25.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 387/53


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea

(2018/C 387/10)

Relatur:

Is-Sinjura RIES (DE/PSE), L-Ewwel Viċi President tal-Parlament ta' Saarland

Dokument ta’ referenza:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea

COM(2017) 797 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Kapitolu I – Artikolu 1 – Paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li ttejjeb il-kondizzjonijiet tax-xogħol billi tippromovi impjiegi iktar siguri u prevedibbli filwaqt li tiżgura adattabbiltà fis-suq tax-xogħol .

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li ttejjeb il-kondizzjonijiet tax-xogħol billi tippromovi impjiegi iktar siguri u prevedibbli.

Raġuni

Id-dokument ta' analiżi (C(2017) 2621 tal-21.9.2017) tat-tieni fażi tal-konsultazzjoni tas-sħab soċjali jiddeskrivi l-iżvantaġġi fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol f'forom tax-xogħol flessibbli. Barra minn hekk, l-approċċ tad-Direttiva fir-rigward tal-iżgurar tal-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol mhuwiex kopert mill-bażi legali tal-Artikolu 153 tat-TFUE.

Emenda 2

Kapitolu I – Artikolu 1 – Paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għal relazzjoni ta' impjieg fejn l-ebda ammont garantit ta' xogħol imħallas ma jkun stabbilit minn qabel jibda l-impjieg.

 

Raġuni

Paragrafu 4, li jistipula li l-eċċezzjoni msemmija f'paragrafu 3 ma tapplikax jekk ma jiġi stabbilit l-ebda ammont garantit ta' xogħol imħallas, jirrikonoxxi b'mod espliċitu li l-kuntratti tax-xogħol mingħajr ammont iggarantit ta' sigħat ta' xogħol imħallas – l-hekk imsejħa kuntratti ta' żero sigħat – jistgħu jkunu possibbli u ammissibbli.

EMENDA 3

Kapitolu I – Artikolu 1 – Paragrafu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw liema persuni huma responsabbli għat-twettiq tal-obbligi għall-impjegaturi stabbiliti b'din id-Direttiva dment li dawk l-obbligi kollha jkunu ssodisfati. Huma jistgħu wkoll jiddeċiedu li dawk l-obbligi kollha jew parti minnhom jiġu assenjati lil persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx parti mir-relazzjoni ta' impjieg. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/104/KE.

L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw liema persuni huma responsabbli għat-twettiq tal-obbligi għall-impjegaturi stabbiliti b'din id-Direttiva dment li dawk l-obbligi kollha jkunu ssodisfati. Huma jistgħu wkoll jiddeċiedu li dawk l-obbligi kollha jew parti minnhom jiġu assenjati lil persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx parti mir-relazzjoni ta' impjieg. Madankollu, l-impjegaturi jibqgħu responsabbli għat-twettiq korrett u komplut tal-obbligi imposti. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/104/KE.

Raġuni

Trasferiment bħal dan huwa aċċettabbli biss bil-kundizzjoni li l-impjegaturi jibqgħu responsabbli għall-informazzjoni korretta u kompluta kif ukoll jibqgħu responsabbli in solidum. Inkella, tinħoloq it-theddida li dawn jistgħu jabbandunaw l-obbligi tagħhom billi jittrasferuhom għal parti terza u jċaħħduha mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-protezzjoni. Il-possibbiltà ta' trasferiment għall-impjegat ikkonċernat għandha tiġi eskluża.

Emenda 4

Kapitolu I – Artikolu 1 – Paragrafu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 u fl-Artikolu 14(a) għal persuni fiżiċi li jappartjenu f’unità domestika fejn ikun qed isir xogħol għal dik l-unità domestika.

 

Raġuni

Fil-każ tad-deroga f'paragrafu 6, mhuwiex ċar jekk din hijiex limitata għall-membri tal-familja jew tinkludix ukoll “ħaddiema domestiċi”. “Persuni li jappartjenu f'unità domestika” huma membri tal-familja. Normalment, dawn ma jwettqu l-ebda “xogħol għall-unità domestika” fis-sens ta' xogħol imħallas – u dan biss jista' jkun is-suġġett ta' din id-Direttiva. F'każ li hawnhekk qed issir referenza wkoll għall-ħaddiema domestiċi, dan joħloq inugwaljanza inġustifikabbli tat-trattament ta' dan il-grupp ta' persuni, li jmur kontra l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189 dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema domestiċi.

Emenda 5

Kapitolu I – Artikolu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Definizzjonijiet

It-termini ħaddiem, impjegatur u relazzjoni ta’ impjieg għandhom ikunu definiti u regolati mil-leġislazzjoni applikabbli ta’ kull Stat Membru.

1.     Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

 

(a)

“ħaddiem” tfisser persuna naturali li għal ċertu perjodu ta’ żmien twettaq servizzi għal persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha għal remunerazzjoni;

 

(b)

“impjegatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar li hija jew huma direttament jew indirettament parti mir-relazzjoni ta' impjieg ma' ħaddiem;

 

(c)

“relazzjoni ta’ impjieg” tfisser ir-relazzjoni tax-xogħol bejn il-ħaddiema u l-impjegaturi kif definita hawn fuq;

 

(d)

“skeda tax-xogħol” tfisser l-iskeda li tiddetermina s-sigħat u l-jiem li fihom tibda u tispiċċa l-prestazzjoni tax-xogħol;

 

(e)

“sigħat u jiem ta’ referenza” tfisser slots ta' ħin f'jiem speċifiċi li matulhom ix-xogħol jista' jsir fuq talba tal-impjegatur.

 

2.     Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva t-termini “mikrointrapriża”, “intrapriża żgħira” u “intrapriża ta’ daqs medju” għandu jkollhom it-tifsira stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju13 jew fi kwalunkwe att sussegwenti li jissostitwixxi dik ir-Rakkomandazzjoni.

 

Raġuni

Id-definizzjonijiet proposti joħolqu konfużjoni, iqajmu għadd ta’ kwistjonijiet legali, u mistennija li jkunu kontroversjali. Dawn id-definizzjonijiet huma relevanti għax-xogħol, is-sigurtà soċjali u l-liġi tat-taxxa, li huma responsabbiltajiet tal-Istati Membri, u għaldaqstant, primarjament, għandhom ikunu stabbiliti fil-livell nazzjonali.

Emenda 6

Kapitolu II – Artikolu 3 – Paragrafu 2 – Punt i

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

il-proċedura, li tinkludi t-tul tal-perjodu ta’ avviż, li trid tiġi osservata mill-impjegatur u mill-ħaddiem jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tintemm jew, meta t-tul tal-perjodu ta’ avviż ma jkunx jista’ jiġi indikat meta tingħata l-informazzjoni, il-metodu sabiex jiġi determinat dak il-perjodu ta’ avviż;

il-proċedura, li tinkludi t-tul tal-perjodu ta’ avviż, li trid tiġi osservata mill-impjegatur u mill-ħaddiem jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tintemm jew, meta t-tul tal-perjodu ta’ avviż ma jkunx jista’ jiġi indikat meta tingħata l-informazzjoni, il-metodu sabiex jiġi determinat dak il-perjodu ta’ avviż kif ukoll ir-rekwiżiti formali għan-notifika tat-terminazzjoni u l-perjodu li għandu jiġi osservat sabiex jitressaq rikors għal kontestazzjoni ta’ tkeċċija ;

Raġuni

B'rabta mal-informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi osservata, għandu jiġi ċċarat li, mill-inqas, l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll ir-rekwiżiti formali għan-notifika tat-terminazzjoni kif ukoll il-perjodu massimu eventwali li għandu jiġi osservat għat-tressiq ta' rikors għall-kontestazzjoni tat-tkeċċija.

Emenda 7

Kapitolu II – Artikolu 3 – Paragrafu 2 – Punt m

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

kwalunkwe ftehim kollettiv li jirregola l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem; fil-każ ta' ftehimiet kollettivi konklużi barra n-negozju minn korpi jew istituzzjonijiet konġunti speċjali, l-isem tal-korp kompetenti jew tal-istituzzjoni konġunta li fi ħdanha ġew konklużi l-ftehimiet;

kwalunkwe ftehim kollettiv li jirregola l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem kif ukoll il-perjodi ta' esklużjoni stabbiliti fil-ftehimiet kollettivi sabiex wieħed jasserixxi pretensjonijet skont dawn il-ftehimiet kollettivi ; fil-każ ta' ftehimiet kollettivi konklużi barra n-negozju minn korpi jew istituzzjonijiet konġunti speċjali, l-isem tal-korp kompetenti jew tal-istituzzjoni konġunta li fi ħdanha ġew konklużi l-ftehimiet;

Raġuni

Dan l-obbligu jrid jiġi ssupplimentat bl-obbligu li tingħata informazzjoni dwar il-perjodi ta' esklużjoni eventwali stabbiliti fil-ftehimiet kollettivi sabiex wieħed jasserixxi pretensjonijet skont dawn il-ftehimiet kollettivi. Għal raġunijiet prattiċi, din l-informazzjoni hija importanti sabiex jiġi evitat li l-ħaddiema jonqsu milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom minħabba l-fatt li dawn ma jkunux konxji ta' dawn il-perjodi possibbilment qosra ħafna.

Emenda 8

Kapitolu II – Artikolu 4 – Paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) għandha tingħata individwalment lill-ħaddiem fil-forma ta' dokument sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tar-relazzjoni ta' impjieg. Dak id-dokument jista' jiġi pprovdut u trażmess b'mod elettroniku dment li jkun aċċessibbli faċilment mill-ħaddiem u jista' jinħażen u jiġi stampat.

L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) għandha tingħata individwalment lill-ħaddiem fil-forma ta' dokument sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tar-relazzjoni ta' impjieg. Dak id-dokument għandu jingħata lill-ħaddiem f’forma stampata jew jiġi pprovdut u trażmess b’mod elettroniku dment li jkun aċċessibbli faċilment mill-ħaddiem, u jista’ jinħażen u jiġi stampat u tinħareġ riċevuta ta’ rikonoxximent .

Raġuni

It-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tistipula li d-dokument tal-informazzjoni jista' jiġi pprovdut jew trażmess b'mod elettroniku dment li jkun aċċessibbli faċilment mill-ħaddiem. Dan jista’ ma jkunx biżżejjed f’ċerti każijiet. Għalhekk, kull ħaddiem għandu jkollu d-dritt li jagħżel bejn verżjoni fuq il-karta jew elettronika. Dan il-qasam m’għandux ikun eżentat mill-isforzi biex jinkiseb ambjent tax-xogħol mingħajr karti.

Emenda 9

Kapitolu II – Artikolu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe bidla fl-aspetti tar-relazzjoni ta’ impjieg imsemmija fl-Artikolu 3(2) u fl-informazzjoni addizzjonali għall-ħaddiema stazzjonati jew mibgħuta barra mill-pajjiż tal-Artikolu 6 għandha tiġi pprovduta fil-forma ta’ dokument mill-impjegatur lill-ħaddiem mal-ewwel opportunità u mhux iktar tard mill-jum li fih issir effettiva.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe bidla fl-aspetti tar-relazzjoni ta’ impjieg imsemmija fl-Artikolu 3(2) u fl-informazzjoni addizzjonali għall-ħaddiema stazzjonati jew mibgħuta barra mill-pajjiż tal-Artikolu 6 għandha tiġi kkomunikata fil-forma ta’ dokument mill-impjegatur lill-ħaddiem mal-ewwel opportunità u mhux iktar tard mill-jum li fih issir effettiva.

Raġuni

It-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tistipula li d-dokument tal-informazzjoni jista' jiġi pprovdut jew trażmess b'mod elettroniku dment li jkun aċċessibbli faċilment mill-ħaddiem. Dan jista’ ma jkunx biżżejjed f’ċerti każijiet. Għalhekk, kull ħaddiem għandu jkollu d-dritt li jagħżel bejn verżjoni fuq il-karta jew elettronika. Dan il-qasam m’għandux ikun eżentat mill-isforzi biex jinkiseb ambjent tax-xogħol mingħajr karti.

Emenda 10

Kapitolu II – Artikolu 6 – Paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk il-ħaddiem mibgħut barra mill-pajjiż ikun ħaddiem stazzjonat kopert bid-Direttiva 96/71/KE, huwa għandu jiġi nnotifikat ukoll dwar:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk il-ħaddiem mibgħut barra mill-pajjiż ikun ħaddiem stazzjonat kopert bid-Direttiva 96/71/KE, flimkien mal-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 kif ukoll fl-Artikolu 3(2) billi jingħata dokument f'forma stampata, huwa għandu jiġi nnotifikat ukoll dwar:

Raġuni

Evidenti.

Emenda 11

Kapitolu II – Artikolu 6 – Paragrafu 2 – Punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

il-link għas-sit(i) web nazzjonali uffiċjali żviluppat(i) mill-Istat(i) Membru(i) ospitanti skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/67/UE.

informazzjoni li hija rilevanti għall-ħaddiema stazzjonati fil-lingwa tiegħu jew tagħha jew jekk il-kwalità tat-traduzzjoni ma tistax tiġi garantita, il-link għas-sit(i) web nazzjonali uffiċjali żviluppat(i) mill-Istat(i) Membru(i) ospitanti skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/67/UE.

Raġuni

Ir-referenza għall-paġna ewlenija li għandha tiġi żviluppata minn kull Stat Membru (skont l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva dwar l-Infurzar 2014/67/UE) ma tissodisfax b’mod adegwat ir-rekwiżit ta' għoti ta' informazzjoni, peress li din ir-referenza tassumi li kull Stat Membru ssodisfa l-obbligu tiegħu. Madankollu, tista’ titqies bħala soluzzjoni alternattiva f’dawk il-każijiet, meta l-kwalità adegwata tal-informazzjoni tradotta ma tistax tiġi garantita.

Emenda 12

Kapitolu II – Artikolu 6 – Paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) u 2(a)  tista', fejn xieraq, tingħata f'forma ta' referenza għal-liġijiet, ir-regolamentazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet amministrattivi jew statutorji jew il-ftehimiet kollettivi li jirregolaw dawk il-punti partikolari .

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) u 2(a)  għandha tiġi pprovduta f'verżjoni bil-lingwa li tkun tinftiehem mill-ħaddiem stazzjonat .

Raġuni

It-twettiq tal-obbligu li jirrigwarda l-għoti tal-informazzjoni f'forma ta' referenza għad-dispożizzjonijiet applikabbli ma jissodisfax ir-rekwiżiti għal informazzjoni xierqa għall-ħaddiema barranin, jekk ir-regoli ma jkunux disponibbli f'verżjoni bil-lingwa li jkunu jifhmuha. B'mod partikolari, fir-rigward tar-rimunerazzjoni mistennija barra mill-pajjiż, il-ħaddiema barranin jeħtieġu informazzjoni diretta u ċara u m'għandhomx jiġu infurmati dwar referenza għal regoli li ma jkunux jistgħu jifhmuhom.

Emenda 13

Kapitolu II – Artikolu 6 – Paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Sakemm l-Istati Membri ma jipprevedux mod ieħor, il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw jekk id-durata ta’ kull perjodu tax-xogħol barra mill-Istat Membru li fih jaħdem normalment il-ħaddiem tkun ta’ erba’ ġimgħat konsekuttivi jew inqas.

Sakemm l-Istati Membri ma jipprevedux mod ieħor, il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw jekk id-durata ta’ kull perjodu tax-xogħol barra mill-Istat Membru li fih jaħdem normalment il-ħaddiem tkun ta’ ġimagħtejn jew inqas.

Raġuni

L-eċċezzjoni proposta għall-obbligu tal-għoti tal-informazzjoni f'każ ta' ħaddiema li jwettqu xogħol barra mill-pajjiż, li d-durata ta’ kull perjodu tax-xogħol ma taqbiżx erba' ġimgħat konsekuttivi, għandha tiġi rrifjutata. Dan joħloq lakuna sabiex jiġi evitat l-obbligu tal-għoti tal-informazzjoni. Eventwalment, ir-regoli obbligatorji tal-pajjiż ospitanti jibdew japplikaw mill-ewwel ġurnata tal-perjodu tal-impjieg. Għaldaqstant, il-KtR jirrakkomanda li titnaqqas id-durata tal-eċċezzjoni għal perjodu totali ta' ġimagħtejn jew inqas.

Emenda 14

Kapitolu III – Artikolu 7 – Paragrafu 2

Proposta tal-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodi ta’ probazzjoni itwal f’każijiet fejn dan ikun iġġustifikat min-natura tal-impjieg jew ikun fl-interess tal-ħaddiem.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodi ta’ probazzjoni itwal f’każijiet fejn dan ikun iġġustifikat min-natura tal-impjieg jew ikun fl-interess tal-ħaddiem , jew għal perjodu itwal f’każ ta’ inkapaċità temporajna għax-xogħol .

Raġuni

Evidenti.

Emenda 15

Kapitolu III – Artikolu 8 – Paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Madankollu, l-impjegaturi jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet ta' inkompatibbiltà fejn dawn ir-restrizzjonijiet ikunu ġġustifikati minn raġunijiet leġittimi bħall-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju jew l-evitar ta' kunflitti ta' interess.

 

Raġuni

Il-leġislaturi u l-qrati fl-Istati Membri huma responsabbli għall-evalwazzjoni tal-interessi kunfliġġenti tal-partijiet għall-kuntratt tal-impjieg, bħal-libertà okkupazzjonali tal-ħaddiem u l-interessi korporattivi tal-impjegatur, u mhux l-impjegaturi nfushom. Barra minn hekk, fil-kuntest tad-definizzjoni l-ġdida tas-sigrieti tan-negozju skont id-Direttiva (UE) 2016/943 (li l-Istati Membri huma responsabbli li jimplimentaw sa Ġunju 2018), l-impjegaturi jistgħu jiddeċiedu b'mod wiesa' huma stess liema informazzjoni jixtiequ jipproteġu. L-istess japplika għall-kunċett tal-“evitar ta' kunflitti ta' interess” li jirrikjedi interpretazzjoni. Għaldaqstant, mhijiex meħtieġa regolamentazzjoni Ewropea uniformi ta' din is-sustanza legali. Dan lanqas mhuwa kopert mill-bażi legali tal-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE.

Emenda 16

Kapitolu III – Artikolu 10 – Paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema li jkollhom mill-inqas sitt xhur esperjenza ta' xogħol mal-istess impjegatur, fejn disponibbli, jistgħu jitolbu forma ta' impjieg b’kondizzjonijiet tax-xogħol iktar prevedibbli u siguri.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema li jkollhom mill-inqas sitt xhur esperjenza ta' xogħol mal-istess impjegatur, fejn disponibbli, jistgħu japplikaw għal forma ta' impjieg b’kondizzjonijiet tax-xogħol iktar prevedibbli u siguri , fuq l-istess livell mal-applikanti l-oħrajn .

Raġuni

Ħaddiem b’mill-inqas sitt xhur esperjenza ta’ xogħol mal-istess impjegatur, ma għandu l-ebda preċedenza fuq l-applikanti esterni meta japplika għal kariga aktar permanenti jew fejn wieħed mill-applikanti esterni jkun kwalifikat aħjar għal dik il-kariga.

Emenda 17

Kapitolu III – Artikolu 10 – Paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-impjegatur għandu jipprovdi tweġiba bil-miktub fi żmien xahar mit-talba . Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu bħala impjegaturi u intrapriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li dik l-iskadenza tiġi estiża għal mhux iktar minn tliet xhur u jippermettu li tingħata risposta bil-fomm għal talba sussegwenti simili mressqa mill-istess ħaddiem jekk il-ġustifikazzjoni għat-tweġiba fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ħaddiem tibqa’ l-istess.

L-impjegatur għandu jipprovdi tweġiba bil-miktub fi żmien xahar mill-applikazzjoni . F'każ li l-applikazzjoni tiġi rrifjutata, il-validità tar-raġuni trid tkun verifikabbli.

Raġuni

Il-konsegwenzi legali għandhom jiġu stipulati b'mod ċar fil-każ ta' ksur tal-obbligu ta' tweġiba, jiġifieri f'każ li l-applikazzjoni tiġi rrifjutata, il-korrettezza tar-raġunijiet għandha tiġi soġġetta għal rieżami. B'hekk biss jista' jiġi żgurat li l-impjegaturi jittrattaw b'serjetà ix-xewqat tal-ħaddiema, pjuttost milli sempliċement jirrispondu bi tweġiba b'sens ta' formalità.

L-eċċezzjoni prevista fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu, skont liema l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju jistgħu jagħtu t-tweġiba bil-fomm u sa mhux aktar tard minn tliet xhur, għandha tiġi rrifjutata. Permezz ta' din l-eċċezzjoni, li tkopri l-kumpaniji kollha b'massimu ta' 249 ħaddiem u b'fatturat annwali sa massimu ta' EUR 50 miljun, li jirrappreżentaw 99 % tal-intrapriżi kollha fl-UE, il-pożizzjoni tal-ħaddiema f'dawn il-kumpaniji, li jammontaw għal madwar 65 miljun persuna fl-UE, tiddgħajjef b'mod sinifikanti. Minbarra d-diffikultà li jiġi ddeterminat jekk saritx diġà “talba simili”, it-tweġiba bil-fomm għal talba ma tistax tiġi kkonfermata u għalhekk ma tistax tintuża biex wieħed jasserixxi talba. L-eċċezzjoni għall-SMEs ġiet irrifjutata minħabba l-fatt li, inkella, il-kontenut regolatorju tal-Artikolu 10 ma jkollu l-ebda konsegwenza legali.

Emenda 18

Kapitolu IV – Artikolu 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li s-sħab soċjali jikkonkludu ftehimiet kollettivi, f'konformità mal-liġi jew mal-prattika nazzjonali, li, filwaqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema, jistabbilixxu arranġamenti dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jkunu differenti minn dawk imsemmija fl-Artikoli 7 sa 11.

L-Istati Membri għandhom jippermettu li s-sħab soċjali jżommu u jikkonkludu ftehimiet kollettivi, f'konformità mal-liġi jew mal-prattika nazzjonali, li, filwaqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema u sakemm l-istandards minimi stabbiliti f’din id-Direttiva ma jiġux imnaqqsa , jistabbilixxu arranġamenti dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jkunu differenti minn dawk imsemmija fl-Artikoli 7 sa 11.

Raġuni

L-Artikolu 12 jipprevedi li l-istandards minimi msemmija fl-Artikoli 7 sa 11 għandhom jitfasslu bħala ftehim kollettiv, dment li tiġi mħarsa l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema. Flessibbiltà ta’ dan it-tip hija meħtieġa minħabba swieq tax-xogħol differenti, regoli nazzjonali u forom ta’ impjieg li jeżistu fis-servizz pubbliku fl-Istati Membri, inkluż fir-rigward tal-uffiċjali pubbliċi. Madankollu, id-devjazzjonijiet mil-liġi permezz ta’ ftehim kollettiv ma joħolqux problemi – ħlief f’każijiet fejn jinkludu ekwivalenti tal-objettivi regolatorji kollha – u ma jirreferux għal kwistjonijiet regolatorji differenti.

Emenda 19

Kapitolu IV – Artikolu 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Konformità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jmorru kontra din id-Direttiva fi ftehimiet individwali jew kollettivi, regoli interni ta' intrapriżi, jew kwalunkwe arranġament ieħor għandhom jiġu ddikjarati nulli jew jiġu emendati sabiex jagħmluhom konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

 

Raġuni

Artikolu 13 huwa superfluwu, għaliex Artikolu 15 dwar id-dritt għal rimedju huwa suffiċjenti.

Emenda 20

Kapitolu V – Artikolu 14 – Paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta ħaddiem ma jkunx irċieva fil-ħin id-dokumenti kollha, jew parti minnhom, imsemmija fl-Artikolu 4(1), fl-Artikolu 5, jew fl-Artikolu 6, u l-impjegatur naqas milli jirrettifika dik l-omissjoni fi żmien 15-il jum min-notifika tagħha, għandha tapplika waħda mis-sistemi li ġejjin:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta ħaddiem ma jkunx irċieva fil-ħin id-dokumenti kollha, jew parti minnhom, imsemmija fl-Artikolu 4(1), fl-Artikolu 5, jew fl-Artikolu 6, u l-impjegatur naqas milli jirrettifika dik l-omissjoni fi żmien 15-il jum min-notifika tagħha, għandhom japplikaw tnejn mis-sistemi li ġejjin:

Raġuni

Din il-proposta għal regolament tintroduċi strumenti sabiex jiġi ppenalizzat in-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-informazzjoni. Madankollu, dawn l-istrumenti jistgħu jintużaw biss jekk il-ħaddiem jinduna bl-inkompletezza tal-informazzjoni u jindika dan il-fatt lill-impjegatur, fejn dan tal-aħħar jingħata 15-il ġurnata sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu li jirrigwarda l-għoti ta' informazzjoni. Għalhekk, huwa preżunt li l-impjegat għandu jsir attiv. Dan mhuwiex xieraq peress li r-responsabbiltà għall-kompletezza tal-informazzjoni hija ttrasferita għal fuq il-persuna li għandha tkun infurmata. Madankollu, huwa normali li fil-bidu tar-relazzjoni ta' impjieg tiġi evitata tilwima mal-impjegatur. Huwa korrett li l-konsegwenzi legali jsiru effettivi mingħajr ma l-ħaddiem jkollu għalfejn jindika l-iżball b'mod attiv.

Emenda 21

Kapitolu V – Artikolu 14 – Paragrafu 1 – Punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

il-ħaddiem għandu jibbenefika minn preżunzjonijiet favorevoli definiti mill-Istat Membru. Meta l-informazzjoni pprovduta ma tinkludix l-informazzjoni msemmija fil-punti (e), (f), (k) jew (l) tal-Artikolu 3(2), il-preżunzjonijiet favorevoli għandhom jinkludu preżunzjoni li l-ħaddiem ikollu relazzjoni ta’ impjieg miftuħa, li ma hemm ebda perjodu ta’ probazzjoni jew li l-ħaddiem għandu pożizzjoni full-time, rispettivament . L-impjegaturi għandu jkollhom il-possibbiltà li jirribattu l-preżunzjonijiet; jew

il-ħaddiem għandu jibbenefika minn preżunzjonijiet favorevoli definiti b'mod obbligatorju mill-Istat Membru. Meta l-informazzjoni pprovduta ma tinkludix l-informazzjoni msemmija fil-punti (e), (f), (k) jew (l) tal-Artikolu 3(2), il-kondizzjonijiet tax-xogħol imsemmijin mill-ħaddiem għandhom jitqiesu bħala miftiehma. L-impjegaturi għandu jkollhom il-possibbiltà li jirribattu l-preżunzjonijiet; u

Raġuni

Ir-regola tal-preżunzjoni tal-punt (a) trid tiġi imposta mill-Istati Membri b'mod obbligatorju. Madankollu, il-proposta għal Regolament, li tiddikjara li l-pretensjonijiet aktar favorevoli jsiru mill-Istati Membri hija vaga wisq. Hawnhekk irid jiġi stipulat b'mod konkret li f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligu tal-informazzjoni, il-kondizzjonijiet tax-xogħol ippreżentati mill-ħaddiem għandhom jitqiesu bħala miftiehma u tibda tapplika l-pretensjoni konfutabbli ta' relazzjoni ta' impjieg permanenti fuq bażi full time li ssemmiet diġà fid-dispożizzjoni.

Emenda 22

Kapitolu V – Artikolu 14 – Paragrafu 1 – Punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

il-ħaddiem għandu jkollu l-possibbiltà li jressaq ilment lill-awtorità kompetenti fi żmien xieraq. Jekk l-awtorità kompetenti ssib li l-ilment ikun iġġustifikat, hija għandha tordna lill-impjegatur(i) rilevanti sabiex jipprovdi/u l-informazzjoni nieqsa. Jekk l-impjegatur ma jipprovdix l-informazzjoni nieqsa fi żmien 15-il jum wara li jirċievi l-ordni, l-awtorità għandha tkun tista’ timponi penali amministrattiva xierqa, anke jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet. L-impjegaturi għandu jkollhom il-possibbiltà li jressqu appell amministrattiv kontra d-deċiżjoni li tiġi imposta penali. L-Istati Membri jistgħu jaħtru korpi eżistenti bħala l-awtoritajiet kompetenti.

b'mod komplementari, il-ħaddiem għandu jkollu l-possibbiltà li jressaq ilment lill-awtorità kompetenti fi żmien xieraq. Jekk l-awtorità kompetenti ssib li l-ilment ikun iġġustifikat, hija għandha tordna lill-impjegatur(i) rilevanti sabiex jipprovdi/u l-informazzjoni nieqsa. Jekk l-impjegatur ma jipprovdix l-informazzjoni nieqsa fi żmien 15-il jum wara li jirċievi l-ordni, l-awtorità għandha tkun tista’ timponi penali amministrattiva xierqa, anke jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet. L-impjegaturi għandu jkollhom il-possibbiltà li jressqu appell amministrattiv kontra d-deċiżjoni li tiġi imposta penali. L-Istati Membri jistgħu jaħtru korpi eżistenti bħala l-awtoritajiet kompetenti.

Raġuni

L-alternattiva għal proċedura ta' lmenti quddiem l-awtorità kompetenti (punt b) ma tipprevedix konsegwenzi legali favorevoli għall-ħaddiema u għalhekk, din m'għandhiex tiġi offruta lill-Istati Membri bħala alternattiva fuq bażi ta' għażla, iżda tista' tintuża biss flimkien mar-regolament propost f'punt (a). Fit-tieni alternattiva, ħaddiem li l-impjegatur tiegħu jkun naqas milli jissodisfa l-obbligu tal-informazzjoni tiegħu jiddependi fuq proċedura amministrattiva li d-durata u l-eżitu tagħha jiddependu b'mod kruċjali fuq l-awtorità u fl-aħjar każ, fit-tmiem tagħha, din tista' tirriżulta f'penali amministrattiva. Din l-alternattiva m'għandha wkoll l-ebda effett preventiv kontra l-evitar tal-obbligu tal-informazzjoni.

Emenda 23

Kapitolu V – Artikolu 17 – Paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu s-sensja jew l-ekwivalenti tagħha u t-tħejjijiet kollha għas-sensja tal-ħaddiema, minħabba li huma eżerċitaw id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu s-sensja jew l-ekwivalenti tagħha u t-tħejjijiet kollha għas-sensja tal-ħaddiema kif ukoll li jiddikjarawhom legalment ineffikaċi , minħabba li huma eżerċitaw id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva.

Raġuni

Skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu s-sensja jew it-tħejjija tagħha minħabba li l-ħaddiema jkunu eżerċitaw id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva. B'rabta mal-paragrafu 2, li jiddikjara li l-ħaddiema li jikkunsidraw li ġew imkeċċija minħabba li eżerċitaw id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva, dawn għandhom ikunu jistgħu jitolbu ġustifikazzjoni u opinjoni bil-miktub, f'każ li dan ma jkunx strument ta' protezzjoni suffiċjenti fl-eżerċitar tad-drittijiet previsti f'din id-Direttiva. Sabiex il-protezzjoni tkun tassew effettiva, jeħtieġ li jkun hemm konsegwenzi legali espliċiti li s-sensji jew it-tħejjija tas-sensja minħabba li l-ħaddiema jkunu eżerċitaw id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva huma ineffettivi.

Emenda 24

Kapitolu V – Artikolu 17 – Paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Ħaddiema li jikkunsidraw li ġew imkeċċija, jew li kienu soġġetti għal miżuri b'effett ekwivalenti, minħabba li eżerċitaw id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva jistgħu jitolbu li l-impjegatur jipprovdi raġunijiet debitament sostanzjati għas-sensja jew l-ekwivalenti tagħha. L-impjegatur għandu jipprovdi dawk ir-raġunijiet bil-miktub.

Ħaddiema li jikkunsidraw li ġew imkeċċija, jew li kienu soġġetti għal miżuri b'effett ekwivalenti, minħabba li eżerċitaw id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva jistgħu jitolbu li l-impjegatur jipprovdi raġunijiet debitament sostanzjati għas-sensja jew l-ekwivalenti tagħha. L-impjegatur għandu jipprovdi dawk ir-raġunijiet bil-miktub. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-perjodu li għandu jiġi rrispettat f'każ ta' azzjoni kontra t-tkeċċija jiġi sospiż sakemm il-ħaddiem ma jkunx irċieva r-raġunijiet bil-miktub mill-impjegatur.

Raġuni

Mil-lat prattiku, jeħtieġ li jiġi sospiż il-perjodu li għandu jiġi rrispettat f'każ ta' azzjoni kontra t-tkeċċija, sakemm il-ħaddiem ma jkunx irċieva ġustifikazzjoni bil-miktub mill-impjegatur. Inkella, din id-dispożizzjoni tista' tkun ta' detriment għall-ħaddiema li, waqt li jkunu qed jistennew ir-raġunijiet preskritti legalment, jonqsu milli jissodisfaw il-limitu taż-żmien.

Emenda 25

Kapitolu V – Artikolu 17 – Paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li, meta l-ħaddiema msemmija fil-paragrafu 2 jistabbilixxu , quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li jista’ jiġi preżunt minnhom li kien hemm sensja ta’ dan it-tip jew l-ekwivalenti tagħha, għandu jkun il-konvenut li juri li s-sensja kienet ibbażata fuq raġunijiet differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li, meta l-ħaddiema msemmija fil-paragrafu 2 jippreżentaw , quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, evidenza li jista’ jiġi preżunt minnha li kien hemm sensja ta’ dan it-tip jew l-ekwivalenti tagħha, għandu jkun il-konvenut li juri li s-sensja kienet ibbażata fuq raġunijiet differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

Raġuni

Mhuwiex ċar kemm għandhom ikunu speċifiċi/sostanzjati l-fatti preżentati mill-ħaddiema. Hawnhekk l-indikazzjonijiet li jissuġġerixxu miżura bħal din għandhom ikunu biżżejjed. Għaldaqstant il-kelma “fatti” għandha tkun sostitwita b’ “evidenza”.

Emenda 26

Kapitolu V – Artikolu 18

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ dwar id-drittijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawk il-penali jiġu applikati. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta' multa. Jistgħu jinkludu wkoll ħlas ta' kumpens.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ dwar id-drittijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawk il-penali jiġu applikati. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta' multa. Iridu jinkludu wkoll ħlas ta' kumpens xieraq .

Raġuni

Il-multi, waħedhom, mhumiex biżżejjed sabiex il-ksur jiġi ppenalizzat b'mod effettiv. Dawn jiġu imposti fi gradi differenti ta' effiċjenza fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti skont l-Istat Membru u ċ-ċirkostanzi lokali. Barra minn hekk, il-fatt li jiġu imposti multi, ma jirriżulta fl-ebda vantaġġ għall-ħaddiem li d-drittijiet tiegħu jkunu nkisru.

Emenda 27

Kapitolu VI – Artikolu 19 – Paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni diġà mogħti lill-ħaddiema fi ħdan l-Istati Membri.

Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni diġà mogħti lill-ħaddiema fi ħdan l-Istati Membri. L-implementazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandhiex isservi bħala bażi suffiċjenti għal tnaqqis fir-relazzjoni mas-sitwazzjoni li diġa' tkun prevalenti f'kull Stat Membru kif ukoll b'relazzjoni mal-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma fejn hija applikabbli.

Raġuni

Paragrafu 1 jeħtieġ li jiġi ssupplimentat sabiex jiġi żgurat li l-livell ġenerali ta' protezzjoni ma jkunx jista' jitnaqqas u li kull suġġett kopert minn din id-Direttiva ma jkunx jista' jiddgħajjef b'riżultat tal-implimentazzjoni tagħha fl-qosma regolati minnha. Tali projbizzjoni konkreta fuq id-deterjorament hija pjuttost komuni fid-Direttivi ta' politika soċjali u hija rikonoxxuta mill-QtĠ, bħal ma nsibu fl-Artikolu 8(3) tal-Anness tad-Direttiva 1990/70/KE dwar xogħol għal żmien fiss (Ftehim tas-sħab soċjali anness mad-Direttiva Qafas) jew fl-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas 2002/14/KE dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema.

Emenda 28

Kapitolu VI – Artikolu 21

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva għandhom japplikaw għar-relazzjonijiet ta' impjieg eżistenti minn [data tad-dħul fis-seħħ + sentejn]. Madankollu, l-impjegaturi għandhom jipprovdu jew jikkomplementaw id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6 biss fuq talba ta' ħaddiem. In-nuqqas ta' tali talba ma għandux ikollu l-effett li jeskludi lill-ħaddiema mid-drittijiet minimi stabbiliti skont din id-Direttiva.

Id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva għandhom japplikaw għar-relazzjonijiet ta' impjieg eżistenti minn [data tad-dħul fis-seħħ + sentejn].

Raġuni

Jintlaqa' l-fatt li d-drittijiet u l-obbligi previsti f'din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għal relazzjonijiet ta' impjiegi eżistenti. Madankollu, hawnhekk, ir-relazzjoni tas-sentenza 2 u b'riżultat ta' dan anke tas-sentenza 3 mhijiex ċara. Jekk id-Direttiva għandha tapplika għal relazzjonijiet ta' impjiegi eżistenti, dawn is-sentenzi mhumiex meħtieġa. L-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni ma jridx ikun jiddependi fuq xi talba, anke f'relazzjonijiet ta' impjiegi eżistenti. Finalment, l-impjegaturi, bħala d-destinatarji tar-regolamenti tax-xogħol, għandhom josservaw il-bidliet fis-sitwazzjoni legali u jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dawn ir-rekwiżiti, mingħajr ma ssirilhom talba mill-ħaddiema biex jaġixxu skont il-liġi.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

It-trasformazzjoni tas-swieq tax-xogħol Ewropej

1.

jilqa' l-fatt li mis-snin tal-kriżi ekonomika u finanzjarja bejn l-2008 u l-2013, ir-rata tal-qgħad qiegħda dejjem tonqos u attwalment ir-rata hija ta' 7,3 % (UE) u 8,6 % (żona tal-euro);

2.

jirrimarka, madankollu, li l-kriżi ekonomika u finanzjarja kellha impatt sinifikanti fuq il-forza tax-xogħol żagħżugħa. F'April 2017, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet 16,7 %. Għaldaqstant, din hija ogħla mil-livell taż-żminijiet qabel ma bdiet il-kriżi u hija aktar mid-doppju tar-rata tal-qgħad globali;

3.

jiddeplora l-fatt li, minkejja l-azzjoni fil-livell tal-UE, għadu ma kienx possibbli li tissolva l-problema tal-qgħad eċċessiv fost iż-żgħażagħ. Għalhekk jirrimarka li, minbarra l-miżuri tas-suq tax-xogħol, huwa importanti li tittieħed azzjoni sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-popolazzjoni u li l-awtoritajiet ifittxu li jadegwaw il-kurrikuli edukattivi aktar mill-qrib għall-ħtiġijiet reali tas-suq tax-xogħol;

4.

jinnota li, fl-2016, ir-rata tal-impjiegi tal-forza tax-xogħol ta' bejn l-20 u l-64 sena laħqet l-ogħla medja annwali li qatt ġiet irreġistrata fl-Unjoni Ewropea b'71,1 %. Madankollu, fid-dawl ta' din ir-rata medja, hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri individwali. Ir-rata ta' impjieg tal-persuni bejn il-25 u l-54 sena baqgħet kważi kostanti mill-2001, filwaqt li din żdiedet b'mod sinifikanti fost il-persuni kbar fl-età (55-64 sena) u naqset fost iż-żgħażagħ (15-24 sena);

5.

jilqa' l-fatt li r-rati tal-impjieg tan-nisa u l-irġiel naqqsu d-diskrepanza bejn is-sessi. Dan huwa prinċipalment dovut għall-fatt li r-rati tal-impjieg fost in-nisa qegħdin jiżdiedu. Madankollu, f'xi Stati Membri, il-livell aktar baxx tad-diskrepanza huwa dovut għat-tnaqqis fir-rati tal-impjieg tal-irġiel;

6.

jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proporzjon tal-impjegati fl-impjieg part-time żdied minn 14,9 % fl-2002 għal 19,0 % fl-2015. Fir-rigward tal-proporzjon, hemm differenza sinifikanti bejn l-irġiel u n-nisa. Fl-2016, bi ftit inqas minn terz (31,4 %) tan-nisa impjegati, il-proporzjon tan-nisa li kellhom impjieg part-time meta mqabbla mal-irġiel (8,2 %) kien sinifikanti;

7.

jinsab imħasseb dwar il-possibbiltà li f’ċerti kondizzjonijiet, ir-relazzjonijiet ta' impjiegi atipiċi, b'mod partikolari relazzjonijiet ta' impjiegi temporanji, ta' spiss jaffettwaw b'mod sproporzjonat lill-ħaddiema b'livell aktar baxx ta' edukazzjoni u dawk inqas ikkwalifikati, li l-maġġoranza tagħhom ma jidħlux f'dawn ir-relazzjonijiet ta' impjieg volontarjament. Fl-2015, kienu biss 37 % tal-ħaddiema żgħażagħ li kellhom kuntratt ta' impjieg full-time permanenti. Dan huwa tnaqqis sinifikanti meta mqabbel ma' 48 % fl-2002;

8.

jinnota li, għalkemm kuntratt ta' impjieg full-time permanenti jibqa' r-relazzjoni ta' impjieg predominanti, fl-aħħar 20 sena l-forom ta' impjiegi atipiċi żdiedu b'mod sinifikanti. Fl-1995, 32 % tal-ħaddiema fl-UE-15 kellhom kuntratti mhux standard. Fl-UE-28, dan il-proprozjon żdied għal 36 % sal-2015, u din it-tendenza qed tkompli tiżdied;

L-isfidi fil-kuntest tal-bidla

9.

jinnota li qed ngħixu fi żmien ta' żieda fl-interdipendenza ekonomika globali, ktajjen tal-valur internazzjonali aktar kumplessi, ċikli ta' innovazzjoni teknoloġiċi u organizzattivi aktar rapidi b'żieda fl-interkonnettività u d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi tax-xogħol, is-swieq tax-xogħol qegħdin jinbidlu b'rata aktar mgħaġġla u fl-istess ħin qed jiżdied il-ħolqien ta' relazzjonijiet ta' impjiegi atipiċi; Sabiex il-ħaddiema ma jsibux ruħhom f'pożizzjoni inċerta, jeħtieġ jiġi stabbilit il-bilanċ ġust bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà;

10.

jirrimarka li xi forom ġodda ta' impjiegi atipiċi, li għandhom jiżdiedu fis-snin li ġejjin, huma kwistjoni ta' tħassib partikolari minħabba ż-żieda fl-inċertezza f'dak li għandu x'jaqsam mal-istabbiltà tal-impjiegi, l-introjtu kif ukoll l-aċċess għall-protezzjoni soċjali: dawn jinkludu impjiegi każwali (involontarji), impjieg part-time marġinali, xogħol imħallas abbażi ta' vawċers kif ukoll esternalizzazzjoni miftuħa (Crowd Work);

11.

jindika li xi forom atipiċi ta' impjiegi, li ilhom jeżistu żmien twil, bħalma huma l-internships bi ħlas u x-xogħol temporanju, jibqgħu jkunu ta' sfida f'termini ta' sigurtà tal-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa;

12.

jirrimarka li l-ħaddiema f'relazzjonijiet ta' impjiegi atipiċi ħafna drabi jħabbtu wiċċhom ma’ impjieg mhux stabbli. Normalment, ir-rata tal-ħlas fis-siegħa tal-impjiegi mhux standard tkun aktar baxxa minn dik tal-impjiegi full-time permanenti. Barra minn hekk, il-persuni li għandhom impjieg atipiku, għandhom riskju ogħla li jispiċċaw qiegħda;

13.

jenfasizza li, x'aktarx, il-ħaddiema f'relazzjoni ta' impjieg atipiku jħallsu inqas kontribuzzjonijiet soċjali kif ukoll kontribuzzjonijiet soċjali aktar baxxi, filwaqt li dan il-fatt għandu impatt negattiv fuq l-intitolament tagħhom għall-benefiċċji kif ukoll fuq il-livell u d-durata ta' dawn il-benefiċċji. Minbarra l-problemi relatati mas-saħħa fiżika u n-nuqqas ta' sigurtà tal-impjieg, il-ħaddiema b'impjiegi mhux siguri jsofru wkoll minn stress fuq il-post tax-xogħol;

14.

jirrimarka wkoll li l-ħaddiema f'relazzjoni ta' impjieg atipiku għandhom it-tendenza li jkollhom inqas aċċess għal rappreżentanza korporattiva u għal xogħol żgurat permezz ta' ftehimiet kollettivi. Ir-rata baxxa tal-bidla minn impjiegi temporanji għal dawk permanenti tissuġġerixxi li l-inugwaljanza baqgħet persistenti maż-żmien. Iċ-ċifri mill-Istati Membri juru li inqas minn 50 % tal-ħaddiema, li f'sena partikolari kellhom kuntratti ta' impjieg b'terminu temporanju, tliet snin wara kellhom impjieg full-time permanenti;

15.

huwa tal-fehma li l-forom ta' impjiegi atipiċi jservu ta’ benefiċċju għall-ekonomija. Iżda, jekk ma tiġi garantita l-ebda sigurtà bażika, dawn jistgħu jġibu wkoll żvantaġġi għal min iħaddem. Filwaqt li fil-bidu jista' jkun hemm iffrankar tal-ispejjeż, hemm ukoll spejjeż sinifikanti moħbija. Il-ġestjoni ta' forza tax-xogħol b'impjieg permanenti u temporanju hija kumplessa, tinvolvi riskji ta' kunflitt u toħloq il-periklu ta' nuqqas ta' motivazzjoni, li jista' jwassal għal telf fil-produzzjoni. L-inċertezzi fir-relazzjonijiet ta' impjiegi jistgħu jxekklu l-innovazzjoni u jwasslu għal nuqqas ta' fiduċja u mġiba li tevita r-riskji;

Il-ħtieġa ta' azzjoni fil-kuntest tal-bidla

16.

jinnota li jridu jittieħdu passi importanti sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kif ukoll passi fid-direzzjoni lejn standards aktar uniformi fis-suq intern Ewropew. Il-liġi tax-xogħol attwali tal-UE ma tapplikax għal kull ħaddiem bl-istess mod, toħloq id-disparità u twassal għal inugwaljanzi fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u fil-protezzjoni soċjali b'mod ġenerali;

17.

jirrimarka li l-istudju REFIT, li jsostni l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar id-dikjarazzjonijiet bil-miktub (91/533/KEE), sab li hemm grupp ewlieni ta' persuni li huma protetti (normalment ħaddiema b'kuntratti ta' impjieg standard permanenti jew kuntratti ta' impjieg fuq terminu ta' żmien twil), filwaqt li, fil-prattika, bosta gruppi oħrajn ta' ħaddiema għandhom differenzi sinifikanti jew inċertezza fir-rigward ta' jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva japplikawx għalihom. Bosta ħaddiema mhumiex konxji biżżejjed tad-drittijiet bażiċi tagħhom jew m'għandhom l-ebda konferma dwarhom;

18.

jappoġġja bil-qawwa kull sforz sabiex jinħoloq livell minimu ta' kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-forom kollha differenti ta' kuntratti ta' impjieg madwar l-Unjoni Ewropea filwaqt li tiġi evitata aktar burokrazija u red-tape għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dawn id-drittijiet minimi jipprovdu l-protezzjoni meħtieġa għall-ħaddiema kollha, joħolqu qafas ta' referenza ċar għal-leġislaturi nazzjonali u l-qrati, filwaqt li jiżviluppaw kondizzjonijiet unformi għan-negozji fis-suq intern;

19.

itenni li drittijiet minimi ġodda għall-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fil-livell tal-UE u l-obbligu marbut magħhom li l-ħaddiema jiġu infurmati bil-miktub dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol attwali huma essenzjali, peress li dawn jipprovdu sigurtà akbar lill-ħaddiema u fl-istess ħin jipprevjenu ġirja dannuża lejn l-iktar livell baxx fost l-Istati Membri;

20.

iqis li d-drittijiet minimi ġodda fil-livell tal-Unjoni ma jiżgurawx biss kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, peress li l-approċċi nazzjonali differenti jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni kif ukoll ixekklu l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fi ħdan is-suq intern. Iżda dawn jistgħu jtejbu wkoll l-effettività tas-swieq tax-xogħol tal-UE, jippromovu progress ekonomiku u soċjali kif ukoll il-koeżjoni u proċess ġdid ta' konverġenza lejn kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar, filwaqt li jippreservaw l-integrità tas-suq intern;

Valutazzjoni bażika tal-proposta għal direttiva

21.

jilqa' l-fatt li, b'rispons għall-isfidi attwali tas-swieq tax-xogħol, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tfassal proposta għal Direttiva dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea. Din timplimenta prinċipji importanti li huma stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tallinja l-leġislazzjoni Ewropea dwar ix-xogħol mas-swieq tax-xogħol tal-UE tas-seklu 21;

22.

ifakkar li fl-Artikoli 27 u 31 tagħha, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi li l-ħaddiema għandhom id-dritt għall-informazzjoni u d-dritt għall-kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa;

23.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma impjegaturi ewlenin tas-settur pubbliku li jridu jibbilanċjaw il-baġits, jagħtu servizz pubbliku u jiddeterminaw it-termini u l-kundizzjonijiet għall-forza tax-xogħol. Barra minn hekk, jaqdu rwol importanti fl-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma involuti kemm bħala awtoritajiet kontraenti kif ukoll fil-kontroll ta' abbuż possibbli;

24.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-servizzi soċjali, is-servizzi għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-adattament għall-bidliet strutturali, kif ukoll il-politiki tal-integrazzjoni soċjali, ekonomiċi u kulturali huma żgurati u pprovduti primarjament mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

25.

jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà u jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità sabiex ikun żgurat li ma jiġi ġġenerat l-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv. Ir-responsabbiltajiet komprensivi soċjali u tal-impjieg tal-awtoritajiet nazzjonali u sottonazzjonali għandhom jiġu rrispettati;

26.

itenni, għalhekk, l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 9 tat-Trattat ta' Lisbona, skont liema d-dimensjoni soċjali għandha titqies fl-azzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea;

Valutazzjoni pożittiva tal-proposta għal direttiva

27.

jirrimarka li, għalkemm l-adozzjoni tad-Direttiva 91/533/KEE dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub saret aktar minn 25 sena ilu, il-miri tagħha fir-rigward ta' aktar trasparenza għas-suq tax-xogħol u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema xorta waħda għadhom jitqiesu estremament importanti;

28.

jenfasizza l-importanza tal-provvediment ta' informazzjoni bil-miktub kemm lill-impjegaturi kif ukoll lill-ħaddiema, sabiex b'hekk ikun hemm aktar trasparenza u jitnaqqsu l-asimetriji bejn iż-żewġ partijiet. Madankollu, dan huwa biss l-ewwel pass sabiex jiġi evitat l-impjieg prekarju;

29.

jilqa' l-fatt li l-għoti ta' informazzjoni lill-ħaddiema dwar aspetti essenzjali tal-kondizzjonijiet tal-impjiegi tagħhom sa mhux aktar tard mill-ewwel ġurnata tal-impjieg tagħhom iwassal għal aktar sigurtà u ċarezza u dan għandu jitqies ta' vantaġġ partikolari fil-kuntest ta' attività transnazzjonali kif ukoll tal-moviment liberu transkonfinali tal-ħaddiema;

30.

jirrikonoxxi, b'mod partikolari, is-suppliment tad-drittijiet sostantivi jew tar-rekwiżiti minimi għall-kondizzjonijiet tax-xogħol fl-aspetti li ġejjin:

li l-perjodu ta' probazzjoni jiġi limitat għal sitt xhur,

li l-ħaddiema jkunu jistgħu jaħdmu għal aktar minn impjegatur wieħed,

li fir-rigward tax-xogħol fuq talba, bi skeda taż-żmien varjabbli, il-ħaddiema jkunu avżati minn qabel meta dawn se jkunu meħtieġa jaħdmu,

li l-ħaddiema jkunu jistgħu jitolbu tweġiba bil-miktub mill-impjegatur dwar forom ta' impjieg aktar stabbli,

li, fil-futur, it-taħriġ kontinwu mitlub u obbligatorju jitħallas bis-sħiħ mill-impjegatur;

u jenfasizza l-possibilità li s-sħab soċjali jikkonkludu ftehim kollettiv dwar drittijiet minimi, filwaqt li titqies il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema u li r-rekwiżiti minimi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti f’din id-Direttiva ma jiġux imnaqqsa;

31.

jirrimarka li ma hemm l-ebda kunsens fl-UE dwar il-kuntratti tal-impjiegi u li din id-Direttiva hija importanti għall-promozzjoni tal-mobbiltà tal-ħaddiema fis-suq intern peress li din tistabbilixxi standards minimi għall-informazzjoni, filwaqt li tnaqqas id-differenzi bejn l-Istati Membri u tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji u l-ħaddiema biex jaħdmu fi Stati Membri oħrajn;

32.

jenfasizza li t-trasparenza mhux biss hija ta' benefiċċju għall-ħaddiema, iżda anke għall-awtoritajiet fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu x-xogħol mhux iddikjarat kif ukoll għall-impjegaturi u l-investituri potenzjali li jfittxu ċertezza legali fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol;

33.

jenfasizza mill-ġdid il-benefiċċji għall-ħaddiema fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni individwali dwar l-elementi essenzjali tal-kuntratt tal-impjieg tagħhom. Il-ħaddiema jkunu aktar konxji u jkollhom għarfien aħjar tal-aspetti essenzjali tal-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u tad-drittijiet tagħhom;

Valutazzjoni kritika tal-proposta għal direttiva

34.

jilqa' l-fatt li, minn naħa waħda, il-proposta attwali għal Direttiva tirrinforza l-obbligu tal-impjegaturi għall-għoti ta' informazzjoni lill-ħaddiema dwar il-kondizzjonijiet li japplikaw għar-relazzjonijiet ta' impjieg tagħhom u ttejjeb l-infurzabbiltà tagħhom. Min-naħa l-oħra, din tintroduċi drittijiet sostantivi ġodda ddefiniti bħala “rekwiżiti minimi għall-kondizzjonijiet tax-xogħol”. F'qafas regolatorju, din it-taħlita taż-żewġ kumplessi regolatorji indipendenti minn xulxin hija evalwata b'mod kritiku;

35.

jirrakkomanda li d-definizzjoni tat-termini “ħaddiem” u “impjegatur” kif ukoll tar-relazzjonijiet tal-impjiegi jiġu adottati f'din id-Direttiva, u fil-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, u li ma jiġux stipulati aktar regoli f’din id-Direttiva, peress li dawn jeħtieġu diskussjoni fil-fond. B'hekk, il-liġi nazzjonali li hija relatata mad-definizzjoni ta' “ħaddiem” ma tiġix affettwata;

36.

jinnota li bosta forom tal-impjiegi fl-ekonomija kollaborattiva huma kklassifikati bħala impjieg dipendenti u attività ta' xogħol li wieħed iwettaq għal rasu. Dan iqajjem kwistjonijiet importanti fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà, il-benefiċċji tal-assigurazzjoni tas-saħħa, il-ħlas f'każ ta' mard, il-benefiċċji tal-qgħad u l-pensjonijiet. Dan kollu jista' jwassal għal kategorija ġdida ta' impjieg prekarju;

37.

jitlob sabiex fid-dibattitu ssir enfasi partikolari fuq forom ta' impjieg atipiċi ġodda, peress li dawn jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u peress li hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward;

38.

jitlob ukoll sabiex fid-dibattitu ssir enfasi partikolari fuq dawk il-ħaddiema fl-UE, li jammontaw bejn 4 u 6 miljuni, li jaħdmu fuq talba jew li għandhom kuntratti ta' impjieg każwali;

39.

jenfasizza l-bżonn ta’ gwida għall-impjegaturi biex jissodisfaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda għal xogħol atipiku u d-dritt propost tal-UE għall-applikazzjoni ta’ forma aktar sikura u prevedibbli ta’ impjieg. L-appoġġ fl-istabbiliment tas-sigħat ta’ referenza u l-iżvilupp ta’ proċess għall-ġestjoni ta’ ħidma każwali u fuq terminu qasir huwa neċessarju minħabba li kuntratti fuq terminu qasir, part-time u on-call huma preżenti wkoll fis-settur pubbliku. Hemm ukoll il-ħtieġa għal ċarezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ talbiet ripetuti minn individwi;

40.

ifakkar li jridu jiġu żgurati t-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema;

41.

jinnota, b'mod ġenerali, li l-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea tista' tkun biss punt ta' tluq għal dibattitu wiesa' dwar il-ħolqien ta’ impjiegi vijabbli u sostenibbli fl-Ewropa, flimkien mal-ħtieġa li jissaħħu b'mod sinifikanti d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema kollha u tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-drittijiet eżistenti għall-ħaddiema kollha;

Proposti addizzjonali għal Direttiva u rekwiżiti regolatorji oħrajn

42.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li r-reviżjoni attwali tad-Direttiva tinkludi wkoll il-forom ta' impjieg awtonomu li nħolqu u li qed jinħolqu kif ukoll il-garanzija mistennija ta' paga ugwali għall-istess xogħol għall-ħaddiema kollha f'relazzjonijiet ta' impjiegi atipiċi;

43.

jirrimarka li jrid jinstab bilanċ ġust bejn il-kopertura tal-ispejjeż amministrattivi u l-appoġġ jew it-tisħiħ tal-politiki lokali fir-rigward taż-żieda fis-salarji u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, inkluż għal ħaddiema mhux standard;

44.

jirrakkomanda li d-drittijiet sostantivi ġodda jiġu ssupplimentati bil-projbizzjoni ta' kuntratti ta' żero sigħat u bid-dritt għal sigħat ta' xogħol iggarantiti kif ukoll b'aktar drittijiet relatati mat-terminazzjoni, peress li, inkella, l-estensjoni tad-drittijiet sostantivi ma tkunx suffiċjenti;

45.

jirrimarka li r-responsabbiltà fil-qasam tar-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandha tkun kondiviża bejn il-ħaddiema, il-familji, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-servizzi pubbliċi u privati kollha. Ambjent soċjali li jkun soċjalment u ekonomikament sostenibbli u li jqiegħed lill-persuni u l-familji tagħhom fil-qalba tal-politiki tiegħu jista' jiġi stabbilit biss bl-għajnuna ta' approċċ kompletament olistiku;

46.

jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' azzjonijiet fl-oqsma fejn ta' spiss dawn għandhom kompetenzi ewlenin fihom, bħal pereżempju fil-politika soċjali u tal-impjiegi;

47.

jappella lill-Kummissjoni, bħala segwitu għall-addozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (1), sabiex tressaq proposta għall-parteċipazzjoni aħjar tal-ħaddiema fil-forom ta' kumpaniji Ewropej, għax ir-rappreżentazzjoni ta’ post tax-xogħol effettiv hija wkoll għodda importanti fiż-żamma ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli;

48.

iqis essenzjali li fl-Att dwar il-kunsilli tax-xogħlijiet Ewropej, f'konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/38/KE dwar il-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew, issir estensjoni tal-kompiti fir-rigward tal-kwistjonijiet tad-diġitalizzazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu protetti u msaħħa d-drittijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fid-dawl taż-żieda fl-attivitajiet transkonfinali u transnazzjonali tal-intrapriżi kif ukoll taż-żieda assoċjata magħha fix-xogħol mill-bogħod u x-xogħol transnazzjonali;

49.

jinnota li ċerti Stati Membri għandhom mudelli tas-suq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb b’imsieħba soċjali b’livell għoli ta’ awtonomija fejn ir-relazzjonijiet tal-impjieg u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol jiġu regolati minn ftehim kollettiv, fuq il-bażi ta’ bilanċ bejn l-interessi differenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet. Filwaqt li jiġu rispettati l-standards legali ta’ din id-Direttiva, il-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet minimi jridu jkomplu jkunu regolati permezz ta’ ftehim ta' negozjar kollettiv.

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Opinjoni tal-KtR dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (KtR 3141/2017), Ottubru 2017