10.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 159/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment. Kontribut mill-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-mexxejja f’Salzburg fid-19-20 ta’ Settembru 2018”

[COM(2018) 634 final — 2018/0329 COD]

(2019/C 159/08)

Relatur: José Antonio MORENO DÍAZ

Korelatur: Vladimíra DRBALOVÁ

Konsultazzjoni

Kummissjoni 24.10.2018

Bażi ġuridika

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

18.12.2018

Adottata fil-plenarja

23.1.2019

Sessjoni plenarja Nru

540

Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)

169/2/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jinnota l-argumenti tal-Kummissjoni Ewropea għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-ritorn (1), iżda jtenni t-twemmin tiegħu li l-ewwel nett huwa essenzjali għall-UE li jkollha politika komuni u leġislazzjoni għall-migrazzjoni legali, kif ukoll dwar il-protezzjoni internazzjonali u l-asi (2).

1.2.

Il-KESE huwa mħasseb dwar id-diverġenza fil-kriterji użati mill-Istati Membri tal-UE fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u speċjalment fir-rigward tat-trattament tal-migranti irregolari, li joħloq inċertezza legali u trattament mhux ugwali.

1.3.

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni kien imissha nediet proċess ta’ komunikazzjoni u konsultazzjoni mal-gvernijiet u s-soċjetà ċivili dwar il-kwistjoni f’ċirkustanzi ġodda, kif għamlet fi stadju aktar bikri permezz tal-Green Paper (3).

1.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni kellha tipprovdi data, jew għall-inqas stima, rigward il-livell ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar ir-ritorni u fuq il-livell tagħha ta’ applikabbiltà, kif ukoll dwar il-grad ta’ monitoraġġ tal-effettività tal-applikazzjoni tagħha, l-akbar diffikultajiet li jinqalgħu matul is-snin li fihom kienet fis-seħħ, u l-grad ta’ konformità mid-diversi Stati Membri.

1.5.

Il-Kummissjoni għandha teżerċita ammont minimu ta’awtokritika, jew għall-inqas analiżi, sabiex jiġu spjegati r-rati baxxi ta’ ritorn imwettqa mill-Istati Membri u jiġu identifikati b’mod ċar ir-raġunijiet għal dan u/jew dawk responsabbli; jekk l-Istati Membri la applikaw id-Direttiva u lanqas irrispettaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432 (5) dwar li r-ritorni jsiru aktar effettivi, allura għandha ssir valutazzjoni tal-impatt. Dan l-istudju għandu jinkludi evalwazzjoni ta’ kif l-Istati Membri avviċinaw il-ħolqien ta’ programmi operazzjonali li jipprovdu għajnuna u pariri f’ritorni u tqabbil tal-kosteffikaċja ta’ ritorni volontarji u ritorni mġiegħla.

1.6.

Il-KESE huwa konxju li hemm fergħa ta’ diskors nazzjonalista u tal-lemin estrem dwar il-migrazzjoni li qed tikkontribwixxi għal imġiba ksenofobika u intolleranti. Il-KESE jemmen li politika tal-migrazzjoni tal-UE komprensiva u komuni tkun l-aħjar argument li bih jistgħu jiġu kkalmati l-biżgħat tal-Ewropej.

1.7.

Skont il-fehmiet tal-KESE stabbiliti f’Opinjonijiet oħra (6), trid tiġi żviluppata narrattiva differenti dwar il-migrazzjoni li trawwem perspettiva mhix drammatizzata tagħha bħala fattur ekonomiku u soċjali normali u tippermetti sforzi biex is-soċjetà tiġi edukata dwar il-kwistjoni.

1.8.

Min-naħa l-oħra, il-KESE jista’ jappoġġja l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2018, li jiddikjaraw li prekundizzjoni għal politika tal-UE li tiffunzjona hija approċċ komprensiv għall-migrazzjoni li tikkombina kontroll aktar effettiv tal-fruntieri esterni tal-UE, aktar azzjoni esterna u l-aspetti interni, f’konformità mal-prinċipji u l-valuri tal-UE, u li dawn l-isforzi għandhom ikomplu sabiex jiġu evitati diżastri umanitarji (7).

1.9.

Id-data pprovduta mill-Kunsill Ewropew tal-18 ta’ Ottubru (8) turi li l-wasliet irregolari fl-UE tnaqqsu b’95 %. Fl-istess ħin, id-data tal-IOM minn Settembru 2018 (9) tispjega li sa dik id-data, 83 067 persuna kienu waslu fl-UE bil-baħar, u 1 987 kienu mietu.

1.10.

Il-KESE jara l-politika ta’ ritorni effettiva bħala parti integrali minn politika komprensiva tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-asil; madankollu, tali politika hija nieqsa u l-Kummissjoni għandha tipproċedi b’mod konsistenti u meqjus u mhux tadotta viżjoni tal-migrazzjoni purament iffukata fuq is-sigurtà u l-viġilanza bħala kwistjoni kriminali.

1.11.

Il-KESE jikkunsidra li studju komparattiv – abbażi ta’ data u żjarat – taċ-ċentri ta’ detenzjoni fl-UE, is-sitwazzjoni tagħhom u l-konformità mad-drittijiet tal-bniedem fi ħdanhom jenħtieġ li jitwettaq.

1.12.

Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex jitħaffu d-deċiżjonijiet dwar ir-ritorni u torbot dan mad-deċiżjoni li jiġi rrifjutat l-asil u d-deċiżjoni biex jintemm soġġorn legali, kif ukoll biex b’mod ġenerali tagħmel il-proċedura ta’ ritorn aktar rapida u aktar effiċjenti. Minkejja dan, wieħed għandu jikkunsidra kemm huma realistiċi l-iskedi ta’ żmien proposti u ssir valutazzjoni tal-ostakli li jistgħu jiffrustraw din l-intenzjoni.

1.13.

Fl-istess waqt, il-KESE jqis il-politika ta’ ritorni effettiva bħala marbuta ma’ proċess ta’ kollaborazzjoni effettiva ma’ pajjiżi terzi u l-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar sforzi u l-Istati Membri li jagħmlu l-aħjar użu ta’ dawn l-arranġamenti.

1.14.

Il-KESE jqis ukoll li għandu jkun hemm referenza għall-aħjar prattiki applikati f’xi pajjiżi tal-UE li jipprevjenu residenza illegali ta’ ċittadini barranin milli jispiċċaw f’sitwazzjoni irregolari b’mod kroniku. Dawn il-prattiki tajba jinkludu l-għoti ta’ permessi ta’ residenza għal raġunijiet eċċezzjonali ta’ rabtiet soċjali, tax-xogħol jew familjari (arraigo) b’saħħithom fi Spanja jew l-għoti tad-Duldung fil-Ġermanja.

2.   Sfond u l-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

L-UE ilha sa mill-1999 tipprova tiżviluppa approċċ komprensiv għall-migrazzjoni, li jkopri l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ riammissjoni, id-dritt ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment u l-iżvilupp ta’ miżuri legali u kooperazzjoni prattika għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari. Id-Direttiva dwar ir-Ritorn 2008/115/KE kellha l-għan li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni bbażata fuq standards komuni iżda r-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn li kien ippubblikat fl-2014 wera progress bil-mod ħafna dwar it-titjib tar-rata effettiva ta’ ritorn tal-UE: 2014 – 36,3 %, 2015 – 36,8 %, 2016 – 45,8 %, 2017 – 36,6 %. Lanqas ma sar xi titjib permezz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432, li kien fiha lott ta’ miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu biex jikkapitalizzaw bis-sħiħ fuq il-flessibilità li toffri id-Direttiva.

2.2.

Mingħajr ma jinbidel il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u mingħajr ma tiġi affettwata l-protezzjoni tad-drittijiet eżistenti tal-migranti, inkluż fir-rigward tal-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat ta’ saħħa, u l-prinċipju tan-non-refoulement, id-direttiva riformulata għandha tagħmel il-proċess tar-ritorn iżjed effettiva billi tipproponi:

iżjed koerenza u sinerġiji mal-proċeduri tal-asil;

proċedura ġdida b’rabta mal-fruntieri;

proċeduri u regoli ċari biex jiġu evitati l-abbużi;

suġġerimenti għall-promozzjobni ta’ ritorn volontarju effiċjenti;

regoli ċari dwar id-detenzjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE huwa mħasseb dwar id-diverġenza fil-kriterji użati mill-Istati Membri tal-UE fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u speċjalment fir-rigward tat-trattament tal-migranti irregolari, li joħloq inċertezza legali u trattament mhux ugwali.

3.2.

Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet imressqin fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2002 dwar Politika Komunitajra għar-Ritorn ta’ Reżidenti Illegali, peress li jemmen li dawn ma ġewx ikkunsidrati – jew mhux għalkollox – fid-diversi miżuri leġislattivi u ta’ politika introdotti fil-livell tal-Unjoni minn dak iż-żmien ’l hawn, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-migranti irregolari, ir-regolarizzazzjoni, ir-ritorn sfurzat, appell ġudizzjarju, id-dritt għal unità tal-familja, id-detenzjoni u l-bżonn għal politika ġenwinament komuni tal-migrazzjoni legali (10).

3.3.

Naturalment, jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riformulazzjoni – biex il-proċeduri ta’ ritorn isiru aktar effiċjenti, jitħaffef l-ipproċessar u dan jintrabat direttament mad-deċiżjoni li jiġi rrifjutat l-asil u d-deċiżjoni li jintemm soġġorn legali; l-Istati Membri għandhom id-dritt li jirritornaw il-migranti irregolari, dment li huma fis-seħħ sistemi ta’ asil ġusti u effiċjenti li jirrispettaw b’mod sħiħ il-prinċipju tan-non-refoulement. Madankollu, rigward l-għanijiet iddikjarati tal-bidliet proposti, il-KESE huwa mħasseb dwar x’ser ikun l-effett tagħhom. Il-KESE jqajjem dubju dwar l-effiċjenza ta’ dawn il-bidliet u jibża li l-uniku riżultat tal-bidliet ikun li jwasslu għal sitwazzjoni aktar diffiċli u aktar punittiva. Il-prinċipju bażiku li hu s-sies tal-prijorità ta’ ritorni volontarji, minquxa fid-Direttiva oriġinali 2008/115/KE, ma għandux jiġi mwarrab u sostitwit biss b’politiki ripressivi.

3.4.

Il-proposta għandha tiġi evalwata wkoll mil-lat tal-vijabbiltà tal-għanijiet tagħha, speċjalment jekk trid tibqa’ kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem. It-tfittxija tat-tneħħija ġenerali taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment fit-territorju tal-UE, bħala l-uniku mezz biex jerġgħu jitpoġġew fi stat ta’ legalità, hija sempliċement impossibbli li tiġi implimentata, fid-dawl tal-esperjenza matul dawn l-aħħar snin u minħabba l-ispejjeż umani, ekonomiċi u spejjeż oħra sproporzjonati li tipproduċi.

3.5.

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, ma kien hemm l-ebda implimentazzjoni effettiva, monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ politika ta’ ritorni li, barra minn hekk, għadha mhux inkorporata b’mod effettiv f’politika tal-UE dwar il-migrazzjoni komprensiva u komuni.

3.6.

Fil-proposta, il-Kummissjoni jmissha spjegat għaliex id-Direttiva 2008/115/KE ma ġietx applikata kif suppost mill-Istati Membri, li naqsu wkoll milli jsegwu r-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/432 li tinkludi gwida dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, u ssejjaħ lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jitneħħew l-ostakli legali u prattiċi li jagħmlu r-ritorni diffiċli.

3.7.

Bl-istess mod, fl-isfond ta’ konfużjoni soċjali li qiegħda tiżdied, għandu jsir tentattiv sabiex tiġi ppubblikata data reali dwar il-migrazzjoni irregolari lejn l-UE u li tiġi interpretata b’mod responsabbli sabiex jiġi evitat it-tkattir ta’ diskors ksenofobiku u razzista li jwassal għal pożizzjonijiet tal-lemin estrem.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Abbażi ta’ kif żvolġew l-avvenimenti mill-2008 s’issa, il-Kummissjoni tara l-emendar tad-Direttiva bħala mod kif jinkiseb l-għan leġittimu li terġa’ tiġi stabbilita l-legalità u sabiex it-twettiq tar-ritorni jkun aktar effettiv. Madankollu, hemm ħafna metodi oħra li jiksbu l-istess effett iżda huma aktar effettivi u inqas onerużi (pereżempju, ir-ritorn volontarju, ir-regolarizzazzjoni fuq bażi individwali, eċċ). Il-KESE jara l-politika ta’ ritorni effettiva bħala parti integrali minn politika komprensiva tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-asil; madankollu, in-nuqqas ta’ tali politika għandu jwassal lill-Kummissjoni biex tieħu approċċ awtokritiku b’mod konsistenti u meqjus u tevita li tadotta viżjoni tal-migrazzjoni purament iffukata fuq is-sigurtà u l-viġilanza bħala kwistjoni kriminali (11).

4.2.

L-Opinjoni preċedenti tagħna tgħid li l-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li f’għadd mill-Opinjonijiet tiegħu indika l-ħtieġa li tittieħed azzjoni dwar ir-regolarizzazzjoni (12). Madankollu, il-leġislazzjoni Ewropea tipprevedi miżuri bil-għan li l-istatus irregolari ta’ individwu jintemm b’mod raġonevoli u kostruttiv.

4.3.

Eżempji ta’ miżuri bħal dawn jinstabu fl-Artikoli 6 – Deċiżjoni ta’ ritorn – u 7 – Tluq volontarju – tad-Direttiva 2008/115/KE, li ftit li xejn ġew analizzati u applikati mill-Istati Membri, partikolarment f’każijiet fejn ikun sar tentattiv biex tiġi ritornata persuna mingħajr suċċess. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE japprova r-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/432 li jinħolqu programmi operattivi ta’ ritorn volontarju.

4.4.

Barra minn hekk, il-KESE josserva li r-regoli li japplikaw għat-tneħħija taċ-ċiottadini Ewropej u l-membri tal-familja tagħhom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika (13) ma jiġux applikati għall-migranti irregolari. Hawnhekk qegħdin nirreferu għall-possibbiltà li tintalab li titħassar it-talba għal tneħħija minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi wara perjodu raġonevoli u, meta jkunu għaddew sentejn minn meta tkun inħarġet l-ordni, l-obbligu li ordni ta’ tneħħija ma tiġix infurzata mingħajr ma jiġu valutati ċ-ċirkustanzi. Ma jidhirx raġonevoli li l-approċċ adottat għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea – jiġifieri li huna biss theddida għall-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika – ma jistax jintuża fil-każ ta’ dawk li l-unika ħtija tagħhom hija kwistjoni ta’ dokumentazzjoni jekk għaddew minn bidliet sinifikanti fiċ-ċirkustanzi tagħhom.

4.5.

Huwa essenzjali li l-proċedura ta’ ritorn tinkludi mekkaniżmi u salvagwardji effettivi – li jmorru lil hinn mis-sempliċi possibbiltà ta’ rikors jew appell – sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-interessi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għal proċedimenti. Jeħtieġ li jkun hemm mod effettiv biex dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati permezz ta’ assistenza legali adatta; kull proċedura għandha tiġi assenjata awtomatikament lil avukat speċjalizzat, li jkun ħa taħriġ imfassal apposta, biex iressaq il-każ għad-difiża.

4.6.

Il-politika ta’ persekuzzjoni tar-residenti illegali trid timxi id f’id ma’ projbizzjoni ġenerali u b’saħħitha tal-identifikazzjoni tal-persuni abbażi tal-etniċità u/jew ir-reliġjon tagħhom. L-illaxkar attwali ta’ din il-projbizzjoni tagħmel l-Ewropa territorju fejn il-minoranzi razzjali jistgħu jkunu esposti b’mod intollerabbli għas-suspetti u l-kontroll tal-awtoritajiet. Il-fatt li l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti li f’Lulju 2009 (14) ta twissija lil Spanja għax żammet ċittadina Spanjola fuq suspett li kienet immigranta illegali, sempliċement minħabba li kienet sewda, jgħid ħafna.

4.7.

Il-KESE jikkunsidra li jeħtieġ li jsir studju komparattiv – abbażi ta’ data u żjarat – taċ-ċentri ta’ detenzjoni fl-UE, il-kundizzjonijiet tagħhom u l-konformità mad-drittijiet tal-bniedem.

4.8.

Il-KESE jipproponi wkoll li l-Kummissjoni kontinwament teżamina l-approċċ tal-Istati Membri li joħolqu programmi operattivi li jipprovdu għajnuna u parir aħjar fir-ritorni, inkluż appoġġ għar-riintegrazzjoni f’pajjiżi terzi ta’ ritorn – programmi huma messhom bdew lura fl-2017. Dan l-istudju għandu jinkludi tqabbil tal-kosteffettività ta’ ritorni volontarji u ritorni mġiegħla.

4.9.

Il-KESE jixtieq isemmi l-aħjar prattiki applikati f’xi wħud mill-pajjiżi tal-UE biex jimpedixxu lill-migranti irregolari milli jispiċċaw f’sitwazzjoni li tkun kronikament irregoari. Prattiki tajba bħal dawn jinkludu l-arranġamenti tal-arraigo u d-Duldung fi Spanja u l-Ġermanja rispettivament, li jippermettu lil xi ċittadini barranin li kienu qegħdin jgħixu fit-territorju tagħhom taħt kundizzjonijiet irregolari jiksbu – għal raġunijiet straordinarji – status regolari bil-kundizzjoni li jissodisfaw ċerti rekwiżiti; dan jingħata fuq bażi individwali u selettiva.

5.   Analiżi tal-bidliet proposti

5.1.

It-test tad-Direttiva huwa ċar ħafna, fejn jintroduċi disa’ bidliet speċifiċi, li l-Opinjoni tal-KESE tiffoka fuqhom.

5.2.

Hemm ħtieġa qawwija għal kriterji oġġettivi fl-UE kollha biex tiġi ddeterminata l-eżistenza jew le tar-riskju ta’ ħarba, inklużi movimenti sekondarji mhux awtorizzati. Biex jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti jew mhux effettivi, l-Artikolu 6 tal-proposta jistabbilixxi lista komuni ta’ kriterji oġġettivi biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba bħala parti minn valutazzjoni kumplessiva taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ individwali. Il-lista tal-kriterji hija wiesgħa wisq u tmur lil hinn mir-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/432. Ir-riżultat huwa li, għalkemm id-Direttiva tipprevedi żewġ tipi ta’ proċedura ta’ ritorn – waħda ta’ emerġenza u eċċezzjonali, mingħajr tluq volontarju u soġġetta għal restrizzjonijiet oħra; l-oħra b’salvagwardji u bl-opzjoni ta’ konformità volontarja – fil-prattika l-biċċa l-kbira tal-migranti irregolari jkunu soġġetti għall-proċedura li, fit-teorija, għandha tkun eċċezzjonali.

5.2.1.

Għadd limitat biss tal-kriterji oġġettivi fl-Artikolu 6 – li jirriżultaw mir-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/432 u li jikkorrispondu fit-test emendat għall-kriterji f’(f), (h) u (k) – iservu biex b’mod rigoruż jiddefinixxu “riskju ta’ ħarba”. L-ittra (j) tista’ wkoll titqies bħala kriterju adattat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-obbligu ta’ kooperazzjoni.

(a)

In-nuqqas ta’ dokumentazzjoni fil-punt meta jinbdew il-proċedimenti jista’, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jiġi rettifikat fuq talba li, jekk ma tiġix issodisfata, tista’ twassal għall-punt (f).

(b)

Dan l-għan ipoġġi l-oneru tal-prova fuq il-migrant li jkollu jagħti xhieda ta’ residenza effettiva, u b’hekk titneħħa salvagwardja legali fundamentali. Id-diffikultajiet ġenerali relatati mal-akkomodazzjoni – b’mod partikolari dawk li bosta muniċipalitajiet jikkawżaw għall-barranin b’mod ġenerali u għall-persuni bi status irregolari b’mod partikolari – jagħtu lil dan il-punt kobor sproporzjonat.

(c)

Jekk nixtiequ nevitaw il-possibbiltà li l-immigranti irregolari KOLLHA jkunu akkużati b’riskju ta’ ħarba, li jfisser li jitwarrbu għalkollox il-proċeduri b’salvagwardji, ir-riskju ta’ ħarba ma jistax jiġi definit bl-użu ta’ dan it-tip ta’ parametru. Wara kollox, kull min jiġi mċaħħad mid-dritt għax-xogħol huwa ovvjament imċaħħad ukoll mir-riżorsi ekonomiċi u l-biċċa l-kbira tal-migranti irregolari għalhekk ibatu minn nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji.

(d)

Fid-dawl tal-politika tal-fruntieri magħluqa applikata mill-Istati Membri, ħafna migranti irregolari (u anke legali) ikunu daħlu fit-territorju tal-Istati Membri illegalment.

(e)

Jekk migrant irregolari jiċċaqlaq bejn l-Istati Membri dan awtomatikament ma jiġix awtorizzat, iżda mhux neċessarjament raġuni biex jinstab li hemm riskju ta’ ħarba.

(g)

Li wieħed ikun soġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru ieħor. Jekk id-Direttiva nnifisha tipprevedi l-infurzar dirett ta’ dik id-deċiżjoni mit-tieni Stat, ma jagħmilx sens li tiġi stabbilita din il-possibbiltà.

(i)

Nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit li wieħed imur fi Stat Membru ieħor fejn ikun residenti legalment. F’każijiet bħal dawn, il-bidu ta’ proċedimenti ta’ tneħħija mingħajr tluq volontarju lejn il-pajjiż ta’ oriġini huwa kompletament sproporzjonat. Li huwa meħtieġ f’każijiet bħal dawn huwa xi tip ta’ miżura obbligatorja biex dawn jittieħdu lura fl-Istat Membru l-ieħor, iżda mhux it-tneħħija lejn il-pajjiż ta’ oriġini, aktar u aktar permezz tal-proċedura ta’ emerġenza.

5.3.

Bħala daħla għall-analiżi tal-Artikoli 7 u 8, u artikoli oħra fil-proposta, għandna niċċaraw dan li ġej: it-test sħiħ ta’ dawn il-bidliet juri nuqqas ċar ta’ fehim tan-natura legali ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li, ladarba tiġi ċċarata, issostni l-isfida komprensiva mqajma fir-rigward tal-paragrafu 3, riflessa fl-Artikolu 8 l-ġdid tad-Direttiva. Deċiżjoni ta’ ritorn tikkostitwixxi deċiżjoni eżekuttiva meħuda mill-Istat li għandha impatt dirett fuq l-isfera personali tad-drittijiet u l-interessi ta’ persuna. Barra minn hekk, il-ġustifikazzjoni ġeneralment tkun direttament jew indirettament relatata mat-twettiq ta’ obbligi jew ma’ ċerta mġiba li biha tkun akkużata l-persuna, u din il-persuna jisħoqqilha proċess adatt biex tiġi vverifikata l-veraċità ta’ dawn l-allegazzjonijiet, li, f’dawn il-każijiet, jistgħu bla dubju ta’ xejn jiġu ssostanzjati b’mod indipendenti. Dan kollu jfisser li t-tneħħija hija sanzjoni, piena, kastig ta’ natura amministrattiva – u mhux kriminali – iżda hija regolata mill-istess prinċipji kostituzzjonali u drittijiet fundamentali bħal-liġi kriminali.

5.4.

Fir-rigward tal-Artikolu 7 — l-obbligu ta’ kooperazzjoni – il-KESE jinnota s-suppożizzjoni tal-Kummissjoni li l-obbligu ta’ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-istadji kollha tal-proċeduri tar-ritorn jista’ jgħin it-tħaddim u l-effikaċja tajbin ta’ dawn il-proċeduri. Għandu jiġi nnutat, madankollu, li dan direttament jikser id-dritt fundamentali li il-persuna ma tixhidx kontriha nnifisha. L-obbligi stabbiliti f’dan l-artikolu jistgħu jiġu sintetizzati għal wieħed: li wieħed jikkoopera u jikkollabora waqt proċedura li tkun diretta kontrih stess. Artikolu 8 – Deċiżjoni ta’ ritorn – issa jirrikjedi lill-Istati Membri biex joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn immedjatament wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li ttemm residenza legali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, inkluża deċiżjoni li ma jingħatax status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja. Il-KESE jaħseb li l-Artikolu 8 għandu jkun estiż biex jinkludi l-possibilità li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jingħataw opportunità raġonevoli sabiex jikkonformaw mal-obbligu li jitilqu mill-pajjiż tagħhom stess jew biex tfittex modi alternattivi biex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom.

5.5.

Artikolu 9 dwar it-tluq volontarju jistipula li perjodu adatt ta’ tletin jum għandu jingħata għal tluq volontarju, li jannulla d-dispożizzjoni oriġinali ta’ sebat ijiem sa tletin jum. Filwaqt li l-perjodu massimu ta’ tletin jum biss kien mottiv ta’ kritika, l-eżistenza ta’ perjodu minimu kienet isservi bħala salvagwardja. It-tneħħija ta’ dan il-perjodu minimu tagħmilha possibbli għall-Istati Membri li ma jippermettu l-ebda perjodu ta’ tluq volontarju.

5.6.

Il-miżura l-ġdida introdotta fl-Artikolu 13 tippermetti li l-Istati Membri jimponu projbizzjoni fuq id-dħul, li ma takkumpanjax deċiżjoni ta’ ritorn, fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li l-permanenza illegali tiegħu fl-Istati Membri tiġi skoperta waqt it-tluq (mhux volontarju) mill-UE. Il-KESE jqis din il-miżura bħala sanzjoni imposta fuq persuna li f’dak il-mument ikun jikkonforma mal-liġi, jiġifieri jitilqu mit-territorju tal-UE u li jintemm is-soġġorn illegali tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-miżura tista’ titqies bħala polza tal-assigurazzjoni kontra d-dħul ripetut fl-Istat Membru kkonċernat.

5.7.

L-Artikolu 14 dwar Ġestjoni tar-Ritorn jitlob lil kull Stat Membru jistabbilixxi, jopera, imantni u jiżviluppa aktar is-sistema ta’ ġestjoni ta’ ritorn nazzjonali, li għandha tipproċessa l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Madankollu, il-kompatibbiltà teknika għandha tiġi żgurata mas-sistema ċentrali tal-UE. L-Artikolu 14 jipprovdi wkoll lill-Istati Membri biex jintroduċu programm operattiv biex jipprovdu appoġġ lil dawk ikkonċernati.

5.7.1.

In-nuqqasijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) ifissru li jinħtieġu miżuri sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-Istati. Huwa dubjuż ħafna kemm huma meħtieġa regoli speċifiċi fil-livell ta’ direttiva biex jiġu indirizzati kwistjonijiet essenzjalment ġestjonali ta’ natura prattika.

5.7.2.

Il-proposta li l-Istati Membri jistabbilixxu programmi għall-provvediment ta’ assistenza loġistika, finanzjarja u materjali oħra li tappoġġja r-ritorn volontarju, li tkun tinkludi l-programmi ta’ reintegrazzjoni, ġej mir-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/432. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja, tissorvelja u tivvaluta l-ħolqien tagħhom.

5.8.

L-Artikolu 16 jippersisti u jiffoka esklussivament fuq “l-uniku każ obbligatorju fejn l-effett sospensiv awtomatiku għandu jingħata skont din il-proposta”, jiġifieri li tiġi ssostanzjata t-tneħħija ta’ xi ħadd li l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet rifjutata. Ma għandna l-ebda oġġezzjoni, ħlief li l-KESE jara każijiet oħra fejn is-sospensjoni tat-tneħħija għandha tkun ukoll awtomatika, sabiex jiġi rinforzat il-kamp ta’ applikazzjoni tas-salvagwardji u l-garanziji. Lista mhux eżawrjenti ta’ dawn għandha tinkludi:

il-każijiet li fihom minorenni huma affettwati direttament jew indirettament,

każijiet li fihom ikunu affettwati direttament jew indirettament membri tal-familja mill-UE u li għalhekk ma jaqgħux taħt id-Direttiva 2004/38/KE,

każijiet li fihom ikun hemm riskju dimostrabbli għas-saħħa jew għall-integrità fiżika tal-persuna kkonċernata,

meta r-ritorn ikun ser isir lejn pajjiż identifikat bħala mhux sigur, inklużi pajjiżi li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem.

5.9.

Fir-rigward tad-detenzjoni u l-istabbiliment ta’ mill-anqas tliet xhur bħala perjodu massimu ta’ detenzjoni, irridu nirrimarkaw li l-fatti juru li perjodu ta’ anqas minn tliet xhur huwa suffiċjenti għall-proċedura u l-passi meħtieġa sabiex tkun tista’ tiġi infurzata tneħħija lejn pajjiż terz, u li kważi ma jinkiseb xejn b’estensjoni ta’ dan il-perjodu, tkun kemm tkun twila, u anqas u anqas billi xi ħadd li ma jkun wettaq l-ebda reat jiġi soġġett għal tali miżura estrema bħat-tiċħid mil-libertà tiegħu.

5.10.

Għal darba oħra nħeġġu sabiex jinstabu soluzzjonijiet oħra, bħad-Duldung Ġermaniża jew l-arraigo fi Spanja msemmija aktar ’il fuq, li jieħdu ferm anqas minn tliet xhur sabiex jiddeterminaw jekk persuna tkunx tista’ titneħħa jew le. Id-detenzjoni preventiva hija miżura interim, li l-iskop tagħhom huwa li tagħmilha aktar faċli biex jitwettaq ritorn furzat u tiġi evitata l-ħarba. Madankollu, l-użu ħażin tagħha bħala forma moħbija ta’ priġunerija jew piena għal l-immigrazzjoni irregolari għandha tiġi eskluża. Dan it-tip ta’ priġunerija hija pprojbita b’mod espliċitu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (15).

5.11.

Konsegwentement, għandu jkun rekwiżit taħt id-Direttiva li dawn iċ-ċentri ta’ detenzjoni ma jkunux paragunabbli mal-ħabsijiet jew agħar minnhom. Għandu jiġi stipulat li s-sorveljanza interna ta’ dawn iċ-ċentri qatt ma titwettaq mill-forzi tas-sigurtà tal-Istat, li r-rwol tagħhom ikun limitat għall-perimetru, bis-sorveljanza interna tkun ir-responsabbiltà ta’ tip ieħor ta’ korp statali, kif ukoll li għandu jkun hemm standard minimu ta’ drittijiet tad-detenuti f’kull aspett daqs jew aħjar mill-istatus legali ta’ dawk miżmuma fil-ħabsijiet f’kull Stat Membru.

5.12.

L-emenda introdotta mill-paragrafu 7 tal-Artikolu 22 hija żejda għalkollox, billi diġà hija regolata mid-diversi proċeduri ta’ asil tal-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, huwa sproporzjonat għal persuna li tista’ tinżamm sa erba’ xhur għar-ritorn tagħha għax l-applikazzjoni tagħha għall-asil tiġi rifjutata, biex imbagħad terġa’ tiddaħħal immedjatament f’perjodu addizzjonali ġdid ta’ sitt xhur, bl-istess għan ta’ ripatrijazzjoni.

5.13.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-effiċjenza tal-politika tar-ritorn tal-UE tiddependi wkoll mill-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi ta’ oriġini. L-UE diġà kisbet ċertu progress, madankollu, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha f’dan il-qasam u, fl-istess ħin, tappella lill-Istati Membri biex jikkapitalizzaw fuq dawn ir-riżultati u jagħmlu użu sħiħ minn dawn l-arranġamenti.

Brussell, it-23 ta’ Jannar 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 634 final.

(2)  ĠU C 85, 8.4.2003, p. 51 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  COM(2002) 175 final.

(4)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunnissjoni (UE) 2017/432 tas-7 ta' Marzu 2017 dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 66, 11.3.2017, p. 15).

(6)  Ara l-Opinjoni tal- KESE dwar “L-ispiża tan-nuqqas ta’ immigrazzjoni u tan-nuqqas ta’ integrazzjoni” (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 1).

(7)  Laqgħa tal-Kunsill Ewropew, 28.6.2018, Konklużjonijiet

(8)  Laqgħa tal-Kunsill Ewropew, 18.10.2018, Konklużjonijiet

(9)  IOM – Il-Migrazzjoni: Monitoraġġ tal-Flussi Ewropa

(10)  ĠU C 85, 8.4.2003, p. 51 (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  Ara r-rapport ta’ Research Social Platform on Migration and Asylum (RESOMA) dwar Migration: crackdown on NGO's assisting refugees and other migrants

(12)  ĠU C 85, 8.4.2003, p. 51 (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Artikoli 32 u 33 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(14)  FF. Komunikazzjoni Nru 1493/2006, Williams Lecraft v. Spanja

(15)  Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C-47/15, ECLI:EU:C:2016:408, u tat-28 ta’ April 2011, El Dridi, C-61/11, ECLI:EU:C:2011:268.