9.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/222


P8_TA(2018)0212

Pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 (COM(2016)0493 – C8-0336/2016 – 2016/0238(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2020/C 76/31)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2016)0493),

wara li kkunsidra l-Artikoli 294(2) u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0336/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra n-notifika uffiċjali tad-29 ta' Marzu 2017 mill-Gvern tar-Renju Unit, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni Ewropea;

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2016 (1),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta' Marzu 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0263/2017),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt (2);

2.

Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti mill-Parlament u l-Kunsill mehmuża ma’ din ir-riżoluzzjoni, li se jiġu ppubblikati fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien ma’ l-att leġiżlattiv finali;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b’mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b’mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 109.

(2)  Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fl-14 ta' Settembru 2017 (Testi adottati, P8_TA(2017)0357).


P8_TC1-COD(2016)0238

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-29 ta' Mejju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2018/973.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI

Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar speċijiet ipprojbiti

Ir-Regolament li għandu jiġi adottat abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar permezz ta' miżuri tekniċi (2016/0074(COD)) għandu jinkludi dispożizzjonijiet, fost affarijiet oħra, dwar l-ispeċijiet li għalihom is-sajd huwa pprojbit. Għal dik ir-raġuni, iż-żewġ istituzzjonijiet qablu li ma jinkludux lista għall-Baħar tat-Tramuntana f'dan ir-Regolament (2016/0238(COD)).

Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-kontroll

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jinkludu d-dispożizzjonijiet ta' kontroll li ġejjin fir-rieżami li jmiss tar-Regolament dwar il-Kontroll (ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009), fejn rilevanti għall-Baħar tat-Tramuntana: notifiki minn qabel, rekwiżiti tal-ġurnal ta' abbord, portijiet magħżula u dispożizzjonijiet oħra ta' kontroll.