5.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b’saħħitha quddiem l-inċertezza globali”

COM(2018) 770 final

(2019/C 190/04)

Relatur: Anne DEMELENNE

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea, 18.2.2019

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

1.2.2019

Adottata fil-plenarja

20.2.2019

Sessjoni plenarja Nru

541

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

Text to be inserted

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) jagħti valutazzjoni ġeneralment pożittiva tal-progress ekonomiku u soċjali fil-passat, b’rabta mat-tkabbir ekonomiku, l-investiment u l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol. Minkejja li kien hemm titjib pożittiv mill-2014 ’il hawn, id-data ppreżentata turi li l-prestazzjoni ma kinitx impressjonanti meta mqabbla ma’ dik ta’ ekonomiji avvanzati oħra.

1.2.

Is-SAT isemmi perikli minn avvenimenti esterni, iżda ma jipproponix kontromiżuri adegwati. It-theddid estern għandu jindika l-ħtieġa li jitħejjew politiki ta’ stimolu għaż-żamma tal-livelli ta’ tkabbir u ta’ impjieg. Dan għandu implikazzjonijiet għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri.

1.3.

Produttività aħjar hija kruċjali biex tinżamm il-pożizzjoni kompetittiva tal-UE u biex jitjieb il-benessri. Riformi li jistgħu jwasslu għal produttività aħjar għandhom jintlaqgħu tajjeb. Madankollu, tinħtieġ evalwazzjoni approfondita tal-politiki tal-passat, fid-dawl tar-riżultati mħallta sa issa, inklużi l-pass bil-mod tal-irkupru ekonomiku, it-tħassib kontinwu dwar il-produttività relattiva għall-kompetituri, u ż-żieda fl-impjieg prekarju.

1.4.

Produttività ogħla tiddependi mit-titjib f-edukazzjoni u t-taħriġ, kif enfasizzat fis-SAT. Dan għandu jkun appoġġjat mill-imsieħba soċjali, mis-soċjetà ċivili u mill-investiment pubbliku u privat, inkluż l-investiment appoġġjat mill-Fondi Strutturali tal-UE.

1.5.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Pilastru Soċjali jingħata prominenza. Għandu jkun aktar ċar kif se jaħdem fil-prattika, kif ir-riżorsi jistgħu jsiru disponibbli permezz tal-Fondi Soċjali Ewropej u strumenti Ewropej oħra, u kif dan se jiġi ffinanzjat fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

1.6.

Hemm referenzi għal oqsma fejn ġew proposti politiki ġodda, inklużi tassazzjoni ġusta, l-unjoni bankarja u l-funzjonament taż-żona tal-euro. Il-progress miexi bil-mod ħafna u l-proposti spiss ikunu pjuttost modesti. L-involviment sħiħ tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili jkun ta’ benefiċċju.

1.7.

L-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima hija msemmija fil-qosor, iżda, minħabba r-riskji assoċjati għall-ekonomija kif stabbilit fir-Rapport dwar ir-Riskji Globali (1) għall-Forum Ekonomiku Dinji, tingħata qasma qasira ħafna. U lanqas ma huma indirizzati l-ispejjeż esterni tal-ekonomija bbażata fuq il-karbonju. Il-miżuri għall-ħarsien tal-klima adottati s’issa għadhom insuffiċjenti. Pass importanti jkun li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jingħata l-isem il-ġdid ta’ Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli. Minbarra li jirrikonoxxi l-importanza tat-tibdil fil-klima dan jirrikonoxxi wkoll l-importanza tas-sostenibbiltà tar-riżorsi limitati, il-protezzjoni tal-ambjent u għalhekk il-ħarsien tal-interessi tal-ekonomija u tal-ġenerazzjonijiet futuri.

1.8.

F’ħafna oqsma, l-implimentazzjoni tal-politika tiddependi minn ċertu finanzjament mis-settur privat u mis-settur pubbliku wkoll. Din għandha tiġi ffaċilitata kemm permezz ta’ riformi biex jinħoloq ambjent favorevoli għall-investiment fis-settur privat, kif ukoll permezz ta’ baġit tal-UE adegwat u b’impenn fil-konfront tar-“regola tad-deheb”li jippermetti finanzjament mill-baġits tal-Istati Membri għal investiment soċjalment u ekonomikament produttiv li ma jheddidx is-sostenibbiltà tal-baġit fil-futur.

2.   Il-prijoritajiet wiesgħa tal-Kummissjoni Ewropea fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) 2019

2.1.

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 huwa stabbilit fil-kuntest usa’ ta’ 22 kwart konsekuttiv ta’ tkabbir ekonomiku, b’hekk jipprovdi l-opportunità li jiġu implimentati r-riformi meħtieġa biex wieħed ikampa mal-inċertezzi globali li dejjem jiżdiedu kif ukoll ma’ riskji interni possibbli, fi kliem ieħor:

investimenti akbar fis-settur privat u pubbliku, biex jiżdied it-tkabbir tal-produttività totali tal-fatturi;

il-forniment ta’ investimenti ta’ kwalità tajba fir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-infrastruttura;

it-titjib tal-produttività, l-inklużjoni soċjali u l-kapaċità istituzzjonalli;

swieq kapitali li jiffunzjonaw sew u integrati;

garanzija tal-istabbiltà makrofinanzjarja u ta’ finanzi pubbliċi tajbin.

3.   Kummenti ġenerali dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn kontinwu ta’ appoġġ għar-riformi li għandhom l-għan li jżidu l-investiment ta’ kwalità għolja u t-tkabbir tal-produttività, l-inklużività u l-kwalità istituzzjonali, u li jibqgħu jiġu żgurati stabbiltà makrofinanzjarja u finanzi pubbliċi sodi. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa għal investiment iffukat fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ u r-rikonoxximent akbar tal-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE, li jiġu ttrattati l-inugwaljanzi ġewwa u bejn ir-reġjuni u mil-lat tal-aċċess għall-edukazzjoni, u li tinkiseb koordinazzjoni bejn l-istrumenti ta’ politika. Madankollu, għad irid jiġi speċifikat kif se jintlaħqu dawn l-objettivi u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ekonomika ma taqbilx mad-data mehmuża fl-oqsma kollha, u tibqa’ kompjaċenti dwar ċerti punti, teżaġera karatteristiċi pożittivi u, f’ċerti każijiet, tagħmel dikjarazzjonijiet mhux sostanzjati dwar l-effetti pożittivi ta’ politiki preċedenti.

3.2.

Issir referenza għall-perikli u l-inċertezzi, inklużi bidliet fl-ekonomija globali, il-politika kummerċjali tal-Istati Uniti u l-inċertezzi fir-relazzjonijiet mar-Renju Unit fil-futur. Ir-riskju ta’ riċessjoni fil-futur qarib u fuq perjodu medju ta’ żmien jindika l-ħtieġa li jitħejjew miżuri ta’ stimolu biex jinżammu l-livelli ta’ tkabbir u ta’ impjieg, kif irrakkomandat mill-OECD (2). Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat l-istabbiliment, fil-baġit tal-UE, ta’ funzjoni għall-istabilizzazzjoni makroekonomika, li tippermetti li tiżdied ir-reżiljenza ekonomika tal-qasam. Din tista’ jservi ta’ lqugħ kontra l-iskossi u tista’ tippermetti li ż-żona tal-euro topera l-pożizzjoni fiskali pożittiva mitluba mill-KESE (3) anke jekk l-Istati Membri individwali ma jużawx l-ispazju fiskali disponibbli għalihom f’konformità mal-objettivi Ewropej.

3.3.

Hemm ukoll riskji minn żviluppi politiċi interni wara l-prestazzjoni ekonomika u soċjali relattivament diżappuntanti tal-perjodu ta’ wara l-2008. Dan jenfasizza wkoll l-importanza kemm ta’ riformi kif ukoll ta’ miżuri ta’ politika li jwasslu għal produttività u tkabbir ekonomiku mtejba, u għat-tisħiħ tal-koeżjoni u d-dimensjoni soċjali tal-politiki.

3.4.   Tkabbir

3.4.1.

L-UE esperjenzat ħames snin ta’ tkabbir ekonomiku mill-2014 ’l hawn, b’livelli ogħla mill-medja tal-UE f’għadd ta’ pajjiżi b’introjtu aktar baxx. Sa ċertu punt, dan naqqas id-diverġenzi eżistenti bejn l-ogħla introjti u dawk l-aktar baxxi madwar l-UE fl-intier tagħha, għalkemm xi pajjiżi oħra waqgħu lura u ħolqu dimensjonijiet ta’ diverġenza ġodda.

3.4.2.

Mill-2017 ’il hawn, kien hemm xi tkabbir fl-Istati Membri kollha tal-UE għall-ewwel darba minn qabel il-kriżi. Madankollu, fl-UE kollha, it-tkabbir għadu aktar kajman milli fil-perjodu ta’ qabel il-kriżi, u mhuwiex impressjonanti meta mqabbel ma’ tkabbir reċenti f’ekonomiji avvanzati oħra. Fid-dawl tat-tul eċċezzjonali tad-dipressjoni ta’ wara l-2008, l-UE għad trid tlaħħaq ma’ dewmien sostanzjali.

3.5.   Aspetti soċjali

3.5.1.

Kemm il-livell ta’ impjieg kif ukoll ir-rata tal-impjieg urew irkupru sostanzjali mis-snin ta’ dipressjoni wara l-2008. Għalkemm, kif indikat minn data annessa għas-SAT, ix-xejra fil-ħolqien tal-impjiegi ġodda kienet orjentata lejn livelli ogħla ta’ ħiliet, dan kien akkumpanjat minn tnaqqis fil-kwalità ta’ ħafna mill-impjieg ġdid li nħoloq.

3.5.2.

Aktar ma jmur iż-żmien, aktar qed jiġu impjegati persuni fuq kuntratti temporanji u part time, u l-biċċa l-kbira minnhom kieku jippreferu kuntratt full time standard (4). Il-proporzjon ta’ ħaddiema part time żdied minn 16,8 % għal 18,7 % ta’ dawk kollha impjegati bejn l-2008 u l-2017, b’livelli ogħla u żieda akbar għaż-żgħażagħ. Għalkemm issa qed jaħdmu aktar persuni, l-għadd totali ta’ sigħat maħduma fl-2017 kien għadu kemxejn taħt il-livell tal-2008 (5).

3.5.3.

Kif ġie rrikonoxxut fis-SAT, l-għadd ta’ persuni impjegati u f’riskju ta’ faqar huwa għoli u dejjem jogħla f’għadd ta’ Stati Membri (2008, 8,6 %, 2017, 9,6 % tal-popolazzjoni attiva (6)). Livell ogħla ta’ impjieg totali – għalkemm l-impjieg huwa preferibbli għall-qgħad – mhuwiex prova ta’ tkabbir inklużiv.

3.5.4.

Ħafna drabi l-gruppi, bħal dawk li jirċievu benefiċċji tad-diżabilità, ma jiġux magħduda fir-rati tal-qgħad (7). Dan għandu jitqies fir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ flessibilità u sigurtà lil gruppi bħal dawn biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol miftuħ mingħajr it-telf ta’ intitolamenti sussegwenti għall-benefiċċji.

3.5.5.

Għandha tingħata wkoll attenzjoni biex jiġi żgurat li dawk f’kuntratti ta’ xogħol atipiku, bħal dawk li jaħdmu għal rashom, il-ħaddiema part-time, jew dawk involuti fl-impjieg ta’ pjattaformi, ikollhom aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata. Ta’ tħassib ukoll huma l-persuni li l-ispejjeż tagħhom dovuti għal kundizzjoni sottostanti ta’ saħħa jew diżabilità, jagħmluha impossibbli għalihom li jlaħħqu mal-ispejjeż, u li xi drabi jitilfu assistenza finanzjarja adegwata għal spejjeż relatati ladarba jsibu impjieg bi ħlas.

3.5.6.

Il-Kummissjoni tipproponi l-adattament tal-protezzjoni soċjali bbażat fuq il-forom il-ġodda ta’ impjieg. Huwa minnu li se jinħtieġ li jinstabu sorsi ta’ finanzjament ġodda, iżda t-triq ’il quddiem hija ritorn għal impjiegi ta’ kwalità tajba li jirriflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u għal kuntratti ta’ impjieg sostenibbli, li jagħtu lin-nies id-dritt għal protezzjoni soċjali adegwata. Se jinħtieġ ukoll li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni ta’ ċerti gruppi fis-suq tax-xogħol – persuni ta’ età avvanzata, dawk ta’ oriġini barranija, persuni b’diżabbiltà, żgħażagħ u nisa – li ħafna minnhom spiss ikollhom kwalifiki għoljin.

3.5.7.

Għandhom jintlaqgħu b’sodisfazzjon referenzi għall-iżgurar ta’ aċċess usa’ għal servizzi ta’ kwalità tajba u għat-titjib tal-aċċess tal-ġenituri (u b’mod partikolari tan-nisa) għas-suq tax-xogħol, minħabba l-effetti pożittivi tagħhom fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u anke fit-titjib tal-provvista ta’ ħaddiema. Għandhom jiġu promossi wkoll il-politiki biex tiġi appoġġjata l-integrazzjoni soċjali tal-immigranti, bħala parti minn politika ta’ migrazzjoni li tirrifletti l-valuri Ewropej tas-solidarjetà u t-tolleranza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

3.6.   Pagi u produttività

3.6.1.

It-tkabbir fil-pagi kien żgħir ħafna u d-diverġenzi bejn il-pajjiżi, anke għall-istess xogħol, għadhom sostanzjali. It-tkabbir fil-pagi għall-UE fl-intier tagħha għadu taħt il-livell tat-tkabbir tal-produttività.

3.6.2.

Dan ifisser li l-pagi jirrappreżentaw sehem iżgħar mill-introjtu nazzjonali. Il-punt sa fejn il-benefiċċji ta’ produttività ogħla jiġu kondiviżi b’mod ugwali jvarja fost l-Istati Membri, skont il-possibbiltà li jkun hemm negozjar kollettiv ta’ suċċess u politiki biex jitħeġġeġ it-tkabbir fil-pagi. Għalkemm il-produttività ogħla normalment għandha titqies bħala l-prekundizzjoni neċessarja għal pagi ogħla, għalkemm mhux l-unika waħda, ir-rabta sistematika bejn il-produttività (li tiddependi wkoll mill-investimenti) u l-pagi ma għandhiex toskura ż-żidiet fl-għoli tal-ħajja meta jiġu stabbiliti l-pagi; inkella dan jista’ jwassal għal tensjonijiet soċjali kbar.

3.6.3.

Il-pagi baxxi huma wkoll ostaklu għal produttività ogħla f’pajjiżi b’pagi aktar baxxi u jħeġġu lill-persuni bl-aħjar kwalifiki biex ifittxu impjieg fi bnadi oħra. Il-mobilità tal-forza tax-xogħol għandha tintlaqa’ b’sodisfazzjon fejn tirrifletti l-ewwel għażliet tal-individwi. Tippermetti wkoll il-kisba ta’ ħiliet u esperjenza li jistgħu jittieħdu lura lejn pajjiż ta’ oriġini. Madankollu, il-migrazzjoni esterna ta’ dawk l-aktar kwalifikati skuraġġiet ukoll l-investiment f’attivitajiet li jirrikjedu livelli għoljin ta’ ħiliet, li jwassal biex il-pajjiżi b’pagi aktar baxxi ma jkunux jistgħu jiżviluppaw l-attivitajiet ekonomiċi l-aktar impenjattivi.

3.6.4.

Livelli ta’ pagi ogħla f’għadd ta’ Stati Membri (fil-biċċa l-kbira fl-Ewropa tal-Lvant u fl-Ewropa Ċentrali) ġew wara żidiet fil-pagi minimi u pagi ogħla fis-settur pubbliku. Il-konsum ogħla kkontribwixxa għal PDG ogħla. Bl-istess mod, il-miżuri biex jiġu żgurati paga minima u introjtu minimu, bħala parti minn proċess ta’ konverġenza soċjali fl-UE, jistgħu jikkostitwixxu element importanti ta’ protezzjoni soċjali u ta’ kisba ta’ standard deċenti ta’ għajxien fil-pajjiżi kollha filwaqt li jgħinu wkoll biex jiġi appoġġjat it-tkabbir.

3.7.   Produttività u ħiliet

3.7.1.

Id-dewmien fit-tkabbir tal-produttività b’relazzjoni għall-kompetituri globali ewlenin seħħ wara dipressjoni twila wara l-2008, kif jidher fil-Graff 3 (8). Id-dewmien kien partikolarment evidenti fiż-żona tal-euro. It-tnaqqis ta’ dan id-distakk se jeħtieġ l-iżvilupp ta’ ambjent li jwassal għal investiment privat akbar u għall-applikazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan jitlob ukoll l-użu tal-potenzjal sħiħ tal-popolazzjoni tal-UE, it-tnaqqis tas-suq tax-xogħol u l-esklużjoni soċjali u l-investiment f’mezzi biex jassistu r-reklutaġġ ta’ dawk qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol.

3.7.2.

It-titjib tal-għarfien, il-ħiliet, u il-kwalifiki, l-imġiba u l-kreattività jibqa’ prekundizzjoni assoluta għat-titjib għaż-żieda tal-produttività. Dan jikkontribwixxi wkoll għad-demokrazija u l-iżvilupp sostenibbli. Is-SAT jenfasizza b’mod korrett l-importanza tal-investiment fl-iżvilupp ta’ ħiliet, edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja. 40 % tal-impjegaturi jirrappurtaw diffikultajiet fir-reklutaġġ ta’ persunal kwalifikat b’mod adegwat. Ħafna impjegati prospettivi jsibuha wkoll diffiċli li japplikaw il-kwalifiki fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.

3.7.3.

Huwa essenzjali li jiġu żviluppati strateġiji biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet futuri b’rabta mal-ħiliet, flimkien ma’ sistemi adatti għall-validazzjoni tal-ħiliet, u biex jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-impjieg. L-għoti ta’ appoġġ lill-impjegaturi fl-akkwist ta’ impjegati disponibbli b’ħiliet u kwalifiki adegwati għandu jiġi żgurat ukoll, permezz ta’ investiment f’servizzi ta’ appoġġ biex jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskola, speċjalment fost gruppi diskriminati, bħal persuni b’diżabbiltà jew persuni ta’ sfond migratorju, u biex jingħata appoġġ fil-kontinwazzjoni ta’ edukazzjoni għolja (9). Hemm responsabbiltà konsiderevoli fuq l-impjegaturi biex jagħmlu possibbli u jiffaċilitaw it-tisħiħ tal-ħiliet u l-kwalifiki – dan ivarja b’mod enormi fost l-Istati Membri – u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ suċċess huma inimmaġinabbli mingħajr il-parteċipazzjoni sħiħa tal-imsieħba soċjali, tas-soċjetà ċivili, tal-istabbilimenti edukattivi u tal-kumpaniji tat-taħriġ. Kif jargumenta wkoll is-SAT, l-iżgurar ta’ aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità “jirrikjedi investiment adegwat”, li għandu jinkludi investiment pubbliku appoġġjat mill-UE permezz ta’ CSRs u parteċipazzjoni adatta minn Fondi Strutturali u l-Pjan ta’ Investiment tagħha.

3.8.   Sfida tal-klima

3.8.1.

Is-SAT huwa vag ħafna u dgħajjef wisq fir-rigward tal-perikli marbutin mat-tibdil fil-klima u fir-rigward tal-progress tal-UE biex jintlaħqu l-miri ta’ Pariġi. Meta mqabbel mar-Rapport dwar ir-Riskji Globali (10), li ġie ppreżentat lill-parteċipanti tal-Forum Ekonomiku Dinji f’Jannar 2019, ir-rilevanza tal-bidla fil-klima għat-tkabbir u l-ekonomija qed tingħata kunsiderazzjoni marġinali. Ir-rapport dwar ir-Riskji Globali, b’kuntrast, juri li t-tliet (!) l-akbar theddidiet għall-ekonomija globali huma marbuta mat-tibdil fil-klima u azzjoni ta’ politika b’kawtela kbira biex tiġi dekarbonizzata l-ekonomija. Il-protezzjoni tal-klima għalhekk m’għadhiex sempliċement kwistjoni ta’ ħarsien ambjentali, iżda hija meħtieġa biex l-ekonomija tibqa’ ħajja. Ir-rapporti regolari prodotti minn Bloomberg NEF juru li l-investimenti fl-enerġiji nodfa naqsu mill-2011 ’l hawn (11). L-UE ma tistax tiddikjara li hija mexxej dinji f’dan il-qasam jew f’innovazzjonijiet li jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra.

3.8.2.

Ir-rapport mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) jenfasizza l-urġenza tal-azzjonijiet kontra t-tibdil fil-klima, li jista’ jsir irriversibbli fi żmien tliet snin. Fil-livelli kollha ta’ governanza, għandhom isiru disponibbli baġits (kemm investiment pubbliku kif ukoll privat) biex jiġu mmodernizzati u dekarbonizzati l-industrija, it-trasport u l-enerġija.

3.8.3.

Dan huwa wkoll rakkomandabbli mil-lat ta’ politika fiskali, minħabba l-ispejjeż esterni għoljin ħafna fl-ekonomija tal-lum. Madankollu, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir fil-biċċa l-kbira jinjora din il-kwistjoni, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ppubblikat ċifri bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien bħall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li juri li, fl-2017, diżastri relatati mat-temp biss ikkawżaw EUR 283 biljun f’danni ekonomiċi (12). Il-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni li l-Fond Monetarju Internazzjonali jistma s-sussidji diretti u indiretti għall-produzzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-karbonju fl-UE għal USD 330 biljun fis-sena. Huwa għalhekk nuqqas tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li jonqos milli jindirizza l-kwistjoni tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni jew id-dibattitu dwar “lil hinn mill-PDG”.

3.9.   Investiment

3.9.1.

L-investiment huwa kruċjali għat-tkabbir fil-produttività. Din il-kwistjoni hija urġenti għall-UE, meta jitqies li qiegħda lura meta mqabbla mal-kompetituri ewlenin tagħha fil-fergħat kruċjali tal-iżjed teknoloġija moderna u fl-iżvilupp ta’ teknoloġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Ekonomija li titjieb b’mod kontinwu hija bażi kruċjali għall-finanzjament ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u tal-kura tas-saħħa fil-livell mixtieq miċ-ċittadini Ewropej. Fil-fatt, it-titjib fil-benesseri, il-koeżjoni u l-ġustizzja soċjali huwa kompatibbli għalkollox mat-tkabbir ekonomiku u tal-produttività (13).

3.9.2.

Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi akbar fl-eliminazzjoni tal-ostakli għall-investiment u fil-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-investiment. L-ikkompletar tal-Unjoni tal-Enerġija, l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari kollha jistgħu jippreżentaw opportunitajiet għal investiment. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitqiesu opportunitajiet ġodda għal investiment ekoloġiku biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima.

3.9.3.

Ftehimiet kummerċjali internazzjonali jistgħu joffru wkoll xi prospetti għall-istimulazzjoni tat-tkabbir ekonomiku. Il-kwistjoni hija urġenti b’mod partikolari fid-dawl tal-perikli ppreżentati mill-ħruġ possibbli tar-Renju Unit mill-UE, kif ukoll tal-kunflitti kummerċjali li jinvolvu lill-Istati Uniti. L-UE għandha tappoġġja sistema ta’ relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali bbażata fuq ir-regoli, issupplimentata minn negozjar ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles. Dawn għandhom jimmiraw għal livelli ta’ tariffi minimi, li jqisu kif imiss id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tal-ILO u d-dritt tal-istati li jirregolaw fl-interess pubbliku.

3.9.4.

Is-SAT mhuwiex imħasseb dwar il-livelli ta’ investiment, li jissuġġerixxi li d-distakk identifikat wara l-2008 kważi ngħalaq. L-investiment (mifhum bħala l-formazzjoni grossa ta’ kapital fiss) kien stabbilit biex jilħaq 20,6 % tal-PDG fl-2018, meta mqabbel ma’ 22,5 % fl-2007 u 19,4 % fl-2014 (14). Għalhekk, tnaqqas kemxejn id-distakk fl-investiment, imkejjel f’dawn it-termini, iżda għadu ma ngħelibx.

3.9.5.

L-investiment għadu f’livell baxx meta mqabbel ma’ dak fl-Istati Uniti u fil-Korea t’Isfel, li huma fost il-kompetituri naturali tal-UE għall-innovazzjoni. Il-livelli għadhom partikolarment baxxi f’għadd ta’ pajjiżi b’introjtu aktar baxx u f’pajjiżi li għaddew mill-akbar tnaqqis wara l-2008.

3.9.6.

Is-SAT jiffavorixxi għadd ta’ oqsma ta’ investiment soċjali, inklużi s-saħħa, is-sistemi ta’ kura fit-tul u d-djar tal-gvern. Il-KESE argumenta favur il-ħafna effetti pożittivi ta’ investiment soċjali orjentat lejn il-futur li jkun ippjanat sew, effettiv u effiċjenti, li għandu jitqies mhux bħala spiża iżda bħala investiment fil-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjieg (15). L-implimentazzjoni ta’ dawn l-objettivi teħtieġ spazju għall-infiq pubbliku.

3.9.7.

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa jintlaqa’ b’sodisfazzjon bħala mezz ta’ appoġġ għall-investiment immirat lejn il-prijoritiajiet ta’ politika tal-UE. Madankollu, ir-riżorsi disponibbli kienu limitati u, f’termini aggregati, kienu biżżejjed biss biex iżommu, mhux iżidu, il-krediti totali tal-BEI (16). Fil-fatt fl-2017 dawn kienu 7 % taħt il-livell medju għall-2013-2016 (17).

3.9.8.

Jinħtieġ approċċ li jipprovdi programm ta’ investiment iffinanzjat b’mod adegwat, inklużi riżorsi mill-baġit tal-UE bl-appoġġ tal-baġits tal-Istati Membri. B’dan, l-UE tkun aktar kapaċi timplimenta l-għanijiet ta’ appoġġ iddikjarati minnha għall-iżvilupp tal-SMEs, għall-investiment f’teknoloġiji ġodda li jippromovu t-trasformazzjoni ekoloġika mixtieqa u għall-investiment fit-tisħiħ tal-livelli ta’ edukazzjoni u ħiliet, u fit-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali. Il-KESE diġà ressaq l-argument li l-flessibbiltà attwalment permessa fil-patt ta’ stabbiltà u tkabbir mhijiex biżżejjed, u li għandhom jinfetħu diskussjonijiet fil-livell tal-UE dwar regola żviluppata bis-sħiħ li teskludi investiment pubbliku li jżid il-valur mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-PST, li ġeneralment tissejjaħ ir-“regola tad-deheb” (18), biex is-sostenibbiltà tad-dejn tkun tista’ tiġi żgurata.

3.10.   Dejn

3.10.1.

Il-KESE, f’konformità mal-Opinjoni preċedenti tiegħu (19), jaqbel mat-tħassib espress fis-SAT li livelli għoljin ta’ dejn pubbliku u privat huma sorsi persistenti ta’ vulnerabilità, l-aktar fiż-żona tal-euro. Id-dejn pubbliku gross naqas mill-ogħla livell tiegħu ta’ 88,1 % tal-PDG fl-2014 sa 81,4 % tal-PDG fl-2018, u għadu ferm ogħla mil-livell tal-2008 u ferm ogħla mill-mira ta’ 60 % tal-PDG. Madankollu, tqabbil internazzjonali juri li l-livelli ta’ dejn pubbliku li huma ogħla minn 60 % tal-PDG mhumiex neċessarjament marbuta ma’ tkabbir ekonomiku li jipprogressa aktar bil-mod. Jidher li t-tnaqqis tad-dejn pubbliku huwa l-eħfef fejn ikun hemm tkabbir ekonomiku rapidu. Għalhekk, l-aqwa protezzjoni kontra l-perikli assoċjati ma’ livelli tad-dejn għoljin hija l-irkupru sħiħ tat-tkabbir ekonomiku permezz ta’ politiki makroekonomiċi antiċikliċi. Barra minn hekk, konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir fi żminijiet tajbin tista’ tgħin biex jiġu evitati r-reazzjonijiet avversi tas-suq fi żminijiet ħżiena.

3.10.2.

Id-dejn privat naqas f’dawn l-aħħar snin iżda għadu ’l fuq mil-livell ta’ qabefil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE. It-tnaqqis fl-ingranaġġ tal-unitajiet domestiċi u tal-kumpaniji huwa anqas twil u anqas diffiċli meta t-tkabbir ekonomiku jkun għoli. Id-destabilizzazzjoni tal-ekonomiji taż-żona tal-euro permezz ta’ suq tad-djar proċikliku għandha tkun immonitorjata mill-qrib u evitata b’mezzi regolatorji biex jiġu evitati l-kriżijiet ekonomiċi.

3.10.3.

It-tnaqqis tad-dejn huwa megħjun minn istituzzjonijiet ta’ kwalità għolja fl-istess livell tal-ekonomiji bl-aqwa rendiment. Dawn jiżguraw l-effiċjenza fis-swieq tal-prodotti, tas-servizzi, tal-finanzi u tax-xogħol, jgħinu biex tinkiseb kwalità adegwata fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, u jappoġġjaw politiki adatti għal pensjonijiet, kompetizzjoni u tassazzjoni.

3.11.   Unjoni Bankarja

3.11.1.

Li kieku jitqiegħdu fil-prattika l-proposti attwali għall-Unjoni Bankarja, dawn ikunu insuffiċjenti meta jitqabblu mal-esperjenza ta’ kriżijiet finanzjarji fil-passat. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li s-swieq tal-kapital dejjem jikbru jiġu ssorveljati kif imiss biex ma jippermettu l-ebda prodott titolizzat tossiku fis-swieq tal-kapital Ewropej, li jista’ jikkontribwixxi għal kriżi finanzjarja oħra. Il-korpi superviżorji fl-Unjoni Ewropea jridu jiżguraw li unjoni tas-swieq kapitali ma tirriżultax f’aċċellerazzjoni tad-delokalizzazzjoni tal-kapital barra minn Stati Membri individwali matul perjodi ta’ stress għas-swieq finanzjarji. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għall-ekonomija reali, għandu jiddgħajjef iċ-ċirku vizzjuż negattiv bejn il-banek u r-rati ta’ mgħax sovran. Żewġ partijiet integrali għal dan il-għan huma Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti u l-forniment ta’ garanzija ta’ kontinġenza adatta għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, mill-Mekkaniżmu Ewropea ta’ Stabbiltà. Qabel ma tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti, is-self improduttiv għandu jiġi kklerjat mill-karti tal-bilanċ tal-banek parteċipanti sa fejn ikun l-aktar prattikabbli u possibbli.

3.12.   Riformi fiż-żona tal-euro

3.12.1.

L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) għandu jiġi implimentat b’aktar immaġinazzjoni u qawwa. Il-proposti għar-riforma tal-UEM u l-governanza tagħha huma attwalment insuffiċjenti biex jipproteġu kontra r-riskji ta’ xokkijietasimmetriċi. Ir-riekwilibriju tal-kontijiet kurrenti preċedenti fuq in-naħa tad-debitur biss għamel ħsara lill-PDG globali taż-żona tal-euro, u kkontribwixxa għall-irkupru bil-mod tagħha wara l-2008. Biex pajjiżi li preċedentement kellhom defiċit fil-kontijiet kurrenti jingħataw aktar spazju biex jespandu l-ekonomiji tagħhom (mil-lat tal-bilanċ fiskali u estern tagħhom), pajjiżi b’surplus fil-kontijiet kurrenti għandhom ikunu inċentivizzati jinvestu aktar kif ukoll iżidu l-pagi u l-benefiċċji soċjali tagħhom biex jappoġġjaw il-konsum privat.

3.12.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-mexxejja Ewropej biex iħaffu l-pass tar-riformi fir-rigward tal-UEM, l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Madankollu, sakemm iż-żona tal-euro tibqa’ ma jkollhiex baġit komuni li jista’ joħloq pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro fl-intier tagħha, l-istimolu monetarju se jibqa’ neċessarju matul kwalunkwe riċessjoni fil-futur. Bit-tmiem prevedibbli tal-programmi ta’ xiri ta’ assi tal-BĊE fi tmiem l-2018, aħna nirrakkomandaw li l-BĊE jikkunsidra programm ta’ xiri ta’ assi li jista’ jiġi attivat b’ħeffa matul riċessjoni, jekk l-istimolu fiskali ma jimmaterjalizzax ruħu. Il-programm għandu jiġi orjentat lejn l-ekonomija reali u investimenti li jiffavorixxu l-klima.

3.13.   Tassazzjoni ġusta

3.13.1.

Filwaqt li josserva d-diskussjonijiet fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea dwar il-fatt li t-tassazzjoni tista’ ssir kwistjoni ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, il-KESE jkompli jappoġġja enfasi fuq politiki tat-tassazzjoni ġusti. Il-KESE, f’konformità ma’ Opinjonijiet preċedenti, jappoġġja l-iżvilupp ta’ Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva – li tkun aċċettata b’mod wiesa’ – bħala mezz kif jissaħħaħ is-suq uniku billi jiġu ssemplifikati l-kwistjonijiet relatati mat-taxxa ta’ kumpaniji kbar, u bħala mezz kif jiġi indirizzat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa (20). Huwa jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon inizjattivi ta’ taxxa diġitali, u jemmen li huwa importanti ħafna li jiġu żviluppati prinċipji ġodda aċċettati globalment dwar kif profitti korporattivi b’konformità mal-ħolqien ta’ valur jiġu attribwiti għal pajjiż tal-UE u kif dawn għandhom jiġu intaxxati b’mod korrispondenti (21). Huwa jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon l-importanza li s-SAT jagħti lill-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, f’konformità ma’ Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (22).

3.14.   Riformi strutturali

3.14.1.

Is-SAT jenfasizza għal darb’oħra l-importanza ta’ riformi strutturali, li huma meqjusa bħala ta’ għajnuna fil-ħolqien tal-impjieg u fit-tnaqqis tal-livelli ta’ dejn. Madankollu, għadu mhuwiex ċar x’qed jitfisser b’“riforma strutturali”, li jagħmilha diffiċli li jiġu interpretati dikjarazzjonijiet li r-riformi fil-passat kellhom effetti pożittivi dimostrabbli. F’Opinjonijiet preċedenti, il-KESE ppromova riformi strutturali orjentati lejn l-iżvilupp soċjali u ekonomiku: aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar, aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kisba tal-ħiliet, tkabbir sostenibbli, kwalità amministrattiva u istituzzjonali, u sostenibbiltà ambjentali (23). Huwa ressaq l-argument li dawn ir-riformi għandhom ikunu speċifiċi għall-pajjiżi, konsistenti mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) biex jittejjeb il-benessri, u jkunu sostnuti minn appoġġ demokratiku, aktar milli approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”għall-Istati Membri kollha (24).

3.14.2.

Il-prestazzjoni modesta fit-tkabbir u xi żviluppi fis-suq tax-xogħol reċenti jqajmu dubji dwar il-benefiċċji ta’ xi wħud mill-politiki tal-passat, li ġew introdotti taħt it-tikketta ta’ “riforma strutturali”. L-għadd ta’ impjegati żdied skont domanda dejjem tiżdied, iżda b’deterjoramenti frekwenti fil-kwalità tal-impjieg u b’żidiet fis-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol.

3.14.3.

Ir-riżultati ta’ “riformi strutturali”fil-passat għandhom suġġett ta’ kontroversja. Xi valutazzjonijiet kienu pożittivi, b’rapporti minn xi impjegaturi li jesprimu ċertu grad ta’ sodisfazzjon bir-riformi fis-swieq tax-xogħol (25). Madankollu, hemm ukoll korp sostanzjali ta’ letteratura li jqajjem dubji serji dwar ir-rakkomandazzjonijiet imgħoddija tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika tas-suq tax-xogħol (26). B’hekk, l-aħħar Strateġija għall-Impjiegi tal-OECD issa targumenta fuq il-bażi ta’ “evidenza ġdida”, li pajjiżi b’politiki u istituzzjonijiet li jippromovu l-kwalità tal-impjiegi, il-kwantità tal-impjiegi u aktar inklużività jkollhom prestazzjoni aħjar minn dawk fejn il-fokus ikun l-aktar fuq it-tisħiħ (jew il-preservazzjoni) tal-flessibbiltà tas-suq (27).

3.14.4.

Il-KESE jtenni l-osservazzjoni tiegħu li s-suċċess jew il-falliment ta’ miżura ta’ riforma partikolari spiss isir evidenti tul perjodu ta’ aktar minn ħames snin (28). Għandha ssir valutazzjoni tal-effetti tal-politiki tal-passat li ġew introdotti bħala “riformi strutturali”, abbażi ta’ evidenza u bl-involviment sħiħ tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, bħala bażi biex jiġu infurmati rakkomandazzjonijiet ta’ politika fil-futur (29).

3.15.   Il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali

3.15.1.

Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent tal-importanza tal-pilastru soċjali, u jirrepeti l-urġenza li dan isir realtà fid-dawl tal-prestazzjoni ekonomika u soċjali baxxa f’ħafna pajjiżi mill-2008 ’l hawn.

3.15.2.

Il-pilastru soċjali għandu jiġi integrat bis-sħiħ fis-semestru Ewropew. Huwa ma għandux jidher biss bħala anness. It-tabella ta’ valutazzjoni ta’ akkumpanjament tindika l-iskala tal-kompitu fil-futur biex l-UE tikseb “klassifikazzjoni soċjali triple-A”. Huwa ċar li mhux l-Istati Membri kollha kisbu livelli aċċettabbli ta’ introjtu, standards tal-għajxien, sigurtà soċjali, forniment ta’ assistenza soċjali, ksib ta’ edukazzjoni u aċċess diġitali (30).

3.15.3.

Il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali għandu jintuża bħala mezz biex jitkejlu r-rakkomandazzjonijiet li jsiru lill-Istati Membri. L-20 prinċipju tal-Pilastru għandhom jintużaw bħala indikaturi biex jiġi vvalutat is-suċċess tal-pajjiżi fl-integrazzjoni tal-impenn tagħhom fil-konfront tal-Pilastru Soċjali fil-politiki ekonomiċi tagħhom.

3.15.4.

Dan jindika wkoll il-ħtieġa għal mezzi ta’ finanzjament adegwati, inklużi kontribuzzjonijiet mil-livell tal-UE. Kemm il-pjan ta’ investiment tal-UE, jekk jiġi ffinanzjat adegwatament, kif ukoll il-politika ta’ koeżjoni tal-UE jistgħu jikkontribwixxu f’koordinazzjoni mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Dan jimplika li tiġi permessa flessibbiltà adatta fil-patt ta’ stabbiltà u tkabbir. Bħall-argument f’Opinjoni preċedenti, dan jimplika wkoll finanzjament kontinwu adegwat għall-politika ta’ koeżjoni mill-baġit tal-UE (31).

3.15.5.

Jeħtieġ li ssir riflessjoni bir-reqqa dwar il-proposta mrwssqa mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 għal Awtorità Ewropea tax-Xogħol. Din tista’ tiżgura l-infurzar effettiv tad-drittijiet tax-xogħol u ta’ sigurtà soċjali tal-UE u tiġġieled il-kompetizzjoni inġusta.

3.15.6.

Minbarra li tintuża bħala gwida għar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika, it-tabella ta’ valutazzjoni mehmuża mal-pilastru soċjali għandha tintuża bħala eżempju għal analiżijiet simili tal-prestazzjoni ta’ pajjiżi individwali fil-konfront ta’ politiki ambjentali u tat-tibdil fil-klima, sabiex ikunu jistgħu jiġu vvalutati f’livell ta’ serjetà simili.

3.15.7.

Fid-dawl tal-importanza tal-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli, jiġifieri sostenibbli mil-lat ekonomiku, ambjentali u soċjali, it-titlu tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għandu jinbidel għal Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli.

3.16.   Ir-rwol tal-imsieħba soċjali fis-Semestru Ewropew

3.16.1.

Il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jaqblu dwar riformi nazzjonali essenzjali li jippermettu bl-aqwa mod lill-ekonomiji tagħhom iżommu jew itejbu l-istandards tal-għajxien taċ-ċittadini tagħhom. Għaldaqstant, għandhom jiġu involuti l-inputs tal-uffiċjali lokali tas-Semestru tal-UE, tal-kunsilli fiskali nazzjonali, tal-bordijiet nazzjonali tal-produttività u tal-kumitati soċjali u ekonomiċi nazzjonali. Il-membri tal-KESE wkoll jistgħu jaqdu rwol f’dan il-qasam.

Brussell, l-20 Frar, 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Rapport tal-2019 tal-Forum Ekonomiku Dinji dwar ir-Riskji Globali.

(2)  OECD, Stampa Ġenerali Ekonomika, Novembru 2018: “Editorjal”tal-Ekonomista Prinċipali, u “General Assessment of the Macroeconomic Situation”(Dikjarazzjoni Ġenerali tas-Sitwazzjoni Makroekonomika) p. 43-46.

(3)  Opinjoni addizzjonali tal-KESE dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2018 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 312).

(4)  COM(2018) 761 final, p. 14.

(5)  COM(2018) 761 final, p. 14.

(6)  COM(2018) 761 final, p. 41.

(7)  Ir-Rapport Konġunt tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Impjiegi 2018 juri li 47,4 % biss tal-persuni b’diżabilità fl-età tax-xogħol huma impjegati fl-UE.

(8)  COM(2018) 770 final, p. 6.

(9)  Ir-Rapport Konġunt tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Impjiegi għall-2018 jindika li huwa aktar probabbli li persuni b’diżabbiltà jitilqu kmieni mill-iskola milli persuni mingħajr diżabbiltajiet, u dan b’10,3 punti perċentwali (abbażi ta’ ċifri mill-2015), u huwa inqas probabbli li dawn jikkompletaw l-edukazzjoni terzjarja meta mqabbla ma’ persuni mingħajr diżabbiltà, u dan bi 13,6 -il punt perċentwali (abbażi ta’ ċifri mill-2015).

(10)  Rapport tal-2019 tal-Forum Ekonomiku Dinji dwar ir-Riskji Globali.

(11)  BloombergNEF – Clean Energy Investment Trends (Xejriet ta’ Investiment fl-Enerġija Nadifa), 3Q 2018

(12)  COM(2018) 773 final.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2017 (ĠU C 173, 31.5.2017, p. 33).

(14)  Il-bażi tad-data tal-AMECO (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-finanzjament tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1).

(16)  Opinjoni tal-QEA dwar il-FEIS: proposta bikrija għall-estensjoni u l-espansjoni, p. 21.

(17)  EIB, Statistical Report 2017 (Rapport Statistiku tal-BEI għall-2017).

(18)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2017), punt 3.4 (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 216).

(19)  Opinjoni tal-KESE dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2018) (ĠU C 197, 8.6.2018, p. 33).

(20)  Opinjoni tal-KESE dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Komuni (Konsolidata) (ĠU C 434, 15.12.2017, p. 58).

(21)  Opinjoni tal-KESE dwar It-tassazzjoni tal-profitti ta’ kumpaniji multinazzjonali fl-ekonomija diġitali (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 73).

(22)  Opinjoni tal-KESE dwar “Sistema fiskali favorevoli għal kompetizzjoni ġusta u għat-tkabbir ekonomiku”(ĠU C 434, 15.12.2017, p. 18).

(23)  Pereżempju, titjib fl-ambjent tan-negozju, il-finanzjament ta’ kumpaniji u n-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp; żieda fil-produttività tal-kumpaniji, is-setturi u l-ekonomiji; promozzjoni għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba b’pagi ogħla, u fl-istess ħin tnaqqis ta’ impjiegi temporanji u instabbli b’pagi baxxi; tisħiħ tan-negozjar kollettiv, u awtonomija tal-imsieħba soċjali ta’ ġo fih, flimkien ma’ djalogu soċjali fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew; riforma tal-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex isiru aktar effettivi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u aktar trasparenti għall-pubbliku; promozzjoni tal-kwalità tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ għall-ħaddiema bil-għan li jkun hemm opportunitajiet indaqs u riżultati għall-gruppi soċjali kollha.

(24)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-finanzjament tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1, punt 2.5).

(25)  ECB, Structural policies in the euro area (BĊE, Politiki strutturali fiż-żona tal-euro).

(26)  A. Piasna & M. Myant (edituri) Myths of Employment Deregulation: How it neither creates jobs nor reduces labour market segmentation (Miti tad-Dregolazzjoni tal-Impjiegi: Kif la toħloq l-impjiegi u lanqas tnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol), Brussell, ETUI, 2017.

(27)  Good Jobs for All in a Changing World of Work, The OECD Jobs Strategy (Impjiegi Tajbin għal Kulħadd f’Dinja tax-Xogħol Li Qed Tinbidel, L-Istrateġija tal-Impjiegi tal-OECD), p. 8.

(28)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Programm REFIT (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 121).

(29)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Programm REFIT (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 121).

(30)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-finanzjament tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1).

(31)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106).