22.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 110/156 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)”
(COM(2018) 465 final — 2018/0247 (COD))
(2019/C 110/28)
Relatur: |
Dimitris DIMITRIADIS |
Konsultazzjoni |
Il-Parlament Ewropew, 2.7.2018 Kummissjoni Ewropea, 12.7.2018 Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 18.7.2018 |
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni |
Adottata fis-sezzjoni |
23.11.2018 |
Adottata fil-plenarja |
12.12.2018 |
Nru tas-Sessjoni plenarja |
539 |
Riżultat (favur/kontra/astensjonijiet) |
181/1/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) għall-perjodu 2021-2027. |
1.2. |
Il-KESE jilqa’ wkoll l-istqarrija li l-IPA III għandu jpoġġi l-prestazzjoni fil-qalba tal-istrument u b’hekk jippermetti aktar direzzjoni fl-allokazzjonijiet tal-fondi ġenerali li jirriflettu l-impenji tal-benefiċjarji u l-progress lejn ir-riformi. L-użu ta’ indikaturi tal-prestazzjoni se jikkontribwixxi għall-valutazzjoni ġenerali tal-IPA III u huwa skont ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu għall-IPA II (1). |
1.3. |
Il-KESE huwa konvint li l-istabbiliment tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni huwa konformi mal-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea għall-Balkani tal-Punent “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent”, ippubblikata fis-6 ta’ Frar 2018, u mas-sitt inizjattivi ewlenin tagħha li jvarjaw mit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, ir-rinfurzar tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u l-migrazzjoni permezz ta’ timijiet ta’ investigazzjoni konġunta, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, it-tkabbir tal-Unjoni tal-Enerġija fl-UE għall-Balkani tal-Punent, it-tnaqqis fit-tariffi tar-roaming u l-implimentazzjoni tal-broadband fir-reġjun (2). Huwa wkoll konformi mal-politika tal-Unjoni Ewropea għat-tkabbir tagħha fid-dawl tal-adeżjoni possibbli tat-Turkija fil-futur. |
1.4. |
Il-KESE jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu bbażata fuq l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li kull Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi, u li jimpenja ruħu li jippromovi dawn il-valuri, jista’ japplika biex isir membru tal-Unjoni. |
1.5. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-referenza finanzjarja prevista fl-abbozz ta’ Regolament dwar l-IPA III għall-perjodu mill-2021 sal-2027 se tkun ta’ madwar EUR 14,5 biljun skont il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea. |
1.6. |
Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li 25 % tan-nefqa tal-UE se tikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi. |
1.7. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-IPA III jintroduċi aktar flessibbiltà billi ma stabbilixxiex allokazzjonijiet tal-imsieħba mill-bidu nett. Il-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA jenħtieġ li jkun ibbażat fuq ħtiġijiet li qegħdin jevolvu u jiżgura bilanċ bejn il-finanzjament ibbażat fuq il-prevedibbiltà u dak ibbażat fuq il-prestazzjoni. |
1.8. |
Il-KESE jenfasizza li l-kummenti li saru wara l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-IPA II (3) u ħafna mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-KESE (4) għandhom jiġu adottati bis-sħiħ kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mill-kandidati u mill-kandidati potenzjali. |
1.9. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni biex jissoktaw ir-riformi ekonomiċi u biex jinħoloq ambjent tan-negozju favorevoli u prevedibbli li jrawwem l-intraprenditorija, il-ħolqien tan-negozji u jgħin lill-SMEs jikbru, u b’hekk jiżdiedu l-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti ġodda. |
1.10. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-Programmi ta’ Riforma Ekonomika (ERPs) u ta’ involviment sinifikanti tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi. Il-KESE jitlob li jiġu allokati aktar fondi, inklużi għotjiet organizzazzjonali, għall-bini tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv f’dawn il-proċessi. Jeħtieġ jiġi mħeġġeġ it-titjib fil-kwalità u l-kontenut tad-djalogu soċjali fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali. |
1.11. |
Il-KESE jqis li l-finanzjament ipprovdut mill-IPA III huwa importanti għall-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent fl-UE. |
1.12. |
Il-KESE jħaddan il-fehma li l-progress tal-benefiċjarji tal-IPA fir-rigward tar-riformi huwa essenzjali għall-assorbiment (bejn 64,3 % u 88,9 % għall-IPA II) u għall-isfruttar ta’ dawn il-fondi, u jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ kultura ta’ kooperazzjoni bejn il-benefiċjarji tal-Balkani tal-Punent. Il-każ tat-Turkija huwa ferm aktar ikkumplikat u delikat. Il-finanzjament ta’ pajjiż fejn id-deterjorazzjoni ulterjuri fir-rigward tad-drittijiet ċivili mhijiex kompletament eskluża jirrikjedi kawtela u l-ħtieġa għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kundizzjonalità. |
1.13. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa tal-użu tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni biex tiżdied il-kapaċità tal-amministrazzjoni tal-kandidati u l-kandidati potenzjali sabiex jitħejjew għall-użu futur tal-fondi strutturali u għall-parteċipazzjoni fil-Politika Agrikola Komuni tal-UE (PAK). |
1.14. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha tistabbilixxi mekkaniżmi stretti u effiċjenti li jimmonitorjaw id-distribuzzjoni tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni lill-kandidati u lill-kandidati potenzjali kollha. Speċjalment fil-każ tat-Turkija għandha tingħata aktar attenzjoni biex jitwaqqaf id-dewmien kroniku f’diversi setturi. |
1.15. |
Il-KESE jissuġġerixxi li l-implimentazzjoni tal-IPA III se jkollha bżonn tiġi aċċellerata, b’mod partikolari fl-ewwel snin, biex jiġu evitati backlogs strutturali fil-kuntrattar u fl-implimentazzjoni, u biex id-dewmien attwali jiġi assorbit progressivament. Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-ġestjoni indiretta mal-benefiċjarji. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu wriet li filwaqt li l-impatt f’termini ta’ żieda fis-sjieda huwa meqjus pożittiv, il-prestazzjoni tal-kuntrattar kienet fqira u kien hemm dewmien kbir fl-implimentazzjoni, partikolarment fit-Turkija. |
1.16. |
Il-KESE jenfasizza li l-monitoraġġ għandu jsir fuq il-bażi tal-indikaturi stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea. L-indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti se jiġu ddefiniti u inklużi fil-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA, u fuq il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE se jiġu imposti rekwiżiti ta’ rappurtar proporzjonati. Ir-rapporti dwar it-tkabbir se jittieħdu bħala punt ta’ referenza fil-valutazzjoni tar-riżultati tal-assistenza tal-IPA III. Is-sistema ta’ rappurtar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati jinġabru b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu. |
1.17. |
Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment l-azzjonijiet tagħha u tanalizza l-progress li jkun sar biex jinkisbu r-riżultati. L-evalwazzjonijiet se jivvalutaw l-effetti tal-Istrument fil-prattika fuq il-bażi tal-indikaturi u l-miri rilevanti, u analiżi dettaljata ta’ sa fejn jista’ jiġi meqjus li l-Istrument huwa rilevanti, effettiv u effiċjenti, jagħtix biżżejjed valur miżjud tal-UE u huwiex koerenti ma’ politiki oħrajn tal-UE. L-evalwazzjonijiet se jinkludu tagħlimiet meħuda biex jiġu identifikati kwalunkwe nuqqas/problema jew kwalunkwe potenzjal biex l-azzjonijiet jew ir-riżultati tagħhom ikomplu jittejbu u biex jgħinu sabiex jiġu massimizzati l-isfruttar/l-impatt tagħhom. |
1.18. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li għandhom jiġu stabbiliti punti ta’ referenza u li għandhom jinfirxu l-aħjar prattiki fost il-kandidati u l-kandidati potenzjali biex itejbu l-assorbiment attiv tal-fondi tagħhom. |
1.19. |
Il-KESE jenfasizza li l-abbozz ta’ Regolament ġdid jagħti wkoll importanza lil koordinazzjoni u kooperazzjoni akbar ma’ donaturi u istituzzjonijiet finanzjarji oħra, inkluż is-settur privat. |
1.20. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tesplora l-potenzjal għal perspettiva aktar fit-tul fl-implimentazzjoni. Din iżżid il-livell ta’ prevedibbiltà u tnaqqas il-pressjoni tal-ħin, speċjalment meta jkun hemm dewmien sostanzjali akkumulat matul il-perjodu attwali. |
1.21. |
Il-KESE jara l-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità ġenerali tad-dokumenti (ta’ ħidma) użati għall-ippjanar tal-approċċ skont is-settur kif ukoll biex jiġi ċċarat l-ippjanar tal-approċċ skont is-settur mal-partijiet rilevanti kollha. Għal dak il-għan, jirrakkomanda wkoll li jittieħdu miżuri biex tittejjeb il-kapaċità tal-Kummissjoni Ewropea biex tintegra kwistjonijiet orizzontali. Hemm ħtieġa ġenerali li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni. Dan għandu jinkludi wkoll użu proporzjonat ta’ assistenza teknika biex tappoġġja dawn l-istituzzjonijiet fil-pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali. |
1.22. |
Il-KESE jemmen li l-IPA II jeħtieġ jintuża biex jiżdied l-għarfien dwar il-valuri fundamentali tal-UE kif ukoll biex jiġi promoss il-valur miżjud tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni fost il-popolazzjoni ġenerali fil-pajjiżi kandidati u f’dawk kandidati potenzjali. Dan għandu jsir permezz ta’ programmi ta’ għotjiet amministrati mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. |
1.23. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għandha tkun konnessa ma’ (a) l-istat tad-dritt, (b) il-governanza tajba u d-drittijiet fundamentali, (c) l-iżvilupp soċjoekonomiku, (d) l-adozzjoni tal-politiki u l-acquis tal-UE, (e) ir-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u r-rikonċiljazzjoni u (f) il-kooperazzjoni reġjonali. |
2. L-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet fundamentali
2.1. |
Il-KESE jenfasizza li għad hemm diverġenza kbira bejn l-istandards tal-UE u dawk fil-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha. Is-sitwazzjoni fit-Turkija tidher li hija diffiċli aktar milli kienet qabel, speċjalment wara l-kolp ta’ stat fallut ta’ Lulju 2016 u l-impożizzjoni tal-liġi marzjali. |
2.2. |
Il-KESE jemmen li l-IPA III għandu jkompli bl-investimenti tiegħu fil-proġetti relatati mal-istat tad-dritt li għenu lill-pajjiżi biex jistabbilixxu korpi tal-infurzar tal-liġi u korpi ġudizzjarji b’saħħithom u professjonali, indipendenti u ħielsa minn influwenza esterna. |
2.3. |
Il-KESE jemmen ukoll li għandu jintwera interess speċifiku fil-formazzjoni ta’ sistema effiċjenti li tipproteġi l-fruntieri, timmaniġġja l-flussi migratorji, tilqa’ kontra l-kriżijiet umanitarji u tipprovdi asil lil dawk fil-bżonn. L-assistenza teknika mill-UE biex tappoġġja prattiki ta’ governanza tajba f’dawn l-oqsma jaf tirriżulta li tkun siewja ħafna. Barra minn hekk il-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha għandhom jiżviluppaw mekkaniżmi biex jipprevjenu l-kriminalità organizzata u jwaqqfu t-terroriżmu u l-immigrazzjoni illegali. It-Turkija għandha turi impenn aktar b’saħħtu għall-implimentazzjoni tal-Ftehim iffirmat mal-UE fit-28 ta’ Marzu 2016 bil-għan li twaqqaf il-fluss tal-migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-Ewropa (5). |
2.4. |
Il-KESE jenfasizza li s-settur pubbliku fil-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha għadu qed ibati minn problemi bħall-klijenteliżmu, l-opaċità, il-korruzzjoni u l-inugwaljanza. |
2.5. |
Il-KESE huwa konxju mill-fatt li fil-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha l-minoranzi għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna problemi minħabba mġiba u attitudnijiet diskriminatorji. |
2.6. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li fl-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għandha tingħata prijorità lil inizjattivi li jirriformaw u jiddepolitiċizzaw is-settur pubbliku, jippromovu t-trasparenza u r-responsabbiltà, isaħħu l-Gvern elettroniku u jtejbu l-ġestjoni. F’dan ir-rigward, l-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għandha tintuża biex jinħolqu opportunitajiet sinifikanti għall-involviment tal-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jitfasslu l-politiki tal-gvern. |
2.7. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li s-soċjetà ċivili għandha tkun rikonoxxuta bħala aġent sinifikanti biex tassigura l-istat tad-dritt, u li għalhekk l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu pprijoritizzati fil-programmi ta’ Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni. |
2.8. |
Il-KESE jemmen ukoll li l-finanzjament tal-istituzzjonijiet li jiffaċilitaw u jippromovu l-ugwaljanza u r-rispett għad-drittijiet ċiviċi għandhom ikunu wkoll prijorità fl-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni. |
3. L-iżvilupp soċjoekonomiku
3.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-ħtieġa għal assistenza finanzjarja għal dawn l-imsieħba tintwera mir-rati tal-qgħad għoljin li jippersistu (eż. 21,6 % fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, 35,3 % fil-Kosovo (*1) għall-ewwel kwart tal-2018) u l-irkupru bil-mod biex ilaħħqu mal-pajjiżi tal-UE f’termini ta’ PDG per capita. |
3.2. |
Il-KESE huwa kompletament konxju mill-fatt li l-faqar, il-livell għoli ta’ qgħad, l-ekonomija informali, il-pagi baxxi, il-korruzzjoni, l-abbuż, l-emigrazzjoni ta’ ħaddiema tas-sengħa u l-eżodu ta’ mħuħ qed jaffettwaw lill-imsieħba kollha tal-Balkani tal-Punent (6) u lit-Turkija. |
3.3. |
Il-KESE jemmen li r-rwol tal-edukazzjoni fl-imsieħba kollha tal-Balkani tal-Punent u fit-Turkija, inkluż l-aċċess ugwali għal sistemi edukattivi, huwa kruċjali f’termini tal-promozzjoni tal-valuri Ewropej, it-trawwim tat-tolleranza lejn il-minoranzi, it-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-ġlieda kontra l-preġudizzju u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali. |
3.4. |
Il-KESE jemmen ukoll li permezz tal-IPA III, għandha tiġi implimentata “aġenda ta’ koeżjoni soċjali” permezz ta’ titjib fl-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi edukattivi, u b’hekk tinstab soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ħiliet u għan-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u jiġu indirizzati l-isfidi fis-suq tax-xogħol li jġib miegħu t-tibdil diġitali u teknoloġiku fl-ekonomija. L-appoġġ finanzjarju mtejjeb għal programmi ta’ edukazzjoni vokazzjonali u għal skemi ta’ apprendistat u skemi ta’ tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll involviment aktar mill-qrib tal-imsieħba soċjali fit-tfassil ta’ dawn, se jgħinu fl-indirizzar tan-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol, u jnaqqsu l-livelli għoljin ta’ qgħad kif ukoll in-numru ta’ postijiet tax-xogħol battala. |
3.5. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti mekkaniżmi permezz tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għall-ġlieda kontra l-faqar u biex jingħata aċċess għas-suq tax-xogħol, speċjalment liż-żgħażagħ, in-nisa u l-gruppi ta’ minoranza, u b’hekk jiġu evitati l-emigrazzjoni u l-eżodu ta’ mħuħ. |
3.6. |
Il-KESE iqis li l-approfondiment u t-twessigħ tad-djalogu soċjali huwa prerekwiżit sine qua non għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku. L-imsieħba soċjali għandu jkollhom rwol importanti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki. |
3.7. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li t-tisħiħ tal-kapaċità biex tissaħħaħ l-istabbiltà makroekonomika u l-appoġġ għall-progress lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona bil-kapaċità li tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u mal-forzi tas-suq fl-Unjoni għandhom ikunu prijorità fil-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha waqt id-distribuzzjoni tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni. Madankollu, il-livell tan-negozju fl-ekonomiji tal-benefiċjarji tal-IPA III jirrikjedi ukoll attenzjoni speċjali. L-intraprenditorija, l-impjieg indipendenti, l-SMEs u l-mikrofinanzjament, m’għandhomx jiġu traskurati. |
3.8. |
Il-KESE jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lit-titjib tal-orjentazzjoni tas-suq tas-settur privat u lill-kompetittività tal-intrapriżi privati permezz tad-distribuzzjoni tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni. |
3.9. |
Il-KESE jemmen li l-għotjiet operattivi li jkopru mill-anqas 36 xahar għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) għandhom ikunu disponibbli fi ħdan l-IPA III. |
3.10. |
Il-KESE jqis li l-impatt ta’ skemi żgħar ta’ għoti mill-ġdid li jindirizzaw il-livell rurali/lokali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili żgħar taħt l-IPA II għandu jiżdied aktar, speċjalment permezz ta’ involviment aktar approfondit tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tal-ippjanar għal kull waħda mill-iskemi ta’ għoti mill-ġdid. |
3.11. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tingħata għajnuna permezz tal-istituzzjonijiet tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni biex jiffaċilitaw it-teknoloġiji diġitali u d-distribuzzjoni, jipproteġu l-ambjent u jistabbilixxu l-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari. |
3.12. |
Il-KESE jemmen ukoll li l-formazzjoni ta’ istituzzjonijiet li jippromovu aċċess ugwali għall-edukazzjoni tat-tfal, l-iżvilupp tal-edukazzjoni vokazzjonali, it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni għolja u t-titjib tat-tagħlim tul il-ħajja, u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi/korpi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol, il-proċeduri għal negozjar kollettiv u għal soluzzjoni ta’ tilwim tax-xogħol u djalogu strutturat bejn l-imsieħba soċjali, għandhom jingħataw prijorità f’termini tal-kisba tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni. |
4. L-adozzjoni tal-politiki u l-acquis tal-UE
4.1. |
Il-KESE huwa konxju li hemm diverġenza kbira bejn l-istandards tal-UE u dak li japplika għall-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha. |
4.2. |
Il-KESE jemmen li għandha tingħata importanza lill-promozzjoni tal-allinjament ta’ standards, politiki u prattiki ta’ kandidati u kandidati potenzjali ma’ dawk tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. |
4.3. |
Il-KESE jenfasizza li, minbarra l-armonizzazzjoni mal-parti leġislattiva tal-acquis communautaire, il-kandidati u l-kandidati potenzjali jeħtieġ li jsiru familjari u possibbilment jarmonizzaw ruħhom ma’ politiki li bħalissa qed jiġu diskussi u żviluppati fi ħdan l-UE, bħal pereżempju l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) tan-NU u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE fir-rigward ta’ flussi ta’ refuġjati u migranti u l-kontroll fuq il-fruntiera integrat. |
5. Relazzjonijiet ta’ viċinat tajbin u rikonċiljazzjoni
5.1. |
Il-kandidati u l-kandidati potenzjali tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija għadhom qed jintlaqtu mill-impatti negattivi tal-gwerra u tal-kunflitt, mill-mibegħda razzjali, mill-movimenti irredentisti u minn kunflitti ffriżati li jistgħu jerġgħu jinqalgħu. Hemm bżonn li tiġi mħeġġa bil-qawwa s-soluzzjoni tal-aktar kwistjonijiet bilaterali urġenti qabel l-adeżjoni tagħhom mal-UE, għalkemm l-enfasi fuq is-soluzzjonijiet tal-kwistjonijiet pendenti kollha tista’ ttawwal dan il-proċess. L-inkoraġġiment tal-bini mill-ġdid tal-kummerċ tagħhom u ta’ relazzjonijiet ekonomiċi oħra jistgħu jikkontribwixxu għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u għat-tkabbir ekonomiku. |
5.2. |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi minn istituzzjonijiet edukattivi u kulturali statali, l-akkademja u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-oqsma tar-rikonċiljazzjoni, tar-relazzjonijiet ta’ viċinat tajbin u tal-adozzjoni ta’ approċċ kritiku lejn il-passat. |
5.3. |
Il-KESE jenfasizza li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali, inklużi l-assoċjazzjonijiet professjonali, u t-tħeġġiġ tan-netwerking fil-livelli kollha fost organizzazzjonijiet ibbażati fl-UE u dawk tal-benefiċjarji, għandhom jiffaċilitaw il-proċess tal-integrazzjoni. |
5.4. |
Il-KESE jemmen li l-IPA III għandu jipprovdi finanzjament għall-OSĊ li għandhom l-għan li jtejbu l-ispazju ċiviku għall-involviment u l-parteċipazzjoni. L-appoġġ għall-infrastruttura tas-soċjetà ċivili u għall-pjattaformi u n-netwerks tematiċi reġjonali tas-soċjetà ċivili għandu jiġi estiż fl-IPA III. |
6. Kooperazzjoni reġjonali
6.1. |
In-netwerks tal-enerġija u tat-trasport għandhom ikunu fattur għall-iżvilupp u l-interkonnettività tar-reġjun. Dan jiżgura li ċ-ċittadini u ċ-ċittadini potenzjali tal-Balkani tal-Punent u tat-Turkija jingħataw idea ċara tal-benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-adeżjoni mal-UE. Pereżempju, l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar enerġetiku huma fatturi li jiġġeneraw attività għan-negozji u joħolqu impjiegi ekoloġiċi kif ukoll tradizzjonali. |
6.2. |
Il-KESE jemmen li fl-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għandha tingħata prijorità lil istituzzjonijiet u inizjattivi li joħolqu konnessjonijiet bejn il-kandidati u l-kandidati potenzjali fl-oqsma tal-enerġija, il-komunikazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-innovazzjoni, it-trasport u l-protezzjoni tal-ambjent. Il-każ ta’ kooperazzjoni bejn il-bliet ta’ Kula fil-Bulgarija u Boljevac fis-Serbja li xtaqu jixtru vetturi speċjalizzati, drones ta’ sorveljanza u tagħmir ta’ protezzjoni personali biex jikkumbattu n-nirien fil-foresti jista’ jkun eżempju ta’ prattika tajba (7). |
6.3. |
Il-KESE jappoġġja t-Trattat tal-Komunità tat-Trasport iffirmat mill-UE u mill-kandidati u l-kandidati potenzjali tal-Balkani tal-Punent fit-12 ta’ Lulju 2017 u jħeġġeġ lill-partijiet biex jiżviluppawh aktar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-imsieħba tal-Balkani tal-Punent għandhom jikkonċentraw l-investimenti tagħhom fuq il-konnessjoni bejn in-Netwerk Ewlieni TEN-T tal-UE u l-infrastruttura tal-Balkani tal-Punent. Għaldaqstant issa hemm il-ħtieġa għal programm komuni, flimkien mal-identifikazzjoni tal-fondi disponibbli u d-definizzjoni ta’ skeda ta’ żmien komuni. |
6.4. |
It-titjib tal-infrastruttura se jnaqqas l-ispejjeż tat-trasport u tal-enerġija u se jiffaċilita investimenti kbar fiż-żona, kif ukoll jiffaċilita l-kummerċ intrareġjonali. Barra minn hekk, il-promozzjoni tat-titjib diġitali u t-tnaqqis gradwali tat-tariffi tar-roaming fil-Balkani tal-Punent se jikkontribwixxu għall-iżvilupp tan-negozju, żieda fil-produttività u titjib fil-kwalità tal-ħajja. Madankollu, in-nuqqas ta’ infrastruttura mhuwiex l-ostaklu ewlieni għall-kooperazzjoni bejn l-imsieħba tal-Balkani tal-Punent. L-ostilitajiet tal-passat u t-tilwim pendenti li għadu mhux solvut bejniethom illimitaw l-ambitu u l-kontenut għall-kooperazzjoni. Dan jista’ jiġi rimedjat parzjalment billi l-IPA jinkoraġġixxi proġetti ta’ kooperazzjoni transkonfinali tal-IPA. |
6.5. |
Il-midja u forom oħra ta’ komunikazzjoni jeħtieġ jintużaw sabiex jiġu enfasizzati l-preżenza u s-sinifikat tal-attivitajiet tal-UE fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-uffiċjali taċ-ċivil lokali fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-proġetti jeħtieġ tiġi żviluppata fi ħdan il-proċess kollu tal-adeżjoni mal-UE. |
7. Kummenti speċifiċi dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-IPA III
7.1. |
Il-KESE jemmen li l-proposta qed tibni fuq il-kisbiet u t-tagħlimiet miksuba matul il-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti, u jikkunsidra li hija tajba biex twettaq l-objettivi tagħha. Madankollu, itenni li l-kandidati u l-kandidati potenzjali huma esposti għal sfidi pjuttost differenti meta mqabbla mal-Istati Membri u li għalhekk hija essenzjali flessibbiltà kbira. |
7.2. |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-objettivi ddikjarati tal-IPA III, iżda jixtieq jenfasizza li l-effetti diretti huma diffiċli biex jiġu osservati f’qasir żmien. Għalhekk jirrakkomanda li l-valur miżjud tal-interventi futuri jiġi vvalutat bir-reqqa f’termini tal-firxa tal-impenn, l-influwenza politika u l-promozzjoni għall-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji. Għandu jintwera apprezzament għall-fatt li l-appoġġ baġitarju mogħti fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali kien katalist għall-bidla istituzzjonali u għal djalogu politiku msaħħaħ fil-pajjiżi li bbenefikaw (eż. is-Serbja, il-Montenegro u l-Albanija). |
7.3. |
Meta wieħed iżomm f’moħħu s-sitwazzjoni diffiċli tal-maġġoranza l-kbira tal-benefiċjarji, il-KESE jirrakkomanda li tiġi pprovduta biżżejjed semplifikazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment tar-rekwiżiti tad-dokumenti u li tingħata attenzjoni biex tiġi appoġġjata u żgurata r-responsabbiltà għar-riżultati mill-benefiċjarji. Għal dak il-għan, għandhom jitkomplew l-isforzi biex il-modalità ta’ ġestjoni indiretta mal-pajjiż benefiċjarju tiġi żviluppata aktar, filwaqt li tkun akkumpanjata minn azzjonijiet ta’ bini ta’ kapaċità sabiex tgħin lill-partijiet interessati jinvolvu ruħhom b’mod kostruttiv fil-proċess ta’ programmazzjoni ġenerali. |
7.4. |
Il-KESE jara l-ħtieġa għat-tisħiħ tal-komplementarjetà tal-IPA III mal-azzjonijiet iffinanzjati taħt sorsi oħra ta’ finanzjament fil-kandidati u l-kandidati potenzjali. |
7.5. |
Il-KESE jissuġġerixxi li jittieħdu miżuri speċjali matul il-proċess tan-negozjati fil-livell nazzjonali fil-kandidati u l-kandidati potenzjali biex jegħlbu d-dewmien, il-konġestjonijiet u l-ineffiċjenzi kroniċi li ħarġu matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali. Naturalment, għandhom jitqiesu kemm l-iskala relattivament limitata tal-fondi tal-IPA meta mqabbla mal-baġits nazzjonali f’xi wħud mill-benefiċjarji kif ukoll il-ħtieġa għal kunsens stabbli bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet nazzjonali tagħhom, u dawn għandhom ikunu l-bażi għad-djalogu politiku. |
8. L-aħjar prattiki
8.1. |
Il-mudelli tal-applikazzjoni: Hemm ħtieġa għal aktar semplifikazzjoni u speċjalment unifikazzjoni fi ħdan l-IPA iżda wkoll fir-rigward ta’ donaturi oħra u rekwiżiti tal-leġislazzjoni nazzjonali. Hemm wisq linji gwida u struzzjonijiet – hemm lok għal unifikazzjoni, bl-ispeċifiċitajiet imbagħad jiġu mqassra f’kapitolu separat. |
8.2. |
Il-kwalifiki, l-għarfien u l-ħiliet tal-awtoritajiet kontraenti jeħtieġ jittejbu, inkluż il-korpi ta’ kontroll/verifika, speċjalment f’każijiet fejn xi kwistjoni tkun tirrikjedi interpretazzjoni u ħafna ħin biex jingħata rispons. |
8.3. |
Taħt xi skemi ta’ għotjiet hemm rekwiżiti eċċessivi li jikkonċernaw l-analiżi tal-ambjent tal-proġett, is-sitwazzjoni fir-reġjuni, eċċ. li huma esiġenti ħafna fuq l-applikanti ordinarji. Din tista’ taħdem bil-kontra. L-amministrazzjonijiet kontraenti jistgħu jqabbdu esperti biex iwettqu analiżijiet bħal dawn u jivvalutaw il-vijabbiltà ta’ proġett. |
8.4. |
Approċċ aktar faċli għall-applikanti: il-pakketti tal-applikazzjoni jistgħu jiġu rieżaminati minn qabel jew ikkonsultati minn uffiċjali mill-amministrazzjonijiet rispettivi (jew fornituri ta’ assistenza teknika) u għandu jingħata aktar żmien għall-konformità mar-rekwiżiti amministrattivi. |
8.5. |
L-emendi għall-kuntratt: għandhom jiġu żgurati l-flessibbiltà u l-ipproċessar aktar mgħaġġel. Normalment programm huwa ddefinit fuq sena jew sentejn, u wara jsegwi proċess twil tal-applikazzjoni; għalhekk se jkunu meħtieġa mezzi flessibbli biex jiġu emendati l-kuntratti. |
8.6. |
Ir-relazzjonijiet pubbliċi, l-immarkar u l-viżibbiltà: hemm lok għal semplifikazzjoni u ottimizzazzjoni tar-rekwiżiti. Barra minn hekk, jeħtieġ tiżdied il-viżibbiltà tal-proġetti ffinanzjati mill-UE. |
8.7. |
L-Iskedi Informattivi tas-Settur u tal-Proġett dwar il-valuri mmirati tal-indikaturi għandhom jiġu mmodifikati sabiex jiġu sinkronizzati mal-perjodu ta’ implimentazzjoni attwali. |
8.8. |
Il-Kuntratti ta’ Riforma tas-Settur se jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ riformi fil-politika u għall-kisba ta’ riżultati speċifiċi għas-settur. Il-miżuri possibbli li għandhom jittieħdu fl-IPA III huma: l-involviment ta’ persunal imħarreġ fl-istruttura operattiva; il-provvista ta’ appoġġ tekniku, adegwat u kontinwu għall-istruttura operattiva. Għandha tittejjeb l-appartenenza tal-partijiet interessati ewlenin b’rabta mal-proċess. L-isfidi tal-programmazzjoni: is-sekwenzar tal-kuntratti fil-programm jista’ jwassal għall-ksur tad-data tal-iskadenza tal-kuntratt u, sussegwentement, jistgħu jinqalgħu ħafna kwistjonijiet fil-proċess tal-implimentazzjoni. |
8.9. |
Ir-riskji potenzjali li tfaċċaw matul il-perjodu ta’ rappurtar tal-IPA II urew li hemm bżonn li jiġu żgurati kemm impenn kif ukoll kooperazzjoni u koordinazzjoni interministerjali effiċjenti. Dan minħabba l-kumplessità tal-interventi u r-responsabbiltajiet kondiviżi bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali speċifiċi, meta jitqies li r-riformi previsti huma r-responsabbiltà ta’ setturi differenti tal-gvern. |
8.10. |
Il-problemi fit-tħejjija għall-akkwist/kuntrattar fil-livell tal-proġett jikkonsistu prinċipalment f’diffikultajiet fl-issodisfar tal-prekundizzjonijiet stabbiliti, l-isfidi fil-koordinazzjoni u s-sekwenzar mal-proġetti/kuntratti relatati l-oħra, iżda wkoll in-nuqqas ta’ kapaċità għall-preparazzjoni f’waqtha ta’ dokumentazzjoni tal-offerta ta’ kwalità. |
8.11. |
Mil-lat tal-kuntrattar, it-tagħlimiet ewlenin li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni aktar ’il quddiem huma: il-kapaċità insuffiċjenti minħabba ċaqliq fil-persunal fl-istituzzjonijiet benefiċjarji; il-kwalità baxxa tad-dokumentazzjoni sottomessa mill-benefiċjarji; in-nuqqas ta’ kompetenza speċjalizzata hands-on tal-benefiċjarji (in-house) għal proġetti kumplessi; il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-partijiet interessati ewlenin għall-proċess; is-sekwenzar tal-kuntratti fil-programm li jkun ta’ sfida u jista’ jwassal għall-ksur tal-kuntratt u/jew tal-iskadenza għall-implimentazzjoni; it-twettiq fil-ħin tal-prekundizzjonijiet, eċċ. |
8.12. |
Problema li ta’ sikwit titfaċċa hija d-diskrepanza bejn l-indikaturi kif inklużi fl-Iskedi Informattivi tas-Settur/Proġett tal-bidu u l-valuri sussegwenti sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar tal-programm. Barra minn hekk, il-kwalità u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-indikaturi mhumiex adatti f’ċerti każijiet, u ma jippermettux li jsir monitoraġġ effiċjenti tal-implimentazzjoni tal-programm. |
8.13. |
Il-kontenut ta’ ċerti kuntratti li jkunu qed jiġu mmaniġġjati mill-awtoritajiet deċentralizzati jiddependi mir-riżultati tal-kuntratti preċedenti konklużi minn awtoritajiet kontraenti ċentrali. Għalhekk hemm riskju b’rabta mas-sejħiet għall-offerti u l-implimentazzjoni ta’ kuntratti li jkunu qed jiġu mmexxija minn awtoritajiet deċentralizzati. |
Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Opinjoni tal-KESE dwar l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni/L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ĠU C 11, 15.1.2013, p. 77).
(2) Il-prinċipji bażiċi tal-istrateġija tal-UE lejn il-Balkani tal-Punent ġew stabbiliti mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Frar 2018 fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent”, COM(2018) 65 final.
(3) https://ec.europa.eu/europeaid/evaluation-instrument-pre-accession-assistance-ipa-ii-draft-report_en
(4) Ara r-referenza fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(5) http://www.europarl.europa.eu/legislative-train/theme-towards-a-new-policy-on-migration/file-eu-turkey-statement-action-plan
(*1) Din id-deżinjazzjoni hija bla preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-KSNU 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(6) L-Opinjoni tal-KESE dwar il-Koeżjoni ekonomika u soċjali u l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent — sfidi u prijoritajiet (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 15).
(7) https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/3/2018/EN/C-2018-3051-F1-EN-MAIN-PART-1.PDF