22.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 110/72 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 fir-rigward tal-proċedura ta’ verifika relatata mal-ksur ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew”
(COM(2018) 636 final — 2018/0328 (COD))
(2019/C 110/14)
Relatur ġenerali: |
Marina YANNAKOUDAKIS |
Konsultazzjoni |
Il-Parlament Ewropew, 1.10.2018 Il-Kunsill, 24/10/2018 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Deċiżjoni tal-Bureau |
16.10.2018 |
Adottata fil-plenarja |
12.12.2018 |
Sessjoni tal-plenarja Nru |
539 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
109/2/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa għal dan ir-Regolament fid-dawl tal-avvenimenti reċenti bil-każ ta’ Facebook/Cambridge Analytica fir-rigward il-proċessar illegali allegat ta’ data personali. |
1.2. |
Il-KESE jirrikonoxxi li, fid-dinja tal-lum, l-iżviluppi teknoloġiċi, il-midja soċjali u l-ħażna ta’ data personali minn kumpaniji madwar l-UE huma ċertezza. Il-ħtieġa ta’ dawn l-għodod hija indiskutabbli hekk kif qed nimxu f’dinja b’teknoloġija għolja globali. L-isfida hija li nimxu f’dan il-qasam b’mod li jipproteġi liċ-ċittadini tal-UE, jippermetti t-trasparenza u l-libertà tad-drittijiet fundamentali tagħhom tal-bniedem. |
1.3. |
L-użu tad-data u l-midja soċjali biddlu b’mod fundamentali l-mod kif il-partiti jmexxu kampanji f’elezzjonijiet, li jippermettulhom jimmiraw lill-votanti potenzjali. Dan l-iżvilupp wassal għal spinta ikbar tal-midja soċjali bħala forma ta’ kif jiġu influwenzati l-intenzjonijiet tal-vot tal-poplu. Il-KESE jistenna li l-Awtorità għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (1) (l- “Awtorità”) tħares lejn oqsma fejn ksur tad-data jista’ jseħħ u tissuġġerixxi modi biex dan jieqaf u ddaħħal kontrolli u bilanċi fis-seħħ sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-data u li l-użu ta’ data huwa fi ħdan il-parametri definiti sew. |
1.4. |
Il-KESE jappoġġja l-objettivi tal-proposta, jaqbel li d-demokrazija hija wieħed mill-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE; u biex jiġi żgurat il-funzjonament ta’ demokrazija rappreżentattiva fuq livell Ewropew, it-trattati jistabbilixxu li ċ-ċittadini tal-UE huma rrappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew (PE). |
1.5. |
Din ir-rappreżentazzjoni tieħu l-forma ta’ membri eletti minn wieħed miż-żewġ partiti politiċi jew individwi fi Stati Membri li joħorġu għall-elezzjoni. Il-pjattaforma tal-elezzjoni żviluppat matul l-aħħar deċennju bi rwol akbar tal-midja soċjali. Dan l-iżvilupp issa jeħtieġ li jiġi indirizzat mill-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-Awtorità biż-żieda fil-persunal tiegħu li huwa mod wieħed kif jiġi żgurat li d-data personali tkun protetta u ma tintużax ħażin biex isir gwadann politiku. Fl-indirizzar ta’ dan, il-prijorità hija li jiġi żgurat li l-elezzjonijiet jiżvolġu fuq kundizzjonijiet ekwi u l-ebda grupp ma jista’ jieħu vantaġġ permezz tal-użu ta’ data. |
1.6. |
Madankollu, biex jiġi żgurat li l-Awtorità taħdem b’mod korrett għandu jkun hemm parametri sikuri fir-rigward tas-setgħat u l-kompetenzi tagħha. Fil-preżent, l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data (DPAs) tal-Istati Membri qegħdin hemm biex jiżguraw li ma jkunx hemm użu ħażin tad-data minn partiti politiċi. It-termini ta’ kooperazzjoni bejn l-Awtorità u d-DPAs nazzjonali jeħtieġ li jkunu definiti sew. Barra minn hekk, id-DPAs f’ħafna Stati Membri jħabbtu wiċċhom ma’ riżorsi limitati u l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-finanzjament tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaħdmu mal-Awtorità. |
1.7. |
Il-KESE kien ġibed l-attenzjoni għall-problemi possibbli għal użu ħażin tad-data fl-opinjoni tiegħu dwar Il-protezzjoni tad-data personali (2) u f’din l-opinjoni indirizza l-oqsma ta’ tħassib. |
1.8. |
Il-KESE jappoġġja persunal addizzjonali tal-Awtorità bil-ħsieb li dan il-persunal se jkun f’pożizzjoni aħjar biex jaħdem mal-Istati Membri permezz tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data biex jiżguraw li l-ksur tal-protezzjoni tad-data jiġi investigat kif inhu xieraq u fejn jinstab jiġu applikati sanzjonijiet. |
1.9. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-proċeduri għall-elezzjonijiet tal-PE huma rregolati mill-Istati Membru fi ħdan il-qafas tal-UE. Il-KESE jistenna wkoll li l-ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data jista’ jinġibed għall-attenzjoni tal-Awtorità jew mid-DPAs jew minn partijiet individwali. |
2. Kuntest tal-Opinjoni
2.1. |
Avvenimenti riċenti wrew ir-riskji għaċ-ċittadini li jkunu fil-mira ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni tal-massa online maħsuba bil-għan li jiskreditaw u jneħħu l-leġittimità tal-elezzjonijiet. Id-data personali tal-persuni hija wkoll maħsuba li ġiet illegalment użata ħażin sabiex taffettwa d-dibattitu demokratiku u l-elezzjonijiet ħielsa. |
2.2. |
F’Mejju 2018, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) daħal fis-seħħ, u stabbilixxa regoli b’saħħithom dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni ta’ data personali. Huwa jkopri lill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali kollha u atturi oħra fil-kuntest elettorali inklużi sensara tad-data u pjattaformi ta’ midja soċjali. |
2.3. |
Qabel l-elezzjonijiet tal-2019 għall-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet għadd ta’ bidliet iffukati għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (3), li għandhom l-għan li jiżguraw li l-elezzjonijiet isiru skont regoli demokratiċi b’saħħithom u b’rispett sħiħ tal-valuri Ewropej tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. |
2.4. |
B’mod partikolari, il-bidliet proposti se jippermettu li jiġu sanzjonati l-partiti politiċi Ewropej jew fondazzjonijiet li jinfluwenza jew jippruvaw jinfluwenzaw l-elezzjonijiet permezz ta’ ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data. Sanzjonijiet jammontaw għal 5 % tal-baġit annwali tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni kkonċernati. Is-sanzjoni se tiġi infurzata mill-Awtorità. Barra minn hekk, dawk li nstabu fi ksur ma jkunux jistgħu japplikaw għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena li fiha tkun ġiet imposta s-sanzjoni. |
2.5. |
Il-proposta tistabbilixxi wkoll proċedura sabiex tivverifika jekk il-ksur tal-protezzjoni tad-data identifikat minn awtorità superviżorja dwar il-protezzjoni tad-data nazzjonali ntuża biex jinfluwenza l-eżitu tal-elezzjonijiet tal-PE, li tinvolvi “kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti” li jaġixxi fuq talba tal-Awtorità. Il-Kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti ġie stabbilit permezz tal-Artikolu 11 tar-Regolament. Huwa kompost minn sitt esperti li jinħatru iżda mhumiex impjegati mill-KE, il-PE u l-Kunsill. |
2.6. |
Sabiex jiġi żgurat li l-Awtorità għandha biżżejjed persunal biex twettaq dmirijietha b’mod indipendenti u effettiv, huwa barra minn hekk ippropona ż-żieda ta’ seba’ membri tal-persunal (għal persunal attwali ta’ tlieta, li jinkludi d-direttur). |
3. Kummenti Ġenerali
3.1. |
Il-KESE jappoġġja l-objettivi tal-proposta u jaqbel li d-demokrazija hija wieħed mill-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament ta’ demokrazija rappreżentattiva fil-livell Ewropew, it-trattati jistabbilixxu li ċ-ċittadini tal-UE huma rrappreżentati b’mod dirett fil-Parlament Ewropew. Bħala tali, huwa vitali li ċ-ċittadini tagħha jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt demokratiku tagħhom mingħajr restrizzjoni jew tfixkil. Kwalunkwe interferenza mal-għażla ħielsa matul il-proċess tal-elezzjoni mhijiex demokratika u hi inaċċettabbli. |
3.2. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-użu akbar ta’ data personali f’kampanji elettorali. Fl-elezzjoni tar-Renju Unit tal-2017 aktar minn 40 % ta’ reklamar minfuq minn attivisti intefaq fuq kampanji diġitali. Peress li dan ikun il-każ, l-attrazzjoni ta’ data personali mmirata għal ċerti gruppi hija komprensibbli. Madankollu, mhuwiex aċċettabbli li d-data personali tiġi kondiviża mingħajr l-għarfien tal-persuna, u dan huwa abbuż fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem. |
3.3. |
L-iżvilupp tal-web, il-veloċità ta’ informazzjoni li qed tiġi trasmessa u l-implikazzjonijiet globali jeħtieġu approċċ sod lejn is-sigurtà tad-data maħżuna. Il-GDPR tistabbilixxi regoli robusti għal dan. B’mod partikolari, id-data personali trid tiġi pproċessata skont il-liġi u b’mod ġust. Fis-sitwazzjoni attwali, il-partiti politiċi jisgħu’ leġittimament jużaw d-data skont il-regoli tal-GDPR, fl-limiti ta’ ċerti parametri. L-iżvilupp ta’canvasing politiku sar aktar dipendenti fuq il-midja soċjali. Li wieħed jipprova jwaqqaf dan kompletament mhux neċessarjament iservi l-proċess demokratiku għax jillimita l-possibbiltajiet tal-partijiet politiċi biex jgħarrfu lill-votanti potenzjali bil-manifest tagħhom. |
3.4. |
Il-KESE jagħraf s-sovranità tal-Istati Membri fil-proċess elettorali u l-Kummissjoni trid taħdem fi ħdan it-tali sovranità tal-Istat Membru. L-UE ma tkunx tista’ tilleġisla s-sanzjonar ta’ partiti politiċi nazzjonali peress li din hija kompetenza tal-Istati Membri. Għalhekk, l-UE tista’ biss tipproponi miżuri li jissanzjonaw lil partiti politiċi fil-livell Ewropew. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni tipproponi emenda tar-Regolament li jirregola l-istatut u l-finanzjament tagħhom. Dan se jsaħħaħ lill-Awtorità fil-konklużjoni tagħha meta l-użu ħażin ġie ppruvat. |
4. Kummenti speċifiċi u rakkomandazzjonijiet
4.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-Awtorità attwalment hija nieqsa mill-persunal. Id-Direttur u żewġ membri tal-persunal tagħha diġà għandhom xogħol kbir ħafna u l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin se jpoġġu aktar pressjoni fuqhom. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-proposta biex il-persunal tal-Awtorità jintgħażel b’mod permanenti u li s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra jingħataw lid-Direttur tal-Awtorità, peress li huwa essenzjali li hija jkollha biżżejjed manodopera biex tissorvelja l-elezzjonijiet sew. |
4.2. |
L-użu tad-data u l-midja soċjali biddlu b’mod fundamentali l-mod kif il-partiti jmexxu kampanji f’elezzjonijiet, li jippermettulhom jimmiraw lill-votanti potenzjali. Dan l-iżvilupp wassal għal spinta ikbar tal-midja soċjali bħala forma ta’ kif jiġu influwenzati l-intenzjonijiet tal-vot tal-poplu. Il-KESE jistenna li l-Awtorità tħares lejn oqsma fejn ksur tad-data jista’ jseħħ u jissuġġerixxu modi biex dan jieqaf u ddaħħal kontrolli u bilanċi fis-seħħ sabiex tiżgura li l-protezzjoni tad-data u l-użu ta’ data hija f’limiti ta’ parametri definiti sew. |
4.3. |
Il-KESE jissuġġerixxi li hija meħtieġa kjarifika akbar biex tikkostitwixxi dak li huwa tentattiv sabiex jiġu influwenzati l-elezzjonijiet permezz ta’ ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data. It-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma li jikkonsisti minn DPAs tal-Istati Membri u l-Awtorità għandu jiġi eżaminat, bl-għan li tiġi stabbilita l-aħjar prattika ta’ xogħol kemm bejn l-Awtorità u d-DPAs peress li l-protezzjoni tad-data m’għandiex fruntieri fi ħdan l-UE. |
4.4. |
Id-Direttur tal-Awtorità jinħatar permezz ta’ proċedura kif iddikjarat fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament. Huwa jkun/Hija tkun indipendenti u mhux responsabbli lejn l-istituzzjonijiet tal-UE. Huwa jkollu jippreżenta/Hija jkollha tippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew, u jista’ jkun prudenti li l-PE jingħata poter biex jiddubita dan ir-rapport u biex jivvota fuqu. Dan jiżgura li l-Awtorità għandha xi responsabbiltà u li l-proċess ikun aktar trasparenti. |
Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) www.appf.europa.eu