23.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 433/222


P8_TA(2018)0328

Korp Ewropew ta' Solidarjetà ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1288/2013, (UE) Nru 1293/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE (COM(2017)0262 – C8-0162/2017 – 2017/0102(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2019/C 433/30)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2017)0262),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikoli 165(4) u 166(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0162/2017),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà tas-6 ta' April 2017, Nru 2017/2629(RSP) (1),

wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mis-Senat Ċek, il-Parlament Spanjol u l-Parlament Portugiż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv mhuwiex konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2017 (2),

wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra d-dokument tal-Aġenda Politika għall-Volontarjat fl-Ewropa (PAVE) tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 u l-analiżi relatata ta' ħames snin tal-2015 tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 bit-titolu "Helping Hands",

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-27 ta' Ġunju 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0060/2018),

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni mehmuża ma’ din ir-riżoluzzjoni;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 68.

(2)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 160.


P8_TC1-COD(2017)0102

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Settembru 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1288/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/1475.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja, 80 % tal-baġit għall-implimentazzjoni tal-Programm fl-2019 u fl-2020 għandhom isiru disponibbli permezz ta' riallokazzjonijiet speċifikati taħt is-Subintestatura 1a (Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi) tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP) u riallokazzjonijiet mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u l-Programm LIFE. Madankollu, l-ebda riallokazzjoni ulterjuri ma għandha ssir mill-Programm Erasmus+, apparti l-ammont ta’ 231 800 000 EUR msemmi fil-proposta mill-Kummissjoni (COM(2017) 0262).

L-20 % li baqa' tal-baġit għall-implimentazzjoni tal-Programm fl-2019 u fl-2020 għandhom jitfasslu minn marġini disponibbli taħt is-Subintestatura 1a tal-QFP 2014-2020.

Hemm fehim komuni li l-Kummissjoni se tiżgura li l-approprjazzjonijiet neċessarji jsiru disponibbli permezz tal-proċedura baġitarja annwali normali b'mod bilanċjat u prudenti.


DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni tikkonferma li l-użu ta' approprjazzjonijiet minn riżorsi ta' assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (b'mod partikolari riallokazzjonijiet mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) għall-finanzjament tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fl-2018, mhux se jintużaw mill-Kummissjoni bħala preċedent għall-proposta ta' wara l-2020 dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (COM(2018)0440)).