar-Riżorsi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jenħtieġ li jassistu lill-korpi ta’ implimentazzjoni, lill-organizzazzjonijiet parteċipanti u liż-żgħażagħ li jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, biex tiżdied il-kwalità tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, kif ukoll biex tissaħħaħ l-identifikazzjoni u l-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba permezz ta’ dawn l-attivitajiet, inkluż permezz tal-produzzjoni taċ-ċertifikati Youthpass .

Iċ-Ċentri tar-Riżorsi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jenħtieġ li jassistu lill-korpi ta’ implimentazzjoni, lill-organizzazzjonijiet parteċipanti u liż-żgħażagħ li jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, biex tiżdied il-kwalità tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, kif ukoll biex tissaħħaħ l-identifikazzjoni u l-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba permezz ta’ dawn l-attivitajiet, permezz tal-produzzjoni taċ-ċertifikati esklużivi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-attivitajiet li jkunu tlestew u bl-użu ta’ strumenti bħal Youthpass u Europass, jiġifieri miżuri fil-qasam tal-apprendistat professjonali sabiex jiġu identifikati u definiti tali għarfien u kapaċitajiet miksuba .

Raġuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrikonoxxi l-importanza li jiġi faċilitat aktar it-tiftix ta’ impjieg għal voluntiera żgħażagħ, billi jiġu offruti, wara li jtemmu l-attivitajiet, ċertifikat esklużiv tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, li jiddeskrivi l-ħiliet miksuba, u jinkludi evalwazzjoni sħiħa b’parametri speċifiċi, u l-possibbiltà li jintuża professjonalment fil-livell nazzjonali u transnazzjonali.

Emenda 13

Preambolu (27)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jimmira lejn iż-żgħażagħ ta’ età bejn it-18 u t-30 sena, u jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet offruti mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tirrikjedi reġistrazzjoni minn qabel fil-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jimmira lejn iż-żgħażagħ ta’ età bejn it-18 u t-30 sena, mingħajr filtri rigward, pereżempju, kuntest soċjali, ekonomiku jew edukattiv, u jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet offruti mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tirrikjedi reġistrazzjoni minn qabel fil-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Għandu jkun possibbli wkoll, permezz tal-portal tiegħu, li jiġi segwit kors ta’ taħriġ multilingwi bi tħejjija għall-attività ta’ solidarjetà magħżula, flimkien mal-objettiv addizzjonali li jintgħażel il-qasam li jista’ jisfrutta l-aħjar l-ambizzjonijiet ta’ solidarjetà ta’ kull persuna u jtejjeb l-attraenza tagħha f’termini ta’ prospetti ta’ impjieg fil-futur.

Raġuni

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ portal multilingwi fejn ikunu jistgħu jitniżżlu informazzjoni u materjal ta’ taħriġ speċifiċi għall-kategoriji differenti ta’ esperjenza fis-solidarjetà proposti, skont l-għażla taż-żgħażagħ ikkonċernati sabiex tiżdied l-attraenza professjonali tagħhom meta jkunu qed ifittxu impjieg fil-futur.

Emenda 14

Preambolu (28)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li l-attivitajiet appoġġati mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jkunu aċċessibbli għaż-żgħażagħ kollha, b’mod partikolari dawk l-aktar żvantaġġati. Jenħtieġ li jittieħdu miżuri speċjali biex jiġu promossi l-inklużjoni soċjali, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati, kif ukoll biex jiġu meqjusa r-restrizzjonijiet imposti mid-distanza remota ta’ għadd ta’ żoni rurali u tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u tal-Pajjiżi u tat-Territorji extra-Ewropej. B’mod simili, il-pajjiżi parteċipanti jeħtieġ li jieħdu impenn li jadottaw il-miżuri xierqa kollha biex ineħħu l-ostakli legali u amministrattivi għall-funzjonament xieraq tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Jenħtieġ li jsolvu, fejn possibbli, u mingħajr preġudizzju għall-acquis ta’ Schengen u għad-dritt tal-Unjoni dwar id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ta’ kwistjonijiet amministrattivi li joħolqu diffikultajiet fil-kisba ta’ viżi u ta’ permessi ta’ residenza, kif ukoll il-ħruġ tal-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ attivitajiet transfruntiera fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li l-attivitajiet appoġġati mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jkunu aċċessibbli għaż-żgħażagħ kollha, b’mod partikolari dawk l-aktar żvantaġġati. Jenħtieġ li jittieħdu miżuri speċjali biex jiġu promossi l-inklużjoni soċjali, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati , inklużi dawk b’diżabilità , kif ukoll biex jiġu meqjusa r-restrizzjonijiet imposti mid-distanza remota ta’ għadd ta’ żoni rurali u tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u tal-Pajjiżi u tat-Territorji extra-Ewropej. B’mod simili, il-pajjiżi parteċipanti jeħtieġ li jieħdu impenn li jadottaw il-miżuri xierqa kollha biex ineħħu l-ostakli legali u amministrattivi għall-funzjonament xieraq tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Jenħtieġ li jsolvu, fejn possibbli, u mingħajr preġudizzju għall-acquis ta’ Schengen u għad-dritt tal-Unjoni dwar id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ta’ kwistjonijiet amministrattivi li joħolqu diffikultajiet fil-kisba ta’ viżi u ta’ permessi ta’ residenza, kif ukoll il-ħruġ tal-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ attivitajiet transfruntiera fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Raġuni

Din iż-żieda hija maħsuba biex tenfasizza l-inklużjoni taż-żgħażagħ b’diżabilità fl-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, notevolment f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, li ġiet ratifikata mill-UE.

Emenda 15

Kapitolu III, l-Artikolu 7

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-volontarjat kif imsemmi fl-Artikolu 4.1, punt (a) għandu jinkludi komponent ta’ tagħlim u ta’ taħriġ, ma għandux jissostitwixxi t-traineeships jew l-impjiegi, ma għandux jitqies l-istess daqs impjieg, u għandu jkun ibbażat fuq ftehim ta’ volontarjat bil-miktub .

Il-volontarjat kif imsemmi fl-Artikolu 4.1, punt (a) għandu jinkludi komponent ta’ tagħlim u ta’ taħriġ, ma għandux jissostitwixxi t-traineeships jew l-impjiegi, ma għandux jitqies l-istess daqs impjieg, u għandu jkun ibbażat fuq ftehim bil-miktub ta’ volontarjat , apprendistat jew formola oħra li tiddeskrivi bir-reqqa l-attività programmata .

Raġuni

Fit-test tal-Kummissjoni għandhom jiġu rikonoxxuti attivitajiet ta’ volontarjat għal kull tip ta’ parti interessata, irrispettivament minn jekk hux privati jew pubbliċi, bi skop ta’ qligħ jew mingħajr, b’mod li jirrifletti għal kollox l-ispirtu tal-volontarjat li jakkumpanja tali attivitajiet ta’ volontarjat. Huwa essenzjali li jiġu fformulati għodod ta’ monitoraġġ li jipprevjenu l-impjieg prekarju, l-impjieg doppju u l-użu tal-volontarjat sabiex jiġi evitat il-ħlas ta’ dawk li qed jipparteċipaw l-impjieg, filwaqt li jiġu sfruttati l-kontributi l-aktar innovattivi u oriġinali u jiġu ppremjati l-partijiet interessati l-iktar dinamiċi u proattivi.

Emenda 16

Kapitolu VI – Artikolu 16 – Paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

Fost il-kriterji tal-valutazzjoni jenħtieġ tiġi kkunsidrata wkoll kwalunkwe forma integrattiva ta’ kooperazzjoni tal-entità kkonċernata ma’ korpi li diġà joperaw fil-kuntest tal-promozzjoni ta’ politiki dwar iż-żgħażagħ, inkluż il-politika tal-isport li huwa bla dubju ta’ importanza u interess dejjem akbar. Fid-dawl ta’ dan, se tkun ta’ siwi partikolari l-kooperazzjoni mal-Koordinatur tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u forom ta’ parteċipazzjoni eventwali fi ħdan il-Pjattaforma tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ kif propost mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2018) 269 final.

Raġuni

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħolqien ta’ Koordinatur tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u ta’ Pjattaforma tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, u jittama li tiġi żviluppata sistema ta’appoġġ kontinwu flimkien ma’ laqgħat ta’ studju skedati bejn il-Koordinatur u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, sabiex il-livell lokali u reġjonali jkun involut b’mod effettiv madwar l-UE.

Emenda 17

Kapitolu I – Artikolu 17

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Aċċess għall-finanzjament mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

Aċċess għall-finanzjament mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

Kwalunkwe entità pubblika jew privata stabbilita f’pajjiż parteċipanti kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu japplikaw għal finanzjament taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Fil-każ tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 7, 8 u 11, l-organizzazzjoni parteċipanti għandha tikseb tikketta tal-kwalità bħala prekundizzjoni biex tirċievi finanzjament taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Fil-każ tal-proġetti ta’ solidarjetà msemmija fl-Artikolu 9, persuni fiżiċi jistgħu wkoll japplikaw għal finanzjament f’isem gruppi informali ta’ parteċipanti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Kwalunkwe entità pubblika jew privata stabbilita f’pajjiż parteċipanti kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu japplikaw għal finanzjament taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Fil-każ tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 7, 8 u 11, l-organizzazzjoni parteċipanti għandha tikseb tikketta tal-kwalità bħala prekundizzjoni biex tirċievi finanzjament taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Fil-każ tal-proġetti ta’ solidarjetà msemmija fl-Artikolu 9, persuni fiżiċi jistgħu wkoll japplikaw għal finanzjament f’isem gruppi informali ta’ parteċipanti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Għandha tingħata prijorità għal proġetti li jipprevedu valur miżjud għoli b’rabta mad-dimensjoni lokali u reġjonali.

Raġuni

L-inklużjoni għandha l-għan li tivvalorizza l-proġetti b’impatt qawwi fuq ir-realtajiet reġjonali u lokali.

Emenda 18

Kapitolu XI, Artikolu 28(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

Il-Kummissjoni għandha tappoġġja kemm jista’ jkun lill-awtoritajiet nazzjonali u ‘l-aġenziji nazzjonali fit-tixrid ta’ informazzjoni dwar kull inizjattiva ammissibbli taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, u b’hekk jiġi żgurat li l-korpi lokali u reġjonali jkunu informati tajjeb u li jkun hemm forom adatti ta’ appoġġ tekniku dirett jew indirett matul l-istadju ta’ reġistrazzjoni u meta sussegwentament jintalbu l-fondi.

Raġuni

Huwa essenzjali li jiġu stimulati aktar l-involviment tal-korpi lokali u reġjonali, filwaqt li jiġu żgurati parteċipazzjoni aktar attiva u netwerk aġġornat kontinwament li jservi wkoll bħala punt ta’ referenza għal informazzjoni teknika u ta’ taħriġ.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali – L-istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ

1.

itenni l-ħtieġa għal politika taż-żgħażagħ integrata fil-politiki kollha tal-UE permezz ta’ approċċ orizzontali u li tħeġġeġ il-kooperazzjoni transettorjali, interreġjonali u transkonfinali;

2.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi Koordinatur tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u tiżviluppa Pjattaforma tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, filwaqt li ssaħħaħ ir-rwol informattiv tagħha u tagħmilha pjattaforma għal djalogu kontinwu u effettiv mal-partijiet interessati kollha;

3.

jitlob l-ipprogrammar ta’ laqgħat regolari mal-Koordinatur tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u r-rikonoxximent ta’ kooperazzjoni formali mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni bħala kelliem għall-bżonnijiet soċjali kollha lokali u reġjonali b’rabta mal-politika dwar iż-żgħażagħ;

4.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-Aġenda tax-Xogħol għaż-Żgħażagħ il-ġdida, b’enfasi fuq il-valur soċjali sinifikanti tagħha għaż-żgħażagħ minn kull sfond, inkluż dawk barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) kif ukoll dawk li ġejjin minn minoritajiet indiġeni nazzjonali u lingwistiċi, u filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu involuti aktar, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli, permezz tad-Djalogu tal-UE għaż-Żgħażagħ imġedded;

5.

jirrakkomanda l-inklużjoni massima ta’ żgħażagħ minn kull sfond, sabiex jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs, l-integrazzjoni soċjali u l-għajnuna fit-tfittxija ta’ impjieg, u sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-setturi l-iktar dinamiċi, pereżempju l-isport;

6.

jilqa’ b’sodisfazzjoni l-applikazzjoni ta’ traċċar sistematiku tal-infiq tal-UE fil-kuntest tal-programmi differenti ta’ finanzjament taż-żgħażagħ, u jitlob għal żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji fit-tul għall-politiki dwar iż-żgħażagħ fil-futur. Dan l-aspett huwa ta’ importanza partikolari anke għal dawk l-Istati Membri tal-UE jew ir-reġjuni l-aktar milquta minn eżodu ta’ mħuħ.

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

7.

huwa favur it-tisħiħ tal-volontarjat lokali permezz tal-mezzi differenti ta’ finanzjament u ta’ komunikazzjoni, filwaqt li jinnota li ħafna żgħażagħ jieħdu sehem fi proġetti tal-komunità lokali għandhom jiġu valorizzati f’termini ta’ impenn ċiviku, ta’ inklużjoni soċjali u ta’ indirizzar tal-migrazzjoni minn żoni rurali għal żoni urbani (1);

8.

jitlob, filwaqt li jirrikonoxxi l-komplementarjetà tagħhom, demarkazzjoni ċara bejn il-volontarjat u x-xogħol bi ħlas tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà sabiex jiġu evitati forom ta’ xogħol prekarju jew mhux imħallas;

9.

itenni l-importanza tar-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba permezz tal-volontarjat permezz tal-ħruġ ta’ ċertifikati speċifiċi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, anke bl-użu ta’ għodod simili bħall-Youthpass u l-Europass, fi kliem ieħor id-definizzjoni ta’ kriterji adottati għall-apprendistati;

10.

jitlob monitoraġġ effettiv tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, sabiex il-prinċipji u l-istandards imfissra fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi jkunu rispettati bis-sħiħ (2);

11.

jitlob li jiġu identifikati kriterji speċifiċi għall-valutazzjoni tal-proġetti li jinvolvu pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni, li fihom aspetti kritiċi mill-passat setgħu ħallew impatt negattiv fuq il-perċezzjoni tal-impenn solidali u l-volontarjat, u b’hekk jaffettwaw b’mod negattiv is-sensittività taż-żgħażagħ lejn tali valuri.

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi

12.

jikkondividi l-objettiv tal-Kummissjoni li jiżdied l-impatt tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ fil-livell lokali;

13.

jaqbel dwar l-importanza ta’ Koordinatur tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u r-rwol strateġiku tiegħu permezz tat-tnedija ta’ laqgħat regolari mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u kanali edukattivi/informattivi aktar robusti mal-aġenziji nazzjonali involuti;

14.

jirrikonoxxi l-importanza tas-settur privat għal “kollokamenti okkupazzjonali” filwaqt li, madankollu, iħeġġeġ sabiex dawn l-attivitajiet ta’ solidarjetà jkun dejjem bi ħlas;

15.

iqis li, sabiex tiġi żgurata l-ogħla kwalità fl-implimentazzjoni tal-proġetti, huwa ta’ importanza fundamentali li jiġu aċċellerati kemm jista’ jkun l-istadji ta’ valutazzjoni tagħhom, u b’hekk ikun possibbli li l-organizzazzjonijiet parteċipanti jiksbu aċċess aktar mgħaġġel għal fondi u jkollhom proċeduri sempliċi, semplifikati u flessibbli ta’ reġistrazzjoni għal proġetti, b’kunsiderazzjoni partikolari ta’ dawk b’aċċess limitat għall-Internet u/jew li għandhom diffikultajiet lingwistiċi;

16.

jenfasizza li, fl-iżgurar ta’ promulgazzjoni massima tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fil-livell lokali u reġjonali, huma essenzjali interazzjoni kostanti mal-partijiet interessati nazzjonali u publiċċizzar prattiku u konkret tal-opportunitajiet ta’ solidarjetà offruti;

17.

Iqis li, fl-ambitu tat-tikketta ta’ kwalità, jiġu sfruttati l-attivitajiet volontarji (bħal pereżempju dawk li jsiru f’kooperazzjoni u sinerġija ma’ klabbs sportivi) aktar oriġinali u effettivi, li jistgħu jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ biex iżommu tul il-ħajja l-impenji ta’ natura solidali, u jittama wkoll li l-organizzazzjonijiet parteċipanti jkunu jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-taxxa fuq inizjattivi indipendenti meħuda mill-Istati Membri;

18.

jenfasizza li l-proposta tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandha tiġi implimentata b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-fażi ta’ implimentazzjoni ta’ din il-proposta huwa estremament importanti. Jappella lill-Kummissjoni sabiex tqis il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-komunitajiet lokali peress li huma eqreb lejn il-persuni kkonċernati; jissottolinja li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll l-kwistjonijiet marbutin maż-żgħażagħ huma fil-kompetenza tal-Istati Membri u li, b’konformità mal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-UE jeħtieġ tappoġġja, tikkoordina u tikkomplementa l-miżuri nazzjonali minħabba li t-tisħiħ tal-impjieg huwa kwistjoni ta’ interess komuni. jinnota li s-suċċess tal-miżuri rilevanti tal-UE, li għandhom ikunu konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiddependi fuq il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

19.

jinnota b’dispjaċir in-nuqqas ta’ definizzjoni komuni u uniformi fil-livell Ewropew ta’ “intrapriżi tal-ekonomija soċjali”, għad li l-proposta għal Regolament titlob minnhom garanziji ta’ disseminazzjoni, pubbliċità u tixrid tal-opportunitajiet u tar-riżultati tal-azzjonijiet appoġġjati mill-programm (Preambolu, premessa 38) u appoġġ tal-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà;

20.

jissuġġerixxi li fl-evalwazzjonijiet ta’ attivitajiet ta’ solidarjetà jiġu integrati parametri komuni fil-qasam tal-volontarjat li jkunu rikonoxxuti miċ-Ċentru Ewropew għall-Volontarjat.

Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja (“l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”) (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1).

(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja (“l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”) (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1).

(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).

(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).

(1)  Eżempju ta’ dan hija l-esperjenza riċenti Taljana fir-reġjun tal-Lombardija, li fil-qasam taż-żgħażagħ irnexxielu jippromovi inizjattivi li jappoġġjaw l-isport b’valur kbir ta’ solidarjetà (ara Lega Civica).

(2)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6779-2018-INIT/mt/pdf