20.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, u lill-Bank

Ewropew tal-Investiment Pjaneta Nadifa għall-kulħadd Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”

(COM(2018) 773 final)

(2019/C 282/09)

Relatur: Pierre Jean COULON

Korelatur: Stefan BACK

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 17.6.2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjonijiet kompetenti

L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Opinjoni adottata fil-plenarja

20.6.2019

Sessjoni plenarja Nru

544

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

152/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jaqbel li r-riskju ta’ tisħin globali ta’ 2o C ftit wara l-2060 — lil hinn mil-livell massimu stabbilit fil-Ftehim ta’ Pariġi — se jkollu riperkussjonijiet negattivi serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-ekonomija fl-Ewropa. Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-objettiv li l-UE ssir ekonomija newtrali f’termini tal-klima sal-2050 b’mod soċjalment ġust u effiċjenti. Tali tranżizzjoni hija possibbli u ta’ benefiċċju għall-Ewropa.

1.2.

Għalhekk huwa ta’ bżonn urġenti li tittieħed azzjoni klimatika immedjatament. Il-KESE japprova l-prijoritajiet prevalenti stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-objettiv li l-Unjoni Ewropea ssir ekonomija newtrali f’termini tal-klima sal-2050. Il-KESE jistieden lin-negozji, lit-trejdjunjins, lill-NGOs, u lill-Kumitati Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali biex jappoġġjaw dan l-objettiv.

1.3.

Il-KESE jilqa’ r-riżultati tajbin mistennija mill-implimentazzjoni ta’ diversi miżuri li diġà ġew deċiżi, bi tnaqqis stmat ta’ 45 % fl-emissjonijiet ta’ gass serra sal-2030, li huwa akbar mill-impenn ta’ 40 % magħmul mill-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi, u tnaqqis ta’ 60 % sal-2050.

1.4.

Filwaqt li mhuwiex biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv ta’ soċjetà newtrali għall-klima sal-2050, il-KESE jqis li r-riżultati stmati fuq l-orizzont 2030 tal-miżuri li diġà ġew deċiżi jindikaw li kwalunkwe miżuri ġodda għandhom iqisu l-ħtieġa ta’ prevedibbiltà sabiex jippermettu ppjanar tajjeb u jevitaw assi mgħarrqa. Il-KESE għalhekk jinnota l-importanza li jintbagħtu sinjali ċari u f’waqthom lin-negozji, speċjalment lill-SMEs.

1.5.

Għall-istess raġunijiet, il-KESE jqis li huwa urġenti li tiġi ddefinita strateġija b’mod rapidu għal wara l-2030, sabiex tinkiseb tranżizzjoni għal soċjetà newtrali għall-klima sal-2050.

1.6.

Il-KESE jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima trid tiġi implimentata permezz ta’ approċċ kompetittiv, soċjalment ġust u multilaterali u li għandhom jiġu stabbiliti l-għodod xierqa biex jinkiseb l-involviment sħiħ u l-aċċettazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili, inklużi ċ-ċittadini, in-negozji u l-organizzazzjonijiet kollha. Dan jinkludi l-konċepiment u l-implimentazzjoni tal-ipprezzar tal-karbonju filwaqt li jitqiesu l-effetti fuq in-negozji u ċ-ċittadini.

1.7.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni fil-livell lokali u reġjonali u l-importanza tal-involviment sħiħ tal-awtowritajiet lokali u reġjonali.

1.8.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ekonomija ċirkolari, il-bijoekonomija, id-diġitalizzazzjoni u l-ekonomija kondiviża, bħala kontributuri ewlenin biex tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi u jitnaqqsu l-emissjonijiet.

1.9.

Il-KESE jfakkar l-importanza ewlenija tal-mobbiltà għall-funzjonament tas-suq intern tal-UE rikonoxxut mill-Komunikazzjoni, u jenfasizza l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet li jnaqqsu l-impronta tas-CO2 tal-mobbiltà, inkluża l-avjazzjoni, mingħajr ma jinfluwenzaw ir-rwol vitali tal-mobbiltà għall-ekonomija u s-soċjetà, l-individwi u n-negozji kollha tal-UE.

1.10.

Il-KESE jaqbel mal-importanza li l-elettriku jiġi ġġenerat mis-sorsi kollha disponibbli u futuri li ma jiġġenerawx emissjonijiet. L-interkonnessjonijiet fil-grilja, il-ħżin tal-enerġija u r-rispons fin-naħa tad-domanda huma fundamentali biex jiżguraw il-provvista tal-elettriku li dejjem qed jiġi ġġenerat aktar minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

1.11.

L-ippjanar bikri u l-istabbiliment bikri tal-objettivi huma importanti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ippjanar għan-negozji, iħeġġu r-riċerka u l-iżvilupp u joħolqu kundizzjonijiet favorevoli biex ikun possibbli li l-Ewropa, inklużi l-industrija Ewropea u n-negozji inġenerali, jisfruttaw il-benefiċċji li jkunu fl-avangwardja u jibqgħu kompetittivi. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi bħala mezz biex ikun hemm aktar pajjiżi involuti fi strateġija proattiva dwar il-klima u wkoll biex jiġu żgurati ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-industrija Ewropea u jiġi influwenzat l-istabbiliment tal-istandards.

1.12.

Il-finanzjament huwa fundamentali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ppjanata. Għalhekk, il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li għandhom jiġu pprovduti riżorsi baġitarji adegwati għall-appoġġ tar-riċerka, l-iżvilupp u l-użu industrijali.

1.13.

Il-KESE jinnota li l-finanzjament huwa kwistjoni kruċjali. Dan mhuwiex biss kwistjoni ta’ finanzjament pubbliku, u li għalhekk huwa importanti li jiġu promossi mekkaniżmi li jfittxu li jħeġġu l-investimenti ekoloġiċi.

1.14.

Il-KESE jinnota li t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima mhux se sseħħ mingħajr riċerka u innovazzjoni estensivi. Din teħtieġ kull xorta ta’ innovazzjoni, inkluż fil-qasam ta’ mġiba, mudelli tan-negozju, normi soċjali, proċessi, tekniki, kummerċjalizzazzjoni u teknoloġiji ġodda.

1.15.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti tal-bijoenerġija permezz tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju u l-bjar tal-karbonju naturali, bħall-foresti u ħafna prattiki agrikoli li jorbtu l-karbonju pereżempju l-bwar, il-mergħat, l-art torbiera, eċċ. Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-użu tal-potenzjal tas-sekwestru tal-karbonju tal-art agrikoli huma parti mis-soluzzjoni.

1.16.

Il-KESE jinnota li l-Ewropa tirrappreżenta madwar 7 % tal-popolazzjoni globali, 20 % tal-PDG globali u 30 % tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi ta’ kwalità għolja globali. Peress li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima trid tkun impenn globali biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, il-KESE jemmen li l-ikbar impatt li l-UE jista’ jkollha huwa li tagħti prova lill-bqija tad-dinja li din it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima tista’ tinkiseb u hija pożittiva għas-soċjetà. Bħala tali, li wieħed jagħmel 100 belt Ewropea newtrali għall-klima sal-2030 juri li t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima tista’ ssir realtà u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja.

1.17.

Il-KESE jqis li l-Ewropa teħtieġ patt soċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, li jkun hemm qbil dwaru mill-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata, sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura. Għal dan il-għan, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni għandhom jiġu mfassla u ffinanzjati kif xieraq. It-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima hija wkoll opportunità biex jinqered il-faqar enerġetiku u jittejbu l-kwalità tal-ħajja, il-ħolqien tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, u jiġi żgurat aċċess ugwali għas-servizzi bażiċi tal-enerġija għall-Ewropej kollha.

1.18.

Il-KESE jistieden lill-Parlament Ewropew biex jistabbilixxi Kumitat tal-UE indipendenti dwar it-Tibdil fil-Klima bil-kompitu li jagħmel valutazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ politika abbażi tax-xjenza. Fejn Kumitati simili ma jeżistux diġà, il-KESE jistieden lil dawk l-Istati Membri biex jistabbilixxu tali kumitati fil-livell nazzjonali u jiżguraw li dawn jirrappurtaw lill-parlamenti nazzjonali u lill-Kumitati Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali.

1.19.

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza għal darb’oħra l-urġenza li jinħoloq proċess effiċjenti ta’ djalogu, sabiex ikun jista’ jipprovdi kontribut utli u eventwalment aċċettazzjoni sħiħa tal-istrateġija li għandha tiġi fformulata u sottomessa sal-2020. Il-KESE għalhekk jipproponi li jiġi stabbilit djalogu permanenti maċ-ċittadini bħala element preparatorju obbligatorju tad-deċiżjonijiet politiċi ewlenin kollha u l-inizjattivi kollha pertinenti ta’ tfassil tal-liġijiet fil-livelli tal-UE, nazzjonali u sottonazzjonali. Il-kontribut fid-djalogu u l-mod kif jiġi kkunsidrat għandu jkun pubblikament viżibbli. Il-viżibbiltà tad-djalogu għandha tiġi żgurata billi ssir responsabbiltà fil-livell ta’ Kummissarju.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jqis it-tibdil tal-klima bħala theddida serja għas-soċjetà. It-temperaturi medji globali jistgħu jiżdiedu b’2o C ftit wara l-2060 - ferm lil hinn mil-livell massimu stabbilit fil-Ftehim ta’ Pariġi – li se jkollu riperkussjonijiet negattivi serji fuq l-ekonomija globali u fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien fid-dinja kollha. Kif ġie enfasizzat fir-rapport tal-IPCC tal-2018 (1) u fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd” (COM(2018) 773) (il-Komunikazzjoni), huwa meħtieġ sens ta’ urġenza biex titħares il-pjaneta u l-Ewropej jitħarsu mit-tibdil tal-klima.

2.2.

Il-KESE jinnota li filwaqt li hemm spiża għat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, hemm ukoll spiża ta’ nuqqas ta’ azzjoni. Skont il-Komunikazzjoni, diżastri relatati mat-temp ikkawżaw rekord ta’ EUR 283 biljun fi ħsara ekonomika fl-2017, u l-għargħar tax-xmajjar fl-Ewropa jistgħu jikkawżaw ħsara sa EUR 112-il biljun fis-sena.

2.3.

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-objettiv li l-UE ssir ekonomija newtrali f’termini tal-klima (jiġifieri l-kisba ta’ emissjonijiet ta’ gass serra żero netti) sal-2050 permezz ta’ tranżizzjoni soċjalment ġusta u b’mod kosteffiċjenti. Kif turi l-Komunikazzjoni, tranżizzjoni bħal din hija possibbli u ta’ benefiċċju. Barra minn hekk, hija konformi mal-impenji globali tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

2.4.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha jżid il-miri tal-enerġija tal-UE għall-2030 kemm għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (minn 27 % għal 32 %) kif ukoll għall-effiċjenza fl-enerġija (minn 27 % għal 32,5 %). Skont il-Komunikazzjoni, dan ifisser tnaqqis ta’ 45 % fl-emissjonijiet ta’ gass serra sal-2030, aħjar mill-impenn ta’ 40 % magħmul mill-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi u tnaqqis mistenni ta’ 60 % sal-2050. Dan mhuwiex se jikseb newtralità klimatika sal-2050. Il-KESE għalhekk jaqbel li hemm bżonn imperattiv għal viżjoni għat-trasformazzjoni ekonomika u tas-soċjetà kif stabbilit fil-Komunikazzjoni.

2.5.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-prevedibbiltà biex jiġi ffaċilitat l-ippjanar u jiġu evitati assi mitlufa. Il-KESE japprezza d-dikjarazzjoni fil-Komunikazzjoni li attwalment mhuma ppjanati l-ebda politiki ġodda u l-ebda reviżjoni tal-miri tal-2030, u jinnota l-importanza ta’ sinjali ċari u f’waqthom lin-negozji, speċjalment l-SMEs.

2.6.

Il-KESE jaqbel li biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika, dan jeħtieġ bidliet strutturali fl-oqsma kollha tas-soċjetà. Se jkun hemm impatt fuq iċ-ċittadini, in-negozji u l-entitajiet kollha. Għalhekk, huwa essenzjali li s-soċjetà ċivili tkun involuta b’mod sħiħ, mobilizzata u tingħata l-għodod xierqa biex tinfluwenza l-miżuri meħtieġa biex tintlaħaq in-newtralità klimatika. Il-KESE jfakkar ukoll li l-integrazzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima fl-ippjanar fit-tul hija essenzjali biex jiġu żgurati l-iżvilupp soċjali u ekonomiku.

2.7.

Il-KESE jenfasizza l-urġenza li tingħata spinta lill-azzjoni tal-UE u li tintwera tmexxija tajba sabiex jinħasdu l-benefiċċji tal-ewwel pijunieri.

2.8.

Il-KESE jieħu nota tad-definizzjoni ta’ seba’ “elementi importanti strateġiċi” li jindikaw l-oqsma fejn għandha tittieħed azzjoni u fejn jiġi permess li jitfassal qafas.

2.9.

Il-KESE japprova l-approċċ li jiġi pprovdut portafoll ġenerali ta’ 12-il prijorità prevalenti li għandhom jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-objettiv ta’ emissjonijiet żero, u jieħu nota b’mod partikolari tad-dikjarazzjoni li l-Istati Membri, in-negozji u ċ-ċittadini se jkunu jistgħu jagħżlu u jadattaw perkorsi għaċ-ċirkostanzi nazzjonali sabiex jinkisbu trasformazzjonijiet soċjetali u ekonomiċi estensivi f’kull settur tal-ekonomija.

2.10.

Il-KESE b’mod partikolari jenfasizza l-importanza ta’ dibattiti fil-livelli nazzjonali, sottonazzjonali, tal-partijiiet ikkonċernati u taċ-ċittadini bħala mezz biex b’mod demokratiku jinħolqu flimkien id-diversi miżuri li jippromovu t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, inkluż tibdil fl-imġiba. Tali dibattiti se jgħinu wkoll biex jidentifikaw il-miżuri li jistgħu jiksbu appoġġ pubbliku u jinvolvu s-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini, skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali.

2.11.

Il-KESE jiddispjaċih li mhuwiex ċar jekk u sa fejn l-Istati Membri se jkunu liberi li jadattaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom. Kjarifika dwar dan il-punt waqt il-konsultazzjonijiet ippjanati se tkun utli ħafna. L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija tikkostitwixxi test f’dak ir-rigward.

2.12.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet imfissra fil-prijoritajiet prevalenti diġà ġew indirizzati jew qed jiġu indirizzati mill-Kummissjoni u li l-KESE kien qed jappoġġja dawk l-inizjattivi u għamel suġġerimenti, inkluż il-ħolqien ta’ forums ta’ kuntatt u l-enfasizzar tal-importanza tal-aspetti soċjali u l-governanza.

2.13.

Il-KESE jappoġġja dawn il-prijoritajiet u jenfasizza li għandhom jitqiesu bħala pakkett. Il-KESE b’mod partikolari jenfasizza l-importanza tal-finanzjament, tar-rwol taċ-ċittadini, il-prosumaturi u l-konsumaturi u l-aspett soċjali, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. L-involviment pożittiv taċ-ċittadini jista’ jinħoloq b’mod partikolari billi ċ-ċittadini jitħallew jaqsmu l-benefiċċji ekonomiċi tat-tranżizzjoni. Dan jista’, pereżempju jinkludi l-promozzjoni b’mod attiv tas-sjieda kondiviża fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli deċentralizzata, bħall-enerġija mix-xemx u mir-riħ. Huwa essenzjali li tiġi żgurata l-aċċettazzjoni ta’ kwalunkwe piż li jirriżulta, pereżempju, mill-ipprezzar tal-karbonju.

2.14.

Il-KESE jerġa’ jtenni l-importanza li jiġi stabbilit u mtejjeb kuntatt bejn l-amministrazzjoni u atturi mhux statali u jirreferi għall-proposti tiegħu biex tinħoloq koalizzjoni ta’ politika, amministrazzjoni u soċjetà ċivili (2).

3.   Bżonn għal politika industrijali ġenwina u kumplessiva tal-UE għat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, appoġġjata minn R&I ambizzjuża, patt soċjali u demokrazija

3.1.   Kummenti dwar it-12-il prijorità

3.1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza vitali tal-effiċjenza fl-enerġija u ta’ sorsi nnovabbli sabiex l-Ewropa tiġi kompletament dekarbonizzata. Dawn diġà huma soluzzjonijiet ippruvati.

3.1.2.

Il-potenzjal tal-elettriku bħala xprun għad-dekarbonizzazzjoni huwa konsiderevoli f’diversi oqsma, inkluż it-tisħin u t-tkessiħ (inklużi pompi tas-sħana, tisħin distrettwali u tkessiħ distrettwali), il-fjuwils elettroniċi u l-elettromobbiltà. Il-KESE jinnota li 55 % tal-elettriku tal-Unjoni Ewropea diġà jiġi minn sorsi ħielsa mill-karbonju (jiġifieri 25 % minn nukleari, 30 % mir-riħ, enerġija idroelettrika, solari u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli oħra), u jaqbel mal-komunikazzjoni li l-elettriku prodott għandu kemm jista’ jkun jiġi minn sorsi nodfa, newtrali għall-klima, u ħielsa minn emissjonijiet.

3.1.3.

Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzata, pereżempju permezz ta’ kooperattivi tal-enerġija u prosumaturi (3). L-iżvilupp ta’ sistemi diġitalizzati intelliġenti u flessibbli għall-immaniġġjar tad-domanda u l-provvista f’sistema tal-enerġija deċentralizzata bbażata fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi rwol sinifikanti għall-prosumaturi se jkun karatteristika importanti tal-futur. Il-ħżin tal-enerġija huwa wkoll essenzjali għall-użu fuq skala kbira ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli minħabba l-varjazzjonijiet fil-livelli ta’ produzzjoni, kemm fuq bażi ta’ kuljum kif ukoll ta’ kull sena.

3.1.4.

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ mobbiltà nadifa permezz ta’ modi ta’ trasport alternattivi, inkluż it-trasport pubbliku, permezz ta’ sistemi ta’ propulsjoni alternattivi għall-modi kollha tat-trasport, inklużi l-elettrifikazzjoni u l-idroġenu sostenibbli, il-gass u l-bijofjuwils, anke għal vetturi tat-triq tqal, it-tbaħħir u l-avjazzjoni u permezz ta’ effiċjenza akbar bis-saħħa tad-diġitalizzazzjoni, l-elettrifikazzjoni u s-sistemi kollaborattivi. Dan jippermetti sistema ta’ trasport aħjar u aktar effiċjenti b’impronta ambjentali iżgħar. Għalhekk, il-KESE jitlob White Paper ġdida dwar il-politika tat-trasport, li tieħu post dik attwali. Il-KESE jinnota l-għanijiet limitati tat-tnaqqis ta’ gass serra għas-setturi li mhumiex tal-ETS, inkluż trasport, miftiehma mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2014 (4). It-taxxi u l-imposti, inkluża l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, għandhom jintużaw bħala inċentivi għal effiċjenza aħjar, ikunu aċċettabbli għal dawk ikkonċernati u ma jżidux il-livell globali tat-tassazzjoni.

3.1.5.

Il-KESE jaqbel dwar l-importanza ta’ industrija tal-UE kompetittiva u l-ekonomija ċirkolari bħala elementi importanti għat-tnaqqis ta’ GHG, inkluż bidla għal fjuwils alternattivi, ġbir u użu tal-karbonju. Il-KESE jixtieq jara referenza ċara għall-Industrija 4.0, id-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva bħala fundamentali biex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet (5). Il-KESE jenfasizza li l-ekonomija ċirkolari hija fattur ewlieni fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Strateġiji tal-ekonomija ċirkolari, bħal miżuri biex jitnaqqas l-input ta’ materjali verġni, jittejjeb l-użu ta’ assi eżistenti u jitnaqqas l-output ta’ skart, se jkunu ta’ kontribut sinifikanti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jibnu ekonomija newtrali għall-klima (6).

3.1.6.

Il-promozzjoni ta’ sistemi alimentari sostenibbli se tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, inkluż billi tipproteġi u toħloq aktar bjar tal-karbonju. Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li l-impatt ambjentali tas-sistemi tal-ikel jista’ jitnaqqas billi jitħeġġu dieti sempliċi tan-nutrijenti (7), u l-produzzjoni u l-konsum staġjonali tal-ikel. Il-ktajjen tad-distribuzzjoni tal-ikel għandhom jitqassru u jiġi mnaqqas l-ippakkjar.

3.1.7.

L-industrija Ewropea wriet il-kapaċità tagħha li tiżviluppa alternattivi ta’ enerġija nadifa. L-industrija tal-UE għadha minn ta’ quddiem f’setturi ewlenin, bħat-turbini tar-riħ, iżda tilfet il-vantaġġ tagħha f’oħrajn, bħall-produzzjoni tal-pannelli solari, li żgiċċat minn idejn l-Ewropa, parzjalment minħabba għażliet ħżiena ta’ politika pubblika magħmula minn gvernijiet nazzjonali preċedenti. Madwar 1 % biss tal-produzzjoni dinjija tal-batteriji tal-litju tinsab attwalment fl-Ewropa. Sabiex jiġi evitat li jiġu ripetuti dawn l-iżbalji għas-setturi emerġenti, il-KESE jilqa’ inizjattivi bħall-Pjan ta’ Azzjoni għall-promozzjoni tal-industrija tal-batteriji fl-UE u l-konkretizzazzjoni ta’ pjani biex tiġi implimentata l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji, inkluż l-iżvilupp ta’ teknoloġija ġdida (8).

3.1.8.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu stabbiliti standards f’fora internazzjonali, fejn l-UE tista’ tieħu pożizzjoni ta’ tmexxija, bil-vantaġġ kompetittiv li dan jinvolvi.

3.1.9.

Il-KESE jaqbel dwar l-importanza li jiġu inklużi ekonomiji ewlenin u emerġenti oħra u li jinħoloq momentum pożittiv. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal-pajjiżi terzi. Il-preservazzjoni tal-kompetittività għandha tkun element importanti fl-għażliet tal-politika rilevanti kollha.

3.1.10.

Il-KESE jenfasizza l-bżonn kbir ta’ investiment u kooperazzjoni transkonfinali u bejn is-setturi fl-ippjanar li hija neċessarja biex jiġu implimentati n-netwerks intelliġenti, inklużi arloġġi intelliġenti, u faċilitajiet ta’ ħżin tal-enerġija, li huma prerekwiżit fundamentali għall-implimentazzjoni effiċjenti ta’ pjani tan-netwerk eżistenti u futuri, u għall-indirizzar ta’ varjazzjonijiet fil-produzzjoni ta’ enerġiji alternattivi.

3.1.11.

Il-KESE jinnota li l-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) jidher li huwa s-seba’ element importanti strateġiku u li attwalment tal-inqas għadu kruċjali għall-possibbiltà li tinkiseb soċjetà newtrali għall-klima fl-2050, speċjalment permezz tal-bijoenerġija b’CCS. Il-KESE jinnota li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri analizzat li l-finanzjament tal-UE diġà eżistenti mfassal biex jappoġġja s-CCS, bħal NER 300, “ma wettaq l-ebda proġett ta’ suċċess għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju”. Għalhekk hemm ħafna inċertezza dwar il-vijabbiltà teknoloġika tas-CCS, u xi ftit inċertezza dwar l-appoġġ pubbliku għas-CCS.

3.1.12.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ bjar tal-karbonju naturali, bħall-foresti u ħafna prattiki agrikoli li jissekwestraw il-karbonju, eż. bwar, mergħat, torbiera, eċċ. Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, flimkien mal-użu ta’ prodotti bbażati fuq l-injam li jaħżnu l-karbonju u li s-sostituti ta’ materjali u enerġija bbażati fuq il-fossili jagħtu mitigazzjoni fit-tul kif ukoll itejbu l-kapaċità ta’ adattament tal-foresti għat-tibdil fil-klima. Huwa essenzjali li tiġi sfruttata l-kapaċità tas-sekwestru tal-karbonju tal-art agrikola. Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-użu potenzjali tas-sekwestru tal-karbonju ta’ art agrikola huma parti mis-soluzzjoni.

3.2.   Il-Kundizzjonijiet tal-qafas — ħarsa ġenerali

3.2.1.

Il-KESE jaqbel li l-aċċess għal finanzjament adegwat huwa essenzjali biex it-trasformazzjoni prevista tirnexxi. Huwa essenzjali li jiġi attirat investiment pubbliku u privat suffiċjenti. Il-KESE għalhekk itenni t-talba tiegħu li jiġi żgurat li 40 % tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u 40 % tal-baġit tal-UE jiġu investiti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex fil-baġits tal-UE u nazzjonali kollha tiġi inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (9) (10). Il-KESE jenfasizza r-rabta mill-qrib bejn il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni u t-tnedija fis-suq ta’ soluzzjonijiet innovattivi, kif stabbilit hawn taħt fil-punti 3.3.5 u 3.3.6.

3.2.2.

Il-KESE għalhekk jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Finanzjament ta’ Tkabbir Sostenibbli u l-proposti leġislattivi li jirriżultaw minnu. Il-KESE jerġa’ jtenni li huwa importanti li l-finanzjament ekoloġiku jingħata immaġni pożittiva, iżda wkoll li kwalunkwe tip ta’ tikkettar jew parametru ta’ referenza jikkunsidra speċifiċitajiet settorjali u lokali kif ukoll id-daqs tan-negozji kkonċernati (11).

3.2.3.

Il-KESE jfakkar fil-proposti tanġibbli tiegħu għal direzzjoni ġdida tal-finanzjament lejn investimenti sostenibbli permezz ta’ “allokazzjoni ekoloġika (12)”, permezz ta’ tnaqqis kwantitattiv mill-Bank Ċentrali Ewropew bħala sors ta’ finanzjament.

3.2.4.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi pprovdut sett ta’ għodod li jiffaċilita l-aċċess għal finanzjament għal atturi fuq skala żgħira sabiex jippermetti lill-atturi fil-livelli kollha jaċċessaw il-finanzjament għall-klima (13).

3.2.5.

Finalment, il-KESE jenfasizza li t-teknoloġiji li huma relatati mal-klima u t-trasformazzjoni tal-enerġija huma f’evoluzzjoni kostanti u dinamika. Rievalwazzjoni regolari ta’ modi u mezzi hija għalhekk kruċjali.

3.3.   Riċerka u innovazzjoni

3.3.1.

Il-KESE jinnota li mhu se jkun hemm l-ebda tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima mingħajr riċerka u innovazzjoni estensivi, inkluż innovazzjoni soċjali. Tabilħaqq, dan jeħtieġ kull xorta ta’ innovazzjoni, inkluż imġiba, mudelli tan-negozju, normi soċjali, proċessi, tekniki, kummerċjalizzazzjoni u teknoloġiji ġodda.

3.3.2.

Il-KESE jinnota li l-Ewropa tirrappreżenta madwar 7 % tal-popolazzjoni globali, 10 % emissjonijiet ta’ gass serra, 20 % tal-PDG globali u 30 % tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi ta’ kwalità għolja globali. Peress li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima trid tkun impenn globali biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, il-KESE jemmen li l-UE tista’ tikseb l-ikbar impatt billi tagħti prova lill-bqija tad-dinja li din it-tranżizzjoni hija fattibbli u pożittiva għas-soċjetà.

3.3.3.

Il-KESE jikkunsidra li l-Ewropa tipproduċi xjenza eċċellenti iżda tbati biex tittrasformaha f’innovazzjoni ta’ valur. L-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw aħjar ir-riċerka u l-innovazzjoni tul il-ktajjen ta’ valur kollha tagħhom, mir-riċerka bażika sal-iskjerament kummerċjali, u jinkludu x-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi (SSH) biex jittejjeb il-fehim ta’ x’jixpruna l-għażliet tal-enerġija li jsiru mill-utenti finali, inklużi l-SMEs u ċ-ċittadini.

3.3.4.

Il-KESE jikkunsidra li l-UE għandha opportunità storika biex tippermetti lin-negozji, l-innovaturi, il-ħaddiema u l-investituri Ewropej biex jaffermaw it-tmexxija globali fis-swieq tal-enerġija nadifa li qed jiffjorixxu. L-UE għandha żżid l-ambizzjoni tagħha fl-oqsma kollha tal-enerġija nadifa, mill-effiċjenza fl-enerġija sal-mobbiltà elettronika, biex tipprovdi lin-negozju Ewropew b’suq domestiku sod fejn l-innovazzjoni tkun tista’ tintuża b’mod sikur, kif ukoll strateġija industrijali integrata mmirata lejn l-esportazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-enerġija nadifa lill-bqija tad-dinja.

3.3.5.

Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew biex jiżguraw li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss jappoġġja sew ir-riċerka, l-innovazzjoni u, fejn possibbli l-użu kummerċjali fl-enerġija u l-klima. Għalhekk huwa jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew għal żieda fil-baġit ta’ Orizzont Ewropa għal EUR 120 biljun għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027. Huwa jitlob ukoll sinerġiji bejn l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE, inkluż l-Orizzont Ewropa, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond ta’ Innovazzjoni, il-Fondi Strutturali, l-ITER, il-programm ta’ riċerka u taħriġ ta’ Euratom u l-Erasmus u l-għodod ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment.

3.3.6.

Il-KESE jilqa’ l-proposta li jinħolqu “Missjonjiet ta’ Riċerka u Innovazzjonijiet” sabiex ir-riċerka u l-innovazzjoni jingħataw direzzjoni aħjar lejn proġetti dwar l-isfidi tas-soċjetà, inkluża t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jistabbilixxu missjoni speċifika biex 100 belt tal-UE jkunu newtrali għall-klima sal-2030. Dan se juri lill-Ewropej kollha li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima tista’ ssir realtà u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej kollha. Din se tkun ukoll l-opportunità li ssir ħidma konkreta ma’ bliet madwar id-dinja, l-ewwel ma’ bliet minn pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-Unjoni għall-Mediterran, biex ikunu jistgħu jiġu ispirati minn esperjenzi Ewropej.

3.3.7.

Il-KESE jilqa’ l-proposta li jinħoloq “Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni”. Biex jibni fuq l-esperjenza tal-għodod li diġà jeżistu, inkluż l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, il-KESE jixtieq li l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni jsir l-għodda ewlenija tal-UE għall-provvista ta’ kapital paċenzjuż u tolleranti għar-riskju lil dawk l-innovazzjonijiet li huma essenzjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Dan jista’ jgħin lin-negozji ġodda jsiru l-aqwa fl-Ewropa, minflok jinxtraw minn kompetituri mill-Istati Uniti jew mill-Asja.

3.3.8.

Il-KESE jinnota f’dan il-kuntest ir-rwol kritiku tal-komunitajiet reġjonali u lokali fl-indirizzar tal-isfidi klimatiċi u fiż-żieda tal-adattabbiltà u r-reżiljenza, b’modi li jaffettwaw b’mod dirett il-prospetti fil-livell lokali għal trasformazzjoni wiesgħa. Ħafna komunitajiet diġà qed jieħdu l-inizjattiva huma stess, u jaqdu rwol effettiv fis-soluzzjonijiet meħtieġa. Il-KESE jenfasizza r-rwol tal-gżejjer tal-UE, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, bħala innovaturi potenzjali għal politiki newtrali għall-klima għall-Unjoni Ewropea u l-bqija tad-dinja.

3.4.   It-tfassil konġunt ta’ patt soċjali għat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima

3.4.1.

Il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u sottonazzjonali kollha għandhom jibnu appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Tħassib leġittimu mqajjem mill-ħaddiema tal-faħam f’ħafna pajjiżi tal-UE, u l-movimenti soċjali reċenti fi Franza komplew jenfasizzaw dan il-bżonn li jintwera li t-tranżizzjoni lejn soċjetà aktar ambjentalment sostenibbli, għandha tkun ukoll tranżizzjoni lejn soċjetà aktar demokratika u soċjalment ġusta.

3.4.2.

Il-KESE jqis li l-Ewropa teħtieġ patt soċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, li jkun hemm qbil dwaru mill-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata, sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura.

3.4.3.

Il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tipprovdi finanzjament xieraq biex tappoġġja lil ħaddiema fir-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom bħala riżultat tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Għal dan l-għan, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni jitfasslu u jiġu ffinanzjati b’mod xieraq biex jindirizzaw l-isfidi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Dan ikun sinjal tar-rieda tal-Ewropa li tiżgura li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.

3.4.4.

Il-KESE jqis li l-ħiliet tal-ħaddiema ta’ ekonomija newtrali għall-klima jistgħu jkunu differenti b’mod sinifikanti mill-ħiliet li ħafna ħaddiema għandhom illum. Huwa importanti li l-edukazzjoni u l-programmi ta’ taħriġ jiġu adattati sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema u s-servizzi ta’ taħriġ futuri u attwali jistgħu jinkludu t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima fl-għażliet ta’ taħriġ tagħhom. Dan se jippermetti adattament aktar rapidu tal-forza tax-xogħol Ewropea u se jgħin lill-Ewropej jiżviluppaw talenti ġodda.

3.4.5.

Il-KESE jqis it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima bħala l-opportunità biex jiġu pprovduti impjiegi għal Ewropej żgħażagħ, inkluż persuni żgħazagħ qiegħda. Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa “programm Erasmus Pro Ekoloġiku”, li jibni fuq il-proġett pilota tagħha tal-Erasmus Pro, kif ukoll proġetti oħra li jistgħu jattiraw aktar żgħażagħ lejn is-setturi tal-ekonomija newtrali għall-klima li qed jikbru (eż. agrikoltura sostenibbli, ekonomija ċirkolari, immaniġġjar tal-iskart, effiċjenza enerġetika, ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli) billi jittejbu l-immaġni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn l-impjiegi.

3.4.6.

Il-KESE jqis it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima bħala opportunità biex jinqered il-faqar enerġetiku fl-Ewropa u jittejbu l-kwalità tal-ħajja, il-ħolqien tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali. L-UE għandha tiżgura aċċess ugwali għas-servizzi bażiċi tal-enerġija għall-Ewropej kollha. Il-bini fuq is-sejbiet tal-Osservatorju Ewropew dwar il-Faqar Enerġetiku, il-pjan ta’ azzjoni Ewropew biex jiġi eradikat il-faqar enerġetiku għandu jitfassal f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, biex jiġi żgurat li l-azzjoni pubblika tkun immirata dejjem aktar lejn il-kawżi prinċipali tal-faqar enerġetiku. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm bidla minn miżuri palljattivi għal miżuri preventivi, bħar-rinnovazzjoni biex bini antik jiġi ttrasformat f’bini mingħajr konsum nett ta’ enerġija. It-tariffi soċjali u ċ-ċekkijiet tal-enerġija jistgħu jikkostitwixxu biss għajnuna temporanja u għandhom jiġu sostitwiti gradwalment minn mekkaniżmi bħal sussidji sabiex bini eżistenti jsir bini mingħajr konsum nett ta’ enerġija, u għal xiri ta’ karozzi elettriċi.

3.4.7.

Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu u jappoġġjaw aħjar sens ta’ sjieda fost iċ-ċittadini u l-komunitajiet għall-inizjattivi lokali kollha meħtieġa sabiex tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima, inklużi inizjattivi mmirati lejn il-bidla fl-imġiba u l-produzzjoni lokali tal-enerġija rinnovabbli. Il-mekkaniżmi ta’ appoġġ u r-riformi fis-suq tal-enerġija għandhom jippermettu lill-komunitajiet lokali jieħdu sehem b’mod attiv fil-produzzjoni tal-enerġija u jkollhom aċċess ġust għas-suq tal-enerġija. L-Istati Membri li m’għandhomx il-kapaċità istituzzjonali għandhom ikunu assistiti b’mod aktar attiv.

3.4.8.

Il-KESE jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tnaqqas bin-nofs in-numru ta’ mwiet prematuri kkawżati mit-tniġġis tal-arja sal-2030 (400 000 mewta prematura fl-Ewropa fl-2015). Il-KESE jqis li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha għandhom jagħmlu l-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja prijorità politika ta’ livell għoli. Il-miżuri regolatorji li jnaqqsu s-sustanzi li jniġġsu l-arja li joħorġu mill-vetturi u l-impjanti tal-enerġija għandhom jissaħħu. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinvolvi aktar lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment l-assoċjazzjonijiet li qed jipproteġu lit-tfal u lill-anzjani, għax dawk il-gruppi tal-popolazzjoni Ewropea huma l-aktar f’riskju li jbatu u jmutu mit-tniġġis tal-arja.

3.4.9.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-abbozz ta’ patt soċjali għal tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima huwa karatteristika essenzjali biex jiġi żgurat l-involviment pożittiv taċ-ċittadini favur azzjonijiet tanġibbli favur din it-tranżizzjoni.

3.5.   Demokrazija u governanza

3.5.1.

Il-KESE jaqbel mal-importanza tar-rwol taċ-ċittadini, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini previst matul id-djalogi taċ-ċittadini. Fid-dawl tal-mobilizzazzjoni taż-żgħażagħ fuq skala enormi, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jibdew djalogu wkoll maċ-ċittadini żgħażagħ.

3.5.2.

Il-KESE jilqa’ l-fehma tal-Kummissjoni li, għal mobbiltà nadifa, it-“tibdil fl-imġiba tal-individwi u l-kumpaniji għandu jsaħħaħ din l-evoluzzjoni”. Il-KESE jemmen li dan huwa veru wkoll għas-setturi kollha kkonċernati bit-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, inklużi l-enerġija, l-abitazzjoni, l-agrikoltura u l-ikel. Il-KESE jenfasizza li l-bidliet vasti maħsuba, inklużi bidliet fl-imġiba u fil-mod tal-għajxien, se jeħtieġu li jiġu aċċettati minn dawk ikkonċernati.

3.5.3.

Il-KESE jaħseb li l-proċeduri eżistenti għadhom mhumiex adattati biżżejjed biex jiżguraw l-aċċettazzjoni neċessarja miċ-ċittadini. Il-KESE jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea għandu jkollha l-għan li mhux biss tagħmel it-tranżizzjoni tal-enerġija “soċjalment aċċettabbli”, iżda li tiżgura wkoll li hija appoġġjata b’mod demokratiku u soċjali.

3.5.4.

Filwaqt li jibni fuq ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, il-KESE jipproponi li għandu jitwaqqaf djalogu permanenti taċ-ċittadini u li għandu jkun element preparatorju obbligatorju tad-deċiżjonijiet politiċi ewlenin kollha u tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE kollha li huma rilevanti għat-tibdil fil-klima. It-trasparenza u r-responsabbiltà għandhom ikunu elementi sinifikanti ta’ djalogu bħal dan, li għandu jkun qrib iċ-ċittadini. Għalhekk, filwaqt li jista’ jkun neċessarju djalogu fuq l-Internet, dan għandu jiġi kkomplementat minn laqgħat u kuntatt dirett mal-pubbliku ġenerali. Għandu jkun iffinanzjat b’mod xieraq, għandu jkun hemm biżżejjed persunal u jingħata wiċċ f’forma ta’ viċi president dedikat tal-Kummissjoni Ewropea.

3.5.5.

Il-KESE jqis li l-UE u l-Istati Membri jeħtieġu li jiddemokratizzaw aktar it-tfassil tal-politika dwar l-enerġija, bl-użu ta’ għodod bħall-istħarriġ deliberattiv u billi jiġi żgurat l-involviment sistemiku u r-riżorsi neċessarji għas-soċjetà ċivili organizzata biex tipparteċipa meta jitfasslu u jiġu implimentati l-pjani nazzjonali tal-enerġija u tal-klima.

3.5.6.

Il-KESE jinnota r-rwol kruċjali li jaqdu r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali fit-twettiq tal-politika dwar il-klima u l-enerġija u fit-trawwim tal-imġiba meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tagħha. Huwa jindika inizjattivi meħuda mill-Patt tas-Sindki u jistieden lill-Kummissjoni tapprova inizjattivi simili u tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni permanenti bbażat fuq id-Djalogu ta’ Talanoa (14). Dan jinkludi d-Djalogu Ewropew dwar Azzjoni Klimatika Mhux Statali li talab il-KESE.

3.5.7.

Il-KESE jtenni s-sejħa tiegħu għall-ħolqien ta’ Servizz Ewropew ta’ Informazzjoni dwar l-Enerġija fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent li jkun jista’ jiżgura aċċess miftuħ għal data ta’ kwalità, jiżviluppa punt tad-dħul wieħed għas-settijiet tad-data kollha meħtieġa biex jiġi vvalutat il-progress tal-Unjoni tal-Enerġija, jiżviluppa flimkien mal-partijiet ikkonċernati suppożizzjonijiet għal xenarji differenti, jipprovdi mudelli b’sors miftuħ biex jippermetti l-ittestjar ta’ suppożizzjonijiet differenti u jikkontrolla l-konsistenza bejn projezzjonijiet differenti. Il-ħidma tiegħu għandha tkun aċċessibbli liberament għal dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet, għan-negozji u għall-pubbliku ġenerali.

3.5.8.

Il-KESE jistieden lill-Parlament Ewropew biex jistabbilixxi Kumitat tal-UE indipendenti dwar it-Tibdil fil-Klima bil-kompitu li jagħmel valutazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ politika abbażi tax-xjenza. Fejn Kumitati simili ma jeżistux diġà, il-KESE jistieden lil dawk l-Istati Membri biex jistabbilixxu tali kumitati fil-livell nazzjonali u jiżguraw li dawn jirrappurtaw lill-parlamenti nazzjonali u lill-Kumitati Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali.

Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ir-rapport speċjali tal-IPCC adottat f’Ottubru 2018.

(2)  Opinjonijiet tal-KESE dwar “Il-ħolqien ta’ koalizzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali sottonazzjonali biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi” (ĠU C 389, 21.10.2016, p. 20) u dwar “Il-promozzjoni ta’ azzjonijiet klimatiċi minn atturi mhux statali” (OJ C 227, 28.6.2018, p.35).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli” (ĠU C 246, 28.7.2016, p. 55).

(4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 23–24.10.2014, EUCO 169/14, punti I 2.1, 2.2, 2.10–2.13.

(5)  Opinjonijiet tal-KESE dwar “Ninvestu f’industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli -Strateġija mġedda għal Politika Industrijali tal-UE” (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 70), “Żviluppi strateġiċi fil-politika industrijali sal-2030” (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 16), “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva” (ĠU C 75, 10.3.2017, p. 33).

(6)  Rapport ta’ Circle Economy u Ecofys Circular Economy: A key lever in bridging the emissions gap to a 1.5°C pathway. (L-Ekonomija Ċirkolari: Fattur ewlieni biex titnaqqas id-differenza fl-emissjonijiet għal perkors ta’ 1,5 °C) (Mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp ta’ politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE” (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18).

(8)  Stqarrija għall-Istampa mill-Viċi President Maris Sefcovic, April 2019, Konferenza Stampa Konġunta ma’ Peter Altmaier u Bruno Le Maire, 2 ta’ Mejju 2019.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima” (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 8).

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għall-klima għal atturi mhux statali” (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 14)

(11)  Opinjonijiet tal-KESE dwar Pjan ta’ azzjoni dwar il-finanzjament sostenibbli (ĠU C 62, 15.2.2019, p 73), u Finanzjament sostenibbli: tassonomija u parametri referenzjarji ( ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103).

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima” (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 8).

(13)  Ara nota 10 f’qiegħ il-paġna.

(14)  https://unfccc.int/topics/2018-talanoa-dialogue-platform.