|
22.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 110/33 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE: kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart”
(opinjoni esploratorja)
(2019/C 110/06)
|
Rapporteur: |
Arnaud SCHWARTZ |
|
Konsultazzjoni |
Il-Parlament Ewropew, 3.5.2018 |
|
Bażi legali: |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
Opinjoni esploratorja |
|
Deċiżjoni tal-Bureau |
17.4.2018 (bi stennija tal-konsultazzjoni) |
|
|
|
|
Sezzjoni responsabbli |
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adottata fis-sezzjoni |
27.11.2018 |
|
Adottata fil-plenarja |
12.12.2018 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
539 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
117/2/6 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jilqa’ l-għan tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (Environmental Implementation Review – EIR), li tipprovdi ħarsa ġenerali infurmata lejn is-sitwazzjoni ta’ kull Stat Membru billi tenfasizza n-nuqqasijiet ewlenin tagħhom fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kif ukoll li tirrakkomanda miżuri korrettivi u tagħti appoġġ lill-Istati Membri li għadhom lura fl-applikazzjoni ta’ din il-liġi, inkluż permezz ta’ għodda ġdida ta’ assistenza teknika bejn il-pari. |
|
1.2. |
Madankollu, fl-opinjoni (1) tiegħu dwar dan is-suġġett, skont il-KESE, l-EIR tiżvela li l-implimentazzjoni fqira, frammentata u mhux ekwa tal-leġislazzjoni ambjentali Ewropea hija problema serja f’bosta Stati Membri. Illum bħal fl-imgħoddi, wara l-kawżi profondi ta’ din l-implimentazzjoni fqira identifikati fl-EIR, jidher li hemm nuqqas ta’ rieda politika min-naħa ta’ ħafna gvernijiet tal-Istati Membri biex it-titjib sinifikanti f’din l-implimentazzjoni jsir prijorità u biex jipprovdu biżżejjed riżorsi għal dan il-għan (pereżempju permezz tal-qafas finanzjarju pluriennali – QFP). Il-KESE għalhekk ifakkar li l-implimentazzjoni xierqa tal-acquis ambjentali tal-UE hija fl-interess taċ-ċittadini Ewropej u li din iġġib benefiċċji ekonomiċi u soċjali reali. |
|
1.3. |
Bl-istess mod, il-KESE, kif stipulat fl-opinjoni msemmija hawn fuq (2), jafferma mill-ġdid li l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri ta’ protezzjoni ambjentali tiddependi parzjalment mill-għoti ta’ rwol attiv lis-soċjetà ċivili – l-impjegaturi, l-impjegati u rappreżentanti oħra tas-soċjetà. Il-KESE jtenni wkoll it-talba tiegħu għal parteċipazzjoni akbar u strutturata mis-soċjetà ċivili li għandha ssaħħaħ l-EIRs. Għall-KESE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq il-livell nazzjonali għandhom jingħataw l-opportunità li jikkontribwixxu bl-għarfien espert u bl-informazzjoni speċjalizzata tagħhom għar-rapporti tal-pajjiżi, kif ukoll għad-djalogi strutturati mal-pajjiżi u għas-segwitu tagħhom. Għal din ir-raġuni, il-KESE huwa lest li jiffaċilita d-djalogu tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE fil-qafas ta’ ekonomija tabilħaqq sostenibbli u ċirkolari. |
|
1.4. |
Fl-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali (3), il-KESE jerġa’ jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqasijiet attwali qed jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini fir-rigward tal-effikaċja tal-leġislazzjoni tal-UE, u għalhekk jerġa’ jtenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimmobilizzaw finanzjament sinifikanti għar-reklutaġġ ta’ persunal addizzjonali, sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-governanza u tal-leġislazzjoni ambjentali. |
|
1.5. |
Il-KESE jenfasizza li f’xi każijiet, huma meħtieġa wkoll investimenti ambjentali, is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku jew ktajjen ta’ infurzar b’saħħithom, u li anke jekk l-ispetturi ambjentali diġà jeżistu, l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jeħtieġu wkoll ġurati u prosekuturi speċjalizzati. |
|
1.6. |
Il-KESE jfakkar ukoll, kif indika fl-opinjoni (4), li flimkien mal-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri u mill-pubbliku kkonċernat biex jikkomunikaw u jqajmu sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli li għandhom jiġu rrispettati, għandhom jittieħdu wkoll miżuri li jagħmlu parti mill-monitoraġġ jew mill-kontroll tal-applikazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni mill-Kummissjoni Ewropea bħala “l-għassiesa tat-Trattati”. Il-pjan ta’ azzjoni (5) jinjora fatturi ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli, bħal pereżempju dawk relatati mal-opportuniżmu jew man-nuqqas ta’ rieda politika. Filwaqt li l-appoġġ tal-Istati Membri huwa meħtieġ, il-KESE qed jagħmilha ċara għal darb’oħra li l-miżuri mhux vinkolanti ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni ma jistgħux ikunu l-unika strateġija biex titjieb il-konformità mal-leġislazzjoni ambjentali. |
|
1.7. |
Kemm l-EIR u l-pjan ta’ azzjoni jsegwu ċiklu ta’ sentejn. Il-KESE jenfasizza li għandu jkollu rwol attiv fil-monitoraġġ u l-iżvilupp tal-kontenut tagħhom, sabiex il-leħen tas-soċjetà ċivili jinstema’ fil-proċess kontinwu ta’ titjib tal-politiki ambjentali tal-UE. |
|
1.8. |
Barra minn hekk, kif jidher f’diversi ħidmiet tal-Kummissjoni Ewropea, hemm għadd kbir ta’ nuqqasijiet ġejjin minn nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn id-diversi livelli ta’ governanza (nazzjonali, reġjonali u lokali) responsabbli mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali, u għaldaqstant il-KESE jistieden ukoll lill-UE biex tintegra lis-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni li għaddejja ta’ din l-implimentazzjoni. |
|
1.9. |
Iċ-ċittadini tal-UE jemmnu li l-ħarsien tal-ambjent huwa ta’ importanza kbira. Il-maġġoranza tal-Ewropej jemmnu li l-UE u l-gvernijiet nazzjonali mhumiex qed jagħmlu biżżejjed biex iħarsu l-ambjent. Il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom għalhekk jaħdmu flimkien aktar mill-qrib mal-KESE biex jilħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini. B’mod partikolari, din l-ambizzjoni tista’ tissarraf f’talba lill-KESE għal opinjoni esploratorja dwar il-mod kif is-soċjetà ċivili tista’ tikkontribwixxi aktar għall-iżvilupp u għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE. |
|
1.10. |
F’termini immedjati, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni taqsam il-lista tal-EIR tan-nuqqasijiet kollha identifikati għal kull Stat Membru fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE fir-rigward tal-kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart. Il-lista għandha tkun ibbażata parzjalment fuq indikazzjonijiet magħmula lill-Kummissjoni, u fuq konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata. Jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi u sussegwentement tapplika r-rimedji biex jiġu koreġuti dawn in-nuqqasijiet. Safejn jista’ fil-limiti tal-mezzi u l-għarfien espert tiegħu, il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi għal din id-definizzjoni u li jieħu sehem fl-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni futura ta’ dawn ir-rimedji. |
|
1.11. |
Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha mhux biss tipproponi leġislazzjoni, iżda wkoll tiffaċilita u tappoġġja l-implimentazzjoni tal-liġijiet u tagħmel it-testi eżistenti aktar konsistenti ma’ xulxin kif ukoll aktar konformi mal-progress xjentifiku u mal-impenji internazzjonali li jipproteġu s-saħħa pubblika u jirrestawraw il-funzjonament tajjeb tal-ekosistemi. Mingħajr dawn l-ekosistemi, la l-iżvilupp ekonomiku u lanqas il-ġustizzja soċjali m’huma possibbli. B’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali hija essenzjali għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs) u tpoġġi l-ftehimiet dwar il-klima fil-prattika. Għalhekk, il-KESE qiegħed jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti dwar diversi eżempji ta’ titjib fil-leġislazzjoni ambjentali marbuta mal-kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart f’din l-opinjoni. |
|
1.12. |
Fl-aħħar nett, bħall-proposta reċenti għal direttiva dwar il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, jidher ċar li l-livell għoli ta’ aċċettazzjoni tal-miżuri proposti rriżulta minn attivitajiet ta’ informazzjoni u minn kampanji fil-midja dwar it-tniġġis tal-oċeani mill-plastik, li ppermettew li titqajjem sensibilizzazzjoni rigward din il-problema fost iċ-ċittadini. Il-KESE jemmen li l-istess jgħodd għal bosta miżuri oħrajn li jistgħu joffru lir-residenti tal-Unjoni ambjent ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa, adattament għad-disturbi fil-klima u t-tmiem tal-kollass tal-bijodiversità. Il-KESE jerġa’ jafferma f’dan ir-rigward il-ħtieġa tal-parteċipazzjoni impenjata tas-soċjetà ċivili favur l-edukazzjoni tal-popolazzjoni u l-irduppjar mistenni tal-isforzi fis-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini min-naħa tal-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u lokali, flimkien ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-qasam pubbliku u privat (b’mod partikolari SMEs-SMIs), fir-rigward ta’ dawn l-isfidi ewlenin tas-seklu 21. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ r-rieda ta’ kooperazzjoni li esprima l-Parlament Ewropew (PE) fit-talba tiegħu għal din l-opinjoni esploratorja dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart. |
|
2.2. |
L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali Ewropea fl-oqsma tal-kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart tolqot oqsma ta’ interess partikolari għall-protezzjoni tal-ekosistemi; din twitti t-triq għal opportunitajiet ekonomiċi ġodda u għal żviluppi pożittivi għas-saħħa tal-Ewropej. Din l-implimentazzjoni ma tqajjimx biss il-kwistjoni tat-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali – li hija biss l-ewwel pass – iżda tinvolvi wkoll l-istabbiliment tal-awtoritajiet pubbliċi meħtieġa jew id-disponibbiltà tal-mezzi eżistenti f’termini ta’ riżorsi umani, ħiliet u responsabbiltajiet, għarfien espert u mezzi finanzjarji. F’ħafna każi, investimenti ambjentali (pubbliċi u/jew privati) huma meħtieġa (pereżempju, għat-trattament tal-ilma u tal-iskart) u, f’każi oħra, attivitajiet b’impatt ambjentali negattiv jenħtieġ li jiġu rregolati (pereżempju, biex tiġi ppreżervata l-kwalità tal-arja). |
|
2.3. |
It-titjib fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE għandha ssir prijorità fl-Istati Membri kollha, u l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għal dawn il-materji għandhom jissaħħu. Bosta opinjonijiet preċedenti tal-KESE diġà setgħu, fl-imgħoddi, jagħmlu rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward, u b’mod aktar wiesa’, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali eżistenti tal-Unjoni fl-oqsma tal-kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart. Għalhekk il-KESE jitlob li ssir referenza għal dawn l-opinjonijiet fir-rigward tal-arja (6), l-ilma (7) jew l-iskart (8). |
|
2.4. |
Minbarra dawn l-opinjonijiet dwar suġġetti speċifiċi, xi opinjonijiet tal-KESE b’bażi usa’ għandhom ukoll rakkomandazzjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti għal din it-talba. Dawn jinkludu opinjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja (9) jew l-implimentazzjoni attwali tal-leġislazzjoni u l-governanza (10) u l-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi (11), opinjonijiet ta’ natura strateġika (12), u dawk li jimmiraw lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea u li jittrattaw, pereżempju, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (13), il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (14) u l-klima (15). |
|
2.5. |
Jidher ċar li hemm bżonn li tiġi implimentata l-liġi eżistenti li tiffaċilita l-istabbiliment ta’ suq uniku li jwassal għal kompetizzjoni ħielsa u mingħajr tagħwiġ u li ħaqqu l-fiduċja taċ-ċittadini, kemm jekk huma produtturi jew konsumaturi – liġi li tista’ twassal għal standards għoljin ta’ kwalità u sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-popolazzjonijiet u l-ambjent tagħhom. Minbarra dan, madankollu, jidher essenzjali li jkun hemm sforz biex jittaffu n-nuqqasijiet tal-leġislazzjoni eżistenti billi jiġi żgurat ukoll li l-UE sistematikament tikseb, f’negozjati kummerċjali bilaterali jew multilaterali, l-ekwivalenza tal-leġislazzjoni soċjali u ambjentali tagħha għall-prodotti importati. |
|
2.6. |
F’dan il-kuntest, jenħtieġ li nanalizzaw l-osservazzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet kollha elenkati f’din l-opinjoni esploratorja, mhux bħala riskju iżda bħala opportunità li tiggwida l-attivitajiet tagħna b’mod li jinħolqu benefiċċji kompetittivi jew kooperattivi li jagħtu tifsira u ġejjieni fuq il-livelli ekonomiċi, soċjali u ambjentali. |
|
2.7. |
Fl-aħħar nett, jekk dan jikkonċernax l-arja, l-ilma jew l-iskart, id-disparitajiet bejn l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE għandhom jiġu evitati. Jekk le, dan se jwasal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, inugwaljanzi ambjentali u soċjali jew fruntieri artifiċjali li jxekklu l-ġestjoni tar-riżorsi li huma komuni u, essenzjalment, transkonfinali. Barra minn hekk, sabiex insaħħu l-miżuri kollha eżistenti u futuri, jenħtieġ ukoll li jkollna mezzi ta’ armonizzazzjoni fiskali fir-rigward tat-taxxi fuq l-inkwinanti u r-riżorsi u li nindirizzaw il-ħtieġa li nikkalibraw aħjar l-għodod eżistenti fid-dawl tal-esternalitajiet li jenħtieġ inkopru. Il-politiki ambjentali m’għandhomx jibqgħu jservu bħala element varjabbli ta’ aġġustament iżda jsiru lieva ewlenija ta’ riorjentazzjoni strateġika għall-attivitajiet tal-bniedem, tas-snajja’, tal-agrikoltura u tal-industrija fl-Unjoni u, b’effett ta’ kontaġju pożittiv, jistabbilixxu ruħhom ukoll fir-reġjuni l-oħra fejn jinsabu l-imsieħba tagħha. |
3. Kummenti speċifiċi
3.1. L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni fil-qasam tal-kwalità tal-arja
Flimkien mal-ilma, in-natura u l-iskart, il-kwalità tal-arja hija wieħed mis-setturi bl-ogħla għadd ta’ każijiet ta’ ksur. F’Mejju 2018, il-Kummissjoni intensifikat l-infurzar kontra sitt Stati Membri li kissru r-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, u rreferiethom lill-Qorti tal-Ġustizzja (16). Il-KESE jirrikonoxxi li l-Kummissjoni attwalment qed twettaq Kontroll tal-Idoneità dwar id-direttiva għall-kwalità tal-arja, fejn qed tevalwa r-rendiment tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (AAQ) fil-perjodu 2008-2018. B’mod partikolari, l-isforzi biex titjieb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-kwalità tal-arja ta’ barra ser jikkontribwixxu għall-SDG 11 dwar il-bliet sostenibbli.
Sa fejn hija kkonċernata l-kwalità tal-arja, għandna niftakru wkoll li t-tniġġis atmosferiku gġandu effett fuq tliet fergħat:
|
1. |
fuq is-saħħa, sa tali punt li t-tniġġis tal-arja ġewwa u barra għadu fattur ta’ riskju ewlieni fi ħdan l-Unjoni Ewropea (17) u mkejjen oħra. Dan huwa saħansitra riskju prinċipali għas-saħħa u għall-ambjent fuq livell dinji (18) b’6,5 miljun każ ta’ mewt qabel il-waqt fis-sena u bi spiża għolja għas-soċjetà, għas-sistemi tas-saħħa, għall-ekonomija u għal dawk kollha li tintlaqtilhom saħħithom. Fl-Ewropa, l-għadd ta’ mwiet qabel il-waqt huwa stmat li jlaħħaq madwar 400 000 fis-sena skont rapport reċenti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri rigward it-tniġġis tal-arja, li jinnota li s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej għadha mhix protetta biżżejjed u li l-azzjoni tal-UE ma kellhiex l-effetti mistennija. |
|
2. |
fuq il-bijodiversità (effetti fuq l-uċuħ tar-raba’, il-foresti, eċċ.); |
|
3. |
fuq bini kontemporanju u, naturalment, storiku, li huma konnessi mat-turiżmu. |
3.1.1.
|
(a) |
Biex tittejjeb il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa jenħtieġ li, permezz tat-tikkettjar, ninformaw lill-konsumaturi dwar l-emissjonijiet tal-prodotti mixtrija, bħal pereżempju l-materjali tal-bini u l-prodotti tad-dekorazzjoni, tal-għamara jew il-prodotti tad-dar. Biex isir dan, wara paragun bejn il-liġijiet tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-UE tistabbilixxi qafas koerenti bbażat fuq l-aħjar prattiki attwali. |
|
(b) |
Wara l-fażi tal-kostruzzjoni u tal-kunsinna ta’ bini, jenħtieġ li jiddaħħal obbligu ta’ manutenzjoni u ta’ monitoraġġ regolari fuq il-kwalità tal-ventilazzjoni. Dan il-monitoraġġ tal-bini fit-tul se jkollu, naturalment, impatt pożittiv fuq is-saħħa kif ukoll fuq l-enerġija. |
|
(c) |
Sabiex jiġu protetti l-popolazzjonijiet fraġli b’sistema respiratorja dgħajfa jew f’fażi ta’ żvilupp, jenħtieġ kwalità ta’ arja aħjar u jenħtieġ ukoll li jiġu implimentati pjani ta’ azzjoni għal dan il-għan fl-istabbilimenti miftuħa għall-pubbliku, speċjalment għat-tfal żgħar. |
|
(d) |
Fl-aħħar nett, ikun utli li jiġu armonizzati l-prattiki tal-purifikzzjoni tal-arja. L-Unjoni għandha tagħti definizzjoni tal-kriterji tal-kejl tal-effikaċja u tas-sigurtà tagħha, notevolment sabiex tevita kull deriva kummerċjali jew saħansitra sanitarja, ikkaġunata minn nuqqas relattiv ta’ regoli fil-preżent. |
3.1.2.
|
(a) |
Għal kwalità aħjar tal-arja u għal aktar fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej, jenħtieġ mhux biss li r-regoli attwali jiġu implimentati b’mod aktar serju u li n-nuqqas ta’ konformità magħhom ikun sanzjonat b’mod aktar strett, iżda jenħtieġ ukoll li l-istandards stabbiliti fid-Direttivi tal-UE fl-aħħar jinkludu r-rakkomandazzjonijiet neqsin tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) meta dawn ikunu aktar protettivi għas-saħħa taċ-ċittadini. |
|
(b) |
Illum, il-partiċelli PM10 u PM2.5 biss huma mmonitorjati (skala mikrometrika). Madankollu, f’termini ta’ saħħa, xi partiċelli ultrafini (PUF) għandhom effetti ħafna akbar fuq is-saħħa (skala nanometrika), minħabba li dawn jippenetraw ħafna aktar fil-fond fil-ġisem tal-bniedem u jistgħu jakkumulaw fl-organi vitali. Il-leġislazzjoni Ewropea għandha għalhekk tqis din ir-realtà u tipprovdi li dawn il-partiċelli jiġu ssorveljati sabiex il-preżenza tagħhom fl-arja titnaqqas ukoll b’mod gradwali. |
|
(c) |
Għandu jsir l-istess fir-rigward tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) u ta’ diversi inkwinanti oħra li mhumiex diġà monitorjati, b’mod partikolari dawk relatati mal-inċineraturi, mat-trasport bid-dgħajjes, mal-vetturi tal-art, mat-tagħmir tal-kostruzzjoni eċċ., speċjalment ladarba issa l-avvanz kontinwu tal-għarfien xjentifiku u tal-kapaċità teknika jagħmluha possibbli li tinkiseb protezzjoni aħjar għas-saħħa u għall-ekosistemi. |
|
(d) |
Għal dan il-għan, id-Direttiva dwar il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet (NEC) (19) hija essenzjali għall-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ inkwinanti atmosferiċi. Madankollu, hija tipproponi biss miżuri indikattivi skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà sabiex l-Istati Membri jkunu konformi mal-impenji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet. Il-flessibbiltà tal-implimentazzjoni li toffri tagħmel dan ir-regolament dgħajjef ħafna. |
|
(e) |
Hemm ukoll lok għal titjib fejn id-Direttiva ma tipproponi l-ebda mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, li huwa sors ta’ tniġġis tal-arja li huwa essenzjali, peress li huwa prekursur tal-ożonu, kif ukoll gass b’effett ta’ serra qawwi ħafna. |
|
(f) |
Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni bejn id-diversi regolamenti Ewropej, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) jenħtieġ tintroduċi miri dwar it-tniġġis tal-arja mis-settur agrikolu. Pereżempju, dan tal-aħħar huwa responsabbli minn aktar minn 95 % tal-emissjonijiet tal-ammonju, li huwa inkwinant kopert mid-Direttiva NEC. Sabiex l-Istati Membri jilħqu l-miri ta’ tnaqqis tagħhom, il-PAK għandha tipprovdi għodod adegwati. |
|
(g) |
Fl-aħħar nett, jenħtieġ li nfakkru li l-kwantifikazzjoni tal-inkwinanti bħalissa hija bbażata fuq il-piż tagħhom (μg/m3), anke jekk, tul ħafna snin, it-tossikologi enfasizzaw f’laqgħat xjentifiċi li jkun aħjar li jiġi kkwantifikat l-għadd ta’ partiċelli. Dan l-approċċ huwa iktar sinifikanti għaliex jiffoka fuq l-elementi ultrafini li nieħdu man-nifs (20). |
3.2. L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni Ewropa fil-qasam tal-ilma
Fir-rigward tal-ilma, jenħtieġ li nenfasizzaw li filwaqt li d-Direttiva Qafas hija b’mod ġenerali sodisfaċenti, l-implimentazzjoni tagħha għadha dgħajfa u ħafna mill-Istati Membri naqsu milli jistabbilixxu l-istatus ambjentali tajjeb mistenni fl-2015. L-istess jista’ jingħad fir-rigward ta’ Natura 2000, minħabba falliment ġenerali tal-istrument kuntrattwali. Jistgħu jsiru diversi ammeljoramenti u innovazzjonijiet, speċjalment relatati mal-progress xjentifiku fir-rigward tal-funzjonament tal-ħamrija min-naħa u tad-dispersjoni u l-interazzjoni ta’ ċerti inkwinanti min-naħa l-oħra. Dan se jkun analizzat hawn taħt. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-ilma jista’ jgħin biex jintlaħqu bosta miri relatati mal-SDG 6 dwar l-ilma nadif u s-sanitazzjoni.
Wieħed mill-oqsma l-aktar kritiċi relatati mal-ilma huwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Mormi Urban, fejn hemm differenzi kbar fil-konformità fost l-Istati Membri, minħabba taħlita ta’ kwistjonijiet relatati mal-governanza u ta’ finanzjament. Għalkemm il-Kummissjoni għamlet sforzi kbar fil-mandat attwali, għadhom jeżistu ħtiġijiet ta’ finanzjament konsiderevoli f’dan il-qasam, kif ukoll problemi relatati mal-governanza li jridu jiġu solvuti. Abbażi tal-esperjenza ppruvata ta’ ġestjoni tal-iskart solidu, għandhom jiġu żviluppati modi ġodda ta’ kif il-produtturi jkunu responsabbli għall-finanzjament tat-trattament supplimentari tal-ilma mormi li jimmira li jaqbad l-inkwinanti emerġenti, bħal farmaċewtiċi u mikroplastiċi.
3.2.1.
|
(a) |
Biex titjieb is-sitwazzjoni tal-ilma tal-wiċċ, u sabiex jiġu evitati rigressjonijiet fil-liġi u fil-governanza ambjentali, ikun aħjar li jiġu ddefiniti ċerti kunċetti bħal, pereżempju, il-“kontinwità ekoloġika”, il-“korsiji tal-ilma” u l-“art mistagħdra”. Huwa, pereżempju, essenzjali li r-regoli tal-karatterizzazzjoni tal-art mistagħdra jiġu speċifikati fil-livell Ewropew, ladarba nafu li l-uniku approċċ ibbażat fuq l-objettiv tal-protezzjoni huwa kumpless wisq biex jiġi traspost b’mod validu fil-liġi nazzjonali, għall-inqas f’xi Stati Membri. |
|
(b) |
Bl-istess mod, ikun utli li jkun hemm qafas unifikat li jippermetti t-twettiq ta’ evalwazzjonijiet li jkunu ċari u kondiviżi mill-partijiet interessati kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-liġi f’dan il-qasam. |
|
(c) |
Kemm jekk fir-rigward tan-nanopartiċelli, pereżempju dawk mill-industriji tat-tessuti u minn dawk agroalimentari, u kemm jekk fir-rigward ta’ dawk li jfixklu s-sistema endokrinali, bħal dawk mill-industrija farmaċewtika u mill-agrikoltura, jenħtieġ li jitnaqqas mis-sors it-tixrid tagħhom fl-ambjent u li jiġu stabbiliti limiti li m’għandhomx jinqabżu fl-ilmijiet tal-wiċċ u fl-ilmijiet ta’ taħt l-art fid-dawl tal-impatt tagħhom fuq l-ekosistemi, u speċjalment fuq il-katini alimentari inklużi l-bnedmin. Għal dan il-għan jenħtieġ li jiġu provduti l-mezzi biex jiġu determinati l-limiti b’effett cocktail bejn dawn is-sustanzi, id-diversi sustanzi diġà mmonitorjati u l-prodotti sekondarji tagħhom ta’ degradazzjoni. |
3.2.2.
|
(a) |
Fir-rigward tal-leġislazzjoni dwar l-ilma, id-dispożizzjonijiet relatati mal-irkuprar tal-ispejjeż imġarrba mill-kategoriji differenti ta’ utenti, l-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet u t-tariffi konformi mal-ispejjeż – kif definiti bid-Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-politika tal-Komunità fil-qasam tal-ilma (21) – la huma vinkolanti u lanqas speċifiċi biżżejjed biex jipproduċu effett suffiċjenti. |
|
(b) |
Mat-tibdil fil-klima, il-formazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art tista’ ssir aktar problematika. Dan għaliex f’xi postijiet il-prattiki urbani jew agrikoli jwasslu għal forma mhux mixtieqa ta’ interruzzjoni fiċ-ċiklu tal-ilma, minħabba ħamrija ssiġillata jew attività bijoloġika dgħajfa wisq li tippromovi l-ilma tax-xeba’, l-erożjoni u t-tajn, aktar milli l-infiltrazzjoni, il-purifikazzjoni u l-ħażna naturali. Sabiex dawn il-fenomeni ma jmorrux għall-agħar, l-Unjoni għandha tadotta regolazzjoni biex tippromwovu l-ħamrija ħajja. Dan ikollu wkoll il-vantaġġ li jindirizza problemi ta’ kwalità u kwantità ta’ ilma disponibbli kemm għall-ekosistemi kif ukoll għall-konsum mill-bniedem, u għal attivitajiet agrikoli u industrijali. |
|
(c) |
Minħabba r-rwol tagħhom biex jistimulaw ix-xita mill-evapotraspirazzjoni, kif ukoll għall-iffiltrar, il-purifikazzjoni u l-ħżin tal-ilma fil-ħamrija u fl-ilma tal-pjan, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-foresti u l-hedges, kif ukoll, sa ċertu punt, li bwar permanenti u raba’ li jinħarat jitħallew mhux maħruta fuq medda twila ta’ żmien. Dawn għandhom ukoll, fejn fattibbli, ikunu preżenti u jinfirxu madwar l-Ewropa – speċjalment peress li huma wkoll ta’ għajnuna konsiderevoli għal kreaturi ħajjin oħra, inklużi bosta li jipproteġu l-uċuħ tar-raba’, sabiex jieħdu ħsieb lilhom infushom maż-żidiet fit-temperatura u avvenimenti oħrajn ta’ temp estrem li qed isiru dejjem aktar komuni. |
3.2.3.
Fil-perspettiva ta’ implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, jenħtieġ li jiġi emendat it-test tad-Direttiva dwar ċerti aspetti msemmija hawn fuq parzjalment, fir-rigward tal-punti li ġejjin:
|
(a) |
L-istatus tal-ilma fil-preambolu “l-ilma mhuwiex prodott kummerċjali bħal kull prodott ieħor,” għandu jiġu mibdul b’“l-ilma mhuwiex prodott kummerċjali.” |
|
(b) |
L-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ prevenzjoni u ta’ prekawzjoni meħtieġa, minħabba l-istat tal-ilma fl-Ewropa, biex jitħassru l-eżenzjonijiet kollha, bħal dawk tal-Artikolu 4(5) jew tal-Artikolu 7(4). |
|
(c) |
Minħabba l-kundizzjoni tal-ilmijiet, għandha tkun meħtieġa valutazzjoni ambjentali għall-proġetti kollha li jistgħu jaffettwaw l-ilma u l-ambjenti akkwatiċi. Il-“proċedura simplifikata ta’ evalwazzjoni” għandha għalhekk titħassar (Artikolu 16). |
|
(d) |
Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” għandu jiġi rivedut, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri għall-implimentazzjoni tiegħu ma’:
|
|
(e) |
Il-formulazzjonijiet kollha tat-tip “jiżguraw li” għandhom jiġu sostitwiti wkoll b’obbligu reali (pereżempju l-Artikolu 11, punt 5 jew l-Artikolu 14, l-ewwel subparagrafu). |
|
(f) |
Bl-istess mod, jidher li huwa meħtieġ li jitbaxxew il-limiti tal-inkwinanti, inkluż f’kombinazzjoni ma’ direttivi oħra (bħal dawk dwar in-nitrati, il-prodotti kimiċi, eċċ.), u li jiġi aġġornati s-sustanzi prijoritarji (billi jiġu integrati, pereżempju, il-komposti perfluworinati, in-nanoteknoloġiji, eċċ.). |
|
(g) |
Jenħtieġ li titjieb il-parteċipazzjoni tal-pubbliku (Artikolu 14), prinċipalment fir-rigward tal-ippjanar. Dan għandu jiġi estiż għal programmi ta’ kejl bażiċi u supplimentari, kif ukoll għall-kontrolli amministrattivi preċedenti kollha. |
|
(h) |
Fir-rigward tal-litigazzjoni (Artikolu 23), għandu jingħad ukoll li, skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Istati għandhom jintroduċu regoli u proċeduri li jippromovu l-aċċess pubbliku għal-litigazzjoni dwar l-ilma. |
3.3. L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE fil-qasam tal-iskart
Il-Valutazzjoni tal-Impatt li fuqha hija bbażata l-leġislazzjoni dwar l-iskart li ġiet adottata reċentement identifikat bosta problemi bl-implimentazzjoni: legali/regolatorji, kif ukoll kwistjonijiet relatati mal-governanza u s-sensibilizzazzjoni. In-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart spiss ikunu dovuti għan-nuqqas ta’ strumenti ekonomiċi, eż. dawk li jagħmlu r-riċiklaġġ aktar attraenti mir-rimi f’landfills. Madankollu, l-istabbiliment ta’ dawn l-istrumenti ekonomiċi jista’ jkun problematiku għall-muniċipalitajiet. L-awtoritajiet lokali spiss ma jkollhomx il-kapaċità li jittrasponu l-miżuri u l-istrumenti tal-UE fil-livell lokali, li jindika problema fil-governanza. L-infurzar huwa problema kbira wkoll f’bosta Stati Membri. Il-KESE jirrikonoxxi li fi snin reċenti l-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni, pereżempju billi pprovdiet appoġġ tekniku u linji gwida speċifiċi dwar x’jeħtieġ jinbidel permezz taż-żewġ eżerċizzji ta’ promozzjoni tal-konformità li twettqu fl-2012 u fl-2015.
Il-proposti leġislattivi dwar l-iskart li ġew adottati reċentement għandhom isolvu xi wħud mill-problemi bl-implimentazzjoni u jgħinu jikkontribwixxu għall-SDG 12 dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, iżda xorta waħda jridu jiġu indirizzati, fil-livell nazzjonali, xi kwistjonijiet relatati mal-governanza u l-infurzar. Flimkien mal-Kummissjoni, il-KESE waqqaf il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari li diġà kisbet riżultati sinifikanti, tiffaċilita l-ġbir, l-iskambju u d-disseminazzjoni ta’ għarfien espert u prattiki tajba eżistenti fost id-diversi partijiet interessati. Din il-pjattaforma hija għodda ewlenija li jixirqilha li tintuża b’mod aktar mifrux biex tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE f’dan il-qasam.
3.3.1.
|
(a) |
Ir-reviżjoni riċenti tal-politika dwar l-iskart (22) hija opportunità biex jingħata appoġġ qawwi lil miżuri li jnaqqsu l-ħtiġijiet tagħna f’ras il-għajn (inkluż it-talba tagħna għal materja prima u materja prima sekondarja), kif ukoll il-ħolqien ta’ skart fil-futur, b’mod partikolari dak perikoluż għall-ekosistemi u għas-saħħa tal-bniedem. Dan ifisser li rridu nħarsu b’mod kritiku lejn il-bżonnijiet tagħna u l-affarijiet li nipproduċu u kif infassluhom, sabiex iservu għal iktar żmien u mbagħad nittrasformawhom bl-inqas telf possibbli f’materjal, u dan ikollu impatt ġenerali fuq l-ambjent, is-sovranità tal-enerġija u s-sostenibbiltà ekonomika. |
|
(b) |
Sabiex inkunu nistgħu nitkellmu dwar “materjali sostenibbli” minflok “skart” u dwar ekonomija ċirkolari, jenħtieġ li, sa mit-tfassil tal-produzzjonijiet tagħna, neliminaw il-komponenti li għandhom tossiċità jew perikolożità ta’ natura li tikkomplika fażi futura ta’ riċiklaġġ. |
|
(c) |
F’dak li jirrigwarda l-ippakkjar, il-moderazzjoni għandha tipprevali u l-progress ulterjuri għandu jkun kbir kemm jista jkun, gradwali u obbligatorju sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni lejn skemi differenti ta’ użu mill-ġdid u ta’ teħid lura, kemm li jeżistu kif ukoll li għad iridu jiġu żviluppati. |
|
(d) |
Il-prevenzjoni tal-iskart tiddependi wkoll mill-kapaċità tal-kumpaniji tagħna li jerġgħu jużaw u jirrimedjaw il-prodotti tagħna. Biex isir dan, hija meħtieġa leġislazzjoni Ewropea ambizzjuża b’miri vinkolanti aktar milli sempliċement miżuri volontarji. |
|
(e) |
Sabiex l-iżvilupp ekonomiku jinfired mill-konsum tar-riżorsi naturali u mill-impatti ambjentali li jirriżultaw minnu, jenħtieġ li l-UE tistabbilixxi miri aktar ambizzjużi għaliha nnifisha sabiex iżżid l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fis-sistemi ta’ produzzjoni tagħna. |
3.3.2.
|
(a) |
Sabiex tirbaħ u żżomm il-kunfidenza tal-popolazzjoni, tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi, jenħtieġ li l-ekonomija ċirkolari – filwaqt li tqis b’mod regolari l-aktar għarfien xjentifiku aġġornat – tħares ruħha kontra kull skandlu futur, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa, li jista’ jkun relatat mal-konċentrazzjoni jew mat-tixrid ta’ inkwinanti fil-materjali riċiklati (bromu jew dawk li jfixklu s-sistema endokrinali, pereżempju) jew fl-ambjent (in-nanomaterjali jew il-mikroplastiċi). |
|
(b) |
Approċċ bħal dan ikun iktar kredibbli u effettiv jekk, sabiex tittejjeb ir-rata tar-riċiklaġġ tat-tipi kollha ta’ materjali, it-traċċabbiltà tal-komponenti tagħhom tkun ġiet stabbilita sa mill-istadju tal-produzzjoni tagħhom, u jekk tkun iggarantita kemm jista’ jkun it-trasparenza sal-punt li fih dawn jaslu għand il-konsumatur. |
|
(c) |
Għalhekk, l-istess livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent għandu japplika għal materjali riċiklati jew materjali verġni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-materjali riċiklabbli m’għandhomx ikomplu jippermettu l-użu ta’ prodotti kimiċi perikolużi f’konċentrazzjonijiet ogħla. Għalhekk, meta tirrestrinġi u tistabbilixxi limiti għal kimiċi taħt ir-Regolament REACH (23), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għandha tistabbilixxi l-istess limiti għal materjali riċiklati. Il-materjali li ma jissodisfawx dawn il-limiti għandhom jiġu ttrattati b’tali mod li s-sustanza titneħħa jew issir ineliġibbli għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ. |
|
(d) |
Lil hinn mill-ekodisinn li għalih l-ismartphones u prodotti elettriċi u elettroniċi oħra għandhom ikunu soġġetti, jenħtieġ li l-Unjoni tiżviluppa u tħaddan ukoll politika serja rigward l-immaniġġjar tal-iskart tagħha fit-territorju tagħha aktar milli tħalli li din tmur lil hinn minnu. |
|
(e) |
Huwa ċar mill-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) li l-għażliet ta’ riċiklaġġ kollha huma aħjar mill-inċinerazzjoni (b’mod partikolari minħabba l-enerġija inkorporata, fil-plastik pereżempju) ħlief għal injam f’ċerti każijiet speċjali, u anke għal ċerti prodotti/materjali ta’ skart perikoluż. Din tal-aħħar, bħall-irdim fil-landfills, għandu tispiċċa gradwalment u għandhom jiġu stabbiliti miri ambizzjużi f’din id-direzzjoni. |
Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Opinjoni dwar “L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE” (ĠU C 345, 13.10.2017, p. 114).
(2) Ara nota Nru 1 f’qiegħ il-paġna.
(3) Opinjoni dwar l-azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali (ĠU C 283, 10.8.2018, p. 83).
(4) Ara nota Nru 3 f’qiegħ il-paġna.
(5) COM(2018) 10 final.
(6) Opinjoni dwar Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 134) u dwar It-tneħħija għalkollox tal-asbestos mill-UE (ĠU C 251, 31.7.2015, p. 13).
(7) Opinjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 90); dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna (ĠU C 209, 30.6.2017, p. 60) u opinjoni dwar Il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 107).
(8) Opinjoni dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi (LdSD) (ĠU C 345, 13.10.2017, p. 110); dwar Alterattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġislazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (ĠU C 283, 10.08.2018, p. 56); dwar Strateġija Ewropea għall-Plastik f’Ekonomija Ċirkolari (inkluż it-trattament tal-iskart minn vapuri) (ĠU C 283, 10.08.2018, p. 61); dwar Ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari (ĠU C 345, 13.10.2017, p. 102); dwar il-pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98).
(9) Opinjoni dwar L-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 65).
(10) Ara n-nota 1 u n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(11) Opinjoni dwar Aġenda għall-Ħiliet Ġodda (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 66).
(12) Opinjoni dwar It-tranżizzjoni lejn ġejjieni Ewropew aktar sostenibbli (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 44) u dwar Mudelli ekonomiċi sostenibbli ġodda (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 57).
(13) Opinjoni dwar L-Aġenda 2030 – Unjoni Ewropea impenjata għall-iżvilupp sostenibbli globalment, adottata fl-20 ta’ Ottubru 2016 (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 58) u dwar Ir-rwol ewlieni tal-kummerċ u l-investiment għat-tilħiq u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 27).
(14) Opinjoni dwar Kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) fi Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE (FTA) (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 27).
(15) Opinjoni dwar Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020 (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 74) u dwar Il-Ġustizzja fil-Klima (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 22).
(16) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-3450_mt.htm.
(17) Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.
(18) Skont il-WHO.
(19) Direttiva NEC.
(20) https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0048969711005730?via%3Dihub
(21) Direttiva Qafas dwar l-Ilma.
(22) http://ec.europa.eu/environment/waste/target_review.htm.
(23) Regolament REACH — Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1 kif emendat fil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3).