|
5.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 228/57 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Futur tal-UE: Benefiċċji għaċ-ċittadini u rispett għall-valuri Ewropej”
(Opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Rumena tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea)
(2019/C 228/08)
Relatur: Mihai IVAȘCU
Korelatur: Stéphane BUFFETAUT
|
Konsultazzjoni |
Il-Presidenza Rumena tal-Kunsill, 20.9.2018 |
|
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sottokumitat kompetenti |
Sottokumitat dwar Il-Futur tal-UE: Benefiċċji għaċ-ċittadini u rispett għall-valuri Ewropej |
|
Adottata fil-plenarja |
20.3.2019 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
542 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
147/6/9 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Aktar minn 60 sena wara li ġie ffirmat it-Trattat ta' Ruma, l-Istati Membri huma mistennija li f'Mejju 2019 jieħdu pożizzjoni politika dwar il-Futur tal-UE f'Sibiu. |
|
1.2 |
Id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-libertà, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza, is-separazzjoni tas-setgħat u l-istat tad-dritt huma l-valuri li fuqhom inbniet l-UE. Dawn iridu jibqgħu mhux negozjabbli u jridu jkunu l-punt ta' tluq għar-riforma tal-UE u għat-teħid tad-deċiżjoni politika f'Sibiu. |
|
1.3 |
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija waħda mill-aktar dokumenti importanti biex jiġu ggarantiti d-drittijiet taċ-ċittadini tagħna. Id-deċiżjonijiet politiċi ewlenin, bħat-titjib tat-Trattati, għandhom iqisu dan id-dokument u jinkorporawh fit-test il-ġdid. |
|
1.4 |
Il-proġett Ewropew wassal għall-itwal perjodu ta' paċi fl-istorja tal-kontinent, ħoloq reġjun ta' ġid u ta' żvilupp soċjali bla preċedent, iffaċilita l-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi u ħoloq l-akbar suq uniku fid-dinja. Dan kollu jiżgura li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom livell ta' għajxien ferm aħjar, protezzjoni soċjali u aktar opportunitjiet meta mqabbla mal-maġġoranza tal-partijiet tad-dinja. |
|
1.5 |
Dawn il-benefiċċji u oħrajn xi drabi jitqiesu bħala xi ħaġa fatta jew jixxejnu mill-movimenti populisti u ewroxettiċi. Wieħed qatt ma għandu jinsa li grazzi għall-UE, aħna nibbenefikaw minn:
|
|
1.6 |
L-Unjoni għandha taġixxi biex iżżid il-konverġenza bejn ir-reġjuni u/jew l-Istati Membri. Konverġenza ’l fuq tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, ibbażata fuq it-tkabbir sostenibbli hija tal-akbar importanza sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku u jitnaqqsu l-inugwaljanza, il-faqar u l-esklużjoni soċjali. |
|
1.7 |
Iċ-ċittadini tal-UE jridu jerġgħu jiksbu s-sens li meta jaġixxu fil-livell Ewropew ma jfissirx li jkunu qed jirrinunzjaw il-politiki nazzjonali, iżda pjuttost ikunu qed jirrikonoxxu l-fatt li xi proġetti jagħtu eżitu aħjar meta d-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod konġunt. Ir-regoli ugwali u l-opportunitajiet indaqs għall-Istati Membri u għaċ-ċittadini kollha m'għandhom qatt ikunu negozjabbli mal-metodu Ewropew li jiżgura l-libertà u s-sovranità f’dinja globalizzata. |
|
1.8 |
L-adozzjoni tal-euro għandha tkun prijorità fil-kostruzzjoni tal-UE, peress li ż-żona tal-euro tista’ tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha meta jkunu ssieħbu l-Istati Membri kollha. Flimkien ma' Unjoni Ekonomika u Monetarja b'saħħitha, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) imtejjeb jista' jaqdi rwol aktar importanti fl-obbligu ta' rendikont politiku u t-tisħiħ tar-responsabbiltà fiskali. Barra minn hekk, l-Istati Membri tal-UE jridu jieħdu azzjoni immedjata u kuraġġuża biex jagħmlu lill-UE aktar reżiljenti f'każ li tfeġġ kriżi ekonomika u finanzjarja oħra. |
|
1.9 |
F’dinja li qed tinbidel, il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ investiment sinifikanti fir-riċerka u l-iżvilupp, il-ħiliet u l-infrastruttura, jekk l-UE trid tisfrutta l-vantaġġi kompetittivi tagħha. L-Ewropa teħtieġ li tindirizza l-isfida tagħha ta’ popolazzjoni li qed tonqos u tixjieħ peress li din għandha impatt fuq il-provvista tax-xogħol. Madankollu, il-politiki tal-migrazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn politiki sodi li jappoġġjaw l-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti, sabiex jiġu evitati diffikultajiet soċjali u soċjetali kbar. Jekk l-UE trid tibqa’ kompetittiva, jeħtieġ li tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema kif ukoll in-nuqqas ta’ ħiliet. L-Ewropa teħtieġ politika ta’ migrazzjoni ġestita tajjeb, sabiex tħejji l-forza tax-xogħol għall-ħiliet meħtieġa mit-teknoloġiji l-ġodda, filwaqt li fl-istess ħin tappoġġja t-tkabbir u l-iżvilupp tal-kumpaniji. Il-ħaddiema Ewropej għandhom jiġu pprovduti b’taħriġ, taħriġ mill-ġdid, titjib tal-ħiliet u programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja, sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-bidla teknoloġika. |
|
1.10 |
F'dawn l-aħħar snin, tfaċċaw tendenzi protezzjonisti filwaqt li bdew jinħolqu gwerer kummerċjali. Il-KESE jemmen li l-UE għandha tkompli tippromovi l-kummerċ ħieles, ġust u sostenibbli f’sistema multilaterali u ftehimiet kummerċjali li jirrispettaw id-drittijiet soċjali, ambjentali u tal-konsumatur, filwaqt li tappoġġja n-negozji biex jikbru u jevolvu. Il-protezzjoniżmu ma jkunx ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini. Barra minn hekk, l-UE għandha rwol importanti x'taqdi fir-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. |
|
1.11 |
Irid jinkiseb tkabbir ekonomiku b'saħħtu flimkien ma' dimensjoni soċjali stabbli, filwaqt li l-EPSR jirrappreżenta waħda mill-forzi ewlenin li jixprunaw il-koeżjoni soċjali. L-implimentazzjoni tiegħu fil-livell nazzjonali għandha titħaffef u għandha tinvolvi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha rilevanti. L-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili (OSĊ) huma parteċipanti kruċjali fil-proġett demokratiku Ewropew. |
|
1.12 |
Il-KESE jemmen li ċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom jingħataw opportunitajiet indaqs u trattament ugwali fis-suq tax-xogħol. Filwaqt li tiġi inkoraġġita l-mobbiltà ġusta, iċ-ċittadini għandu jkollhom ukoll aċċess għal impjiegi ta’ kwalità u standards tal-għajxien deċenti fejn jgħixu sabiex jiġi evitat l-eżodu tal-imħuħ u d-dumping soċjali. |
|
1.13 |
It-tibdil fil-klima u l-kwistjonijiet ambjentali qed joħolqu dejjem aktar tħassib għaċ-ċittadini tal-UE. Diversi Opinjonijiet tal-KESE wrew li l-Ewropa tista’ u teħtieġ illi twettaq fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ sostenibbiltà. Huwa essenzjali wkoll li jiġu rispettati l-impenji li saru fid-diversi ftehimiet dwar il-klima, il-bijodiversità u l-ilma. L-UE tista’ tmexxi t-tranżizzjoni ekoloġika filwaqt li tissalvagwardja l-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni ta’ kulħadd, fil-kuntest ta’ tranżizzjoni ġusta. |
|
1.14 |
Il-KESE jemmen li l-programmi attivi li jiffaċilitaw l-edukazzjoni u l-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-forza tax-xogħol jaqdu rwol importanti għall-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea. Programmi bħall-Erasmus+ iridu jiġu mħeġġa sabiex iż-żgħażagħ jingħataw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi. Il-KESE jemmen li flimkien ma’ dawn il-programmi, għandhom jiġu żviluppati programmi simili oħrajn li jappoġġjaw lil dawk b’inqas riżorsi ekonomiċi. Is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar dawn il-programmi, filwaqt li dejjem jiġi promoss il-benefiċċju dirett offrut mis-sħubija tal-UE, hija kruċjali. Barra minn hekk, Erasmus +, fost l-oħrajn, jista’ u għandu jintuża sabiex tinkiseb Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja fl-Afrika sabiex iż-żgħażagħ fiż-żewġ kontinenti jiġu mgħammra b’għarfien, ħiliet u kompetenzi. |
|
1.15 |
L-isfidi relatati mas-sigurtà esterna żdiedu ħafna iżda dawn huma pperċepiti b'mod differenti minn Stati Membri individwali, li jassenjaw riżorsi finanzjarji differenti u għandhom fehmiet differenti dwar l-użu tas-setgħa militari. Il-KESE jemmen li l-UE trid tipprovdi rispons kollettiv u kkoordinat, filwaqt li turi liċ-ċittadini tagħna li aħna fornitur tas-sigurtà effettiv. Il-miżuri li jipprevjenu ċ-ċiberkriminalità fl-ambjent diġitali l-ġdid huma daqstant importanti għas-sigurtà taċ-ċittadini. |
|
1.16 |
Is-sitwazzjoni mwiegħra ta’ eluf ta’ migranti li jaħarbu mill-kunflitt u l-faqar, filwaqt li jpoġġu ħajjithom fil-periklu, biex jaqsmu l-Mediterran kienet xokkanti. Il-konsegwenzi politiċi taw l-impressjoni li l-UE ma tafx kif għandha tittratta kriżi bħal din. Il-KESE jilqa’ l-pjan tal-Kummissjoni għal politika bilanċjata, komprensiva u komuni fir-rigward tal-migrazzjoni li se tgħin lill-UE taħtaf l-opportunitajiet tal-migrazzjoni, filwaqt li tindirizza l-isfidi. |
|
1.17 |
Iċ-ċittadini Ewropej ta' spiss iqisu l-effetti pożittivi tas-sħubija fl-UE bħala fatt jew jassoċjawhom mal-gvernijiet nazzjonali, filwaqt li t-tort għall-maġġoranza tas-sofferenzi jingħata lill-istituzzjonijiet Ewropej. Il-KESE jemmen li dan huwa minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni dwar dak li tipprovdi s-sħubija Ewropea għaċ-ċittadini tagħha, u għalhekk l-UE u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz akbar biex jikkomunikaw aħjar il-politiki, l-għanijiet u l-objettivi Ewropej. |
|
1.18 |
It-triq 'il quddiem tfisser fl-istess ħin li jingħataw aktar fondi għall-komunikazzjoni filwaqt li jintużaw il-mezzi kollha disponibbli: Ewropej, nazzjonali iżda anke l-imsieħba soċjali u l-korpi l-oħrajn rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili organizzata. Iċ-ċittadini jridu jkunu dejjem infurmati dwar il-benefiċċji li qed jirċievu mis-sħubija tal-UE, filwaqt li jiftakru kif kienet il-ħajja mingħajr l-Unjoni – gwerer, kunflitti u diffikultajiet ekonomiċi. |
|
1.19 |
Sabiex tkun eqreb taċ-ċittadini tagħha, l-UE trid kontinwament tisma' u tifhem x'inhuma l-aspettattivi ewlenin tal-Ewropej u tipprova twettaqhom kif xieraq. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-komunikazzjoni, il-pjattaformi ta’ kooperazzjoni u l-konsultazzjonijiet pubbliċi għandhom jiġu promossi u użati kemm jista’ jkun ta’ spiss u għandhom jinkludu l-Istati Membri kollha. |
|
1.20 |
Il-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz tirrappreżenta sfida oħra importanti f'dinja fejn il-miżinformazzjoni, id-diżinformazzjoni u l-informazzjoni falza jirrappreżentaw tendenza li qed tikber. Għalhekk, il-KESE jappella għal azzjoni komuni u soda sabiex tiżdied is-setgħa ta’ analiżi taċ-ċittadini, tiġi salvagwardjata l-libertà tal-espressjoni, jiġi evitat it-tixrid tal-aħbarijiet foloz, u jiġu żviluppati għodod ta’ konroll u verifika tal-fatti. |
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid: “il-mira tal-Unjoni Ewropea hija li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha”. L-Unjoni Ewropea bdiet bħala proġett li l-għan tiegħu kien li jiżgura l-paċi u evolviet fl-akbar suq uniku tad-dinja, bil-moviment liberu tal-kapital, tal-prodotti, tas-servizzi u, l-aktar importanti, taċ-ċittadini tagħha. Din il-ħolma ssawret mill-fdalijiet taż-żewġ gwerer dinjija, u żgurat l-iżvilupp fil-kontinent kollu, filwaqt li ġabet magħha l-itwal perjodu ta' paċi fl-istorja tagħha. |
|
2.2 |
Illum, fl-2019, is-sena li fiha se jsiru l-elezzjonijiet Ewropej u li matulha l-Unjoni se tiffaċċja sfidi kruċjali, l-atturi Ewropej kollha jridu juru d-determinazzjoni tagħhom biex jiżguraw l-unità, il-prosperità u l-benessri għaċ-ċittadini tagħha billi jiddefendu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, is-separazzjoni tas-setgħat, l-istat tad-dritt u l-mudell soċjali Ewropew (1). |
|
2.3 |
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2) tistipula ċerti drittijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi għaċ-ċittadini madwar l-UE. Meta ġiet ratifikata fis-sena 2000, din żiedet element wieħed importanti, li sa dak iż-żmien kien tħalla barra mit-Trattati: l-obbligu li l-UE taġixxi u tilleġisla skont id-drittijiet u l-valuri tal-Karta kif deskritt fis-seba’ kapitoli tagħha: id-Dinjità, il-Libertajiet, l-Ugwaljanza, is-Solidarjetà, id-drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali. |
|
2.4 |
Minkejja li l-benefiċċji għaċ-ċittadini Ewropej huma evidenti, xi wħud sfortunatament jidhru li mhumiex konxji tagħhom jew saħansitra jiddubitawhom, u f’dawn l-aħħar ftit snin esperjenzajna tensjonijiet dejjem jikbru fi ħdan l-Istati Membri u fehmiet differenti fir-rigward tat-triq ’il quddiem. Naturalment, dan qajjem mistoqsijiet bħal: x'għandu jkun il-futur tal-Unjoni Ewropea? Għandna naħdmu aktar jew inqas flimkien? Fejn għandu jkun il-bilanċ bejn il-proġetti ta' kooperazzjoni differenti li l-Istati Membri huma lesti jaċċettaw? Forzi politiċi differenti, mhux l-inqas fi ħdan l-Istati Membri li ħolqu l-UE, qed iqajmu dubju dwar id-direzzjoni, il-governanza u anke l-prinċipju tal-integrazzjoni Ewropea. |
|
2.5 |
Dan il-punt ta’ bidla politika jikkoinċidi ma’ fiduċja li qed tikber fl-UE (3) wara tendenza twila ta’ nuqqas ta’ fiduċja fil-mod li bih isiru l-affarijiet mill-istituzzjonijiet Ewropej. L-isfidi reċenti, sew jekk huma l-kriżi finanzjarja u l-kriżi taż-żona tal-euro, is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni jew il-Brexit urew kemm l-istituzzjonijiet tal-UE huma vulnerabbli biex jingħataw it-tort. Il-movimenti Ewroxettiċi użaw avvenimenti riċenti biex jimbuttaw l-aġenda tagħhom irrispettivament minn jekk l-UE kellhiex tort jew le. Il-partiti politiċi populisti li ġew fil-poter f’diversi Stati Membri ddubitaw mill-benefiċċji tal-UE jew taw miżinformazzjoni dwar l-UE. |
3. Benefiċċji għaċ-ċittadini Ewropej
|
3.1 |
L-interkonnettività ekonomika, kooperazzjoni soċjali u politika akbar u l-moviment liberu eliminaw l-ispettru tal-gwerra mill-Ewropa u qed ingawdu l-itwal perjodu ta' paċi fl-istorja tal-kontinent. |
|
3.2 |
Is-suq uniku Ewropew ippermetta li jsir negozju ħieles u bla xkiel bejn l-Istati Membri, li ta kontribut għall-ġid ekonomiku, għall-prosperità u għal uħud mill-ogħla livelli ta' għajxien fid-dinja. Minkejja hekk, dan ma eliminax l-inugwaljanzi soċjali u territorjali. |
|
3.3 |
Bħala negozjatur ekonomiku uniku, l-UE saret attur influwenti ħafna fix-xena internazzjonali, peress li tista' tinnegozja ftehimiet strateġiċi ta’ negozju u tinfluwenza l-politika ekonomika fuq livell globali. Il-konnettività akbar u t-tnaqqis fl-ispejjeż tal-operat għall-kumpaniji qed iwasslu għall-ħolqien tal-impjiegi. |
|
3.4 |
Il-moviment liberu taċ-ċittadini madwar l-Unjoni għen biex jiġi eliminat in-nuqqas ta' fiduċja bejn in-nazzjonijiet u ħoloq diversi opportunitajiet edukattivi u professjonali. Ċittadin jista’ jaħdem, jgħix u jirtira fi kwalunkwe Stat Membru. Hija ħaġa komuni li tara, pereżempju, persuna Rumena li tkun studjat fir-Renju Unit, taħdem fil-Belġju u tgħix fin-Netherlands. |
|
3.5 |
Iċ-ċittadini jibbenefikaw ukoll mill-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja peress li n-nazzjonijiet Ewropej għandhom forma ta’ protezzjoni reċiproka. L-UE tipprovdi livell ta' sigurtà li jippermetti lis-servizzi tal-intelligence u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi lokali jkollhom aċċess għal kondiviżjoni aħjar tad-data u tar-riżorsi. |
|
3.6 |
Sa mill-bidu tagħha, l-UE fil-forom kollha tagħha ħadmet biex ittejjeb l-ambjent. Pereżempju, mill-ħamsinijiet 'il hawn, il-kwalità tal-arja u tal-ilma fil-kontinent kollu ttejbet b'mod drammatiku minħabba l-koordinazzjoni tal-isforzi u tar-regolamentazzjoni fil-livell tal-Unjoni. |
|
3.7 |
Fl-era diġitali, il-privatezza hija protetta ferm fl-UE, peress li dan l-aħħar ġie adottat ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR). Dan ir-Regolament huwa wieħed mill-aktar liġijiet sodi dwar il-privatezza tad-data fid-dinja, li jipproteġi d-dritt fundamentali taċ-ċittadini għall-privatezza. |
|
3.8 |
L-UE għandha wieħed mill-aktar reġimi stretti ta’ prodotti u ta’ sikurezza tal-ikel fid-dinja. L-awtoritajiet nazzjonali jibagħtu l-informazzjoni dwar il-prodotti perikolużi li jinsabu fis-suq lis-sistema ta’ twissija rapida għall-prodotti perikolużi li mhumiex tal-ikel. L-UE hija impenjata wkoll fir-rigward tad-detezzjoni ta’ prodotti mhux sikuri qabel ma jinbiegħu lill-konsumaturi. Fl-UE, l-impjegaturi għandhom jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema f’kull aspett tax-xogħol tagħhom. |
|
3.9 |
Iċ-ċittadini tal-UE jibbenefikaw minn kura tas-saħħa reċiproka meta jkunu fi kwalunkwe mill-Istati Membri tal-UE. Dawn id-drittijiet japplikaw sew jekk ikunu qed jivvjaġġaw temporanjament għal btala jew jistudjaw barra pajjiżhom, joqogħdu b’mod permanenti f’pajjiż ieħor tal-UE, jew ikunu qed jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor tal-UE speċifikament biex jirċievu l-kura medika. |
|
3.10 |
Iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom id-dritt li jivvutaw u li joħorġu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u/jew l-elezzjonijiet muniċipali fil-pajjiż tal-UE fejn ikunu residenti, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż. Barra minn hekk, iċ-ċittadini tal-UE huma intitolati li jiġu rreklutati bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-pajjiż fejn ikunu qed ifittxu x-xogħol u ma jistgħux jintalbu jissodisfaw kwalunkwe rekwiżit addizzjonali. |
|
3.11 |
Bħala ċittadin tal-UE, inti tista’ tirreġistra kumpanija u tniedi fergħa ta’ negozju eżistenti bbażat fl-UE fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, l-Iżlanda, in-Norveġja jew il-Liechtenstein malajr u faċilment. Hemm ħafna fondi u inizjattivi differenti tal-UE disponibbli għall-appoġġ ta’ negozji ġodda u l-SMEs. |
|
3.12 |
Il-mudell soċjali Ewropew qed jgħin sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-parti l-kbira tal-popolazzjoni tal-UE. L-introduzzjoni riċenti tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandha l-għan li tkompli ttejjeb dan. |
|
3.13 |
L-UE tinsab minn ta’ quddiem fil-promozzjoni ta’ indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u l-irġiel. L-Unjoni kontinwament tistinka biex tagħmel avvanzi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri, tiġġieled id-differenzi bejn il-pagi u tistabbilixxi regoli u politiki effettivi kontra d-diskriminazzjoni. |
|
3.14 |
Il-proċess Ewropew ta' adeżjoni u l-prospett ta' sħubija fl-Unjoni ħeġġew il-bini ta' ekonomiji tas-suq vijabbli, għollew l-istandards soċjali u ġġeneraw istituzzjonijiet demokratiċi stabbli fl-Ewropa. |
|
3.15 |
Iċ-ċittadini tal-UE huma intitolati għall-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE meta dawn ikunu f’pajjiż mhux tal-UE, fejn l-istat nazzjonali tagħhom ma jkollux rappreżentanza. Dan id-dritt huwa mnaqqax fl-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; Hemm biss tliet pajjiżi fejn l-Istati Membri kollha huma rappreżentati b’mod diplomatiku, jiġifieri l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja. Waqt l-emerġenzi, l-Istati Membri tal-UE għandhom jgħinu liċ-ċittadini tal-UE jevakwaw daqslikieku kienu ċ-ċittadini tagħhom stess. Il-protezzjoni tkopri wkoll sitwazzjonijiet ta’ kuljum, bħal passaport li jinsteraq, inċident serju jew marda. |
|
3.16 |
L-edukazzjoni hija appoġġjata b’mod qawwi fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-programm ta’ skambju famuż mad-dinja kollha Erasmus+ jagħti lill-istudenti u lill-akkademiċi l-opportunità li jsaħħu l-ħiliet u l-opportunitajiet ta’ impjieg tagħhom billi jesperjenzaw ħajja akkademika f’pajjiż differenti, b’aktar minn 3 miljun persuna li sfruttaw il-programm mill-2014. Barra minn hekk, l-iskambju ta’ ideat u kulturi għaqqad lin-nies, filwaqt li għen fit-tiswir tal-identità Ewropea. |
4. Il-valuri Ewropej u d-drittijiet fundamentali
|
4.1 |
Il-KESE jemmen li sabiex l-interessi taċ-ċittadini tagħna jiġu protetti bl-aħjar mod, kwalunkwe riforma tat-trattati trid tinkorpora t-test tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-ebda Stat Membru m'għandu jkollu l-possibbiltà li jirrifjuta milli jinfurzaha. Attwalment, it-Trattat ta' Lisbona jirreferi għall-Karta bħala dokument indipendenti u r-Renju Unit u l-Polonja qed jirrifjutaw dan. |
|
4.2 |
Għalkemm l-Ewropa tiffaċċja diversi sfidi u d-deċiżjonijiet komuni huma dejjem meħtieġa, il-valuri li fuqhom inbniet l-UE u li huma mnaqqxa fit-trattati mhumiex negozjabbli u jridu jirrappreżentaw il-punt ta' tluq għal kwalunkwe struttura tal-UE ġdida: ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-libertà, l-ugwaljanza, is-separazzjoni tas-setgħat u l-istat tad-dritt. |
|
4.3 |
It-trattament u r-regoli ugwali għaċ-ċittadini tal-UE m'għandhom qatt ikunu negozjabbli u l-UE għamlet kompromessi sinifikanti u mhux meħtieġa f'dan ir-rigward: il-viżi għall-Istati Uniti għal xi Stat Membri biss, l-istandards doppji tal-kwalità tal-ikel, eċċ. L-UE għandha tirsisti sabiex tipproteġi b’mod ugwali l-interess taċ-ċittadini kollha tagħha irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. |
|
4.4 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-azzjoni fil-livell Ewropew ma tfissirx rinunzja għall-interessi nazzjonali, u lanqas ma tfisser li l-interessi Ewropej u nazzjonali jinsabu f'kunflitt ma' xulxin; din sempliċement tfisser li xi affarijiet jistgħu jitwettqu aħjar b'mod konġunt. Tkun xi tkun id-direzzjoni li tieħu l-Unjoni, din se jkollha tipprevedi riformi importanti u regoli ċari għall-governanza tal-Unjoni sabiex tindirizza t-tensjonijiet politiċi eżistenti u d-diversità li qed tikber. Huwa l-metodu Ewropew li jiżgura l-libertà u s-sovranità f’dinja globalizzata. Iċ-ċittadini jibbenefikaw mis-sħubija fl-UE għaliex tipprovdihom bi spazju legali ta’ opportunità u l-istess regoli għal kulħadd, filwaqt li tipprojbixxi strettament kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità. |
|
4.5 |
Is-sitwazzjoni mwiegħra ta’ eluf ta’ migranti li jaħarbu mill-kunflitt u l-faqar filwaqt li jpoġġu ħajjithom fil-periklu biex jaqsmu l-Mediterran kienet xokkanti. Il-konsegwenzi politiċi taw l-impressjoni żbaljata li l-UE ma tafx kif għandha tittratta kriżi bħal din. Il-KESE jilqa’ l-pjan tal-Kummissjoni għal politika bilanċjata, komprensiva u komuni fir-rigward tal-migrazzjoni li se tgħin lill-UE taħtaf l-opportunitajiet tal-migrazzjoni, filwaqt li tindirizza l-isfidi. Il-Kumitat jappoġġja b’mod speċjali l-politika l-ġdida tal-Kummissjoni li l-Ewropa tinżamm bħala destinazzjoni attraenti għall-migranti fi żmien ta’ deklin demografiku, kif ukoll li jitnaqqsu l-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari. Dan jimplika wkoll politiki b’saħħithom dwar l-akkoljenza u l-assistenza għall-integrazzjoni. |
|
4.6 |
L-akbar sfida għall-UE hija li tkompli tkun l-Unjoni li tiddefendi, tipproteġi u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini tagħha. Għalhekk, dan għandu joffri soluzzjonijiet għall-isfidi li huma ta’ tħassib veru għaċ-ċittadini: “Il-Kumitat jibqa' konvint li futur tajjeb huwa possibbli u li UE aktar b'saħħitha tista' tgħin biex jissawru aħjar il-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni sabiex jipprovdu prospetti ġodda għaċ-ċittadini kollha” (4). |
|
4.7 |
Il-fundaturi tal-proġett Ewropew irrikonoxxew il-fatt li dan fadallu triq twila biex ikollu livelli simili ta' leġittimità bħad-demokraziji stabbiliti tal-Istati Membri tiegħu. Aħna għamilna progress kbir, iżda kwalunkwe trattat ġdid irid jiżgura aktar trasparenza u kontroll demokratiku sabiex l-Unjoni tiġi leġittimizzata bl-aħjar mod f'għajnejn il-pubbliku. Barra minn hekk, għandha tiġi żgurata aktar konformità tal-Istati Membri mal-liġi tal-Unjoni Ewropea. |
5. Żvilupp ekonomiku sostenibbli
|
5.1 |
Fl-Ewropa jeżisti l-akbar suq uniku tad-dinja, u t-tieni l-aktar munita użata. Din hija l-akbar setgħa kummerċjali li tammonta għal 16,5 % tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet (5) tad-dinja u hija l-akbar donatur tal-għajnuna għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja. Bis-saħħa, fost l-oħrajn, ta’ Orizzont 2020, l-akbar programm ta’ riċerka multinazzjonali fid-dinja, l-Ewropa tinsab minn ta’ quddiem nett fl-innovazzjoni. Madankollu, il-kompetizzjoni mal-Istati Uniti u l-Asja tidher aktar intensa minn qatt qabel. Ħaġa waħda hija ċara: l-ebda Stat Membru ma jista' jaqdi rwol prominenti fix-xena globali waħdu |
|
5.2 |
L-euro għandha kważi 20 sena u tista’ biss tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha meta l-Istati Membri kollha jkunu introduċewha u meta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tkun kompluta. Dan ifisser l-istabbiliment ta' regoli ċari li jiġu aċċettati minn kulħadd u li jkunu applikabbli għal kulħadd, l-aġġornament tal-MES għal rwol aktar importanti, bħal dak li jaqdi l-FMI fuq livell internazzjonali, kif ukoll responsabbiltà politika u kunsilli fiskali msaħħa (6). L-adozzjoni tal-euro għandha tkun prijorità fil-kostruzzjoni tal-UE. |
|
5.3 |
Fil-passat, il-KESE sostna li l-UE rreaġixxiet bil-mod għall-kriżi finanzjarja u li huma meħtieġa riformi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (7). Minn dak iż-żmien 'il hawn, kien hemm determinazzjoni kontinwa biex issir riforma u biex jiġu ffinalizzati l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Bħal m'għamel fil-passat (8), il-KESE jilqa' aktar konsolidazzjoni tas-suq iżda jwissi kontra l-ħolqien ta' pożizzjonijiet li jikkonċentraw b'mod eċċessiv is-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'idejn għadd żgħir ta' persuni. UEM kompluta għandha twassal f’era ġdida ta’ munita unika għan-negozji u ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, tnaqqas b’mod sinifikanti l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u telimina r-riskji tar-rati tal-kambju, ittejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet fil-kummerċ, filwaqt li tnaqqas ir-riskji tal-investiment. |
|
5.4 |
F’dinja dejjem tinbidel, jekk l-Ewropa trid tisfrutta l-vantaġġi kompetittivi tagħha, jeħtieġ li tiffoka fuq oqsma bħalma huma r-R&Ż, il-provvista tal-ħiliet u l-infrastruttura. L-Ewropa teħtieġ li tindirizza l-isfida tagħha ta’ popolazzjoni li qed tonqos u tixjieħ peress li dan għandu impatt fuq il-provvista tax-xogħol. Jekk l-UE trid tibqa’ kompetittiva, jeħtieġ li tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema kif ukoll in-nuqqas ta’ ħiliet. L-Ewropa teħtieġ politika tal-migrazzjoni ġestita sew u perspettiva fit-tul biex tħejji l-forza tax-xogħol għal sfidi futuri filwaqt li tgħin lill-kumpaniji jikbru u jevolvu. Madankollu, il-politiki tal-migrazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn politiki sodi sabiex jiġu evitati diffikultajiet soċjali u soċjetali kbar. |
|
5.5 |
F'diversi Opinjonijiet tiegħu, il-KESE talab ukoll li jsir aktar investiment fl-infrastruttura u fis-servizzi pubbliċi, proġetti li jiġġeneraw it-tkabbir u l-benessri għaċ-ċittadini tagħha. Il-KESE esprima wkoll l-appoġġ tiegħu għal "bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK) kif ukoll tranżazzjonijiet finanzjarji, il-karburanti u l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, li jekk miġbura fil-livell Ewropew, ikunu jistgħu jisfruttaw bażi għat-taxxa transnazzjonali, sabiex jiġu miġġielda l-effetti globali fuq l-ambjent" (9). Dan inaqqas l-evitar tat-taxxa u jipprovdi uniformità fil-politika fiskali. Il-KESE nnota wkoll li "l-Ewropa għandha pożizzjoni b'saħħitha biex tkabbar ditti innovattivi b'teknoloġija avvanzata, iżda meta dawn il-kumpaniji jkunu jeħtieġu investimenti kapitali robusti, normalment ifallu" (10) |
|
5.6 |
L-UE ffirmat ftehimiet kummerċjali komprensivi bil-għan li jiżdiedu l-iskambji tal-oġġetti u tas-servizzi filwaqt li jiġu protetti u mtejba d-drittijiet tal-ħaddiema u jitqiesu l-isfidi ambjentali. Madankollu, f'dawn l-aħħar ftit snin, tfaċċaw tendenzi protezzjonisti filwaqt li bdew jinħolqu gwerer kummerċjali. Jeħtieġ li l-UE tkompli fuq il-perkors tagħha li tippromovi l-kummerċ ħieles, ġust u sostenibbli f’sistema multilaterali u ftehimiet kummerċjali li jirrispettaw id-drittijiet soċjali, ambjentali u tal-konsumatur, filwaqt li tappoġġja n-negozji biex jikbru u jevolvu. Il-protezzjoniżmu mhux ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini. L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ se jkollha rwol importanti x'taqdi, u huwa kruċjali li l-UE taqdi r-rwol tagħha fir-riforma tagħha (11). L-għeluq tal-fruntieri u l-imblukkar tal-kummerċ fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jkunu t-triq 'il quddiem. |
|
5.7 |
F’dinja affettwata mit-tibdil fil-klima, il-KESE kemm-il darba għamel rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb il-ħarsien tal-bijodiversità u tar-riżorsi vitali meħtieġa għall-eżistenza tagħna. Il-KESE jirrimarka li l-ħarsien tal-bijodiversità huwa importanti daqs il-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-KESE jappella għal aktar rieda politika u konsistenza leġislattiva f’dan il-qasam, u għalhekk jirrakkomanda li r-riżorsi kollha meħtieġa jsiru disponibbli malajr. |
|
5.8 |
Għall-KESE, politika dwar it-tibdil fil-klima għandha tkun ibbażata fuq tranżizzjoni ġusta, li teħtieġ miżuri biex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima u li tikkumpensa wkoll għad-danni u t-telf. Il-mudell tal-ekonomija ċirkolari għandu jingħata preferenza kemm jista’ jkun u għandu jittejjeb il-qafas regolatorju tiegħu. Katini tal-provvista qosra, b’mod partikolari fis-settur tal-ikel għandhom jiġu promossi u jeħtieġ li titlesta definizzjoni mill-ġdid tal-politiki dwar il-mobbiltà, li tagħmilhom aktar effiċjenti u sostenibbli. Bħala parti mill-Konferenza tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima f’Pariġi, l-UE hija impenjata li tilħaq il-miri biex tnaqqas it-tisħin globali. L-UE diġà għamlet progress sinifikanti u tista’ ssaħħaħ l-isforzi kollettivi biex tissodisfa l-impenji li saru fil-COP21 u tindirizza l-ħtiġijiet attwali. Madankollu, il-KESE ħa nota tal-movimenti tal-istudenti u taż-żgħażagħ f’diversi Stati Membri u talab għal aktar azzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent. |
6. Il-progress soċjali u l-edukazzjoni
|
6.1 |
"Meta mqabbla mad-dinja, is-soċjetajiet Ewropej huma postijiet għonja u affluwenti biex tgħix fihom. Għandhom l-ogħla livelli ta’ protezzjoni soċjali fid-dinja u huma fost tal-ewwel fejn jidħlu l-benessri, l-iżvilupp uman u l-kwalità tal-ħajja" (12). Madankollu, jeżistu inugwaljanzi li dejjem qed jikbru u diskrepanzi enormi fil-koeżjoni soċjali madwar l-Unjoni u aħna rridu nagħmlu ħilitna biex innaqqsu d-differenzi bejn l-Istati Membri. Il-konverġenza ’l fuq tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbażi tat-tkabbir sostenibbli, se twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet soċjali u tnaqqis fl-inugwaljanzi u għandha tkun l-għan ewlieni għall-futur tal-Ewropa. |
|
6.2 |
Forza importanti li tixpruna l-progress soċjali trid tkun il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inizjattiva appoġġjata bil-qawwa mill-KESE, fi ħdan strateġija komprensiva u globali sabiex tinkiseb l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Sabiex jiġi żgurat futur prosperuż għaċ-ċittadini tagħna, il-KESE jafferma mill-ġdid l-impenn b'saħħtu tiegħu għal kwalunkwe sforz favur "suq tax-xogħol ġust u tassew pan-Ewropew "sabiex tinkseb "Ewropa soċjali AAA"u biex isservi bħala boxxla għall-konverġenza mġedda fiż-żona tal-euro" (13). Jeħtieġ li l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali titħaffef u tkun akkumpanjata minn sensibilizzazzjoni li t-tkabbir ekonomiku b'saħħtu jrid jinkiseb flimkien ma' dimensjoni soċjali stabbli. Flimkien mal-UE u mal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet kollha rilevanti tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti x'jaqdu. Il-KESE jemmen li għall-benessri taċ-ċittadini tal-UE huwa importanti li l-UE tkompli timmonitorja l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-EPRS fi ħdan il-proċess tas-Semestru Ewropew, bl-involviment sħiħ tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili. |
|
6.3 |
Barra minn hekk, il-KESE jafferma mill-ġdid li "L-Unjoni Ewropea għandha tagħmel użu sħiħ mill-esperjenza u mill-kapaċità tal-imsieħba soċjali u ta' organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili li joperaw fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew billi tinvolvihom, flimkien mal-utenti tas-servizzi u skont ir-rwoli differenti tagħhom, fil-kompiti tal-ipprogrammar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-finanzjament tal-UE. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili huma parteċipanti kruċjali fil-proġett demokratiku Ewropew (14). L-UE għandha tippromovi n-negozjar kollettiv u tirrispetta l-awtonomija tal-imsieħba soċjali. |
|
6.4 |
Id-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, eċċ. jeħtieġu rispons rapidu u sostenibbli. Dan jgħodd ukoll għall-ħtieġa urġenti li jsir investiment qawwi fl-edukazzjoni ta’ kwalità għolja u fir-riċerka u l-iżvilupp, peress li l-UE għadha lura meta mqabbla ma’ setgħat ekonomiċi oħrajn bħala perċentwal tal-PDG (15), l-ekonomija tal-UE teħtieġ forza tax-xogħol mgħammra b’ħiliet li jissodisfaw l-isfidi ta’ ambjent kompetittiv li qed jinbidel. Dan ifisser li hemm interess kondiviż u responsabbiltà kondiviża ta’ min iħaddem u l-impjegati biex jikkontribwixxu għal taħriġ, taħriġ mill-ġdid u tagħlim tul il-ħajja għaż-żgħażagħ u l-adulti, li jwasslu għal intrapriżi ta’ suċċess u forza tax-xogħol imħarrġa kif xieraq, flimkien mal-UE, l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet rivevanti oħrajn mis-soċjetà ċivili. It-twettiq ta’ ekonomija tal-UE aktar diġitali għandu jsir fi ħdan qafas ta’ tranżizzjoni ġust għall-bidla teknoloġika, filwaqt li jiġi żgurat li dan jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet aħjar tal-għajxien u tax-xogħol, inklużi l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba u soċjetajiet iżjed ugwali. |
|
6.5 |
Abbażi tal-prinċipji tal-EPSR, huwa essenzjali li tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi futuri li jirriżultaw għas-suq tax-xogħol. It-tħaddin tal-opportunitajiet li jirriżultaw mill-progress teknoloġiku għandu għalhekk jimxi id f’id mal-indirizzar tal-isfidi tal-bidla industrijali u tat-trasformazzjoni fis-suq tax-xogħol. Jekk dawn l-isfidi ma jiġux indirizzati, se jkun hemm reżistenza kbira għal bidla jew proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni ma jibbenefikax mill-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda. |
|
6.6 |
Il-KESE diġà talab li l-inugwaljanzi, il-faqar u l-esklużjoni soċjali dejjem jiżdiedu għandhom jiġu miġġielda fil-livelli kollha u mill-partijiet interessati kollha. Minħabba dan, il-KESE jemmen li huma meħtieġa aktar sforzi mmirati lejn id-definizzjoni ta’ prinċipji komuni, standards, politiki u strateġiji fil-livelli xierqa fir-rigward ta’ konverġenza mtejba tal-pagi u l-istabbiliment jew iż-żieda tal-pagi minimi għal livelli adegwati, b’rispett sħiħ għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha huma koperti minn dħul minimu. Il-KESE jenfasizza li l-finanzjament allokat għall-koeżjoni soċjali u l-investiment soċjali għandu jiżdied biex jiġu ffaċċjati l-isfidi futuri (16). |
|
6.7 |
Il-KESE jemmen li ċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom jingħataw opportunitajiet indaqs u trattament ugwali fis-suq tax-xogħol. Filwaqt li tiġi inkoraġġita l-mobbiltà ġusta, iċ-ċittadini għandu jkollhom ukoll aċċess għal impjiegi ta’ kwalità u standards tal-għajxien deċenti fejn jgħixu sabiex jiġi evitat l-eżodu tal-imħuħ u d-dumping soċjali. |
|
6.8 |
Il-futur tal-UE jiddependi fuq programmi attivi li jiffaċilitaw l-edukazzjoni u l-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-forza tax-xogħol. Programmi bħal Erasmus+ u l-predeċessur tiegħu Erasmus, kellhom impatt inkredibbli fit-trawwim ta’ identità Ewropea, filwaqt li fl-istess ħin jagħtu liż-żgħażagħ għarfien, ħiliet u kompetenzi. L-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirdoppja l-finanzjament tagħha huwa bla dubju pass 'il quddiem, iżda f'Ottubru 2018 (17) il-KESE saħansitra talab għal aktar fondi. Dan it-tip ta' programm irid jitkompla u jiġi estiż għal dawk iż-żgħażagħ li altrimenti jsibuha diffiċli biex jaċċessaw edukazzjoni ta' kwalità u konnettività interkulturali minħabba diffikultajiet ekonomiċi. |
|
6.9 |
Kif iddikjara f'Opinjoni preċedenti, il-KESE jemmen li "l-Istrateġija għandha tkun iktar marbuta mal-programmi eżistenti tal-UE bħall-Erasmus+, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ jew il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà"u li "din għandha tippromovi wkoll impenn ċiviku usa’, inklużi l-votazzjoni, il-volontarjat, NGOs immexxija miż-żgħażagħ, id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol u d-djalogu soċjali" (18). Huwa tal-akbar importanza li titqajjem kuxjenza dwar dawn il-programmi filwaqt li jiġi enfasizzat dejjem il-fatt li dawn jirrappreżentaw benefiċċju dirett offrut minn sħubija fl-UE. |
|
6.10 |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-sussidjarjetà u tal-governanza reġjonali fit-tfassil tal-politiki ta' koeżjoni. Minħabba d-differenzi kbar fil-benessri u fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni differenti, anke fi Stati Membri individwali, huwa importanti ħafna li l-politiki jitfasslu minn dawk li jifhmu l-aħjar il-problemi ewlenin u huma għalhekk mgħammra bl-aħjar mod biex jaġixxu. L-istituzzjonijiet tal-UE jridu jkomplu jissalvagwardjaw kontra d-diskriminazzjoni ta' kull tip, ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-Semitiżmu. |
|
6.11 |
Il-mudell soċjali Ewropew huwa uniku fid-dinja u jibqa' wieħed mill-aktar benefiċċji importanti għaċ-ċittadini Ewropej. L-UE, flimkien mal-Istati Membri, trid tkun imsejsa fuq politiki li jissalvagwardjawha, jiddefenduha u jippromovuha, sabiex ikomplu jiffaċilitaw il-progress ekonomiku u l-koeżjoni soċjali, filwaqt li jitqies li d-drittijiet fundamentali jridu jimxu id f'id mad-drittijiet soċjali. |
7. Sigurtà u difiża
|
7.1 |
L-Ewropa hija post tassew liberu u stabbli, f’dinja ta' nuqqas ta’ armonija u firda. Mill-25 pajjiż l-aktar paċifiċi, 15 minnhom jinsabu fl-UE. Madankollu, l-attakki terroristiċi, l-ispazji mhux regolati u mhux stabbli madwar il-Mediterran u l-Afrika sub-Saħarjana u l-qawmien mill-ġdid tas-setgħat ostili lejn il-Lvant urew li rridu nieħdu azzjoni soda biex nippreservaw il-paċi u s-sigurtà. |
|
7.2 |
Għalkemm l-isfidi tas-sigurtà interna u esterna żdiedu tassew b'mod sinifikanti, dawn jitqiesu b'mod differenti mill-Istati Membri, li m'għandhomx l-istess perċezzjoni tat-theddid estern, jassenjaw riżorsi finanzjarji differenti għas-sigurtà u għad-difiża, u għandhom fehmiet differenti dwar l-użu tas-setgħa militari. Peress li ħafna mit-theddid li niffaċċjaw għandu karatteristiċi transnazzjonali, il-KESE jemmen li l-Istati Membri u l-UE jridu jaġixxu mill-qrib kemm jista' jkun, filwaqt li jimxu lejn rispons kollettiv u kkoordinat, biex b’hekk nuru lill-alleati tagħna li aħna fornitur tas-sigurtà effettiv. |
|
7.3 |
Sforz ta' difiża kkoordinat ma jipprovdix biss setgħa ta' koerċizzjoni kredibbli għall-Istati Membri tagħna iżda jgħin ukoll biex jinħolqu impjiegi f'setturi ta' teknoloġija avvanzata u jrawwem l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jappoġġjaw azzjoni konġunta f'dan il-qasam, filwaqt li jirrikonoxxi l-fatt li diġà ttieħdu passi (19). |
|
7.4 |
L-attakki ċibernetiċi huma stmati li jiswew lill-ekonomija dinjija EUR 400 biljun kull sena (20) u huma ta’ theddida reali għall-privatezza u s-sikurezza taċ-ċittadini. Il-KESE jemmen li l-UE għandu jkollha l-għan li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-ispjunaġġ ċibernetiku, iċ-ċiberterroriżmu u kwalunkwe forma oħra ta’ ċiberkriminalità diretta lejn iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej bl-istess mod. |
8. Komunikazzjoni maċ-ċittadini
|
8.1 |
Iċ-ċittadini Ewropej ta' spiss iqisu l-effetti pożittivi tas-sħubija fl-UE bħala fatt jew jassoċjawhom mal-gvernijiet nazzjonali, filwaqt li t-tort għal bosta sofferenzi jingħata lill-burokrazija Ewropea u l-interferenza żejda tagħha. Primarjament, dan huwa r-riżultat ta' komunikazzjoni fqira u ta' nuqqas ta' kuntatt maċ-ċittadin medju. Għalhekk, l-UE u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz akbar biex jikkomunikaw aħjar il-politiki, l-għanijiet u l-objettivi Ewropej. |
|
8.2 |
Jeħtieġ li l-UE tipprovdi aktar fondi għall-komunikazzjoni, u trid tagħmel użu minn kull mezz disponibbli: mhux permezz tal-Istati Membri biss, iżda anke permezz tal-imsieħba soċjali u korpi oħra rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili organizzata. L-UE trid tiffoka aktar fuq li sserraħ moħħ il-mexxejja u ċ-ċittadini fir-rwol tagħha li tipprovdi l-paċi, l-istabbiltà ekonomika u l-iżvilupp soċjali, billi tuża l-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea biex tippromovi l-messaġġi tagħha. |
|
8.3 |
Fl-2012, il-KESE rrimarka li "il-ħtieġa li l-Artikolu 11 ikun implimentat bis-sħiħ hija ta’ importanza kbira jekk l-Unjoni Ewropea trid issaħħaħ il-leġittimità demokratika tagħha f’għajnejn iċ-ċittadini tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa biss permezz ta’ iktar trasparenza, sens ta’ sjieda u l-parteċipazzjoni akbar miċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili organizzata fuq livell nazzjonali u Ewropew, li l-Ewropa se tkun kapaċi tevita l-estremiżmu, tiddefendi l-valuri demokratiċi tagħha u tistabbilixxi komunità ta’ destin" (21) |
|
8.4 |
Jekk l-UE trid tersaq qrib iċ-ċittadini tagħha (u jekk ma jirnexxilhiex tagħmel dan, se tfalli kollha kemm hi), din trid tisma' u tifhem dak li ċ-ċittadini verament għandhom bżonn u tipprova twettaq dan kif xieraq. Iċ-ċittadini jridu l-protezzjoni, regoli ġusti għall-ħaddiema u n-negozji, kundizzjonijiet ta’ għajxien u ta’ xogħol tajbin u tweġiba ċara għall-isfidi esterni. Sabiex tikseb dan, l-Ewropa trid tkompli tkun katalizzatur għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-istabbiltà demokratika u tiżgura li kulħadd ikun konxju tal-impenn tagħhom. |
|
8.5 |
Il-miżinformazzjoni, id-diżinformazzjoni u l-informazzjoni falza qed jintużaw dejjem aktar minn għadd kbir ta’ atturi inklużi l-istati, il-gruppi ta’ lobbjar, il-midja u individwi. Dawn it-tekniki huma antiki, iżda l-iżvilupp u l-possibbiltajiet tal-midja soċjali ppermettew li dan il-fenomenu jilħaq udjenza wiesgħa. L-aħjar mod biex jiġu miġġielda l-aħbarijiet foloz huwa li jiġu ppreżentati fatti u tingħata għajnuna biex jiġu żviluppati l-fakultajiet kritiċi taċ-ċittadini. Madankollu, jeħtieġ li dejjem jiġu rispettati l-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, u l-ġlieda kontra l-falsitajiet ma għandha tonqos qatt. |
|
8.6 |
Il-pjattaformi ta' komunikazzjoni u ta' kooperazzjoni għandhom jiġu promossi u għandhom jinkludu lill-Istati Membri kollha. Dak li jirnexxi fi Stat Membru wieħed jista' wkoll jirnexxi f'ieħor, u r-riċerka li jkun wettaq Stat Membru wieħed tista' tintuża jew tittejjeb minn ieħor. |
Brussell, l-20 ta’ Marzu 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) ĠU C 110, 22.3.2019, p. 1.
(2) ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.
(3) Stqarrija għall-Istampa tal-Parlament Ewropew, 23.5.2018.
(4) ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145.
(5) L-UE skont it-tema – Kummerċ.
(6) Istituzzjoni fiskali indipendenti.
(7) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 1.
(8) ĠU C 262, 25.7.2018, p. 28.
(9) ĠU C 81, 2.3.2018, p. 131.
(10) ĠU C 440, 6.12.2018, p. 79.
(11) ĠU C 159, 10.5.2019, p. 15.
(12) Dokument ta’ riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa.
(13) ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10.
(14) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 165.
(15) OECD data, gross domestic spending on R&D (Data tal-OECD, infiq domestiku gross fuq ir-R&Ż) (mhux disponibbli bil-Malti).
(16) ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145.
(17) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 194.
(18) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 142.
(19) ĠU C 129, 11.4.2018, p. 58.
(20) Riforma taċ-ċibersigurtà fl-Ewropa.
ANNESS
L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti.
Emenda 12
Punt 5.5
Ibdel it-test kif ġej:
|
5.5 |
F'diversi Opinjonijiet tiegħu, il-KESE talab ukoll li jsir aktar investiment fl-infrastruttura u fis-servizzi pubbliċi, proġetti li jiġġeneraw it-tkabbir u l-benessri għaċ-ċittadini tagħha. Il-KESE esprima wkoll l-appoġġ tiegħu għal miżuri komprensivi li jiġu implimentati kontra l-prevenzjoni tal-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (BEPS) minn korporazzjonijiet multinazzjonali inkluż l-introduzzjoni ta’ bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK) u kontra l-frodi tal-VAT permezz ta’ kooperazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri fuq bażi ta’ kuljum kif ukoll tranżazzjonijiet finanzjarji, il-karburanti u l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, li jekk miġbura fil-livell Ewropew, ikunu jistgħu jisfruttaw bażi għat-taxxa transnazzjonali, sabiex jiġu miġġielda l-effetti globali fuq l-ambjent " " (1) Dan inaqqas l-evitar tat-taxxa u jipprovdi uniformità fil-politika fiskali. Il-KESE nnota wkoll li “l-Ewropa għandha pożizzjoni b'saħħitha biex tkabbar ditti innovattivi b'teknoloġija avvanzata, iżda meta dawn il-kumpaniji jkunu jeħtieġu investimenti kapitali robusti, normalment ifallu” (2) |
Raġuni
Sabiex jiġi evitat kull nuqqas ta’ ftehim, għandna nżommu ma’ affermazzjonijiet ġenerali. Għad ma kienx hemm diskussjonijiet fil-Kumitat, la dwar it-tassazzjoni tal-korporazzjonijiet multinazzjonali bħala sors ta’ riżorsi proprji, u lanqas dwar bażi tat-taxxa Ewropea komuni għall-karburanti u l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u t-tassazzjoni tagħhom. It-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji tnaqqas il-pensjonijiet tal-ħaddiema, u l-ħidma kontinwa tal-Kunsill permezz tal-kooperazzjoni msaħħa issa waqfet għalkollox. Rimarki simili għal din l-emenda saru fl-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-dokument ta’ riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE (COM(2017) 358 final) (2018/C 081/18).
L-emenda nċaħdet b’76 vot favur, 98 vot kontra u 16-il astensjoni.
Emenda 11
Punt 5.6
Żid it-test kif ġej:
|
5.6 |
L-UE ffirmat ftehimiet kummerċjali komprensivi, bħal dak mal-Ġappun, bil-għan li jiżdiedu l-iskambji tal-oġġetti u tas-servizzi filwaqt li jiġu protetti u mtejba d-drittijiet tal-ħaddiema u jitqiesu l-isfidi ambjentali. Madankollu, f'dawn l-aħħar ftit snin, tfaċċaw tendenzi protezzjonisti filwaqt li bdew jinħolqu gwerer kummerċjali. Jeħtieġ li l-UE tkompli fuq il-perkors tagħha li tippromovi l-kummerċ ħieles, ġust u sostenibbli f’sistema multilaterali u ftehimiet kummerċjali li jirrispettaw id-drittijiet soċjali, ambjentali u tal-konsumatur, filwaqt li tappoġġja n-negozji biex jikbru u jevolvu. Il-protezzjoniżmu mhux ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini. L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ se jkollha rwol importanti x'taqdi, u huwa kruċjali li l-KESE jaqdi r-rwol tiegħu fir-riforma tagħha (3). L-għeluq tal-fruntieri u l-imblukkar tal-kummerċ fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jkunu t-triq 'il quddiem. |
Raġuni
Biex it-test jinqara aħjar permezz ta' eżempju speċifiku tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE — biex issir referenza għall-FSE bejn l-UE u l-Ġappun.
Kif nafu, l-FSE bejn l-UE u l-Ġappun daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2019 u huwa l-akbar ftehim kummerċjali konkluż miż-żewġ naħat.
Dan ikopri 640 miljun ruħ mill-UE u l-Ġappun, kważi terz tal-PDG globali u 37 % tal-kummerċ globali.
74 000 kumpanija mill-UE jesportaw lejn il-Ġappun u 600 000 impjieg huma marbuta mal-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun. Dan tajjeb ukoll għall-konsumaturi peress li se jkun hemm aktar għażla bi prezz orħos. Barra minn hekk, jibgħat ukoll sinjal ċar li 2 mill-akbar ekonomiji fid-dinja jappoġġjaw bil-qawwa l-kummerċ ħieles, ġust u bbażat fuq ir-regoli.
L-emenda nċaħdet b’73 vot favur, 111-il vot kontra u 11-il astensjoni.
(1) ĠU C 81, 2.3.2018, p. 131 .