|
15.2.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 62/298 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2009 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni”
(COM(2018) 567 final — 2018/0298 (COD))
(2019/C 62/47)
|
Relatur ġenerali: |
Séamus BOLAND |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 10.9.2018 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 10.9.2018 |
|
Bażi legali |
L-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
|
Deċiżjoni tal-Bureau |
18.9.2018 |
|
Adottata fil-plenarja |
17.10.2018 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
538 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
122/0/0 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 dwar l-ispezzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-bastimenti, li hija meħtieġa bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (UE). |
|
1.2. |
Il-KESE jemmen li l-bidliet proposti se joħolqu ambjent ta’ opportunità u jirrakkomanda li l-Kummissjoni trawwem kooperazzjoni eqreb bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali kollha rilevanti, u l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, li magħhom l-Istati Membri ffirmaw ftehimiet ta’ awtorizzazzjoni. |
|
1.3. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li din il-proposta tagħti ċertezza legali lil industrija li fuqha hemm dipendenza kbira fir-rigward tat-trasport mingħajr xkiel ta’ merkanzija f’kundizzjonijiet li huma ppruvati li jkunu tal-ogħla livelli ta’ sikurezza. Għalhekk jirrakkomanda li l-proposta tiġi adottata b’mod urġenti. |
|
1.4. |
Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrapporta dwar l-effetti tagħha wara perjodu adegwat ta’ applikazzjoni u jirrakkomanda li tittieħed biżżejjed azzjoni, b’mod partikolari meta l-konsegwenzi ma kinux previsti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-bidla fir-regolament. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Fit-23 ta’ Ġunju 2016, wara referendum dwar is-sħubija fl-UE, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ivvutaw biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tinkludi l-Gżira ta’ Ġibiltà. |
|
2.2. |
Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni. Dan ifisser li l-liġi primarja u sekondarja kollha tal-Unjoni mhux ser tibqa’ tapplika għar-Renju Unit mit-30 ta’ Marzu 2019, (“id-data tal-ħruġ”). Ir-Renju Unit imbagħad isir “pajjiż terz”. |
|
2.3. |
Skont il-kontenut tal-ftehim ta’ ħruġ li qed jiġu nnegozjat bħalissa, huwa ċar li l-liġi tal-UE dwar it-trasport marittimu ma tibqax tapplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (inkluż Ġibiltà). Fil-liġi tal-Unjoni, ir-rikonoxximent fil-livell tal-unjoni ta’ organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta’ spezzjoni u perizja tal-bastimenti, li l-bandiera tagħhom ġejja minn wieħed mill-Istati Membri, jista’ jkompli biss soġġett għal qbil dwar il-proposta. |
|
2.4. |
L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 (ir-“Regolament”) jirrikjedi li l-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u l-perizji tal-bastimenti rikonoxxuti jiġu vvalutati tal-anqas kull sentejn mill-Kummissjoni flimkien mal-Istat Membru li qed ifittex rikonoxximent tal-organizzazzjoni. Madankollu, wara l-ħruġ tar-Renju Unit, mhux ser jibqa’ f’pożizzjoni li jipparteċipa fil-valutazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament għal dawk l-organizzazzjonijiet li għalihom ir-Renju Unit jaġixxi bħala Stat Membru “sponsor”. |
|
2.5. |
Minħabba t-telf mistenni għall-“organizzazzjonijiet” sponsorjati mir-Renju Unit tar-rikonoxximent tal-UE, huwa loġiku li wieħed jassumi li se jkun hemm konsegwenzi negattivi fuq il-kompetittività u l-attraenza tal-bnadar tal-Istati Membri tal-UE-27 li awtorizzaw dawn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti biex jaġixxu f’isimhom għall-finijiet tat-twettiq tal-ispezzjonijiet, tal-periziji taċ-ċertifikazzjoni statutorji tal-bastimenti. Bosta organizzazzjonijiet li huma milquta huma ftehimiet ta’ awtorizzazzjoni ma’ tat-27-il Stat Membru li jifdal, li se ssir nulla wara l-ħruġ tar-Renju Unit. |
|
2.6. |
Għaldaqstant, il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li żżid iċ-ċertezza legali, tiżgura l-kontinwità tan-negozju għas-sidien tal-bastimenti affettwati u tinżamm il-kompetittività tal-bnadar tal-Istati Membri tal-UE27. |
|
2.7. |
Meta r-Renju Unit jirtira bħala membru tal-Unjoni, se jtemm il-parteċipazzjoni fil-ħidma kollha skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009. Madankollu, l-organizzazzjonijiet soġġetti għall-ftehim tal-proposta se jkunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom. |
3. Il-kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni
|
3.1. |
Il-proposta tal-Kummissjoni tfittex li tirrestawra ċ-ċertezza legali fir-regolament dwar l-affarijiet marittimi, li se jiġi mxekkel bħala riżultat tal-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni. |
|
3.2. |
Fil-fatt, bit-tneħħija tal-ħtieġa għal stat sponsor, il-proposta se tippermetti lill-organizzazzjonijiet jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni u flimkien mal-Istati Membri li jkollhom ftehimiet ta’ awtorizzazzjoni magħhom biex ikomplu l-ispezzjonijiet u ċ-ċertifikazzjoni tal-bastimenti. |
|
3.3. |
Għandha tipprova tipprovdi rikonoxximent għal “organizzazzjonijiet” li qabel kienu jaġixxu skont il-leġislazzjoni tar-Renju Unit fir-rwol tiegħu bħala Stat Membru sponsor f’isem il-Kummissjoni. L-għan ikun li tiġi żgurata t-tkomplija tal-arranġamenti eżistenti bejn dawn l-organizzazzjonijiet u l-Istati Membri l-oħra tal-UE-27. Dawn jinkludu t-tlestija ta’ perizji u spezzjonijiet tal-bastimenti, sabiex tkun żgurata s-sikurezza mingħajr interruzzjoni. |
|
3.4. |
Biex jinkiseb dan, il-proposta temenda l-Artikolu 8(1) tar-Regolament. Dan ibiddel ir-rekwiżit fejn l-Istat Membru sponsor biss jipparteċipa fil-proċess ta’ valutazzjoni regolari f’isem il-Kummissjoni. Fil-fatt, dan ikun ifisser li l-valutazzjonijiet jistgħu jitwettqu minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaħdmu f’isem il-Kummissjoni. |
|
3.5. |
Huwa mfassal biex jiżgura l-kontinwità tan-negozju u l-kompetittività tal-bnadar tas-27 Stat Membru li se jaħdmu mal-organizzazzjonijiet affettwati. |
|
3.6. |
Ir-regolament jillimita l-mandat tiegħu għarr-riżoluzzjoni ta’ konsegwenzi negattivi kkawżati bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. |
4. Kummenti tal-KESE
|
4.1. |
Il-KESE jinnota li r-regolamenti li jirregolaw il-qasam marittimu, b’mod partikolari t-tbaħħir, evolvew b’mod li jiżgura li n-negozju u l-kummerċ kollu jkunu f’armonija madwar l-UE inkluż ir-Renju Unit. |
|
4.2. |
Il-KESE jaqbel mal-ħsieb prinċipali tal-proposta, li huwa meħtieġ li jiġu protetti l-bnadar tal-UE u jiġi żgurat li ma hemm l-ebda inċertezza legali fis-seħħ wara l-Brexit. |
|
4.3. |
Il-KESE jinnota li t-tliet entitajiet prinċipali involuti attwalment huma l-EMSA (Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima), l-ABS (American Bureau Shipping) u Lloyds. |
|
4.4. |
Il-KESE jinnota li mingħajr din il-proposta l-Istati Membri mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu mal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għall-flotta bil-bandiera tagħhom. Minflok, ikollhom jibdlu l-bandiera tal-bastimenti tagħhom għal bandiera mhux tal-UE. Azzjonijiet bħal dawn se jkollhom konsegwenzi serji, f’termini ta’ kuntratti kurrenti mal-organizzazzjonijiet u t-tkomplija tal-kontinwità tal-industrija. |
|
4.5. |
Il-KESE jemmen li l-industrija tat-tbaħħir hija ċentrali għall-kummerċ dinji u l-moviment ta’ merkanzija. Bl-istess mod, huwa importanti li s-sistemi ta’ regolazzjoni jiżguraw l-ogħla livell ta’ sikurezza għal dawk kollha kkonċernati. |
|
4.6. |
Il-KESE jirrimarka li kull nuqqas li tiġi adottata l-proposta jista’ jinterrompi t-trasport madwar id-dinja tal-merkanzija u jipperikola serjament l-ekonomija tal-UE. Għalhekk, huwa essenzjali li din tiġi adottata minnufih. |
|
4.7. |
Il-KESE jinnota l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li l-konsegwenzi, li bħalissa mhumiex identifikati, ser jiġu rrapportati wara ċertu perjodu ta’ applikazzjoni. |
Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER