29.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/19


Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 1/2018 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea

(2018/C 184/02)

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fil-11 ta’ April 2013, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill u lill-Parlament il-proposta msemmija hawn fuq dwar il-modernizzazzjoni tal-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ li temenda Regolamenti ta’ antidumping u antisussidji fis-seħħ bħalissa ("Modernizzazzjoni tad-TDI") (1).

2.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-sessjoni plenarja tas-16 ta’ April 2014 (2).

3.

Fil-laqgħa tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2016, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti qabel dwar il-mandat biex il-Presidenza tidħol f’negozjati mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb ta’ qbil bikri fit-tieni qari (3).

4.

Fuq din il-bażi, saru tmien laqgħat ta’ trilogu matul il-Presidenza Maltija u dik Estonjana fl-2017, jiġifieri fil-21 ta’ Marzu, is-27 ta’ April, il-31 ta’ Mejju, it-13 ta’ Ġunju, it-18 ta’ Ottubru, is-7 u t-23 ta’ Novembru u l-5 ta’ Diċembru.

5.

Fl-aħħar trilogu politiku fil-5 ta’ Diċembru 2017, intlaħaq kompromess proviżorju mal-Parlament dwar it-test tal-abbozz ta’ Regolament dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ.

6.

Fil-15 ta’ Diċembru 2017, il-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet Kummerċjali esprima appoġġ wiesa’ għall-kompromess li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew.

7.

Sussegwentement, fil-laqgħa tiegħu fl-20 ta’ Diċembru 2017, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti analizza t-test ta’ kompromess finali bil-ħsieb ta’ qbil (4).

8.

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA) tal-Parlament Ewropew ivvota dwar il-ftehim politiku fit-23 ta’ Jannar 2018, li kien jirrifletti l-eżitu tan-negozjati, u approvah b’maġġoranza kbira (5).

9.

B’ittra datata t-30 ta’ Jannar 2018, il-President tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament Ewropew għarraf lill-President tal-Coreper li, jekk il-Kunsill jibgħat formalment lill-Parlament Ewropew il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif maqbul, soġġett għal verifika mill-ġuristi-lingwisti, huwa ser jirrakkomanda lill-Plenarja li l-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi aċċettata mingħajr emendi fit-tieni qari tal-Parlament (6).

10.

Fis-7 ta’ Frar 2018, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti kkonferma t-test ta’ kompromess finali bil-ħsieb li jkun hemm qbil (7).

II.   OBJETTIV

11.

L-għan tal-proposta kien li taġġorna u timmodernizza l-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ tal-UE, li ilhom ma jiġu riveduti b’mod sostanzjali mit-tlestija taċ-Ċiklu tal-Urugwaj fl-1995, sabiex isiru aktar effiċjenti u effettivi għall-appoġġ tal-operaturi tal-UE.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

A.   Ġenerali

12.

Ir-Regolament itejjeb għadd ta’ kwistjonijiet importanti għall-operaturi, bħal: aktar trasparenza fil-proċedimenti, aċċess aħjar għall-informazzjoni mill-SMEs, jissaħħaħ ir-rwol tal-Uffiċjal tas-Seduta u l-helpdesk għall-SMEs b’kompitu ġdid li jiggwidahom fil-proċedimenti ta’ investigazzjoni, kontra ċ-ċirkomvenzjoni u l-konsolidazzjoni ta’ prattiki attwali, eċċ.

Dan it-titjib ser jagħmel l-istrumenti TDI aktar prevedibbli u ser jipprovdi soluzzjonijiet prattiċi għal problemi reali li l-partijiet ikkonċernati tal-UE jiltaqgħu magħhom fl-użu tal-istrumenti.

B.   Elementi partikolari - l-aktar kwistjonijiet kontroversjali

Regola tad-Dazju Inferjuri (LDR)

13.

Ta’ tħassib partikolari għall-Kunsill kienu d-dispożizzjonijiet relatati mad-diżapplikazzjoni tal-LDRpropost f’każ ta’ distorsjonijiet fil-materja prima. Il-kompromess li ntlaħaq bejn iż-żewġ koleġislaturi fit-trilogu finali jippermetti d-diżapplikazzjoni tal-LDR f’sitwazzjonijiet definiti sewwa:

materja prima distorta li tammonta għal aktar minn 17 % tal-ispiża tal-produzzjoni, meħuda individwalment (limitu wieħed);

id-distorsjonijiet tal-materja prima kif definiti fil-lista tal-OECD iżda bil-possibbiltà li din il-lista tiġi aġġornata permezz ta’ att delegat biex tkun tikkonforma mal-kunsiderazzjonijiet futuri tal-OECD;

f’każijiet ta’ dumping, il-Kummissjoni ser ikollha tikkonkludi b’mod ċar li d-diżapplikazzjoni tal-LDR hija fl-interess tal-Unjoni ("tat-test tal-interess tal-Unjoni pożittiv").

14.

Rigward il-profitt fil-mira minimu (li huwa, il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż u l-investimenti kollha, R&Ż u l-innovazzjoni), il-Kunsill aċċetta l-livell minimu ta’ 6 %.

15.

L-istandards soċjali u ambjentali ser jitqiesu meta jiġi stabbilit il-marġni tat-tneħħija ta’ ħsara. Barra minn hekk, ser ikun hemm il-possibbiltà li jitqiesu l-ispejjeż futuri li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dawn l-istandards, jekk dawk l-ispejjeż huma prevedibbli b’mod ċar u oġġettivament kwantifikabbli. Din hija novità segwita mill-Parlament Ewropew, iżda l-Kunsill żgura li ma jkunx hemm għadd doppju tal-ispejjeż u li l-ispejjeż ikunu debitament sostanzjati. (8)

16.

Għall-istrumenti antisussidji, ir-regola tad-dazju inferjuri tista’ ma tibqax tiġi applikata.

Żvelar minn qabel

17.

Ġie maqbul perijodu ta’ 3 ġimgħat ta’ żvelar minn qabel flimkien ma’ tliet xbieki ta’ sikurezza addizzjonali li ser jindirizzaw ir-riskji potenzjali ta’ kumulazzjoni: użu usa’ tar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet; dehra ġdida tal-ġbir u l-komunikazzjoni tal-istatistika; u marġini ta’ ħsara addizzjonali li għandu jiżdied mad-dazju definittiv sabiex jikkumpensa għal kwalunkwe kumulazzjoni matul il-perijodu ta’ żvelar minn qabel.

18.

Barra minn hekk, ġiet miftiehma klawżola ta’ reviżjoni għad-durata tal-perijodu ta’ żvelar minn qabel. Sentejn mid-dħul fis-seħħ, il-Kummissjoni ser tivvaluta kemm kienu effettivi t-tliet xbieki ta’ sikurezza fl-indirizzar tal-kumulazzjoni. Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipproponi, permezz ta’ att delegat, biex:

jitnaqqas il-perijodu ta’ żvelar minn qabel għal ġimagħtejn f’każ li jkun hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tindirizza;

jiżdied il-perijodu ta’ żvelar minn qabel għal erba’ ġimgħat sabiex titjieb il-prevedibbiltà għall-operaturi tal-Unjoni jekk ma jkunx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet jew jekk il-Kummissjoni setgħet tindirizzaha.

Blata Kontinentali u Żona Ekonomika Esklussiva

19.

Matul id-diskussjonijiet mal-Parlament u l-Kummissjoni, il-Kunsill aċċetta li jintroduċi klawżola ta’ abilitazzjoni li tippermetti li jiġu estiżi l-miżuri għall-blata kontinentali u ż-żona ekonomika esklussiva permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni futur. Il-Kunsill żgura li l-awtoritajiet doganali ser jingħataw żmien biżżejjed biex jeżaminaw il-kwistjoni.

Rimborż tad-dazji

20.

Il-Parlament Ewropew qabel dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni sabiex tiġi ssalvagwardjata l-possibbiltà tar-rimborż għal operaturi. Jekk il-miżuri jiġu revokati, id-dazji miġbura żejda matul l-investigazzjonijiet tar-rieżami ta’ skadenza ser jiġu rimborżati lill-importaturi. Dan il-prinċipju kien jikkonforma bis-sħiħ mal-mandat tal-Kunsill.

Trade Unions

21.

Il-Kunsill aċċetta l-emenda tal-Parlament li t-trade unions ser ikunu jistgħu jressqu l-ilmenti flimkien mal-industrija. Ser ikunu jistgħu wkoll jappoġġaw l-ilmenti mressqa mill-industrija.

Trade unions isiru "partijiet ikkonċernati" fil-proċedimenti. Il-Kunsill kien diġà aċċetta r-rwol tat-trade unions għad-difiża tal-kummerċ fil-fajl il-ġdid relatat dwar il-metodoloġija tal-antidumping (9), li mmodifika l-istess atti legali.

It-tul tal-investigazzjonijiet

22.

It-tul ta’ żmien għall-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji ser ikun "normalment 7 xhur iżda mhux aktar tard minn 8 xhur". Id-dazji definittivi ser ikollhom jiġu imposti fi żmien 14-il xahar. Il-Parlament Ewropew aċċetta l-mandat tal-Kunsill.

IV.   KONKLUŻJONI

23.

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti l-kompromess milħuq fin-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, bl-appoġġ tal-Kummissjoni.

Il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni tiegħu tirrappreżenta pakkett bilanċjat u li, ladarba dan jiġi adottat, ir-Regolament il-ġdid jistabbilixxi strumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-UE modernizzati li huma effettivi u prevedibbli fil-konfront tal-isfidi kummerċjali globali.


(1)  dok. 8495/13 + ADD 1-2.

(2)  dok. PE T7-0420/2014

(3)  dok. 15466/16

(4)  dok. 15530/17

(5)  dok. PE 616.540

(6)  dok. PE 616.821

(7)  dok. 5810/18

(8)  Il-Ftehim jinkludi wkoll dispożizzjonijiet oħra fir-rigward ta’ aspetti soċjali u ambjentali, iżda mhux relatati mar-Regola tad-Dazju Inferjuri, fl-oqsma tal-impenji fuq il-prezz, ir-rieżamijiet interim u r-rapport annwali tal-Kummissjoni.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2017/2321 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 338, 19.12.2017, p. 1).