6.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/145


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol”

[COM(2018) 171 final — 2018/0081 COD]

(2018/C 440/24)

Relatur:

János WELTNER

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 16.4.2018

Il-Kunsill, 23.4.2018

Bażi legali

Artikoli 153(1) u (2) u 82(304) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

17.4.2018

Sezzjoni responsabbli

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

19.7.2018

Adottata fil-plenarja

19.9.2018

Sessjoni plenarja Nru

537

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

191/4/11

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-emenda proposta għad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni (CMD) minħabba li tippreżenta data oġġettiva għall-finijiet ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol aktar sikuri.

1.2.

Bħal fl-opinjoni preċedenti tiegħu (1), il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt ta’ estensjoni possibbli tas-CMD biex tinkludi sustanzi li huma ta’ ħsara għar-riproduzzjoni.

1.3.

Il-KESE jemmen li, minħabba l-effetti tossiċi għar-riproduzzjoni ta’ ħafna karċinoġeni u mutaġeni, huwa importanti li r-reviżjonijiet u l-emendi għas-CMD fil-futur qarib jagħtu importanza akbar lill-esponimenti okkupazzjonali li jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel fir-rigward ta’ aspetti riproduttivi, u – fil-każ tan-nisa – speċjalment matul l-ewwel trimestru tat-tqala.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li, f’din l-emenda, il-limiti ta’ esponiment okkupazzjonali vinkolanti (BOELs) ġew iddefiniti abbażi ta’ evidenza xjentifika u statistika. Approċċ ibbażat fuq ir-riskju, kif jidher fid-dokumenti ta’ sfond, jista’ jinftiehem faċilment mill-partijiet interessati, u għalhekk jipprovdi bażi tajba għal kompromess soċjali.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-proċedura bbażata fuq l-evidenza, li skontha l-Kummissjoni talbet parir kemm mill-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol (SCOEL) (2) kif ukoll mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) (3) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) (4).

1.6.

Il-KESE jqis li huwa neċessarju li jiġu stabbiliti programmi ta’ riċerka pilota, u li fit-tieni fażi, jiġu stabbiliti programmi madwar l-UE kollha għall-iżvilupp ta’ sorveljanza tas-saħħa tul il-ħajja fil-qafas tas-sigurtà soċjali nazzjonali jew tas-sistemi tas-saħħa pubblika għal dawk kollha li ġew esposti għal karċinoġeni, għal mutaġeni u għal komposti tossiċi għar-riproduzzjoni. Skont il-GDPR (5), din is-sorveljanza għandha titwettaq b’mod anonimu.

1.7.

Il-KESE jenfasizza li biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-karċinoġeni, il-mutaġeni u s-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispettorati tax-xogħol ikollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li l-komposti kollha suspettati li huma karċinoġeni, mutaġeni u/jew tossiċi għar-riproduzzjoni għandhom jgħaddu minn analiżi xjentifika f’dan ir-rigward, u li dawn għandhom jiġu inklużi fis-CMD jekk xieraq.

2.   Sfond

2.1.

Din l-opinjoni hija marbuta mal-opinjoni tal-KESE dwar “Il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol” (6), li tfasslet b’rabta mal-emenda għas-CMD fl-2017 (7). Ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-KESE, ħlief dawk li ġew inklużi fl-emenda preżenti għadhom attwali (8).

2.2.

L-objettivi tal-proposta huma konsistenti mal-Artikolu 2 (Id-dritt għall-ħajja) u l-Artikolu 31 (Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.3.

L-iżgurar ta’ ambjent tax-xogħol li huwa sigur u ta’ ġid għas-saħħa huwa objettiv strateġiku għall-Kummissjoni Ewropea msemmi fil-“Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020” (9).

2.4.

Il-kanċer huwa l-problema ewlenija tas-saħħa relatata max-xogħol fl-EU-28, u jikkawża l-istess ammont ta’ ħsara lill-ħajja u s-saħħa tal-ħaddiema bħal dawn iż-żewġ gruppi ta’ mard li ġejjin flimkien (il-mard muskoloskeletali u l-mard relatat maċ-ċirkolazzjoni). L-impatt negattiv tiegħu huwa ferm akbar minn dak ta’ aċċidenti relatati max-xogħol (10). Huwa jġib miegħu tbatija għall-ħaddiema u għall-qraba u għall-ħbieb tagħhom, jikkawża kwalità ħażina tal-ħajja, idgħajjef il-benesseri u, fl-agħar każ, iwassal għall-mewt (11).

2.5.

Il-Kummissjoni bdiet proċess kontinwu ta’ aġġornament tas-CMD (12) sabiex iżżomm ruħha aġġornata ma’ żviluppi xjentifiċi u tekniċi ġodda. Dan il-proċess huwa konformi mal-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE, li tinkludi l-objettiv li jiġi żgurat li, sal-2020, il-kimiċi jiġu prodotti, trattati u użati b’tali mod li ma joħolqu l-ebda theddida sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. L-għan huwa li eventwalment sustanzi ta’ tħassib serju jiġu sostitwiti b’sustanzi jew teknoloġiji alternattivi (13).

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

F’konformità ma’ dan il-proċess u abbażi ta’ SWD(2018) 87 u 88, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-emenda li jmiss għad-“Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol” fid-dokument tagħha COM (2018) 171 (14). Aktar kmieni fl-2017, il-KESE appoġġja l-emenda ta’ din id-Direttiva; ħames sustanzi huma inklużi fl-emenda attwali (15):

3.1.1.

Il-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CMD: Okkupazzjonijiet fejn iseħħu esponimenti jinkludu l-produzzjoni u l-irfinar tal-kadmju, il-manifattura ta’ batteriji tan-nikil-kadmju, il-manifattura u l-formulazzjoni tal-pigment tal-kadmju, il-produzzjoni tal-liga tal-kadmju, il-plating mekkaniku, it-tidwib taż-żingu u tar-ram, l-estrazzjoni ta’ minerali tal-metall mhux ferrużi, l-ibbrejżjar bi stann tal-liga fidda-kadmju-fidda, il-kompostar tal-polivinilklorur u r-riċiklaġġ ta’ ruttam tal-metalli u ta’ batteriji Ni-Cd. Il-Kummissjoni tistma li madwar 10 000 ħaddiem qegħdin fil-periklu.

3.1.2.

Il-komposti tal-berillju u l-berillju inorganiku fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CMD: Ġew identifikati għaxar setturi industrijali bħall-fonderiji, il-ħġieġ u l-laboratorji fejn il-ħaddiema huma f’riskju ta’ esponiment għall-bellirju. Ħafna mir-ram, l-aluminju, il-manjeżju u n-nikil jiġi lligat bil-berillju. Madwar 80 % tal-bellirju kollu jintuża f’ligi tar-ram. L-esponiment għall-bellirju jikkawża l-kanċer u mard kroniku tal-bellirju inkurabbli. Il-Kummissjoni tistma li 54 000 ħaddiem qegħdin fil-periklu.

3.1.3.

L-aċidu arseniku u l-imluħ tiegħu, kif ukoll il-komposti tal-aċidu arseniku inorganiku fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CMD: Esponiment għall-komposti arseniċi jseħħ, pereżempju, fil-produzzjoni tar-ram u taż-żingu, kif ukoll fis-setturi tal-ħġieġ, l-elettronika u tal-kimika. Il-Kummissjoni tistma li bejn 7 900 u 15 300 ħaddiem qegħdin fil-periklu.

3.1.4.

Formaldeid: Jinsab fil-manifattura tal-formaldeid, u f’varjetà wiesgħa ta’ prodotti (adeżivi u siġillanti, prodotti tal-kisi, polimeri, bijoċidi u kimiċi tal-laboratorju); l-esponiment jista’ jseħħ ukoll matul attivitajiet bħall-bini u x-xogħol ta’ kostruzzjoni, u fil-manifattura tal-ġilda u tal-fer, tal-polpa, tal-karta u tal-prodotti tal-karti, tat-tessut u tal-injam u tal-prodotti tal-injam Il-Formaldeid jintuża wkoll għall-preservazzjoni tat-tessuti u bħala diżinfettant fid-dipartimenti tal-patoloġija u fil-kmamar tal-awtopsja. Il-Kummissjoni tistma li madwar miljun ħaddiem qegħdin fil-periklu.

3.1.5.

4,4’-Metilen-bis(2-kloroanilina) (“MOCA”): Il-ħaddiema esposti jaħdmu fis-settur tal-plastiks, fejn il-MOCA tintuża għall-iffurmar ta’ partijiet tal-elastomeru tal-poliuretan f’89 sit madwar l-UE kollha. Il-Kummissjoni tistma li 350 ħaddiem qegħdin fil-periklu.

3.2.

L-Istati Membri għandhom approċċi differenti. Uħud minnhom stipulaw BOELs għal numru kbir ta’ kimiċi karċinoġeni, mutaġeni u tossiċi għar-riproduzzjoni (CMRs); oħrajn għal ftit biss. F’din il-proposta jissemmew ħames sustanzi; ma hemm l-ebda limitu ta’ esponiment okkupazzjonali (OEL) għall-ebda waħda minnhom. Tnax-il Stat Membru (BE, BG, CY, CZ, DE, EE, ES, HU, LT, LV, NL, SE) ma għandhomx OEL għal waħda mill-ħames sustanzi. Tliet Stati Membri ma għandhomx OEL għall-ħamsa li huma (IT, LU, MT). Il-livell ta’ dawn il-BOELs jista’ jvarja minn pajjiż għal ieħor. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-proposta li temenda d-Direttiva 2004/37/KE, li tistabbilixxi l-BOELs minimi Ewropej u li, meta tidħol fis-seħħ, se tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali għal dawk il-ħaddiema kollha fi kwalunkwe mill-Istati Membri li huma esposti għal dawn is-sustanzi li jagħmlu ħsara.

3.3.

L-istimi bbażati fuq studju ta’ Risk & Policy Analysts Limited (RPA 2018) (16) juru li jekk din il-proposta tiġi adottata se ttejjeb fuq terminu twil il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal aktar minn miljun ħaddiem tal-UE u timpedixxi aktar minn 22 000 każ ta’ mard relatat mas-saħħa. Il-piż attwali tal-mard, stmat matul dawn l-aħħar 40 snin, jinkludi 24 770 każ ta’ mard relatat max-xogħol. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, il-piż ta’ mard futur ser jinkludi 24 689 każijiet ġodda matul is-60 sena li ġejjin.

3.4.

Skont id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, huwa għalhekk xieraq li jitqies l-aġġornament tas-CMD abbażi tal-informazzjoni ta’ hawn fuq. Il-prinċipji huma l-istess bħal fis-CMD u fl-emenda preċedenti. Din l-emenda tespandi l-lista preċedenti li tinsab fl-Anness tas-CMD bil-ħames komposti elenkati hawn fuq.

3.5.

Evidenza xjentifika ġiet ipprovduta minn SCOEL għall-kadmju, għall-berillju u għall-formaldeid, kif ukoll mill-RAC għall-aċidu arseniku u l-MOCA. Il-Kumitat Konsultattiv tripartitiku dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH) adotta opinjonijiet dwar il-ħamsa li huma.

3.6.

L-OELs għal dawn il-ħames karċinoġeni u mutaġeni huma bbażati fuq data xjentifika u b’referenza għal konsegwenzi tas-saħħa futuri. Konsegwenzi ekonomiċi differenti wkoll jittieħdu inkonsiderazzjoni.

4.   Kummenti Ġenerali

4.1.

L-għan ewlieni u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-emenda huwa li tiġi estiża s-CMD, li bħalissa hija limitata għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni. Estensjoni possibbli biex jiġu inklużi sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni jew funzjonijiet oħra tal-ġisem għandha titqies aktar tard, kif imsemmi fl-opinjoni tal-KESE (17).

4.2.

Din l-Opinjoni hija sostnuta mir-“Rapport ta’ monitoraġġ dwar il-progress biex jintlaħqu l-SDGs fil-kuntest tal-UE” (18): Fl-2015, 350 miljun tunnellata ta’ kimiċi ġew kunsmati fl-UE. Minn dawn, 127 miljun tunnellata ġew klassifikati bħala perikolużi għall-ambjent u 221 miljun tunnellata bħala sustanzi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem. Għalkemm il-konsum ta’ kimiċi tossiċi naqas fuq terminu qasir u anke fuq terminu twil, il-proporzjon tal-kimiċi l-iżjed tossiċi fil-konsum totali tal-kimiċi baqa’ ma nbidilx. (Proporzjon ta’ CMR “karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni” fil-konsum totali ta’ kimiċi fl-UE: 2004: 10,7 %, 2015: 10,3 %.)

4.3.

L-istrateġija tal-UE kontra l-kanċer relatat max-xogħol għandha tagħti aktar attenzjoni lin-nisa.

4.3.1.

Il-mudell tal-esponiment u l-mudell tal-pożizzjonijiet tal-kanċer jistgħu jvarjaw bejn l-irġiel u n-nisa. Il-kanċer tas-sider, pereżempju, huwa marda rari ħafna għall-irġiel, filwaqt li huwa l-aktar kanċer komuni għan-nisa. Firxa ta’ esponimenti okkupazzjonali tista’ tikkontribwixxi għall-kanċer tas-sider. Sabiex tinkiseb data rilevanti għall-finijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, l-inċidenza ta’ kanċers fil-parti l-kbira speċifiċi għall-ġeneru għandha tiġi analizzata għan-nisa u għall-irġiel separatament, u mhux mal-popolazzjoni kollha tal-impjegati.

4.3.2.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis b’mod aktar sistematiku l-esponimenti karċinoġeni okkupazzjonali li jaffettwaw lin-nisa f’reviżjonijiet ulterjuri tad-Direttiva. Ħafna tipi ta’ xogħlijiet li fihom in-nisa huma kkonċentrati (is-saħħa, it-tindif, il-kura tax-xagħar eċċ.) jinvolvu l-esponiment għal sustanzi karċinoġeni. F’dan ir-rigward għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta’ prevenzjoni vinkolanti (eż. kabinetti ta’ pressjoni negattiva għat-tħejjija ta’ prodotti ċitostatiċi għall-injezzjoni mill-persunal f’istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa).

4.4.

Fir-rigward tas-suq uniku, il-KESE jaħseb li huwa importanti li l-Kummissjoni tiddefinixxi metodoloġija għall-adozzjoni tal-BOELs fis-CMD. Tali proċess għandu jinvolvi konsultazzjoni wiesgħa mas-sħab soċjali, l-Istati Membri u partijiet interessati oħrajn, inklużi l-NGOs. Skont il-KESE, żewġ elementi jeħtieġu attenzjoni partikolari: l-ewwel, il-konsistenza tal-BOELs fir-rigward tal-livell ta’ riskju tal-komposti differenti; it-tieni, il-ħtieġa li l-BOELs jiġu ddefiniti abbażi tal-evidenza xjentifika, inkluż is-segwitu ta’ bidliet fl-inċidenza ta’ mard relatat max-xogħol. Dawn għandhom iqisu fatturi differenti, bħall-fattibbiltà u l-possibbiltajiet tal-kejl tal-livelli ta’ esponiment. Sabiex l-impjegaturi jiġu megħjuna jagħtu prijorità lill-miżuri ta’ prevenzjoni tagħhom, dawn għandhom jirreferu b’mod espliċitu għal-livell ta’ riskju assoċjat mal-livell ta’ espożizzjoni.

4.5.

Għall-biċċa l-kbira tal-komposti, hemm perjodu twil ta’ latenza bejn l-ewwel esponiment u l-emerġenza tal-kanċer. Il-KESE jqis li huwa neċessarju għalhekk li jipproteġi lill-ħaddiema esposti billi joffri sorveljanza tas-saħħa tul il-ħajja fil-qafas tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa jew tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema kollha li jinsabu f’riskju ta’ esponiment. Din id-data tista’ tiġi offruta mill-Eurostat biex tgħin tirfina l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli.

4.6.

Il-governanza tas-saħħa pubblika trid tkun ibbażata esklużivament fuq regolamenti bbażati fuq l-evidenza. L-evidenza tista’ tinkiseb minn analiżi xjentifika bbażata fuq data ta’ kwalità tajba u li tista’ tiġi evalwata statistikament. Dan ir-rekwiżit huwa appoġġjat mill-GDPR (19) innifsu fl-Artikolu 9 tiegħu dwar l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali (20). Aspetti ġuridiċi ulterjuri għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

4.7.

Għal darb’oħra, il-KESE jirrakkomanda li għandhom jiġu ffukati aktar sforzi fuq l-istudji xjentifiċi u statistiċi. Il-kanċer okkupazzjonali jista’ jkollu aktar minn kawża waħda. Għandhom jiġu ddedikati aktar attenzjoni u finanzjament sabiex jiġu rriċerkati l-konsegwenzi u l-interazzjonijiet potenzjali ta’ esponiment kombinat għal fatturi differenti.

4.8.

Il-KESE jenfasizza li wieħed mill-kompiti ewlenin fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħaddiema mill-karċinoġeni, mill-mutaġeni u mis-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol huwa li jissaħħaħ il-kontroll fuq l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tas-CMD. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispettorati tax-xogħol ikollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex iwettqu dmirijiethom, filwaqt li jgħinu lill-kumpaniji, u b’mod partikolari l-SMEs, sabiex jikkonformaw ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, dawn għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. L-użu mifrux tal-pjattaforma tal-web OiRA (Valutazzjoni tar-Riskju interattiva Onlajn) tista’ tgħin fil-valutazzjoni tar-riskju f’dan il-qasam.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Barra mir-rekwiżit essenzjali għall-prevenzjoni u l-ħarsien tas-saħħa fuq ix-xogħol u l-ħtieġa li x-xogħol jiġi adattat għall-bniedem, kif previst mil-leġislazzjoni Ewropea, il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn il-periklu li prevenzjoni mhux effettiva tal-esponiment għal karċinoġeni, għal mutaġeni u għal aġenti tossiċi għar-riproduzzjoni jista’ jkollha konsegwenzi negattivi fuq in-negozji, bħal spejjeż akbar u tnaqqis fil-produttività minħabba l-assenteiżmu, spejjeż ta’ kumpens għar-rikorrenti, telf ta’ għarfien espert u kompetizzjoni mfixkla; u għall-Istati Membri minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tas-sigurtà soċjali u d-dħul mit-taxxa mitluf.

5.2.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-korpi rappreżentattivi tal-impjegaturi u tal-ħaddiema fil-qafas tal-ACSH tripartitiku jilqgħu bi pjaċir iċ-ċarezza ġuridika u ż-żieda fil-protezzjoni li tirriżulta minn OELs aktar baxxi fuq dawn is-sustanzi.

Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 56.

(2)  Is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali – SCOEL, Kummissjoni Ewropea 30.6.2018

(3)  Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji (RAC), 30.6.2018.

(4)  Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).

(5)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 33, Artiklu 4 u ara wkoll il-punti 35, 45, 52, 53 u 155.

(6)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 56.

(7)  COM(2017) 11 final.

(8)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 56.

(9)  COM(2014) 332 final.

(10)  EU-OSHA (2017).

(11)  SWD(2018) 88, COM(2017) 11 final.

(12)  Id-Direttiva 2004/37/KE.

(13)  Eurostat “Sustainable development in the EU”, p.189.

(14)  Proċedura 2018/0081 (COD).

(15)  ĠU C 288, 31.08.2017, p. 56.

(16)  It-tielet emenda tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni, CMD.

(17)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 56.

(18)  L-iżvilupp sostenibbli fl-Unjoni Ewropea: Rapport ta' monitoraġġ dwar il-progress biex jintlaħqu l-SDGs fil-kuntest tal-UE, p. 246.

(19)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(20)  ĠU L 119, 4.5.2016, Art. 9 (h) “l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ mediċina preventiva jew okkupazzjonali, għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ħaddiem għax-xogħol … fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, jew…”

(21)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45. Ara wkoll ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70, Artikolu 2.