21.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 463/79


P8_TA(2018)0024

Tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2018 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju (COM(2015)0337 – C8-0190/2015 – 2015/0148(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 463/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0337),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0190/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-9 ta' Diċembru 2015 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' April 2016 (2),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-22 ta' Novembru 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija kif ukoll tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0003/2017),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt (3);

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 71, 24.2.2016, p. 57.

(2)  ĠU C 240, 1.7.2016, p. 62.

(3)  Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fil-15 ta' Frar 2017 (Testi adottati, P8_TA(2017)0035).


P8_TC1-COD(2015)0148

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-6 ta’ Frar 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Direttiva (UE) 2018/410).


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

STQARRIJIET MILL-KUMMISSJONI

Fattur Lineari ta' Tnaqqis (LRF)

L-EU ETS hija l-istrument ewlieni tal-UE biex tilħaq il-mira tagħha dwar il-klima li tillimita ż-żieda fit-temperatura medja globali għal ferm inqas minn 2 gradi Celsius 'il fuq mil-livell preindustrijali kif miftiehem ukoll fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi. Bi qbil ma' dan l-objettiv u mal-qafas ta' politika 2030 dwar il-klima u l-enerġija tal-UE, ir-reviżjoni tal-EU ETS u ż-żieda tal-fattur lineari ta' tnaqqis minn 1,74 % għal 2,2 % huma l-ewwel passi biex tkun issodisfata l-mira tal-UE ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'tal-inqas 40 % fil-livell domestiku sal-2030. Il-Kummissjoni tagħraf li huma meħtieġa aktar sforzi u aktar ambizzjoni biex jintlaħaq l-objettiv ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-UE sal-2050 f'konformità mal-ilħuq tal-miri fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-qafas dwar il-klima u l-enerġija tal-2030 li jindika li biex ma jinqabiżx dan il-limitu massimu hemm ħtieġa ta' żieda ulterjuri tal-fattur lineari ta' tnaqqis sal-2050. Bħala parti minn rieżami futur ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni timpenja lilha nnifisha li tqis żieda fil-fattur lineari ta' tnaqqis fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali li jitolbu rigorożità akbar tal-politiki u l-miżuri tal-Unjoni.

L-emissjonijiet marittimi

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-proposta tal-Parlament Ewropew. F'April 2018, l-IMO hija mistennija tiddeċiedi dwar l-istrateġija inizjali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-bastimenti. Il-Kummissjoni se tivvaluta malajr u debitament tirraporta dwar dan l-eżitu, b'mod partikolari dwar l-objettivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-lista tal-miżuri possibbli biex jinkisbu, inkluża l-iskeda ta' żmien għall-adozzjoni ta' miżuri bħal dawn. Meta tagħmel dan, hija se tikkunsidra liema passi xierqa jmiss biex tiżgura kontribuzzjoni ġusta tas-settur, inkluż it-triq 'il quddiem kif propost mill-Parlament. Fil-kuntest ta' miżuri leġiżlattivi ġodda dwar l-emissjonijiet marittimi ta' gassijiet serra, il-Kummissjoni se tikkunsidra kif xieraq l-emendi f'dan ir-rigward adottati mill-Parlament Ewropew.

Tranżizzjoni ġusta f'reġjuni b'użu intensiv ta' faħam u karbonju

Il-Kummissjoni ttenni l-impenn li tiżviluppa inizjattiva dedikata li se tipprovdi appoġġ imfassal apposta għat-tranżizzjoni ġusta f'reġjuni b'użu intensiv ta' faħam u karbonju fl-Istati Membri kkonċernati.

Għal dan il-għan, hija ser taħdem fi sħubija mal-partijiet ikkonċernati ta' dawn ir-reġjuni biex tipprovdi gwida, b'mod partikolari għall-aċċess għal u l-użu ta' fondi u programmi rilevanti, u tħeġġeġ l-iskambju ta' prattiki tajbin, inklużi diskussjonijiet dwar pjanijiet direzzjonali industrijali u titjib mill-ġdid tal-ħiliet.

CCU

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-proposta tal-Parlament Ewropew li teżenta emissjonijiet verifikati bħala maqbuda u użati biex tkun żgurata rabta permanenti minn obbligi ta' restituzzjoni skont l-EU ETS. Dawn it-teknoloġiji mhumiex maturi biżżejjed għal deċiżjoni dwar it-trattament regolatorju futur tagħhom. Fid-dawl ta' dan il-potenzjal teknoloġiku ta' Qbid u Użu tal-Karbonju tas-CO2 (CCU), il-Kummissjoni timpenja lilha nnifisha li tikkunsidra t-trattament regolatorju tagħhom matul il-perjodu ta' negozjar li jmiss, bil-ħsieb li tqis jekk huwiex xieraq li jsir xi tibdil għat-trattament regolatorju saż-żmien ta' kwalunkwe rieżami futur tad-Direttiva. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tagħti kunsiderazzjoni xierqa lill-potenzjal ta' tali teknoloġiji li jikkontribwixxu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet filwaqt li ma tikkompromettix l-integrità ambjentali tal-EU ETS.