|
10.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 367/65 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji”
(COM(2018) 99 final — 2018/0047 (COD))
u l-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fornituri ta’ Servizzi ta’ Finanzjament Kollettiv (ECSP) għan-Negozji”
(COM(2018) 113 final — 2018/0048 (COD))
(2018/C 367/13)
|
Relatur: |
Daniel MAREELS |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 16.4.2018 Kunsill Ewropew, 27/03/2018 |
|
Bażi legali |
Artikoli 114 u 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
|
Adottata fis-sezzjoni |
27.6.2018 |
|
Adottata fil-plenarja |
11.7.2018 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
536 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
146/0/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir dawn il-proposti biex jinħoloq qafas li jiffaċilita l-finanzjament kollettiv permezz tad-29 reġim. Il-Kumitat għalhekk jappella għal azzjoni rapida sabiex jinkiseb riżultat ta’ suċċess, partikolarment peress li dawn il-miżuri jidħlu f’qafas usa’ li huwa ta’ interess partikolari għall-Kumitat (1). |
|
1.2. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li tqis il-finanzjament ta’ intrapriżi żgħar, innovattivi u li għadhom jibdew. Il-finanzjament kollettiv huwa parti importanti mill-iskata tal-finanzjament tagħhom, b’mod partikolari meta dawn jgħaddi mill-fażi ta’ start-up għal dik ta’ espansjoni u l-finanzjament tradizzjonali ma jkunx dejjem disponibbli. Fl-istess ħin, qegħdin jinħolqu aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar għall-investituri. |
|
1.3. |
Huwa pożittiv ħafna li, għal dan il-għan, qiegħed isir użu minn prodotti u soluzzjonijiet innovattivi appoġġati mit-teknoloġija moderna. Dan ifisser li l-proposta progressiva tifforma wkoll parti mill-implimentazzjoni ta’ suq uniku diġitali. Il-proposta żżid ukoll dimensjoni transkonfinali, li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni effettiva u l-approfondiment tas-swieq tal-kapital. Il-ħolqien ta’ suq uniku armonizzat fl-UE bl-istess regoli kemm għall-intraprendituri kif ukoll għall-investituri għandu jkun ta’ prijorità. |
|
1.4. |
Waqt li jitqies il-fatt li l-ostakli artifiċjali m’għandhomx iservu biex jitwaqqaf dan il-qafas innovattiv, il-Kumitat xorta waħda jappella fuq il-bażi ta’ approċċ globali u olistiku għal proposti iktar b’saħħithom u miżuri addizzjonali b’rabta ma’ ċerti punti, għall-inqas fl-istadji inizjali (ara punt 1.5 u ta’ wara). Il-Kumitat huwa spirat b’mod partikolari hawnhekk mill-prinċipji tal-“kredibilità”, iċ-“ċarezza” u l-“fiduċja”. Dan ifisser ukoll ċertezza u protezzjoni għal dawk kollha kkonċernati. |
|
1.5. |
L-ewwel nett, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li ġew ikkunsidrati l-aspetti tar-riskji assoċjati mal-operazzjonijiet u s-swieq tal-finanzjament kollettiv, iżda fl-istess ħin jemmen li għall-inqas fl-istadji inizjali għandu jkun hemm saħansitra enfasi aktar b’saħħitha fuq dawn l-aspetti sabiex jiġu identifikati aħjar jew jittaffew fejn possibbli. Dan jikkonċerna l-kwistjonijiet li ġejjin: |
|
1.5.1. |
It-trasparenza u l-protezzjoni tal-investituri. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-valutazzjoni tar-riskju ta’ proġetti speċifiċi dwar il-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv titħalla wisq f’idejn is-swieq u l-investituri. Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ miżuri adegwati biex jiġu identifikati aħjar jew jittaffew ir-riskji kollha, kemm finanzjarji kif ukoll dawk mhux finanzjarji. Fl-aħħar mill-aħħar, dan huwa marbut ma’ protezzjoni aħjar għall-investituri. L-approċċ MiFID jista’ jipprovdi bażi f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, hemm il-periklu li jinħolqu kundizzjonijiet mhux indaqs mal-fornituri tradizzjonali, bħall-istituzzjonijiet finanzjarji li jridu japplikaw regoli stretti ta’ protezzjoni fir-relazzjonijiet mal-klijenti tagħhom. |
|
1.5.2. |
oqsma possibbli ta’ tensjoni fil-livell ta’ status tal-fornituri u s-servizzi li joffru. Il-possibbiltà li l-fornituri jistgħu jidħlu f’kuntratti b’“marġni ta’ diskrezzjoni” ma’ investituri sabiex jinkiseb l-aħjar riżultat għal dawn l-investituri, tista’ twassal għal sitwazzjonijiet sensittivi għall-fornituri li jridu jaġixxu l-ewwel u qabel kollox bħala “intermedjarji newtrali”. |
|
1.5.3. |
is-superviżjoni. Ir-rwol tal-EMSA jidher ċar waqt li dak tas-superviżuri nazzjonali inqas. Il-Kumitat huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ aktar ċarezza f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-KESE jistaqsi jekk għandux jiġi assenjat rwol sostanzjali lis-superviżuri nazzjonali, speċjalment peress li huma eqreb tas-swieq nazzjonali u jistgħu jivvalutaw aħjar iċ-ċirkostanzi lokali. Fi kwalunkwe każ, huwa importanti għall-Kumitat li l-awtoritajiet u s-superviżuri fil-livell nazzjonali u Ewropew jikkonsultaw u jikkooperaw fuq bażi permanenti u konsistenti, kemm biex tiġi żgurata aktar armonizzazzjoni u integrazzjoni fl-Unjoni kif ukoll sabiex il-proposti attwali jkollhom suċċess. |
|
1.6. |
Peress li d-29 reġim u s-sistemi nazzjonali ser jeżistu b’mod parallel bħala riżultat tal-għażliet li saru, il-partijiet interessati jistgħu jiġu kkonfrontati b’liġijiet differenti, kundizzjonijiet differenti u protezzjoni inugwali fl-istess waqt u fl-istess suq, li jista’ jagħti lok għal konfużjoni u inċertezza. Hawnhekk jinħtieġu aktar miżuri sabiex tiġi żgurata aktar ċarezza: |
|
1.6.1. |
Fil-fehma tal-Kumitat, għandu jkun hemm obbligi addizzjonali fuq l-awtoritajiet u s-superviżuri sabiex jipprovdu lill-utenti kollha b’informazzjoni preċiża u faċilment aċċessibbli, li tipprovdi ċertezza u hija disponibbli fil-lingwa tagħhom stess. |
|
1.6.2. |
Għażla waħda hija li l-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv ikunu obbligati jsemmu b’mod espliċitu u ċar it-“tikketta tal-UE” tagħhom, kull meta jindirizzaw il-pubbliku u fil-komunikazzjonijiet esterni kollha tagħhom. |
|
1.7. |
Il-Kumitat jikkunsidra wkoll li r-regoli proposti dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu jibqgħu relattivament limitati u l-biċċa l-kbira indiretti. Id-dispożizzjonijiet dwar li l-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv ikunu soġġetti għal dawn ir-regoli għandhom jiġu estiżi u msaħħa. Il-KESE jemmen li ma jistax ikun il-każ li din il-possibbiltà teżisti darba biss, u li hija biss il-Kummissjoni li għandha s-setgħa li tipproponi li l-fornituri tas-servizzi tal-finanzjament kollettiv ikunu soġġetti għar-regoli msemmija hawn fuq. Barra minn hekk għandhom jiġu stabbiliti kriterji u kundizzjonijiet ċari għal deċiżjoni bħal din. |
|
1.8. |
Huwa wkoll sorprendenti li ma jiġux indirizzati t-trattament fiskali tad-dħul finanzjarju mill-finanzjament kollettiv u l-obbligi tat-taxxa fuq id-debituri, minkejja l-fatt li wieħed jista’ jkompli jassumi b’mod raġonevoli li t-tassazzjoni tkun wieħed mill-fatturi determinanti jekk din l-inizjattiva tkunx suċċess jew le. Għalhekk, il-Kumitat jitlob li dawn l-aspetti jiġu inklużi fid-diskussjoni. Jekk ikun meħtieġ, ir-regoli għandhom jiġu adattati fil-livell xieraq. |
|
1.9. |
Minħabba li din hija kwistjoni dwar is-suq, il-Kumitat iqis li huwa tal-ikbar importanza li kulħadd ikun jaqbel ma’ dawn il-proposti sabiex jiġu implimentati b’suċċess. Huwa essenzjali li l-kumpaniji u l-investituri jagħmlu użu effettiv u estensiv tad-29 reġim. Minn perspettiva tas-suq, din tqajjem il-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni għal EUR 1 miljun għal kull proġett hux ser tkun ta’ ostaklu. |
|
1.10. |
Fl-aħħar nett, sabiex jiġi żgurat is-suċċess fil-ġejjieni u kontinwu tal-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv, il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jkun hemm preparamenti minn qabel għal miżuri regolari biex jiġi mmonitorjat, evalwat u mkejjel is-suċċess tad-29 reġim. Hawnhekk huma ugwalment importanti il-konsultazzjoni u d-djalogu mal-partijiet interessati kollha. |
2. Sfond
|
2.1. |
Meta bdiet il-mandat fl-2014, il-Kummissjoni Juncker fasslet “pjan ta’ investiment għall-Ewropa” bil-għan li jinkisbu l-prijoritajiet ewlenin fit-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment (2). Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-pjan huwa t-twettiq gradwali ta’ unjoni tas-swieq kapitali, flimkien ma’ suq uniku diġitali u unjoni tal-enerġija. L-għan huwa li tiġi żviluppata unjoni tas-swieq kapitali integrata, li tiffunzjona sew u li tkopri lill-Istati Membri kollha. |
|
2.2. |
Permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (3), il-Kummissjoni impenjat ruħha li timplimenta l-elementi kostitwenti kollha għal din l-unjoni sal-2019. B’kollox kienu ppjanati aktar minn 33 inizjattiva u azzjoni. |
|
2.3. |
Wara appelli għal progress rapidu (4) (5) twettaq rieżami ta’ nofs it-terminu tal-pjan ta’ azzjoni fl-2017. Dan irriżulta f’għadd ta’ azzjonijiet prijoritarji ġodda bil-għan li jitqiesu l-isfidi li qed jevolvu u ċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu, inkluż il-“Brexit”. Fl-istess ħin, huwa importanti li jsir progress reali dwar l-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-koerenza u l-konsistenza huma l-kunsiderazzjonijiet ewlenin hawnhekk. |
|
2.4. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, f’dik l-okkażjoni, li kien meħtieġ li “ngħollu l-livell ta’ ambizzjoni, sabiex nindirizzaw l-ostakli iżda aktar importanti minn hekk biex nieħdu vantaġġ minn dawn l-opportunitajiet ġodda” (6). Huwa f’dan il-kuntest li fit-8 ta’ Marzu 2018 il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni b’żewġ pjani ta’ azzjoni (7). |
|
2.5. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Teknoloġija Finanzjarja (FinTech) għandu l-għan li jesprimi l-ambizzjoni li l-Ewropa tinbidel f’ċentru globali ta’ teknoloġija finanzjarja, fejn in-negozji u l-investituri fl-UE jkunu jistgħu jieħdu l-akbar benefiċċju mill-vantaġġi tas-suq uniku f’dan is-settur li qed jevolvi malajr (8). |
|
2.6. |
Il-promozzjoni tal-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari hija waħda mill-miżuri ewlenin taħt il-Pjan ta’ Azzjoni. L-enfasi hija kemm fuq l-iżvilupp ta’ servizzi u tikketti ġodda kif ukoll fuq l-integrazzjoni tas-swieq kapitali. |
|
2.7. |
B’mod aktar speċifiku, l-ideat tal-Kummissjoni huma stipulati: |
|
2.7.1. |
fil-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fornituri ta’ Servizzi ta’ Finanzjament Kollettiv (ECSP) għan-Negozji” (9) u |
|
2.7.2. |
fil-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji” (10) |
|
2.8. |
Dawn il-proposti għandhom l-għan li jintroduċu tikketta Ewropea għall-pjattaformi ta’ crowdfunding, li tiffaċilita l-attivitajiet transkonfinali. Din għandha tippermetti lis-servizzi ta’ finanzjament kollettiv biex iżidu l-attivitajiet tagħhom u biex jiżviluppaw fil-livell tal-UE filwaqt li jiġi pprovdut aċċess akbar għall-finanzjament għall-intraprendituri u n-negozji, speċjalment intrapriżi żgħar, ġodda u innovattivi. Il-proposti japplikaw biss fir-rigward ta’ titoli trasferibbli għal servizzi ta’ crowdfunding ibbażati fuq l-investiment. |
|
2.9. |
Fl-istess ħin, l-għan huwa li dawn il-pjattaformi jkunu soġġetti għal regolamentazzjoni u sorveljanza li huma kemm adattati kif ukoll xierqa. Dan għandu jippermetti mhux biss li tinżamm l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fl-UE, iżda, aktar importanti minn hekk, li tiżdied il-fiduċja tal-investituri, b’mod partikolari f’kuntest transkonfinali. |
3. Osservazzjonijiet u kummenti
Kummenti ġenerali inizjattiva milqugħa
|
3.1. |
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir dawn il-proposti biex jiġi introdott id-29 reġim dwar il-finanzjament kollettiv, u jappella li jsir kull sforz biex jinkiseb eżitu ta’ suċċess u rapidu. |
|
3.2. |
L-ewwel u qabel kollox, dawn il-proposti jikkontribwixxu għal għadd ta’ għanijiet usa’ li huma ta’ interess partikolari għall-KESE u li kien talab preċedentement (11). Dawn jinkludu: |
|
3.2.1. |
Il-bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, li għandu jsir id f’id ma’ konverġenza ekonomika u soċjali akbar u ma’ integrazzjoni finanzjarju u ekonomika, għandu jżid is-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja u ekonomika billi jwessa’ u jiddiversifika s-sorsi ta’ finanzjament tal-ekonomija. Implimentazzjoni rapida tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha tibqa’ prijorità ewlenija. |
|
3.2.2. |
Tikketta unika tal-UE għall-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv tippromovi l-operazzjonijiet ta’ finanzjament transkonfinali u għalhekk jkun hemm aktar kondiviżjoni tar-riskju privat. Dan huwa importanti biex jiġu evitati skossi asimmetriċi fil-każ ta’ kriżi, jew biex jitnaqqas l-impatt tagħha. B’dan il-mod jista’ jsir kontribut importanti għal tkabbir konverġenti bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, fis-sens li ekonomiji inqas żviluppati ser ikunu kapaċi jlaħħqu aktar malajr ma’ dawk li qed jagħtu prestazzjoni aħjar. |
|
3.2.3. |
L-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha wkoll importanza kruċjali għall-appofondiment u l-kisba tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u huwa indispensabbli li din titwettaq. Flimkien ma’ unjoni bankarja kompluta, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha twassal għal unjoni finanzjarja ġenwina, li tikkostitwixxi wieħed mill-erba’ pilastri tal-UEM. |
|
3.2.4. |
Billi l-finanzjament kollettiv għadu mhux żviluppat biżżejjed fl-UE meta mqabbel ma’ ekonomiji kbar oħra, hawnhekk tista’ tissemma wkoll il-pożizzjoni tal-UE fir-rigward tal-bqija tad-dinja. L-UE għandha tistabbilixxi fis-sod il-pożizzjoni tagħha u tħejji ruħha b’mod effettiv, speċjalment peress li qegħdin joħorġu fid-dieher għadd ta’ bidliet globali fil-poter bejn il-Lvant u l-Punent. |
|
3.3. |
F’opinjonijiet preċedenti (12), il-Kumitat wera tħassib u qajjem mistoqsijiet dwar kemm l-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija rilevanti u effettiva għall-SMEs. Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li issa qiegħed jieħu l-forma approċċ rilevanti. Il-finanzjament kollettiv huwa mmirat b’mod partikolari għal ċertu grupp ta’ SMEs u parti speċifika tal-iskala tal-finanzjament. Il-KESE jilqa’ l-proposti attwali li jtejbu l-finanzjament ta’ intrapriżi żgħar, ġodda u innovattivi u jagħmlu tali finanzjament aktar faċli, filwaqt li jinħolqu aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar għall-investituri. |
|
3.4. |
Fl-aħħar nett hawnhekk tista’ tissemma n-natura orjentata lejn il-futur tal-proposti bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-FinTech, li jfittex li jesprimi l-ambizzjoni li l-Ewropa tinbidel f’ċentru globali ta’ teknoloġija finanzjarja. Billi jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ prodotti u soluzzjonijiet innovattivi appoġġati mit-teknoloġija moderna, din il-proposta tifforma wkoll parti integrali mill-implimentazzjoni ta’ suq uniku diġitali. |
Il-proposti — bażi tajba iżda huma meħtieġa miżuri protettivi addizzjonali
|
3.5. |
Il-KESE jemmen li għandu jsir kull sforz biex dawn il-proposti jkollhom suċċess. Għall-Kumitat, huwa ta’ importanza kbira li s-sistema l-ġdida hija kkaratterizzata mill-“kredibilità”, iċ-“ċarezza” u l-“fiduċja”. Il-finanzjament kollettiv għandu jiġi pprovdut fi ħdan qafas li jipprovdi ċertezza u protezzjoni għal dawk kollha kkonċernati. |
|
3.6. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-għażla tad-“29 reġim”, li, permezz tat-teknoloġiji ġodda u orjentati lejn il-futur, jistabbilixxi s-sisien għall-ħolqien ta’ suq uniku armonizzat bl-istess regoli, kemm għal intraprendituri żgħażagħ li jkunu qed ifittxu finanzjament transkonfinali kif koll għal investituri li qed ifittxu opportunitajiet ta’ investiment addizzjonali. |
|
3.7. |
L-għażla ta’ “regolament” biex jintlaħaq dan il-għan hija għalhekk għalkollox xierqa hawnhekk. Din il-proposta tista’ titqies bħala eżempju ta’ integrazzjoni effettiva u l-approfondament tas-swieq tal-kapital. |
|
3.8. |
Minkejja dan, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-Kummissjoni, mill-bidu nett, tat kas l-aspetti tar-riskji assoċjati ma’ operazzjonijiet u swieq ta’ finanzjament kollettiv. Il-KESE huwa favur il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati mill-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv u s-servizzi li jipprovdu (13), kif ukoll il-pjani għal superviżjoni. Barra minn hekk, l-investituri jingħataw il-parir li jillimitaw ir-riskji li jieħdu (14). |
|
3.9. |
Fl-istess ħin, u minn perspettiva olistika, il-Kumitat jemmen li għall-inqas fl-istadji inizjali għandu jkun hemm enfasi aktar b’saħħitha fuq dawn l-aspetti tar-riskju. Il-Kumitat huwa tal-fehma li r-riskji kollha, kemm finanzjarji kif ukoll dawk li mhumiex finanzjarji, għandhom jiġu identifikati aħjar u possibbilment jiġu limitati. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni akbar lil għadd ta’ fatturi ambjentali oħra li huma importanti għas-suċċess ta’ dawn il-proposti. |
|
3.10. |
L-għażla ta’ politika li saret favur soluzzjoni komplementari bbażata fuq is-servizz (15) tfisser li ser jeżistu u jiġu applikati b’mod parallel regolamenti nazzjonali u tal-UE. Il-partijiet interessati ser jiġu kkonfrontati, fl-istess waqt u fl-istess suq, mal-operaturi ta’ status differenti, bħal fornituri b’tikketta tal-UE li joperaw f’livell transkonfinali, l-istess fornituri li jaħdmu lokalment u fornituri li huma soġġetti għal regoli nazzjonali (eżistenti) jew awtorizzazzjonijiet eżistenti (16). Dan jista’ jwassal għal liġijiet differenti, kundizzjonijiet differenti u protezzjoni inugwali (17). Il-Kumitat jitlob li tingħata aktar attenzjoni lil din il-kwistjoni, li tista’ tagħti lok għal inċertezzi u konfużjoni (18). Hawn taħt huma stabbiliti għadd ta’ proposti speċifiċi. |
Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv
|
3.11. |
Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom fl-Unjoni Ewropea billi jużaw awtorizzazzjoni unika, li tippermettilhom iżidu l-attivitajiet tagħhom. Din hija innovazzjoni importanti u pass kbir ’il quddiem meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali fejn huwa kważi impossibbli li jitwettqu attivitajiet transkonfinali. |
|
3.12. |
Minkejja dak li ntqal hawn fuq (19), il-KESE jitlob li tingħata aktar attenzjoni lil oqsma possibbli ta’ tensjoni fir-rigward tal-istatus tal-fornituri u s-servizzi li joffru. Pereżempju, l-għażla disponibbli għall-fornituri li jidħlu f’kuntratti ma’ investituri li taħtha jistgħu “jeżerċitaw diskrezzjoni”, tista’ twassal għal sitwazzjonijiet sensittivi. Bħala intermedjarji, il-fornituri għandhom ikunu “newtrali”, anke jekk dawn huma kontrattwalment obbligati “li jiksbu l-aħjar riżultat possibbli għall-klijenti tagħhom” (20). Għall-Kumitat, l-obbligu ta’ newtralità ma għandu jiġi ddubbitat taħt l-ebda ċirkostanza. Huma meħtieġa miżuri addizzjonali f’dan ir-rigward. Il-pjattaformi għandhom joffru servizzi ta’ kwalità għolja. |
|
3.13. |
Għall-utenti potenzjali kollha, kemm jekk intraprendituri kif ukoll investituri, huwa essenzjali u importanti ferm f’kull ħin li jkunu jafu b’mod ċar liema pjattaforma qegħdin jużaw. Dan huwa aktar u aktar importanti minħabba li, kif imsemmi hawn fuq, ser jeżistu u japplikaw b’mod parallel regolamenti nazzjonali u tal-UE (21). F’dan ir-rigward, ir-reġistri ta’ pjattaformi tal-UE li għandhom jinżammu mill-ESMA mhumiex strument biżżejjed għar-riklamar. Fil-fehma tal-Kumitat, għandu jkun hemm obbligi addizzjonali fuq l-awtoritajiet u s-superviżuri sabiex jipprovdu lill-utenti kollha b’informazzjoni preċiża u faċilment aċċessibbli, li toffri ċertezza u hija disponibbli fil-lingwa tagħhom stess. |
|
3.14. |
Il-Kumitat jemmen li l-pjattaformi għandhom ukoll ikunu soġġetti għall-obbligi tar-riklamar. Speċifikament, jista’ jkun stipulat li l-pjattaformi għandhom jiddikjaraw espliċitament u b’mod ċar li għandhom “tikketta tal-UE” kull meta dawn jindirizzaw lill-pubbliku jew lill-partijiet interessati (22) u fil-komunikazzjonijiet esterni kollha tagħhom (23). |
|
3.15. |
Ir-rwol superviżorju u ta’ responsabbiltà tal-ESMA jidher li huwa ċar, iżda tista’ wkoll tqum il-mistoqsija jekk is-superviżuri nazzjonali għandux ikollhom rwol, speċjalment minħabba li huma eqreb lejn is-swieq nazzjonali u huma aktar familjari maċ-ċirkostanzi lokali. Fi kwalunkwe każ, hemm bżonn ta’ ċarezza hawnhekk. Dan huwa importanti wkoll għall-ħrajn, inklużi dawk l-intraprendituri li jixtiequ jagħmlu użu mill-finanzjament kollettiv. |
|
3.16. |
B’mod iktar ġenerali, u kif imsemmi hawn fuq, peress li ser jeżistu u jkunu japplikaw b’mod parallel regoli nazzjonali u tal-UE, il-KESE jqis li fi kwalunkwe każ (24) huwa importanti li d-diversi awtoritajiet u superviżuri fil-livell nazzjonali u Ewropew jikkonsultaw lil xulxin u jikkooperaw b’mod konsistenti u permanenti, bil-għan li jkun hemm aktar armonizzazzjoni u integrazzjoni fl-Unjoni. Barra minn hekk, huma wkoll għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-“fiduċja” li hija vitali biex il-finanzjament kollettiv jirnexxi. |
|
3.17. |
Jekk l-EMSA timponi sanzjonijiet bħala parti mir-rwol superviżorju tagħha, fejn ikun xieraq għandu jitressaq appell quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Dan mhuwiex biss proċess tqil, iżda, barra minn hekk, iqajjem ukoll il-kwistjoni ta’ jekk dan għandux jaqa’ taħt il-mandat tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
Intrapriżi li jużaw il-finanzjament kollettiv
|
3.18. |
Il-finanzjament kollettiv huwa prinċipalment immirat lejn intrapriżi ġodda u dawk li huma fi stadju bikri li jkollhom inqas aċċess faċli għall-finanzjament bankarju jew li jittrattaw proġetti aktar riskjużi u innovattivi, fil-perjodu inizjali tal-attivitajiet tagħhom, speċjalment meta dawn jiċċaqalqu mill-fażi inizjali għal dik ta’ espansjoni. Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-proposti l-ġodda joħolqu possibbiltajiet addizzjonali ta’ finanzjament għal dan it-tip ta’ SME u intrapriża li huwa usa’ u aktar faċilment aċċessibbli, u b’dimensjoni transkonfinali wkoll. |
|
3.19. |
Barra minn hekk, il-Kumitat jaqbel mal-fehma (25) li hemm benefiċċji oħra għall-finanzjament kollettiv għajr dawk diġà msemmija. Pereżempju, jista’ jipprovdi validazzjoni tal-kunċett u tal-idea lis-sid tal-proġett, jagħti aċċess lil għadd kbir ta’ nies u b’hekk jipprovdi lill-intraprenditur b’osservazzjonijiet u b’informazzjoni u jkun għodda tal-kummerċjalizzazzjoni jekk kampanja ta’ finanzjament kollettiv tkun ta’ suċċess. |
|
3.20. |
L-intrapriżi għandhom l-għażla li l-proġetti tagħhom jiġu ffinanzjati għal ammont sa EUR 1 miljun fuq perjodu ta’ 12-il xahar. Dan iqajjem il-mistoqsija dwar jekk dan il-limitu huwiex baxx wisq, speċjalment meta l-finanzjament kollettiv huwa “ibbażat fuq l-investiment” (26). F’dawn iċ-ċirkustanzi, t-transferibbiltà obbligatorja ta’ titoli huwa salvagwardja importanti għal investituri li jixtiequ jirtiraw mill-proġett (27). Tqum il-mistoqsija jekk il-limitu ppjanat ta’ miljun jistax ikun ta’ ostaklu għall-istabbiliment u l-funzjonament bla xkiel tas-swieq għal dan it-tip ta’ titoli. Barra minn hekk, limiti ogħla jidhru li huma possibbli taħt ir-regoli nazzjonali (28). |
Investituri (potenzjali)
|
3.21. |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li qed jinfetaħ mezz ġdid għall-investituri li joperaw fuq bażi transkonfinali. Dan ser iwessa’ l-għażliet tal-investituri u jżid l-għażla. |
|
3.22. |
Huwa bla dubju pożittiv li l-proposta tipprovdi għal valutazzjoni inizjali ta’ kemm huwa adatt investitur potenzjali permezz ta’ test dwar l-għarfien, u għal simulazzjoni tal-kapaċità li jiġi mġarrab it-telf (29), iżda mhux l-istess jista’ jingħad dwar il-fatt li r-riskju (u l-valutazzjoni tiegħu) ser jitħalla kompletament f’idejn is-suq u l-investituri potenzjali. |
|
3.23. |
Fil-fatt, il-fatt li, skont il-proposta, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jeħtieġu approvazzjoni “ex ante” (30) tal-“iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment”, jew kwalunkwe obbligu ta’ notifika (31), ċertament ma jiffavorixxix il-ħarsien tal-investituri potenzjali. Lanqas ma jgħinu l-obbligi limitati dwar it-traduzzjoni ta’ dokumenti ewlenin (32). Din is-sitwazzjoni tidher li mhix sodisfaċenti. Għalhekk il-Kumitat jemmen li, tal-anqas fl-istadji inizjali tar-reġim, hemm bżonn ta’ miżuri xierqa sabiex jiġi identifikat aħjar ir-riskju jew jitnaqqas kemm jista’ jkun, fir-rigward tal-investituri. L-istess japplika għall-informazzjoni li jirċievu. |
|
3.24. |
Jekk wieħed jikkunsidra wkoll l-mod aktar tradizzjonali li bih jiġu offruti t-titoli, partikolarment permezz ta’ banek u kumpaniji kwotati fil-borża, allura l-ħarsien limitat tal-investituri skont il-proposti attwali jirriskja li joħloq kundizzjonijiet inugwali bejn il-fornituri differenti (33). Il-Kumitat jemmen li differenzi eċċessivi f’dan il-qasam għandhom jiġu evitati minħabba li jistgħu jdgħajfu l-kunfidenza f’ċerti parteċipanti tas-suq u jwasslu għal inċertezza u arbitraġġ regolatorju. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jista’ jkollu wkoll konsegwenzi għall-istabbiltà finanzjarja tal-UE. |
Kummenti addizzjonali
|
3.25. |
Rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, ir-regoli proposti jidhru li mhumiex effikaċi biżżejjed, b’mod partikolari billi l-ESMA diġà enfasizzat r-riskji speċifiċi u l-perikli f’dan il-qasam (34). Tqajmu dubji dwar in-natura relattivament limitata tar-regoli proposti f’dan ir-rigward (35), u s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex potenzjalment tissoġġetta l-fornituri tas-servizz tal-finanzjament kollettiv għar-regoli rilevanti (36). Hawnhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk din id-deċiżjoni għandhiex taqa’ f’idejn il-Kummissjoni. Jekk iva, liema huma l-kriterji applikabbli f’dan il-każ (37)? Barra minn hekk, għaliex din il-possibbiltà, jiġifieri li l-fornituri tas-servizzi tal-finanzjament kollettiv ikunu soġġetti għal dawn ir-regoli, hija pprovduta darba biss (38)? Il-Kumitat jemmen li din il-possibilità għandha teżisti f’kull ħin u ma għandhiex tkun kompetenza biss tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet u l-kriterji skont liema din tkun possibbli għandhom ikunu ċari. |
|
3.26. |
B’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi segwiti, huwa evidenti li t-trattament fiskali tad-dħul mill-finanzjament kollettiv u l-obbligi dwar id-debituri (39) f’dan il-qasam mhumiex indirizzati jew diskuss fil-proposti attwali (40). Dan huwa minkejja l-fatt li wieħed jista’ jassumi b’mod raġonevoli li t-tassazzjoni hija waħda mill-fatturi determinanti jekk din l-inizjattiva tkunx ta’ suċċess jew le. Għalhekk, il-Kumitat jitlob li dawn l-aspetti jitqiesu. Jekk ikun meħtieġ, ir-regoli għandhom jiġu adattati fil-livell xieraq. |
Nibdew b’kawtela, nibnu l-kredibbiltà u nżommu għajnejna fuq il-ġejjieni
|
3.27. |
Sabiex din il-proposta relatata mas-suq ikollha suċċess ġenwin, huwa tal-akbar importanza li jkun hemm il-kunses ta’ kulħadd. Dan ser jiġri biss jekk l-intrapriżi u l-investituri jagħmlu użu effettiv u estensiv tal-qafas ta’ sostenn maħluq skont il-proposti attwali. Huwa biss b’hekk li jista’ joħroġ fid-dieher suq ta’ veru fejn id-domanda u l-provvista għall-kreditu jistgħu jingħaqdu flimkien. Għall-KESE, huwa importanti li tinbena l-kredibbiltà fil-fażi inizjali, u li nibdew b’attenzjoni u b’kawtela, b’aktar enfasi fuq il-ġestjoni tar-riskju u l-fatturi ambjentali. |
|
3.28. |
Fil-fehma tal-Kumitat, il-proposti għandhom ċertament jipprevedu miżuri regolari biex jiġi segwit, evalwat u jitkejjel is-suċċess tad-29 reġim sabiex jiġi żgurat il-ġejjieni tiegħu. Sistemi oħra ta’ finanzjament kollettiv li jeżistu fl-Istati Membri għandhom ikunu involuti wkoll f’dan l-eżerċizzju. Huwa importanti li wieħed jitgħallem mill-aħjar prattiki tas-suq u li jiġu inkorporati fis-sistema Ewropea. Hawnhekk huma ugwalment importanti il-konsultazzjoni u d-djalogu mal-partijiet interessati kollha. |
Brussell, il-11 ta’ Lulju 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Ara l-punti 3.1 sa 3.4.
(2) Ara s-sit tal-Internet tal-Kummissjoni Ewropea http://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-investment/plan/index_en.htm
(3) Pjan ta’ azzjoni ta’ Settembru 2015. “Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali” – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, COM(2015) 468 final. Ara http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1447000363413&uri=CELEX:52015DC0468
(4) Il-Kummissjoni adottat ukoll Komunikazzjoni li appellat biex jiġu intensifikati r-riformi. Ara COM(2016) 601 final.
(5) Pereżempju, il-Kunsill Ewropew appella għal “progress rapidu u determinat” fuq il-pjan sabiex “jiġi żgurat aċċess aktar faċli għal finanzjament għan-negozji u jingħata appoġġ għall-investiment fl-ekonomija reali”. Ara http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/06/28-euco-conclusions/
(6) Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Inlestu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sal-2019 – żmien li nħaffu l-proċess”. Ara https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/1/2018/MT/COM-2018-114-F1-MT-MAIN-PART-1.PDF
(7) Il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli”, minbarra l-Pjan ta’ Azzjoni li hemm referenza għalih fil-punt 2.5.
(8) Stqarrija għall-Istampa tat-8 ta’ Marzu 2018: “FinTech: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni għal suq finanzjarju aktar kompetittiv u innovattiv”. Ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-1403_mt.htm
(9) Ara http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1521456325451&uri=CELEX:52018PC0113
(10) Ara http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1521456325451&uri=CELEX:52018PC0099
(11) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (ĠU C 81, 2.3.2018, p.117).
(12) Ara b’mod partikolari l-Opinjonijiet tal-KESE dwar Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17) u dwar Rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 117)
(13) Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-abbozz ta’ Regolament u l-Artikoli 1 sa 9 tiegħu.
(14) Ara l-Artikolu 16 tal-abbozz ta’ Regolament. L-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment li għandha ssir disponibbli għall-partijiet interessati tinkludi din ir-rakkomondazzjoni: “ma għandekx tinvesti aktar minn 10 % tal-ġid nett tiegħek fi proġetti ta’ finanzjament kollettiv.”
(15) Il-valutazzjoni tal-impatt iressaq 4 għażliet ta’ politika. Ara l-abbozz ta’ Regolament, Kapitolu 3, “Il-Valutazzjoni tal-Impatt”.
(16) Inklużi dawk fuq il-bażi tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II), id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas (PSD) kif ukoll id-Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv (AIFMD).
(17) Skont jekk il-parti interessata tkunx intraprenditur jew investitur.
(18) Dan huwa wieħed mill-“fatturi ambjentali” li l-Kumitat talab li jiġi kkunsidrat fil-punt 3.9.
(19) Ara l-punt 3.8.
(20) Ara l-premessa 16 tal-abbozz ta’ Regolament.
(21) Ara l-punt 3.10.
(22) Pereżempju fuq is-sit tal-Internet tagħhom.
(23) Pereżempju fid-dokumenti kollha maħsuba għall-partijiet interessati.
(24) Irrispettivament mis-sorveljanza u l-kwistjoni msemmija fil-punt 3.15.
(25) Premessa 4 tal-abbozz ta’ Regolament.
(26) Ara l-premessa 11 tal-abbozz ta’ Regolament.
(27) Pereżempju, ishma jew titoli oħra tal-istess tip.
(28) Ir-Regolament dwar il-Prospett (li jidħol fis-seħħ f’Lulju 2018) ma fiha l-ebda deroga speċifika għall-finanzjament kollettiv. Bosta Stati Membri, fosthom il-Belġju, għandhom l-arranġamenti tagħhom sess fis-seħħ dwar id-derogi. Dan huwa permissibbli għal transazzjonijiet taħt it-EUR 8 miljun, li m’humiex armonizzati (għal ammont ogħla hemm bżonn ta’ prospett f’kull każ). Ir-riżultat huwa li kull Stat Membru żviluppa s-sistema tiegħu ta’ eżenzjonijiet mill-obbligu li jiġi pprovdut prospett għal tranżazzjonijiet ta’ finanzjament kollettiv, li jwassal għal frammentazzjoni tas-suq. Pjattaformi li jixtiequ jkunu attivi f’diversi Stati Membri għandhom għalhekk jimmonitorjaw u jikkonformaw mas-sistema nazzjonali f’kull każ. Il-proposta hija attwalment limitata għal tranżazzjonijiet ta’ inqas minn EUR 1 miljun, u għalhekk ftit li xejn tikkontribwixxi għas-suq tal-finanzjament kollettiv għal tranżazzjonijiet ta’ aktar minn EUR 1 miljun.
(29) Artikolu 15 tal-abbozz ta’ Regolament
(30) Ara l-Artikolu 16 tal-abbozz ta’ Regolament.
(31) B’mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Ara l-Artikolu 16(8) tal-abbozz ta’ Regolament.
(32) Il-proposta tistipula li “L-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment għandha tiġi mfassla b’tal-anqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat jew b’lingwa abitwali fil-isfera tal-finanzjament internazzjonali”. Investitur “jista’ jitlob lil fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv biex iħejji traduzzjoni tal-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment f’lingwa tal-għażla tal-investitur”, iżda l-fornitur ma jidher li għandu l-ebda obbligu assolut li jipprovdi din it-traduzzjoni. Ara l-Artikolu 16 tal-abbozz ta’ Regolament.
(33) Il-banek u l-kumpaniji kwotati fil-borża huma soġġetti għar-regoli tal-MiFID, filwaqt li l-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv huma eżentati (ara l-abbozz ta’ Direttiva). Dawn tal-aħħar huma soġġetti għal regoli speċifiċi, kif stipulat fl-abbozz ta’ Regolament.
(34) L-ESMA indikat li l-finanzjament kollettiv ibbażat fuq l-investment iġorr riskju ta’ użu ħażin għall-finanzjament tat-terroriżmu, partikolarment fejn il-pjattaformi jwettqu diliġenza limitata jew l-ebda diliġenza fuq is-sidien tal-proġetti u l-proġetti tagħhom. Is-sidien tal-proġetti jistgħu jużaw pjattaformi tal-finanzjament kollettiv ibbażat fuq l-investiment sabiex jiġbru fondi biex jiffinanzjaw it-terroriżmu, kemm bil-miftuħ kif ukoll b’mod sigriet. ESMA, Questions and Answers Investment-based crowdfunding: money laundering/terrorist financing. (Mhux disponibbli bil-Malti) Ara https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/library/2015/11/esma_2015_1005_qa_crowdfunding_money_laundering_and_terrorist_financing.pdf
(35) Ara l-abbozz ta’ Regolament. B’mod partikolari, l-Artikolu 9 jirrikjedi li l-pagamenti għat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament kollettiv iridu jsiru permezz ta’ entitajiet awtorizzati skont id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament (PSD – Payment Service Directive) u għaldaqstant, soġġetti għar-raba’ Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus (AMLD – Anti-Money Laundering Directive), kemm jekk il-pagament isir permezz tal-pjattaforma nnifisha kif ukoll jekk permezz ta’ parti terza. L-Artikolu 9 jistipula wkoll li l-fornituri tas-servizz ta’ finanzjament kollettiv iridu jiżguraw li s-sidien tal-proġetti jaċċettaw il-finanzjament tal-offerti ta’ finanzjament kollettiv jew kull pagament ieħor permezz ta’ entità awtorizzata skont il-PSD biss. L-Artikolu 10 jintroduċi rekwiżiti għar-“reputazzjoni tajba” tal-maniġers, li jinkludi n-nuqqas ta’ preżenza ta’ kwalunkwe rekord kriminali skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ħasil tal-flus. L-Artikolu 13 jirrikjedi li l-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti (NCAs – National Competent Authorities), inklużi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti deżinjati skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/849, jinnotifikaw lill-ESMA b’kull kwistjoni li tkun rilevanti skont l-AMLD u li tinvolvi pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv. L-ESMA tista’ sussegwentement tirtira l-awtorizzazzjoni abbażi ta’ din l-informazzjoni.
(36) L-Artikolu 38 tal-abbozz ta’ Regolament
(37) Ara l-Artikolu 38 tal-abbozz ta’ Regolament. F’ħarsa ġenerali lejn kull punt, il-proposta tiddikjara li l-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament sa perjodu ta’ żmien li għandu jiġi speċifikat (sentejn). Ir-rapport għandu jivvaluta “l-ħtieġa u l-proporzjonalità li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jiġu soġġetti għal obbligi ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali” (fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu). Fejn adatt, dan ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn proposta leġislattiva.
(38) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna preċedenti: abbażi tal-Artikolu 38 msemmi qabel, dan jidher għalhekk li huwa l-uniku żmien fejn tista’ tittieħed deċiżjoni dwar il-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv għandhomx jiġu soġġetti għal dawn ir-regoli.
(39) Dak li b’mod speċifiku qiegħed jiġi riferit għalih hawnhekk huma l-obbligi fuq id-debituri ta’ (fost affarijiet oħra) imgħax u dividendi, abbażi tal-obbligi ta’ trasparenza, pereżempju l-obbligi ta’ żamma u rappurtar.
(40) Dan jikkonċerna “fattur ambjentali” ieħor li l-Kumitat talab li jiġi kkunsidrat fil-punt 3.9.