15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/90


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni”

(COM(2018) 372 final — 2018/0197 (COD))

(2019/C 62/14)

Relatur:

Ioannis VARDAKASTANIS

Korelatur:

Ester VITALE

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 11.6.2018

Kunsill Ewropew, 19.6.2018

Bażi legali

Artikoli 177, 178, 304 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

3.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

138/0/1

Din l-Opinjoni tal-KESE tirrigwarda l-Proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea fid-29 ta’ Mejju 2018 għal Regolament tal-Kunsill u tal-Parlament (1) dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027. L-Opinjoni tinkludi wkoll ftit kummenti qosra dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-Proposta għal Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) (2) li jikkonċernaw direttament aspetti rilevanti tal-istruttura, il-kontenut, l-artikolazzjoni u l-implimentazzjoni addizzjonali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jafferma mill-ġdid l-impenn u t-twemmin qawwija tiegħu fil-konfront tal-politika ta’ koeżjoni u jqisha bħala strument ewlieni li jġib lill-UE eqreb taċ-ċittadini tagħha u li jindirizza d-disparitajiet fost ir-reġjuni tal-UE u l-inugwaljanzi fost iċ-ċittadini.

1.2.

Għalkemm il-KESE huwa konxju tar-raġunament tal-Kummissjoni, huwa ma jaqbilx għalkollox mat-tnaqqis fil-politika ta’ koeżjoni inġenerali, u b’mod partikolari t-tnaqqis ta’ 12 % tal-FEŻR u 46 % tal-FK. Għalhekk. huwa jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex iżidu l-proposta tal-baġit, sabiex tal-inqas jinżammu l-istess riżorsi, bi prezzijiet kostanti, bħal fil-qafas finanzjarju attwali.

1.3.

Il-KESE jenfasizza li t-tnaqqis fir-rati Ewropej ta’ kofinanzjament ser ixekkel l-implimentazzjoni tal-proġetti, speċjalment mill-Istati Membri li jiffaċċjaw diffikultajiet baġitarji u, naturalment, minn dawk li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi.

1.4.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni tagħmel il-kriterji għall-kofinanzjament aktar flessibbli, sabiex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta’ kull Stat Membru u tiġi applikata r-regola li l-Kumitat irrakkomanda f’għadd mill-aktar Opinjonijiet reċenti tiegħu: l-ispejjeż tal-investiment ma għandhomx jitqiesu għat-twettiq tal-għanijiet tad-defiċit tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

1.5.

Il-KESE jqis li l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi introdotta mill-ġdid ir-regola N+2 mhix appoġġjata minn evidenza prattika jew mill-analiżi tar-riżultati tal-implimentazzjoni tar-regola N+3. Għalhekk huwa ma jaqbilx ma’ din il-proposta u jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm ir-regola N+3 għall-perjodu l-ġdid ta’ programmazzjoni.

1.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għas-semplifikazzjoni tal-użu tal-fondi mil-lat ta’ struttura, amministrazzjoni u ġestjoni, filwaqt li jiġi ffaċilitat aċċess bla xkiel u aktar effettiv għalihom. Madankollu, is-semplifikazzjoni tal-fondi ma għandhiex twarrab il-prinċipji u l-valuri li huma parti integrali tal-acquis tal-UE.

1.7.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni ttejjeb il-governanza f’diversi livelli bis-saħħa tal-enfasi tagħha tkun fuq il-ġestjoni kondiviża, filwaqt li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra fil-proċess tal-programmazzjoni, l-implimentazzjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-użu tal-fondi. Madankollu, il-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (ECCP) għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ fil-livelli kollha u jissaħħaħ b’garanziji u miżuri b’saħħithom li jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu. Il-konformità ma’ dan il-Kodiċi għandha titqies bħala kondizzjoni ta’ abilitazzjoni. Dan se jagħti lill-partijiet ikkonċernati u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili s-setgħa li jkollhom rwol vitali bħala korpi intermedjarji, li jġibu l-proġetti eqreb tal-benefiċjarji finali tagħhom.

1.8.

Il-KESE jinnota li fil-livell tal-UE ma hemm l-ebda involviment strutturat tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Għalhekk jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tistabbilixxi Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar il-Koeżjoni, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra li ser jikkonsultaw l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kull sena dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni matul iċ-ċiklu kollu ta’ pprogrammar 2021-2027.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tintegra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) b’mod effettiv fil-politika ta’ koeżjoni permezz tar-RDK u r-regolamenti tal-FEŻR u tal-FK, billi tiżgura l-inklużjoni trasversali tagħhom fil-prijoritajiet kollha tal-fondi, mhux biss fl-azzjoni klimatika.

1.10.

Il-KESE jipproponi li ż-żoni skarsament popolati, iż-żoni iżolati, il-gżejjer żgħar u r-reġjuni muntanjużi, b’konformità mal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jiġu appoġġjati bl-istess rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika, l-ambitu tal-appoġġ u tal-benefiċċji, u bl-istess derogi, bħar-reġjuni ultraperiferiċi. L-istrateġiji ta’ investiment għandhom ikunu orjentati lejn l-għanijiet tal-makroreġjuni u l-kooperazzjoni territorjali u transkonfinali, speċjalment biex jiġu indirizzati fenomeni kumplessi bħalma hija l-migrazzjoni.

1.11.

Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm żieda fil-baġit tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC)/Interreg għall-perjodu l-ġdid ta’ programmazzjoni sabiex din tkun tista’ tissodisfa l-missjoni u l-objettivi tagħha b’mod effettiv. Il-KESE jipproponi wkoll li l-FEŻR jingħata biżżejjed appoġġ għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu transkonfinali. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-istrateġiji ta’ investiment għandhom ikunu mmirati lejn l-objettivi tal-makroreġjuni u r-reġjuni tal-baċiri tal-baħar.

1.12.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tqis indikaturi soċjali oħra, minbarra l-introjtu nazzjonali gross (ING) per capita, sabiex l-Istati Membri jiġu kklassifikati skont ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika li japplikaw għalihom.

1.13.

Il-KESE jappoġġja l-kunċett ta’ konċentrazzjoni tematika iżda jitlob lill-Kummissjoni tibbilanċja d-distribuzzjoni tar-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika f’investimenti fost l-objettivi tal-politika (POs), peress li l-allokazzjoni għall-POs 3 sa 5 tidher insuffiċjenti biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjoekonomiċi u biex tinbena Ewropa li tkun eqreb taċ-ċittadini tagħha.

1.14.

Il-KESE jiddispjaċih li l-proposti tal-Kummissjoni għar-regolamenti kollha eskludew l-inkorporazzjoni orizzontali tal-ugwaljanza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità. Għalhekk huwa jirrakkomanda bil-qawwa li l-Artikolu 7 tar-Regolament attwali dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) 2014-2020 jiġi inkorporat fir-RDK il-ġdid propost, u li dan il-prinċipju jiġi inkorporat direttament fit-test ewlieni tar-regolament propost tal-FEŻR u tal-FK. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ l-inklużjoni tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità fl-Artikolu 67 tar-RDK propost dwar l-għażla tal-operazzjonijiet.

1.15.

Il-KESE jissottolinja li l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) għandha tkun inkorporata bis-sħiħ fit-test ewlieni tar-regolament tal-FEŻR u tal-FK propost kif ukoll fir-regolament tas-CPR. Il-UNCRPD b’mod partikolari għandha tiġi inkluża bis-sħiħ fil-bażi ġuridika tar-regolament tal-FEŻR u tal-FK u l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità għandha ssir kriterju obbligatorju ta’ eliġibbiltà.

1.16.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-bini jew ir-rinnovazzjoni tal-faċilitajiet segregati tal-kura istituzzjonali jiġu esklużi mill-ambitu tal-appoġġ skont il-FEŻR u l-FK. Minflok, għandha tiġi promossa l-inklużjoni soċjali permezz tat-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għal dik ibbażata fil-komunità.

1.17.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-titjib fil-koordinazzjoni tal-fondi differenti, kif ukoll ir-rabta bejn dawn u s-Semestru Ewropew u l-Programmi ta’ Appoġġ għal Riformi.

1.18.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-inklużjoni tal-kundizzjonalitajiet makroekonomiċi, li huma deċiżi fil-livell nazzjonali u Ewropew, toħloq ostakli qawwija għar-reġjuni, il-muniċipalitajiet lokali, il-partijiet interessati oħra u ċ-ċittadini meta jintużaw il-fondi, u għalhekk il-KESE jirrifjutahom kompletament u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-kriterji ta’ inklużjoni.

1.19.

Il-KESE jqis li l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) jeħtieġ li tiġi prijoritizzata fil-politika ta’ koeżjoni, u mhux biss fl-FSE+. Għalhekk huwa jirrakkomanda bis-sħiħ li minimu ta’ 10 % jiġu allokati għall-PO 4 tal-FEŻR, li jistabbilixxi l-Inizjattiva Reġjonali tas-Sostenibbiltà Soċjali (SSARI).

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE għadu jikkunsidra l-politika ta’ koeżjoni – kif għamel tul ħafna snin – bħala waħda mill-pilastri fundamentali għall-kisba tal-integrazzjoni tal-UE, u għalhekk huwa tal-fehma li fi żminijiet ta’ inċertezza u żieda fil-populiżmu, in-nazzjonaliżmu u l-Ewroxettiċiżmu, il-politika ta’ koeżjoni hija l-proċess ta’ konnessjoni reali għaċ-ċittadini fil-proġett tal-UE.

2.2.

Il-KESE jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni u l-istrumenti ta’ finanzjament tagħha setgħu jintużaw sabiex jippreżentaw liċ-ċittadini Ewropej b’narrattiva pożittiva ġdida għall-proġett tal-UE.

2.3.

Il-KESE għalhekk josserva li, mil-lat ta’ politika, il-proposta tal-Kummissjoni ma kenitx ambizzjuża biżżejjed, u dan jissarraf fil-prattika fi tnaqqis, bi prezzijiet kostanti, ta’ 12 % u 46 % fil-baġits tal-FEŻR u tal-FK rispettivament fil-proposta għall-QFP 2021-2027 fir-rigward tal-baġits attwali. It-tnaqqis huwa propost minkejja li fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li: “F’ħafna pajjiżi, il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni jirrappreżentaw (…) 50 % tal-investiment pubbliku”. Għalhekk dat-tnaqqis ser ikollu effett negattiv fuq dawk il-pajjiżi li qed jistabbilizzaw l-ekonomiji tagħhom waqt li jirkupraw mill-kriżi u waqt li ċ-ċittadini tagħhom jippruvaw jiffaċċjaw il-miżuri ta’ awsterità. F’ħafna pajjiżi, il-livelli tal-faqar u tal-inugwaljanza għadhom għolja u f’xi każijiet qed jiżdiedu, b’diverġenzi sostanzjali bejn il-pajjiżi, u fost u fi ħdan ir-reġjuni u gruppi ta’ popolazzjoni differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-indikaturi soċjali relatati man-nisa, mar-Rom, mal-persuni b’diżabilità, mal-anzjani, eċċ.

2.4.

Minħabba l-importanza kbira kemm tal-FEŻR kif ukoll tal-FK għall-iżvilupp u l-koeżjoni fil-qasam ekonomiku u soċjali tar-reġjuni Ewropej, il-KESE jitlob li l-finanzjament tal-politiki ta’ koeżjoni jinżamm fil-QFP 2021-2027, mill-inqas bl-istess riżorsi bi prezzijiet kostanti bħal fil-qafas finanzjarju attwali (3).

2.5.

Il-proposta tal-Kummissjoni li tnaqqas ir-rati ta’ kofinanzjament għat-tliet kategoriji (4) ta’ reġjuni ddgħajjef il-kapaċità li jiġu aċċessati u użati l-fondi fuq termini ugwali, speċjalment għal dawk l-Istati Membri b’diffikultajiet akbar ta’ nfiq u dawk li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi.

2.6.

Il-KESE jappoġġja l-isforzi biex tiġi ssemplifikata l-politika ta’ koeżjoni u jilqa’ t-tnaqqis fl-għadd ta’ objettivi minn 11 għal 5, peress li dan jippermetti li r-riżorsi jiġu kkonċentrati fuq il-kwistjonijiet ta’ prijorità tal-kompetittività tal-intrapriżi u tad-drittijiet tal-persuni. Madankollu, inqas regoli u regoli aktar ċari u iqsar ma għandhomx ifissru inqas regolamenti effiċjenti biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali u speċifiċi tagħha. B’mod aktar partikolari, semplifikazzjoni akbar ma għandhiex tfisser it-twarrib ta’ prinċipji trasversali li huma parti integrali mill-acquis Ewropew mir-regolament propost.

2.7.

Is-semplifikazzjoni permezz ta’ fondi ta’ unifikazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-benefiċjarji, speċjalment billi wieħed jibbaża aktar fuq il-maniġment imwettaq mill-Istati Membri, u permezz taż-żieda fl-użu ta’ opzjonijiet ta’ nfiq semplifikat, huma passi tant meħtieġa għat-titjib fl-effiċjenza tal-investimenti. L-estensjoni tal-prinċipju tal-awditjar uniku u dipendenza akbar mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali se jwasslu wkoll għal infiq aktar effiċjenti fl-assistenza teknika. Il-KESE jilqa’ wkoll it-tisħiħ tal-koeżjoni elettronika u tal-iskambju tad-data, peress li dawn se jsaħħu t-trasparenza u l-effiċjenza tal-FEŻR u tal-FK. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kooperazzjoni interreġjonali permezz tal-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3).

2.8.

Il-KESE jemmen li l-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea hija mod importanti ta’ kif jiġu appoġġjati r-reġjuni transkonfinali speċifiċi li komunement jiffaċċjaw problemi marbuta mal-infrastruttura, mal-għoti ta’ servizzi pubbliċi, mal-komunikazzjoni u mat-trasport minħabba, fost affarijiet oħra, karatteristiċi ġeografiċi u/jew storiċi. Interreg għandha tkun għodda li tippromovi l-konverġenza ekonomika u soċjali ta’ dawn ir-reġjuni, is-sottoreġjuni u ż-żoni lokali mil-lat prattiku, u għalhekk il-KESE jissuġġerixxi li jiżdied il-baġit ta’ dan l-istrument. Il-KESE jirrakkomanda wkoll bil-qawwa li jingħata finanzjament b’rabta mal-FEŻR biex jiġu appoġġjati l-funzjonament u l-implimentazzjoni effettivi tal-mekkaniżmu transkonfinali.

2.9.

Għalkemm l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u l-aċċessibbiltà huma inklużi fil-preambolu, il-KESE jemmen bil-qawwa li dawn għandhom jiġu inkorporati bis-sħiħ fit-test ewlieni tar-regolament tal-FEŻR u tal-FK, filwaqt li jsiru kriterji obbligatorji ta’ eliġibbiltà b’rabta mal-allokazzjonijiet tal-finanzjament, u jemmen ukoll li l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità għandha tkun inkluża fl-Artikolu 67 tar-RDK propost dwar l-għażla tal-operazzjonijiet (5).

2.10.

Il-klassifikazzjoni tar-reġjuni għadha ddeterminata mill-“metodu ta’ Berlin”, li tqis esklużivament l-introjtu nazzjonali gross u l-popolazzjoni ta’ kull reġjun biex jiġu ddeterminati r-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika li japplikaw għal kull wieħed minnhom (6). Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinkludi indikaturi ġodda għall-metodu ta’ allokazzjoni, bħall-qgħad, il-migrazzjoni netta jew l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Anke jekk din is-soluzzjoni tikkontribwixxi biex ittejjeb il-preċiżjoni tad-distribuzzjoni tal-fondi fir-rigward tal-ħtiġijiet tar-reġjuni, ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika xorta waħda jiġu ddeterminati b’metodu ta’ klassifikazzjoni li jwarrab dawn l-inugwaljanzi.

2.10.1.

Għalhekk, ħafna reġjuni tal-Istati Membri fil-“grupp 1” jistgħu jirċievu allokazzjoni “korretta” mil-lat tal-inugwaljanzi li jġarrbu li tmur lil hinn mill-ING, iżda mbagħad ikollhom jiffaċċjaw ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika, xi ħaġa li tista’ tirrestrinġi l-kapaċità tagħhom biex jindirizzaw dawn l-inugwaljanzi. L-ispjegazzjoni mogħtija fil-Valutazzjoni tal-Impatt – bħala tweġiba għar-rekwiżit tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (7) – dwar l-għażla tal-“metodu ta’ Berlin” ma tiċċarax għaliex ma tqisux indikaturi rilevanti oħra. Għalhekk il-KESE jitlob lill-Kummissjoni terġa’ tqis dan l-approċċ.

2.11.

Iż-żoni skarsament popolati, b’konformità mal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll iż-żoni iżolati, bħall-gżejjer żgħar, huma reġjuni li jiffaċċjaw problemi speċifiċi ta’ komunikazzjoni – inkluż l-aċċess għall-Internet – u t-trasport. Barra minn hekk, ħafna drabi huma ma jkollhomx infrastruttura soċjali (saħħa, edukazzjoni, eċċ.). F’dawn ir-reġjuni, il-popolazzjoni mifruxa u n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg, li jikkawżaw rata allarmanti ta’ tixjiħ, jirriżultaw f’żieda gradwali fil-kost tal-għoti ta’ servizzi pubbliċi, u b’hekk ikun aktar diffiċli biex jiġu żviluppati programmi ta’ impjieg u jiġu attirati l-kumpaniji.

2.11.1.

Il-proposta talloka parti mill-baġit għal dawn ir-reġjuni flimkien ma’ dawk ikklassifikati bħala reġjuni ultraperiferiċi. Madankollu, il-klassifikazzjoni tar-reġjuni tinkludi r-reġjuni ultraperiferiċi fil-“grupp 3”, mingħajr ma tqis il-karatteristiċi speċjali taż-żoni skarsament popolati, għajr l-ING per capita. Il-KESE jqis li għandu jittieħed approċċ speċjalizzat b’finanzjament suffiċjenti u r-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika korretti sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li jiffaċċjaw iż-żoni skarsament popolati u dawk iżolati, u li għalhekk huma għandhom jibbenefikaw mill-appoġġ li jagħmel parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konċentrazzjoni tematika u mid-derogi applikabbli għar-reġjuni ultraperiferiċi.

2.12.

Il-KESE jilqa’ t-titjib fil-koordinazzjoni bejn is-seba’ fondi ta’ ġestjoni kondiviża – stabbiliti l-aktar permezz tal-proposta tas-CPR – li jissodisfaw talba kbira min-naħa tal-partijiet ikkonċernati. Għall-FEŻR u l-FK, il-kombinazzjoni mal-Programm propost ta’ Appoġġ għal Riformi (8) hija rilevanti speċjalment peress li se tgħin biex torbot l-implimentazzjoni tal-programmi mar-rakkomandazzjonijiet li jsiru taħt is-Semestru Ewropew, meta jkunu soċjalment sostenibbli, filwaqt li ttejjeb l-effettività tal-investimenti. Din il-kombinazzjoni għandha tipprevedi negozjati speċifiċi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej, bl-involviment sħiħ u attiv tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.13.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li t-tipi differenti ta’ fondi u għodod jiġu kkombinati mal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, speċjalment l-istrumenti finanzjarji, u b’hekk l-objettivi jiġu koperti b’mod aktar effettiv. Barra minn hekk, il-mobilizzazzjoni tal-kapital privat tiżgura u timmultiplika l-valur miżjud tal-investimenti u d-distribuzzjoni usa’ tal-benefiċċji.

2.14.

Il-KESE jilqa’ t-titjib fil-flessibbiltà billi l-fondi u l-programmi jiġu adattati għall-kontinġenzi konsegwenti, kif propost mill-Kummissjoni. Ir-rabta proposta bejn ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż u l-perjodu ta’ programmazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu hija importanti għall-effettività tal-fondi. Madankollu, jekk il-bidliet isiru aktar frekwenti, jinħtieġ li tingħata attenzjoni mill-qrib, peress li dawn x’aktarx ifixklu n-natura tal-programmazzjoni. Barra minn hekk, il-proposta li r-riżorsi ma jiġux skedati qabel l-aħħar sentejn x’aktarx tagħmilha diffiċli biex jintużaw għal raġunijiet ta’ żmien.

2.15.

Il-KESE jirrikonoxxi ż-żieda fil-QFP 2021-2027 propost meta mqabbel mal-QFP 2014-2020 tal-perċentwal li l-Kummissjoni tipproponi li talloka għall-objettivi klimatiċi, b’infiq ta’ 30 % tal-FEŻR u 37 % tal-FK. Minħabba l-importanza kbira ta’ dan l-għan u l-kapaċità taż-żewġ fondi biex jindirizzawh, il-KESE jemmen li ż-żieda għandha titqies iżjed.

2.16.

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) jitqiesu mill-Kummissjoni bħala ġustifikazzjoni għall-infiq propost fuq l-objettivi klimatiċi. Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis allinjament usa’ tar-regolament propost u l-ħames prijoritajiet tiegħu proposti għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-fondi permezz tal-SDGs. Dan għandu jsir billi jiġi żgurat li l-perspettivi soċjali u ekonomiċi tal-SDGs jiġu inklużi wkoll fir-regolament.

2.17.

Il-Kummissjoni tippreżenta mudell ta’ governanza f’diversi livelli li jenfasizza l-ġestjoni kondiviża tal-programmi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, li issa għandhom responsabbiltà aktar diretta. Id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet hija wkoll aktar ċara, u żdied il-kontribut tal-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (9). Madankollu, jeħtieġ li jiġu introdotti garanziji sodi u miżuri speċifiċi sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jaqdu rwol vitali bħala korpi intermedjarji, biex b’hekk il-proġetti jiġu żviluppati b’mod iżjed effiċjenti u jkunu eqreb tal-benefiċjarji finali tagħhom.

2.18.

Il-KESE jissottolinja li hemm il-ħtieġa ta’ aktar sħubija, parteċipazzjoni u involviment min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet ikkonċernati oħra fil-monitoraġġ tal-politika ta’ koeżjoni fil-livell tal-UE. Fil-fatt, il-KESE jinnota li dan id-defiċit fil-livell tal-UE jista’ jiġi indirizzat mill-KESE b’mod proattiv, inklużiv u effettiv ħafna. Għalhekk il-KESE jipproponi li jiġi stabbilit Forum Ewropew ta’ Koeżjoni tas-Soċjetà Ċivili biex jimmonitorja l-politika ta’ koeżjoni, u l-Kumitat huwa disponibbli biex jiffaċilita bis-sħiħ il-funzjonament tiegħu.

2.19.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għażlet li tvarja l-approċċ tradizzjonali għall-Assistenza Teknika billi telimina l-objettiv ta’ prijorità użat biex jidderieġi dan l-appoġġ. Minflok, il-proposta tissuġġerixxi rata fissa ġenerali ta’ 2,5 % ta’ kull programm, li tammonta għal 100 % tal-investiment, bil-għan li tkopri l-infiq tal-assistenza teknika. Investimenti oħra li saru taħt il-klassifikazzjoni tal-Assistenza Teknika jistgħu jiġu kkofinanzjati wkoll, jekk ikun meħtieġ, flimkien mar-rata ta’ 2,5 %. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon dan l-approċċ issemplifikat. Minbarra li tipprijoritizza l-prinċipju tal-proporzjonalità u ttejjeb il-flessibbiltà u l-governanza tas-sħubija, il-Kummissjoni għażlet li ma tillimitax l-ammont tal-allokazzjoni mmirata lejn il-kapaċità istituzzjonali tal-imsieħba, inklużi korpi li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili.

2.20.

Il-KESE ma jaqbilx mal-proposta li tiġi emendata r-regola N+3 għal N+2 u jistieden lill-Kummissjoni terġa’ tqis din il-proposta. L-approċċ għall-flessibbiltà abbażi ta’ dawn it-termini għandu jkun eqreb tal-ħtiġijiet ta’ dawk il-pajjiżi, ir-reġjuni, is-sottoreġjuni, il-komunitajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati li esperjenzaw l-akbar diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-programm u għandu jadatta l-proċess tal-implimentazzjoni għall-kapaċitajiet tal-Istati Membri differenti u l-kundizzjonijiet prevalenti fihom. L-introduzzjoni mill-ġdid tar-regola N+2 tirrikjedi wkoll livell ogħla ta’ effiċjenza fil-programmazzjoni u fl-implimentazzjoni, b’sena inqas għaċ-ċertifikazzjoni tal-pagamenti.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Il-KESE jemmen li l-għanijiet speċifiċi għall-FEŻR u l-FK (Artikolu 2) għandhom jinkludu oqsma bħall-ekonomija soċjali u l-aċċessibbiltà tal-infrastruttura u s-servizzi għaċ-ċittadini kollha tal-UE, u li għandu jkun hemm referenzi speċifiċi għaż-żoni u l-gżejjer skarsament popolati, b’konformità mal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.2.

Il-KESE jemmen li l-Annessi I u II għandhom jiġu riveduti kif imiss sabiex l-oqsma preċedenti jissarrfu f’indikaturi komuni tal-produzzjoni u indikaturi tar-riżultati kif ukoll indikaturi tal-prestazzjoni.

3.3.

Għalkemm il-KESE jirrikonoxxi li l-PO1 u l-PO2 huma objettivi tal-politika b’valur miżjud għoli, huwa jinnota li l-għoti ta’ perċentwal għoli ħafna lil dawn iż-żewġ oqsma fit-tliet gruppi reġjonali kollha jdgħajjef l-effiċjenza tal-FEŻR u tal-FK fl-indirizzar tal-POs 3 sa 5. Għalhekk huwa jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi r-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika (Artikolu 3(4)) sabiex tibbilanċja l-isforzi u b’hekk tkun tista’ tindirizza kif imiss l-inugwaljanzi soċjali, inklużi l-faqar u d-diskriminazzjoni, xi ħaġa li hija meħtieġa sabiex jinkiseb it-tkabbir inklużiv.

3.4.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp urban huwa marbut mill-qrib mal-modernizzazzjoni u l-innovazzjoni tal-infrastruttura u s-servizzi lokali, u għalhekk jilqa’ l-inklużjoni ta’ Inizjattiva Urbana Ewropea fl-FEŻR, b’rabta mal-Aġenda Urbana tal-UE. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni żżid l-appoġġ finanzjarju għal din l-inizjattiva u fl-istess ħin tagħmilha trasversali sabiex tkopri t-tliet pilastri tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, pereżempju, sabiex jiġu żviluppati bliet intelliġenti u aċċessibbli.

3.5.

Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni tal-kundizzjoni nru 4 ta’ abilitazzjoni orizzontali, li tirrikjedi oqfsa nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-UNCRPD. Madankollu, huwa jqis li:

3.5.1.

Peress li l-UE hija stat parti għall-UNCRPD u għalhekk l-implimentazzjoni mill-UE hija obbligatorja, huwa adatt li l-UNCRPD tkun inkorporata fil-bażi ġuridika tar-regolament tal-FEŻR u tal-FK propost.

3.5.2.

L-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità, inkluża l-aċċessibbiltà tal-beni, is-servizzi u l-infrastrutturi, għandha tkun inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost u stabbilita bħala kriterju obbligatorju għall-proġetti ta’ finanzjament f’kull qasam kopert. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-punt 5 tal-introduzzjoni tar-regolament tal-FEŻR u tal-FK propost – “Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw ukoll l-obbligi tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà u jiżguraw l-aċċessibbiltà f’konformità mal-Artikolu 9 tiegħu u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jarmonizzaw ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi” – jiġi inkluż fit-test ewlieni tar-regolament.

3.5.3.

L-acquis Ewropew żviluppa approċċ trasversali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-fondi permezz tal-Artikolu 7 tar-RDK attwali (10)l-Artikolu 16 tar-RDK 2007-2013. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa l-inkorporazzjoni mill-ġdid tal-Artikolu 7 tas-CPR 2014-2020 fis-CPR il-ġdid propost.

3.6.

Il-KESE huwa ddiżappuntat jara li l-impenn taħt l-FEŻR li beda fil-QFP 2014-2020 għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal dik ibbażata fil-komunità ma ġiex segwit fir-regolament propost. L-Artikolu 2(d) tar-Regolament propost tal-FEŻR jipprijoritizza ż-żieda fl-integrazzjoni soċjoekonomika “permezz ta’ miżuri integrati li jinkludu akkomodazzjoni u servizzi soċjali”. Filwaqt li din hija dispożizzjoni importanti, mhuwiex ċert jekk dan l-objettiv speċifiku huwiex biżżejjed biex jiżgura li n-nies, speċjalment dawk l-aktar żvantaġġati, jiġu inklużi fil-komunità permezz ta’ investimenti mmirati fid-deistituzzjonalizzazzjoni. Fid-dawl tal-fatt li l-investimenti tal-FEŻR huma kruċjali għall-inklużjoni soċjali, il-KESE jipproponi li l-FEŻR jinvesti biss f’servizzi li jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali u li l-użu tal-fondi għall-bini jew ir-rinnovazzjoni tal-faċilitajiet segregati tal-kura istituzzjonali jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEŻR u tal-FK. Huwa kruċjali li kemm l-inċentiv pożittiv kif ukoll l-obbligu negattiv jinżammu, iżda wkoll jissaħħu, fir-regolament tal-FEŻR propost.

3.7.

Għalkemm huwa propost li terz tal-finanzjament tal-FSE+ għandu jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-KESE jemmen bil-qawwa li l-finanzjament mill-baġit tal-FEŻR għandu jiġi pprijoritizzat biex jappoġġja l-implimentazzjoni tal-PO 4 b’mod effettiv. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li minimu ta’ 10 % jiġu allokati għall-PO 4 tal-FEŻR, li jistabbilixxi l-Inizjattiva Reġjonali tas-Sostenibbiltà Soċjali (SSRI), sabiex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u l-aċċessibbiltà b’mod sistematiku u koerenti.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 372 final – 2018/0197 (COD), COM(2018) 372 final – ANNESS I, COM(2018) 372 final – ANNESS II

(2)  COM(2018) 375 final

(3)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106).

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106).

(5)  L-Artikolu 7 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2014-2020 tneħħa, peress li l-Kummissjoni għażlet l-inklużjoni ta’ obbligu għall-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-proġetti, permezz tal-Artikolu 67 tal-Proposta għal Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) għall-QFP 2021-2027. Madankollu, l-Artikolu 67 ma jinkludi l-ebda referenza għall-aċċessibbiltà.

(6)  Il-proposta l-ġdida għal konċentrazzjoni tematika tal-FEŻR tikklassifika l-Istati Membri fi tliet gruppi skont l-ING tagħhom: “grupp 1” għal dawk bi proporzjon tal-ING ugwali għal jew ogħla minn 100 % tal-medja tal-UE; “grupp 2” għal dawk bi proporzjon ugwali għal jew ogħla minn 75 % u inqas minn 100 %; u “grupp 3” għal dawk fejn il-proporzjon huwa inqas minn 75 % tal-medja tal-UE, kif ukoll għar-reġjuni ultraperiferiċi fir-rigward tal-programmi tagħhom iddedikati għall-għan marbut mal-“Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir”. Ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika għall-gruppi reġjonali differenti jipproponu li l-Istati Membri tal-“grupp 1” jallokaw mill-inqas 85 % tar-riżorsi tagħhom għal PO 1 u PO 2 u mill-inqas 60 % għal PO 1; li dawk tal-“grupp 2” jiffokaw mill-inqas 45 % tal-baġit fuq prijoritajiet taħt PO 1 u mill-inqas 30 % għal PO 2, u li dawk tal-“grupp 3” jallokaw mill-inqas 35 % tar-riżorsi tagħhom għal PO 1 u minimu ta’ 30 % għal PO 2.

(7)  SEC(2018) 268.

(8)  COM(2018) 391 – 2018/0213 (COD).

(9)  Dan jinkludi l-imsieħba u l-korpi ambjentali responsabbli għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, id-drittijiet fundamentali, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tal-proposta tas-CPR.

(10)  Regolament (UE) Nru 1301/2013