10.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 367/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi r-regoli dwar it-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti”

(COM(2018) 147 final — 2018/0072 (CNS))

u l-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq is-servizzi diġitali fir-rigward tad-dħul li jirriżulta mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali”

(COM(2018) 148 final — 2018/0073 (CNS))

(2018/C 367/14)

Relatur:

Krister ANDERSSON

Korelatur:

Petru Sorin DANDEA

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 11.4.2018

Bażi legali

Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

27.6.2018

Adottata fil-plenarja

12.7.2018

Sessjoni plenarja Nru

536

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

175/6/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tieħu inizjattivi marbuta mat-taxxa diġitali, filwaqt li tagħti aktar momentum lid-diskussjonijiet internazzjonali billi tipprovdi eżempju ċar ta’ kif il-prinċipji tat-taxxa attwali jistgħu jiġu ttrasformati.

1.2.

Il-KESE jikkunsidra d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija kollha u, bħall-Kummissjoni, jemmen b’mod qawwi li s-soluzzjoni fl-aħħar mill-aħħar trid tkun waħda globali sabiex jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni, b’governanza globali u regoli globali xierqa. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-OECD biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ soluzzjoni internazzjonali.

1.3.

Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li jiġu żviluppati prinċipji ġodda dwar kif jiġu attribwiti profitti korporattivi lil pajjiż tal-UE u kif jiġu ntaxxati, fi djalogu mal-imsieħba kummerċjali, sabiex tiġi evitata kwalunkwe żieda fit-tensjonijiet kummerċjali u fiskali bejn l-atturi ekonomiċi ewlenin fid-dinja. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal soluzzjonijiet ġusti u bbażati fuq il-kunsens.

1.4.

Il-KESE jemmen li l-valutazzjoni tal-impatt għandha tiġi kkumplementata minn analiżi ta’ x’impatt ser ikollha l-miżura interim fuq l-investimenti, in-negozji ġodda, l-impjiegi u t-tkabbir. Jeħtieġ li turi wkoll kif il-proposta ser taffettwa lill-SMEs.

1.5.

Il-miżura interim proposta mill-Kummissjoni biex jiġu ntaxxati ċerti servizzi diġitali ma tintaxxax il-profitti korporattivi iżda, minflok, il-fatturat. Il-KESE jenfasizza li dan l-approċċ huwa differenti mis-sistema tat-taxxa korporattiva globali, li hija bbażata fuq it-tassazzjoni tal-profitti iżda jirrikonoxxi li għal kumpaniji diġitali li m’għandhomx preżenza fiżika, il-pajjiż tal-bejgħ mhux ser jirċievi taxxi fuq il-profitti korporattivi.

1.6.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li din il-bidla fit-tassazzjoni se tkun ta’ benefiċċju għal ekonomiji akbar b’ħafna konsumaturi għad-detriment ta’ ekonomiji esportaturi iżgħar. Il-KESE jenfasizza li kwalunkwe soluzzjoni, kemm għal perjodu qasir kif ukoll għal perjodu twil, għat-tassazzjoni ta’ mudelli kummerċjali diġitali trid tirriżulta f’eżitu ekonomiku ġust u ugwali għall-ekonomiji kollha fl-UE.

1.7.

Meta jivvaluta l-livell effettiv tat-tassazzjoni tas-settur diġitali, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu it-tibdiliet fil-kodiċijiet tat-taxxa li jirriżulta mill-implimentazzjoni kontinwa tar-regoli BEPS, u, b’mod partikolari, li jiġi kkunsidrat il-livell tat-tassazzjoni sostanzjalment miżjud fl-Istati Uniti ta’ ditti diġitali tal-Istati Uniti li qed joperaw fl-UE, minħabba tibdil fil-Kodiċi tat-Taxxa tal-Istati Uniti.

1.8.

Il-KESE jinnota li ma hemm l-ebda klawżola ta’ estinzjoni jew mekkaniżmu ieħor li jiżgura li l-miżura tat-taxxa interim tiġi rtirata meta tinstab soluzzjoni aktar fit-tul. Il-KESE jinkoraġġixxi b’mod qawwi lill-Kunsill biex jiżviluppa dawn ir-regoli jekk għandha tiġi introdotta l-miżura interim.

1.9.

Il-KESE jenfasizza li l-proposta biex tkun implimentata taxxa fuq il-fatturat tat bidu għal dibattitu internazzjonali intensiv, li kien wieħed mill-għanijiet tal-inizjattiva. L-Ewropa issa jeħtieġ li tasal għal pożizzjoni komuni, fid-diskussjonijiet li għaddejjin fl-OECD.

2.   Introduzzjoni u kuntest

2.1.

Bil-komunikazzjoni tagħha intitolata Wasal iż-żmien li jiġi stabbilit standard modern, ġust u effiċjenti tat-tassazzjoni għall-ekonomija diġitali, ippubblikata fil-21 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett leġislattiv tagħha għal riforma armonizzata tar-regoli tat-taxxa korporattivi tal-UE għall-attivitajiet diġitali. Il-pakkett jinkludi żewġ Direttivi tal-Kunsill akkumpanjati minn rakkomandazzjoni tal-liġi mhux vinkolanti relatata mat-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti.

2.2.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni pproponiet żewġ Direttivi ġodda: i) proposta għal terminu twil, li tistabbilixxi regoli u dispożizzjonijiet għal “preżenza diġitali”(PE diġitali) (1) li għandha l-għan li tirriforma r-regoli dwar it-taxxa korporattiva sabiex il-profitti jkunu reġistrati u ntaxxati fil-post fejn in-negozji għandhom interazzjoni sinifikanti mal-utenti permezz tal-mezzi diġitali aktar milli fil-post fejn jagħmlu l-profitti tagħhom: u ii) proposta għal terminu qasir, taxxa fuq il-fatturat interim fuq il-provvista ta’ ċerti tipi ta’ servizzi diġitali (2). Is-suq uniku tal-UE jeħtieġ qafas tat-taxxa stabbli li jkun aġġornat mal-mudelli kummerċjali diġitali. Dan għandu jistimola l-innovazzjoni billi jipprovdi ambjent stabbli fejn in-negozji jkunu jistgħu jinvestu u fejn ikunu jistgħu jikbru. Il-kumpaniji involuti fis-servizzi diġitali, bħall-kumpaniji l-oħrajn kollha, iridu jikkontribwixxu għall-finanzi pubbliċi u jikkondividu l-piż tat-taxxa meħtieġ biex jiġu ffinanzjati s-servizzi pubbliċi (3).

2.3.

B’mod speċifiku, il-proposta għal terminu twil tistabbilixxi regoli li jistabbilixxu konnessjoni taxxabbli għal negozji diġitali li qed joperaw b’mod transfruntier fil-każ ta’ preżenza kummerċjali mhux fiżika, kif ukoll il-prinċipji biex il-profitti jiġu attribwiti lil negozju diġitali li jaqbad aħjar il-ħolqien tal-valur tan-negozji diġitali. Dawn il-miżuri japplikaw għall-kumpaniji li jissodisfaw wieħed mill-kriterji li ġejjin i) livell limitu li jaqbeż is-EUR 7 miljun fi dħul annwali fi Stat Membru; ii) aktar minn 100 000 utent fi Stat Membru f’sena taxxabbli; jew iii) aktar minn 3 000 kuntratt ta’ negozju għal servizzi diġitali maħluqa bejn l-utenti tal-kumpanija u tan-negozju f’sena taxxabbli.

2.4.

Fil-proposta għal terminu qasir, it-taxxa fuq il-fatturat interim tkun tapplika, bħala taxxa indiretta, għall-attivitajiet li d-dħul tagħhom jinħoloq i) mill-bejgħ ta’ spazju ta’ reklamar online; ii) minn attivitajiet intermedjarji diġitali li jippermettu lill-utenti jinteraġixxu ma’ utenti oħrajn u li jistgħu jiffaċilitaw il-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi bejniethom; u; iii) mill-bejgħ ta’ data ġġenerata minn informazzjoni pprovduta mill-utent. Din it-taxxa tkun tapplika biss għal kumpaniji bi dħul dinji totali annwali ta’ EUR 750 miljun, u dħul tal-UE ta’ EUR 50 miljun kull sena. Jekk din tiġi applikata b’rata ta’ 3 %, huwa stmat li l-Istati Membri jistgħu jiġġeneraw EUR 5 biljun fi dħul kull sena.

2.5.

Il-proposta tal-Kummissjoni hija li d-Direttivi l-ġodda jiġu kkombinati ma’ emendi għall-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), filwaqt li jiġi żgurat li s-sistemi tat-taxxa korporattiva tal-Istati Membri u l-BKKTK proposta jkollhom regoli li jindirizzaw l-isfida tat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali (4).

2.6.

Meta tħares ’il quddiem, il-Kummissjoni temmen b’mod qawwi li s-soluzzjoni trid tkun waħda globali, u qed taħdem mill-qrib mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ soluzzjoni internazzjonali b’mod konformi mar-rapport interim tal-OECD dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali, ippubblikat fis-16 ta’ Marzu 2018.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jikkunsidra l-ekonomija kollha bħala diġitalizzata. Minħabba l-iżvilupp rapidu tal-mudelli kummerċjali, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi diġitali, huwa tal-akbar importanza li jiġu żviluppati wkoll is-sistemi tat-taxxa tagħna. L-ekonomija diġitali tmur lil hinn mill-fruntieri u hemm ħtieġa dejjem tikber li l-qafas tat-taxxa jkun aġġornat mal-mudelli kummerċjali diġitali.

3.2.

Il-KESE, bħall-Kummissjoni, jemmen b’mod qawwi li s-soluzzjoni fl-aħħar mill-aħħar trid tkun waħda globali sabiex jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni, b’governanza globali u regoli globali xierqa. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-OECD biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ soluzzjoni internazzjonali.

3.3.

B’mod parallel ma’ diskussjonijiet internazzjonali, u wara l-Komunikazzjoni (5) tagħha ppubblikata f’Settembru 2017, il-Kummissjoni issa qiegħda tipproponi soluzzjonijiet fil-livell tal-UE. Kif tiddikjara l-Kummissjoni (6), dan se jagħti spinta ulterjuri lid-diskussjonijiet internazzjonali billi se jipprovdi eżempju ċar ta’ kif il-prinċipji diskussi fil-livell internazzjonali jistgħu jiġu trasformati f’qafas modern, ġust u effiċjenti ta’ tassazzjoni korporattiva li jkun adattat għall-ekonomija diġitalizzata.

3.4.

Il-KESE jikkunsidra l-kundizzjonijiet ekwi fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva bħala importanti ħafna. Is-snin riċenti wrew li l-kumpaniji individwali setgħu jagħmlu użu minn regoli speċifiċi dwar it-taxxa f’xi Stati Membri, u dan naqqas ir-rata tat-taxxa effettiva tagħhom għal kważi żero. In-nuqqas ta’ trasparenza kkontribwiet għal dan l-eżitu. Xi wħud mill-każijiet involvew kumpaniji multinazzjonali attivi fil-qasam tas-servizzi diġitali. Il-Kumitat għalhekk jikkondividi l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tindirizza l-imġiba aggressiva fl-ippjanar tat-taxxa u n-nuqqas ta’ trasparenza mill-Istati Membri biex jiġi żgurat trattament ugwali tad-ditti u biex tiġi promossa l-kompetittività Ewropea.

3.5.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tieħu inizjattivi marbuta mat-taxxa diġitali, filwaqt li tagħti aktar momentum lid-diskussjonijiet internazzjonali billi tipprovdi eżempju ċar ta’ kif il-prinċipji tat-taxxa attwali jistgħu jiġu ttrasformati. Il-proposta tal-implimentazzjoni ta’ taxxa fuq il-fatturat tat bidu għal dibattitu internazzjonali intensiv, li kien wieħed mill-għanijiet tal-inizjattiva. L-Ewropa issa jeħtieġ li tasal għal pożizzjoni komuni, fid-diskussjonijiet li għaddejjin fl-OECD.

3.6.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li kwalunkwe soluzzjoni proposta fil-livell tal-UE trid tqis ukoll id-dimensjoni globali, u jirrikonoxxi, bħall-Kummissjoni, li “dawn il-proposti huma l-kontribut tal-Kummissjoni biex issawwar is-soluzzjoni abbażi ta’ kunsens li l-OECD beħsiebha tikseb sal-2020. Dawn jipprovdu eżempju ta’ kif jistgħu jitħaddmu l-prinċipji li qegħdin jiġu diskussi fil-livell internazzjonali” (7).

3.7.

Huwa importanti ħafna li jiġu żviluppati prinċipji ġodda dwar kif jiġu attribwiti profitti korporattivi lil pajjiż tal-UE u kif jiġu ntaxxati, fi djalogu mal-imsieħba kummerċjali, sabiex tiġi evitata kwalunkwe żieda fit-tensjonijiet kummerċjali u fiskali bejn l-atturi ekonomiċi ewlenin fid-dinja. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal soluzzjonijiet ġusti u bbażati fuq il-kunsens.

3.8.

Is-sistemi tat-taxxa korporattiva preżenti fid-dinja huma bbażati fuq l-ivvalutar tal-profitt korporattiv attribwibbli lil kull ġurisdizzjoni rilevanti. It-tassazzjoni għandha tkun ibbażata fuq fejn jinħoloq il-valur. Minħabba d-diffikultajiet biex ikun stabbilit f’liema punt tal-katina tal-valur jinkiseb il-profitt, hemm il-ħtieġa li jinstabu prinċipji universali dwar kif jiġi vvalutat fejn jinħoloq il-valur. Dawn ir-regoli ġew żviluppati fil-ħidma komprensiva tal-OECD, il-formulazzjoni tal-priniċipji tat-taxxa u d-definizzjonijiet ta’ kif jiġu pprezzati oġġetti u servizzi (regoli tal-ipprezzar ta’ trasferiment) għal kumpaniji fi grupp kummerċjali.

3.9.

Il-KESE jemmen li r-regoli dwar it-taxxa internazzjonali jeħtieġ li jiġu riveduti minn żmien għal żmien hekk kif jevolvu mudelli kummerċjali. Ir-regoli attwali ġew riveduti riċentement f’konnessjoni mal-ftehim dwar l-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (BEPS) (8). Attwalment, ir-regoli u d-definizzjonijiet il-ġodda qegħdin jiġu implimentati. Huma mistennija li jnaqqsu b’mod sostanzjali l-opportunità għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-erożjoni tal-bażijiet tat-taxxa (9).

3.10.

Huwa importanti li żviluppi oħrajn fil-qasam tat-taxxa korporattiva jkunu konformi mal-kisbiet diġà magħmula fil-BEPS. Wieħed mill-prinċipji fil-BEPS huwa l-allokazzjoni ta’ profitti lil pajjiżi f’konformità ma’ fejn jinħoloq il-valur.

3.11.

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa għal valutazzjonijiet tal-impatt xierqa. Il-KESE jemmen li l-valutazzjoni tal-impatt mhijiex komprensiva biżżejjed. Il-Kummissjoni ma analizzatx x’impatt se jkollha l-miżura interim fuq l-investimenti, in-negozji ġodda, l-impjiegi u t-tkabbir. Il-valutazzjoni tal-impatt lanqas ma turi kif il-proposti se jaffettwaw lill-SMEs.

3.12.

Jeħtieġ li jiġi analizzat l-impatt tad-dħul għal ekonomiji iżgħar u ikbar kif ukoll l-effett li jirriżulta mill-miżuri li joperaw flimkien mal-implimentazzjoni tal-BEPS f’diversi pajjiżi u r-riforma tat-taxxa tal-Istati Uniti.

3.13.

Il-KESE jinsab imħasseb għall-fatt li bl-intaxxar tal-fatturat, bl-effetti kaskata negattivi rikonoxxuti b’mod espliċitu mill-Kummissjoni, tista’ ssir ħsara lill-iżvilupp tas-servizzi diġitali, b’mod partikolari n-negozji ġodda. L-effett kaskata jseħħ meta s-servizzi jinbiegħu bosta drabi u jiġu ntaxxati kull darba.

3.14.

Il-KESE jikkunsidra li għandu jiżdied il-livell limitu ta’ EUR 7 miljun għall-ħolqien ta’ stabbiliment permanenti li minnu japplika r-reġim il-ġdid. Ikun aħjar jekk id-deliberazzjonijiet fil-Kunsill jirriżultaw f’eżitu li ma jwassalx għar-riskju li jfixkel id-diġitalizzazzjoni iżda minflok isaħħaħ il-funzjonament tas-suq uniku. Meta jivvaluta l-livell effettiv tat-tassazzjoni tas-settur diġitali, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitqies it-tibdil fil-kodiċijiet tat-taxxa li jirriżulta mill-implimentazzjoni kontinwa tar-regoli BEPS, u, b’mod partikolari, li jiġi kkunsidrat il-livell tat-tassazzjoni sostanzjalment miżjud fl-Istati Uniti ta’ ditti diġitali tal-Istati Uniti li qed joperaw fl-UE, minħabba tibdil fil-Kodiċi tat-Taxxa tal-Istati Uniti (10).

3.15.

L-intaxxar tal-fatturat minflok tal-profitt u l-intaxxar fil-post fejn iseħħ il-bejgħ minflok fil-post fejn jinħoloq il-valur jikkostitwixxi bidla fundamentali fir-rigward tal-prinċipji attwali tat-tassazzjoni. Il-KESE jinsab imħasseb għall-fatt li din il-bidla fit-tassazzjoni se tkun ta’ benefiċċju għal ekonomiji akbar b’ħafna konsumaturi għad-detriment ta’ ekonomiji esportaturi iżgħar. Il-KESE jenfasizza li kwalunkwe soluzzjoni, kemm għal perjodu qasir kif ukoll għal perjodu twil, għat-tassazzjoni ta’ mudelli kummerċjali diġitali trid tirriżulta f’eżitu ekonomiku ġust u ugwali għall-ekonomiji kollha fl-UE.

3.16.

Il-miżura interim proposta tfisser li anke negozji li ma jagħmlux qligħ se jiġu ntaxxati. Il-KESE jenfasizza li s-sistema attwali dwar it-taxxa korporattiva globali hija bbażata fuq it-tassazzjoni tal-profitti iżda jirrikonoxxi li għal kumpaniji diġitali li m’għandhomx preżenza fiżika, il-pajjiż tal-bejgħ mhux ser jirċievi taxxi fuq il-profitti korporattivi.

3.17.

Il-KESE jinnota li ma hemm l-ebda klawżola ta’ estinzjoni jew mekkaniżmu ieħor li jiżgura li l-miżura tat-taxxa interim tiġi rtirata meta tinstab soluzzjoni fit-tul. Il-KESE jinkoraġġixxi b’mod qawwi lill-Kunsill biex jiżviluppa dawn ir-regoli jekk għandha tiġi introdotta l-miżura interim.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Ir-rata fissa ta’ 3 %, wieħed mill-fatturi stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea, tista’ tiġi kkunsidrata fuq bażi proviżorja biss, b’evalwazzjoni xierqa kif meħtieġ. Barra minn hekk, jista’ jkun previst grad ta’ flessibbiltà sabiex jittieħed kont tal-kapaċità taxxabbli ta’ negozji individwali.

4.2.

In-nuqqas ta’ kumpens transfruntier tal-profitti u tat-telf u l-għadd kbir ta’ tilwim fl-UE fir-rigward tal-ipprezzar ta’ trasferiment u ta’ stabbilimenti fissi fl-UE ħafna drabi jirriżultaw f’tassazzjoni doppja internazzjonali, u b’hekk jikkostitwixxi ostakoli sinifikanti għas-suq uniku. L-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-fatturat fuq servizzi diġitali li ma tiġix imnaqqsa mit-taxxi fuq id-dħul f’pajjiżi oħra tkompli żżid it-tassazzjoni doppja, u għaldaqstant iżżid ostakolu ieħor għas-suq uniku. Il-KESE jqis li huwa importanti li tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ miżuri li jwasslu għal kwalunkwe forma ta’ tassazzjoni doppja.

4.3.

Il-metodu tal-OECD tal-iżvilupp tad-definizzjoni ta’ stabbilimenti fissi huwa proċedura dinamika fejn it-tibdiliet fil-prinċipju sabu aċċettazzjoni globali. Bid-devjazzjoni minn din il-proċedura permezz tal-proposta ta’ definizzjoni unilaterali, il-kumplessità tas-sistema tat-taxxa internazzjonali tiżdied bħalma tiżdied l-inċertezza għall-investituri. Anke fil-każ mhux tant probabbli li l-OECD tadotta l-istess definizzjoni fir-rapport finali mistenni tagħha dwar l-ekonomija diġitali fl-2020, iż-żewġ sistemi ma jdumux wisq sakemm jiddevjaw (11).

4.4.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li n-numru ta’ utenti tas-servizzi diġitali jkun kriterju għal rabta taxxabbli. In-numru ta’ klikks fuq sit web jista’ jiġi mmanipulat faċilment u l-kumpaniji jirriskjaw li jitilfu l-kontroll fuq liema ġurisdizzjoni qed jitqiesu li joperaw fiha.

Brussell, it-12 ta’ Lulju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 147 final.

(2)  COM(2018) 148 final.

(3)  COM(2018) 146 final.

(4)  COM(2018) 146 final. Għal aktar informazzjoni, ara ĠU C 434, 15.12.2017, p. 58.

https://www.eesc.europa.eu/en/our-work/opinions-information-reports/opinions/common-consolidated-corporate-tax-base

(5)  COM(2017) 547 final.

(6)  COM(2018) 146 final, p. 5.

(7)  COM(2018) 146 final, p. 6.

(8)  OECD 2015.

(9)  Fl-UE, it-trasferiment tal-profitt korporattiv u l-erożjoni tal-bażi minn kumpaniji ġew irrapportati mill-Kummissjoni li jammontaw għal EUR 50-70 biljun, ekwivalenti għal 4 kull elf tal-PDG (COM(2018) 81 final).

(10)  “Tax Cuts and Jobs Act”, 22 ta’ Diċembru 2017.

(11)  Ir-raġuni għal dan huwa li d-definizzjoni ta’ stabbilimenti fissi promulgata mill-UE permezz ta’ Direttiva tiżviluppa permezz ta’ sentenzi mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi d-definizzjoni tal-OECD applikata fil-bqija tad-dinja tiżviluppa permezz tal-kunsens internazzjonali espress mill-OECD permezz tar-reviżjonijiet kontinwi tagħha.