22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/112


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd”

(COM(2018) 330 final)

(2019/C 110/21)

Relatur:

Octavian Cătălin ALBU

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Data tal-Assemblea Plenarja

19.6.2018

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

27.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni tal-plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

129/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fl-aħħar 30 snin, il-kwalità tal-arja fl-Unjoni Ewropea (UE) żdiedet bħala riżultat ta’ politiki rilevanti promulgati madwar l-Unjoni. Madankollu, għad hemm ħafna xi jsir, minħabba li l-valuri awtorizzati għall-kategoriji prinċipali tas-sustanzi niġġiesa fl-arja rreġistrati qegħdin jinqabżu f’bosta okkażjonijiet. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkooperaw mill-qrib, peress li din il-kwistjoni hija ta’ importanza kritika għas-saħħa tal-Ewropej. Il-KESE jħoss li huwa importanti li jkun hemm twissija dwar il-kwalità tal-arja u l-kundizzjonijiet ambjentali.

1.2.

Il-KESE jikkunsidra li huwa essenzjali li jitnaqqas it-tniġġis fis-setturi istituzzjonali, domestiku u tat-trasport. L-istituzzjonijiet u l-Istati Membri għandhom jagħtu eżempju tajjeb hawnhekk, u għandhom jinħolqu aktar programmi ta’ appoġġ biex jgħinu lill-individwi jaqilbu għal forom ta’ tisħin li huma nodfa, moderni u aktar effiċjenti fl-enerġija.

1.3.

Peress li t-trasport huwa wieħed mis-sorsi ewlenin tat-tniġġis tal-arja, il-KESE jilqa’ l-pakkett ta’ mobbiltà nadifa li jinkludi diversi inizjattivi li, barra li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, se jnaqqsu wkoll it-tniġġis lokali u reġjonali.

1.4.

Il-miżuri leġislattivi addizzjonali proposti mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu rimedjati ċerti problemi, bħal Dieselgate, jew l-azzjoni li ttieħdet kontra l-Istati Membri li naqsu milli jikkonformaw mar-regoli attwali dwar it-tniġġis tal-arja huma pass fid-direzzjoni t-tajba u l-KESE jappoġġja dan l-approċċ.

1.5.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li r-regolamenti ambjentali u tat-trasport il-ġodda għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri ta’ appoġġ ekonomiku biex jiġu promossi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji nodfa ġodda, bħall-batteriji, il-karozzi elettriċi u sistemi alternattivi ta’ tisħin u ta’ ventilazzjoni.

1.6.

Il-KESE jinsab imħasseb li għalkemm sar progress fir-rigward tat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja fis-settur agrikolu, dan mhuwiex biżżejjed. Il-KESE jirrakkomanda li fil-futur, il-politika agrikola komuni, flimkien ma’ strumenti oħra finanzjarji u ta’ investiment, għandhom jiffokaw aktar fuq inizjattivi biex jitnaqqas l-impatt ambjentali u jkunu aktar konsistenti u koerenti fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-bdiewa bil-ħsieb li jiġu implimentati programmi li jkollhom l-għan li jilħqu dan l-għan. Idea tajba hawnhekk tkun il-kooperattivi, fejn il-bdiewa jistgħu jiġġeneraw l-elettriku mill-bijogass prodott minn skart tal-biedja.

1.7.

Il-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali għall-ġlieda kontra t-tniġġis u t-tibdil fil-klima, u l-KESE jilqa’ l-kunsens wiesa’ fost l-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-iskambju ta’ prattiki tajbin f’dan il-qasam u n-Netwerk Diplomatiku Ekoloġiku huma importanti ħafna. Barra minn hekk, huma meħtieġa miżuri speċifiċi biex jitnaqqsu s-sustanzi niġġiesa fl-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim.

1.8.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkooperaw mill-qrib, peress li din il-kwistjoni hija ta’ importanza kritika għas-saħħa tal-Ewropej. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jaħdmu kemm jista’ jkun mill-qrib mas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ċiviċi lokali u reġjonali biex jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta’ protezzjoni ambjentali kif ukoll kampanji biex jedukaw, jinfurmaw u jrawwmu l-għarfien fost il-pubbliku ġenerali dwar il-kwalità tal-arja.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fl-aħħar għoxrin sa tletin sena, il-kwalità tal-arja fl-UE tjiebet b’mod sinifikanti permezz ta’ politiki speċifiċi implimentati mill-UE u l-Istati Membri f’dan il-qasam. Dawn il-politiki għandhom l-għan li jiksbu livell tal-kwalità tal-arja li ma jkunx ta’ ħsara jew jhedded b’mod sinifikanti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. B’riżultat ta’ dan, għalkemm il-PDG tal-UE żdied, il-kwantità tas-sustanzi niġġiesa fl-atmosfera naqas bi 8 % għall-ammonijaka u bi 72 % għall-ossidi tal-kubrit (1).

2.2.

Il-kwalità tal-arja hija fattur determinanti fis-saħħa pubblika. L-akbar sorsi tat-tniġġis tal-arja huma l-materja partikolata (PM10 u PM2,5) u l-ożonu troposferiku, li huma direttament affettwati mill-ossidi tan-nitroġenu (NOx) rrilaxxat fl-atmosfera. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, espożizzjoni għat-tniġġis tal-arja fil-forma ta’ partiċelli fini hija responsabbli għal 8 % tal-imwiet kollha kkawżati mill-kanċer tal-pulmun u 3 % tal-imwiet kollha minħabba mard kardjovaskulari (2). Dawn il-kawżi huma responsabbli għal aktar minn 400 000 mewta qabel il-waqt fl-UE kull sena (3).

2.3.

Fid-dawl ta’ dan, hemm tħassib dejjem jikber fost iċ-ċittadini tal-UE dwar il-livelli ta’ tniġġis tal-arja (4). B’riżultat ta’ dan, permezz ta’ leġislazzjoni, l-UE u l-Istati Membri stabbilixxew l-għan li jinkiseb livell tal-kwalità tal-arja li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa tan-nies jew lill-ambjent, u qegħdin gradwalment inaqqsu l-emissjonijiet ta’ ħsara permezz ta’ konformità sħiħa mal-leġislazzjoni attwali tal-UE dwar il-kwalità tal-arja.

2.4.

Il-politiki tal-UE f’dan il-qasam huma bbażat fuq tliet pilastri:

l-ewwel pilastru huwa magħmul mill-istandards tal-kwalità tal-arja fl-ambjent, li l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw mill-2005 jew mill-2010, skont is-sustanza niġġiesa;

it-tieni pilastru huwa magħmul mill-miri nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, li ġew riveduti reċentement u li jridu jiġu sodisfati sal-2020 u sal-2030 u jinkludi sustanza niġġiesa addizzjonali: materja partikolata fina (PM2,5);

it-tielet pilastru jinkludi standards ta’ emissjonijiet għas-sorsi ewlenin ta’ tniġġis: vetturi, vapuri u impjanti industrijali u tal-enerġija. Wara l-iskandlu Dieselgate tal-2015, ġie stabbilit il-pakkett tar-regoli dwar l-emissjonijiet f’sewqan reali, u l-Kummissjoni pproponiet standards ġodda aktar baxxi tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet ġodda u għal vetturi tqal.

2.5.

Skont ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-2017 dwar il-kwalità tal-arja fl-Ewropa, is-sorsi ewlenin tat-tniġġis tal-arja fl-Ewropa huma t-trasport (bit-triq u mod ieħor), il-kombustjoni għall-użu kummerċjali/istituzzjonali/domestiku, il-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-proċessi industrijali, is-settur agrikolu u l-iskart (5).

2.5.1.

Fir-rigward tal-kontribut tiegħu għall-emissjonijiet totali tas-sustanzi niġġiesa, it-trasport bit-triq huwa responsabbli għal 39 % tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx), 29 % tal-karbonju iswed, 20 % tal-monossidu tal-karbonju (CO) u 11 % tal-materja partikolata PM10 u PM2,5. Skont il-pakkett ta’ mobilità nadifa, il-Kummissjoni qiegħda għalhekk timmira li tistabbilixxi standards ġodda għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-2025 u l-2030. Teknoloġiji ġodda – bħall-batteriji, karburanti alternattivi u l-infrastruttura għalihom – huma promossi billi jiġu riveduti r-regolamenti (6) u permezz ta’ pjani ta’ azzjoni (7). Il-qafas ġdid tal-pakkett ta’ proposti għal mobbiltà nadifa jirrakkomanda wkoll li jiġi inkluż l-użu ta’ ferroviji u trakkijiet sabiex tiżdied l-effiċjenza (8), inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, u jiġi promoss l-iżvilupp ta’ rotot ta’ kowċis għal distanza twila sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-konġestjoni tat-traffiku (9).

2.5.2.

Il-kombustjoni għall-użu kummerċjali/istituzzjonali/domestiku kienet responsabbli għall-biċċa l-kbira tat-tniġġis (42 % u 57 %) mill-materja partikolata (PM2,5 u PM10), il-monossidu tal-karbonju (CO) u l-partiċelli tal-karbonju iswed, sustanza niġġiesa prinċipali li ġejja mill-kombustjoni mhix kompluta tal-karburanti fossili u l-bijomassa. Il-valuri tat-tniġġis għal dan is-settur kienu ftit jew wisq kostanti bejn l-2000 u l-2015.

2.5.3.

Saru sforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa (59 % għall-SO2 u 19 % għall-NOx tat-totali) mis-setturi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tat-tisħin billi ġew żviluppati u estiżi sorsi alternattivi ta’ enerġija u sistemi tal-enerġija tal-koġenerazzjoni, ġew immodernizzati u żdiedu l-livelli ta’ prestazzjoni tal-impjanti ta’ ġenerazzjoni, ġiet ottimizzata l-prestazzjoni tal-enerġija tal-proċessi ta’ ġenerazzjoni, il-bini sar iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u gradwalment tneħħiet il-kombustjoni tal-karburanti fossili u nbidlu bil-gass tal-metan.

2.5.4.

Ittieħdu miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn impjanti industrijali (50 % għal komposti organiċi volatili minbarra l-metanu (NMVOC) u 17 % għall-partiċelli PM10), li huma konsistenti u jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ fil-livell Ewropew. Sabiex it-tniġġis jiġi pprevenut u mmonitorjat, kull installazzjoni industrijali jrid ikollha permess li jistabbilixxi l-valuri ta’ limitu għas-sustanzi niġġiesa u l-miżuri meħtieġa għall-ħarsien ambjentali.

2.5.5.

Peress li s-settur agrikolu jipproduċi 95 % tal-emissjonijiet tal-ammonijaka (NH3) u 52 % tal-emissjonijiet tal-metan (CH4), it-tnaqqis ta’ dawn hija ta’ importanza kbira. Miżuri biex jitnaqqsu emissjonijiet bħal dawn jinkludu miżuri agronomiċi (l-użu bbilanċjat ta’ nitroġenu fl-irziezet, il-promozzjoni ta’ għelejjel ta’ kopertura u ta’ ħxejjex fuq art li tinħarat bil-għan li l-ħamrija tkun iktar fertili), miżuri relatati mal-bhejjem (il-ħażna tad-demel fi spazji magħluqa u l-użu tiegħu fil-faċilitajiet tal-bijogass), miżuri relatati mal-enerġija (l-użu tal-bijomassa għat-tisħin, l-iżvilupp ta’ installazzjonijiet fotovoltajċi u t-tnaqqis tal-konsum tal-karburanti tradizzjonali u l-elettriku) u miżuri agroambjentali (it-tisħiħ tal-ħiliet professjonali tal-bdiewa u jitħeġġu jadottaw prattiki li jiġġeneraw livell aktar baxx ta’ emissjonijiet).

2.6.

Il-KESE jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar l-istat tal-ambjent. Il-KESE diġà wissa dwar dan (10) u enfasizza li “l-ewwel nett jeħtieġ li jsiru aktar sforzi sabiex tiġi evitata l-ħsara ambjentali u li strateġija ta’ prevenzjoni dejjem għandha tkun ippreferuta minn soluzzjoni” (11).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri meħuda mill-UE biex jintlaħaq l-objettiv ta’ livell ta’ kwalità tal-arja li ma jkunx ta’ ħsara għall-persuni jew għall-ambjent, iżda jqis li dawn l-isforzi jeħtieġ li jiżdiedu b’mod drammatiku kemm fil-livell tal-UE u kemm f’livelli nazzjonali peress li r-riżultati li nkisbu s’issa mhumiex sodisfaċenti għal kollox. Għalkemm sar progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa, il-kwalità tal-arja għadha taffettwa s-saħħa pubblika (12).

3.2.

Il-KESE huwa mħasseb li bħalissa, madwar partijiet kbar tal-UE, il-konċentrazzjoni fl-arja ta’ materja partikolata taqbeż il-valuri ta’ limitu. Il-valuri ta’ limitu ta’ kuljum inqabżu f’19 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ għall-PM10, u f’6 % ta’ dawn l-istazzjonijiet għall-partiċelli PM2,5. Sfortunatament fl-2015, 19 % tal-popolazzjoni urbana tal-UE kienet esposta għal livelli li jaqbżu l-valuri ta’ limitu għall-PM10 (żieda fuq is-sena preċedenti) u 7 % għall-PM2,5 (tnaqqis mis-sena preċedenti).

3.3.

Il-KESE jixtieq jindika li fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, miljuni ta’ residenzi privati jaħarqu l-injam u l-faħam għat-tisħin. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, din il-prattika tikkontribwixxi attwalment u ser tikkontribwixxi fil-futur għat-tniġġis bil-PM2,5, li għadu fil-livelli tal-2010-2015 (13). Hemm bżonn ta’ aktar miżuri ta’ appoġġ biex il-pubbliku inġenerali jitħeġġeġ jaqleb għal forom iktar nodfa ta’ tisħin.

3.4.

Il-KESE huwa mħasseb ukoll li l-valuri ta’ konċentrazzjoni annwali tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) inqabżu b’mod sinifikanti fi 22 Stat Membru u f’10 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ, bil-livelli jkunu aktar mid-doppju tal-valuri awtorizzati reġistrati f’distretti ta’ għadd ta’ bliet.

3.5.

Il-KESE jixtieq jirrimarka li l-kwalità tal-arja hija kruċjali kemm għan-nies kif ukoll għan-negozji (14). Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropej u nazzjonali għalhekk jeħtieġ li jieħdu l-passi prattiċi sabiex jinħoloq u jiġi infurzat qafas leġislattiv f’dan il-qasam.

3.6.

Il-KESE jirrikonoxxi li sabiex jitnaqqas il-livell tas-sustanzi niġġiesa li ġej mis-setturi kummerċjali, istituzzjonali u dak domestiku, l-Istati Membri, appoġġjati mill-Kummissjoni, għandhom jappoġġjaw u jwettqu b’mod deċisiv titjib fir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, itejbu l-prestazzjoni tal-impjanti tal-elettriku u tat-tisħin, jestendu u jimmodernizzaw in-netwerks tat-tisħin ċentralizzat urban u jappoġġjaw sistemi alternattivi għall-arja kkundizzjonata. Eżempju wieħed hawnhekk huwa l-uffiċċju prinċipali tal-Bank Ċentrali Ewropew, li juża sistema innovattiva u li tirrispetta l-ambjent għat-tisħin u l-ventilazzjoni.

3.7.

Il-KESE jirrimarka li t-tniġġis tal-arja interna m’għandux jiġi injorat. Il-kwalità tal-arja interna li nieħdu n-nifs minnha hija kruċjali għal saħħitna, partikolarment għall-persuni vulnerabbli. It-tipjip, it-tisjir, l-umdità, is-sistemi ta’ ventilazzjoni, ix-xemgħat mixgħula, l-użu tad-deterġenti bħala prodotti għat-tindif, il-prodotti tat-tindif f’forma ta’ deterġenti, ix-xama’ jew il-verniċ, diversi materjali tal-bini kollha jistgħu jsiru sorsi importanti tat-tniġġis tal-arja interna. Għalhekk hemm bżonn ta’ politika konsistenti dwar bini tajjeb għas-saħħa.

3.8.

Il-KESE jikkunsidra li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jeħtieġu jfassal u jimplimenta kunċett ġdid ta’ żvilupp urban, b’enfasi parzjali fuq l-implimentazzjoni ta’ sistema tat-trasport favur l-ambjent, billi jintużaw inċentivi sabiex jitħeġġu forom elettriċi jew ibridi ta’ trasport, jintużaw applikazzjonijiet tal-IT biex ir-residenti jkunu avżati meta l-valuri awtorizzati għat-tniġġis tal-arja jinqabżu u tiġi appoġġjata l-estensjoni ta’ żoni ekoloġiċi fil-bliet sabiex il-kwalità tal-arja tittejjeb b’mod sinifikanti.

3.9.

Il-KESE jqis li l-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni u d-data dwar il-kwalità tal-arja huwa fattur importanti fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja (15). Kampanji ta’ informazzjoni u ta’ edukazzjoni jistgħu jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar il-periklu tat-tniġġis tal-arja u l-impatt tal-azzjoni meħuda minn individwi. Huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi u japprezza kwalunkwe azzjonijiet li jippromovu arja nadifa minn ommijiet ikkonċernati bl-impatt tat-tniġġis fuq is-saħħa tat-tfal tagħhom. Dawn in-nisa iqisu kwalunkwe restrizzjonijiet fuq l-użu tal-ambjent bħala limitazzjoni tad-drittijiet ċivili tagħhom.

3.10.

Il-KESE jilqa’ l-ħidma ta’ NGOs u individwi li ħadu azzjoni legali biex jappellaw lill-awtoritajiet nazzjonali biex jintroduċu miżuri addizzjonali biex jitnaqqas it-tniġġis. F’pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit, il-qrati ddeċidew favur il-partijiet rikorrenti (16).

3.11.

Il-KESE jemmen li għandhom jitfasslu strateġiji tad-dekarbonizzazzjoni u miri tal-enerġija rinnovabbli sabiex ikun hemm impatt reali fuq l-ambjent, mingħajr ma jitwaqqaf l-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lir-rispett tal-istandards tas-sustanzi niġġiesa mill-vetturi bil-mutur, b’mod partikulari wara l-iskandlu Dieselgate, u tiċċekkja li jiġu sodisfatti l-obbligi rilevanti imposti mil-leġislazzjoni tal-UE.

4.2.

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni, li talbet lill-Istati Membri biex janalizzaw il-modifiki u t-titjib kollha possibbli bil-għan li l-emissjonijiet iġġenerati minn dawn il-vetturi jinżlu taħt il-limiti regolatorji attwali u, jekk ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, sabiex tipproponi li l-vetturi affettwati minn dan l-iskandlu jitneħħew fuq bażi mandatorja u/jew volontarja.

4.3.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi proċeduri ta’ nuqqas ta’ konformità kontra 16-il Stat Membru fir-rigward tat-tniġġis minn partikolati PM10, u kontra 13-il Stat Membru għat-tniġġis mid-diossidu tan-nitroġenu (NO2), u jirrakkomanda li dawn l-Istati Membri jadottaw kemm jista’ jkun malajr miżuri biex jitnaqqsu jew jeliminaw il-perjodi fejn jinqabżu l-valuri ta’ limitu tat-tniġġis.

4.4.

Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tressaq tliet Stati Membri (l-Ungerija, l-Italja u r-Rumanija) quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja minħabba n-nuqqas ta’ konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis mill-materja partikolata PM10, u tliet Stati Membri oħra (Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit) minħabba nuqqas ta’ konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis mill-NO2. Dawn is-sitt Stati Membri naqsu milli fi żmien xieraq jipproponu miżuri speċifiċi u effettivi biex iniżżlu t-tniġġis għal-livelli awtorizzati.

4.5.

Minħabba l-livelli għoljin ta’ tniġġis ikkawżati minn vetturi bil-mutur, il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, stabbiliti fil-pakkett tal-mobilità, bħalma huma d-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa, standards tas-CO2 ġodda kemm għall-karozzi kif ukoll għall-vetturi tqal, pjan ta’ azzjoni għal infrastruttura għall-fjuwils alternattivi u l-inizjattiva dwar il-batteriji. Dawn il-miżuri żgur se jkollhom l-effett ukoll li jnaqqsu l-emissjonijiet diskussi f’din l-opinjoni.

4.6.

Il-KESE jilqa’ r-regoli ġodda proposti mill-Kummissjoni fir-rigward taż-żieda sinifikanti tal-kwalità u l-indipendenza tal-proċeduri involuti fl-approvazzjoni tat-tip u l-ittestjar tal-vetturi qabel ma jitpoġġew fis-suq, u tal-kontrolli aktar effettivi fuq il-vetturi li diġà jinsabu fis-suq. Ir-Regolament li jistabbilixxi dawn ir-regoli, li għandhom jidħlu fis-seħħ f’Settembru 2020, jiddefendi l-projbizzjoni fuq l-apparati ta’ manipulazzjoni, jipprova jnaqqas il-valuri tas-sustanzi niġġiesa tal-vetturi u jistabbilixxi l-qafas għall-bidla lejn vetturi b’emissjonijiet baxxi u bl-ebda emissjonijiet.

4.7.

Minħabba l-livelli għoljin tat-tniġġis mill-ammonijaka (NH3) u mill-metan (CH4) fis-settur agrikolu (17), għandhom jittieħdu miżuri attivi biex dawn jitnaqqsu. Il-KESE jqis li fil-ġejjieni, il-politika agrikola komuni għandha tiffoka aktar fuq li tgħin lill-bdiewa individwali u lill-kooperattivi tal-biedja biex inaqqsu l-emissjonijiet, billi jiġi żgurat aċċess eħfef għall-finanzjament minn istituzzjoni bankarja Ewropea sabiex jiġu implimentati programmi li jistgħu jwasslu għal inqas emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-programmi futuri tal-iżvilupp rurali fil-qafas tal-PAK jinkludu miżuri agro-ambjentali li jfittxu li jnaqqsu dawn l-emissjonijiet.

4.8.

Il-KESE huwa mħasseb li minkejja l-miżuri implimentati fis-settur agrikolu, bejn l-2000 u l-2015 l-emissjonijiet tal-ammonijaka (NH3) u tal-metan (CH4) naqsu biss b’7 %, minkejja l-isforzi tal-bdiewa. Iż-żieda fin-numru ta’ annimali tar-razzett wasslet għal żieda ta’ 6 % fl-UE kollha fil-komposti organiċi volatili mhux metaniċi (NMVOC), iġġenerati b’mod partikolari mid-demel, għalkemm l-emissjonijiet għal kull kilogramma ta’ laħam naqas.

4.9.

It-tniġġis tal-arja huwa kwistjoni transkonfinali u għalhekk il-KESE jqis li huwa imperattiv li l-Istati Membri jaġixxu b’mod koordinat fuq il-bażi ta’ miri u prinċipji maqbula fl-UE, filwaqt li jikkonformaw mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hemm preċedent f’dan is-sens, u għandna nappoġġjaw kemm jista’ jkun inizjattivi bħal dawn.

4.10.

Il-Kumitat jemmen li sabiex ikun hemm armonizzazzjoni mtejba tal-politiki Ewropej u nazzjonali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġ li jaħdmu mill-qrib mas-soċjetà ċivili sabiex jinfurmaw lill-pubbliku u jiżviluppaw programmi lokali u reġjonali.

4.11.

Il-KESE jfaħħar il-kunsens wiesa’ espress mill-UE rigward il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, u jqis li l-isforzi tal-UE jridu jirrispettaw l-ispirtu ta’ dan il-kunsens u li l-UE trid taġixxi biex tilħaq il-miri stabbiliti, li ser itejbu wkoll il-kwalità tal-arja.

4.12.

Il-KESE jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jiżviluppaw strateġiji biex jiġi eliminat il-faħam bħala sors ta’ enerġija. Seba’ Stati Membri diġà neħħew il-faħam mit-taħlita enerġetika tagħhom u disgħa oħra għandhom il-pjan li jagħmlu dan (18).

4.13.

Il-KESE jemmen li l-UE għandha wkoll tikkondividi prattiki tajbin mal-imsieħba internazzjonali tagħha. Ma nistgħux ninjoraw l-effetti tat-tniġġis tal-arja minn partijiet oħra tad-dinja, li jolqotna kemm direttament kif ukoll indirettament. In-Network Diplomatiku Ekoloġiku u l-koerenza fil-politika għall-iżvilupp huma aktar importanti minn qatt qabel.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Air quality in Europe – 2017 report (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa – rapport tal-2017 (mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  9 minn kull 10 persuni madwar id-dinja jieħdu n-nifs mill-arja mniġġsa, iżda aktar pajjiżi qed jieħdu azzjoni.

(3)  Air quality in Europe – 2017 report (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa – rapport tal-2017 (mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  L-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru Nru 468 “L-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-Ewropa lejn l-ambjent”

(5)  Air quality in Europe — 2017 report (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa – rapport tal-2017 (mhux disponibbli bil-Malti)

(6)  COM/2017/0653 final — 2017/0291 (COD)

(7)  COM/2017/0652 final.

(8)  COM/2017/0648 final — 2017/0290 (COD)

(9)  COM/2017/0647 final — 2017/0288 (COD)

(10)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 134.

(11)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 83.

(12)  Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 23/2018.

(13)  L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa: It-tisħin residenzjali bl-injam u l-faħam: l-impatti u l-aternattivi ta’ politika tas-saħħa fl-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq.

(14)  L-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru Nru 468 “L-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-Ewropa lejn l-ambjent”

(15)  Air quality in Europe – 2017 report (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa – rapport tal-2017 (mhux disponibbli bil-Malti)

(16)  Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 23/2018.

(17)  Markus Amann, Measures to address air pollution from agricultural sources (Miżuri biex tiġi indirizzata t-tniġġis tal-arja mis-sorsi agrikoli, mhux disponibbli bil-Malti)

(18)  Overview: National coal phase-out announcements in Europe. Europe Beyond Coal.