|
10.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 367/97 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar qafas ta’ monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari”
(COM(2018) 29 final)
(2018/C 367/19)
|
Relatur: |
Cillian LOHAN |
|
Korelatur: |
Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 12.2.2018 |
|
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Data tal-Assemblea Plenarja |
19.9.2017 |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adottata fis-sezzjoni |
26.6.2018 |
|
Adottata fil-plenarja |
11.7.2018 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
536 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
172/0/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni dwar il-Monitoraġġ tal-Implimentazzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari bħala segwitu importanti tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari u kif rakkomandat f’NAT/676. |
|
1.2. |
Din il-Komunikazzjoni hija punt ta’ tluq tajjeb, iżda jonqosha għadd ta’ indikaturi rilevanti u essenzjali:
|
|
1.3. |
Il-KESE jinnota li, minkejja li huwa korp konsultattiv għall-istituzzjonijiet tal-UE, ma kienx ikkonsultat matul il-proċess ta’ konsultazzjoni għall-iżvilupp ta’ dawn l-indikaturi. |
|
1.4. |
L-ekonomija ċirkolari hija marbuta mal-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u minħabba f’hekk, l-indikaturi ta’ monitoraġġ għandhom jirriflettu dan. |
|
1.5. |
Il-monitoraġġ jeħtieġ li jimxi lil hinn minn enfasi żejda fuq l-iskart. |
|
1.6. |
Id-definizzjoni ta’ “setturi tal-ekonomija ċirkolari” hija ristretta u għandha tiġi elaborata aktar, minħabba li għandha implikazzjonijiet għal diversi indikaturi. |
|
1.7. |
In-nuqqas ta’ data f’qasam speċifiku ma għandux ikun raġuni għall-esklużjoni. Il-lakuni tad-data għandhom isiru espliċiti, u għandhom jiġu identifikati strateġiji biex jiżguraw li dawn il-lakuni jiġu indirizzati. Jekk inkomplu nillimitaw ruħna għal data antika tradizzjonali allura mhux se nkunu qed inkejlu b’mod preċiż it-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku ġdid. |
|
1.8. |
Hemm inkonsistenzi fil-politiki u r-regolamenti li jammontaw għal ostakli għat-tranżizzjoni lejn mudell tal-ekonomija ċirkolari għas-settur tan-negozju. Dawn l-inkonsistenzi għandhom jiġu mmappjati bħala parti mill-qafas ta’ monitoraġġ. |
|
1.9. |
L-użu ta’ flus pubbliċi għandu jkun mmonitorjat bl-indikatur speċifiku tiegħu. L-investimenti li saru speċifikament għal inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari għandhom ikunu jinkludu data integrata fihom li tkun tista’ tintuża biex jiġi żviluppat dan l-indikatur. Huwa wkoll importanti li jiġu mmonitorjati “l-flus minfuqa” kif ukoll “il-flus investiti”. |
|
1.10. |
Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari għandha tintuża bħala strument biex jiġi żgurat l-involviment attiv tal-partijiet interessati fil-qasam, u għandha titfassal u tiġi implimentata strateġija ta’ komunikazzjoni b’għanijiet konkreti biex jintlaħaq dan. |
|
1.11. |
Is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni fil-livelli tal-konsumatur u tal-utent għandhom jiġu mkejla sabiex jiġi żgurat fehim akbar tar-rwol tal-konsumatur fl-ekonomija ċirkolari u fil-fluss ta’ materjali. Għandhom jitħeġġu u jitkejlu sew l-appoġġ infrastrutturali li jippermetti lill-konsumaturi jtejbu l-imġiba tagħhom fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, kif ukoll l-attivitajiet li jappoġġjaw it-trasformazzjoni minn “konsumatur” għal “utent”. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni. Il-monitoraġġ tal-progress li jsir biex jintlaħqu l-għanijiet u l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari huwa parti essenzjali tal-proċess. |
|
2.2. |
Il-konsultazzjoni dwar l-iżvilupp tal-qafas ta’ monitoraġġ għamlet enfasi fuq il-partijiet interessati. Din kellha tinkludi lill-KESE, peress li r-rwol tiegħu bħala korp konsultattiv huwa stabbilit fit-Trattati, u s-sħubija tiegħu tinkludi ħafna mill-gruppi ta’ partijiet interessati rilevanti. |
|
2.3. |
Huwa essenzjali li l-metrika fi kwalunkwe sistema ta’ monitoraġġ effettiv tkun ibbażati fuq data affidabbli paragunabbli bejn l-Istati Membri differenti. |
|
2.4. |
Il-monitoraġġ tal-progress lejn ekonomija ċirkolari huwa bla dubju kompitu impenjattiv. Ser ikun ta’ importanza kruċjali li jitkejlu l-elementi kollha tat-tranżizzjoni ċirkolari, u li jiġi żgurat li l-lakuni tad-data jiġu identifikati b’mod ċar. |
|
2.5. |
L-indirizzar tal-lakuni tad-data għandu jiġi żgurat permezz tal-allokazzjoni ta’ riżorsi sabiex b’mod urġenti jiġu stabbiliti l-kriterji u l-ġbir ta’ data biex jiġu stabbiliti l-valuri tal-linja bażi. Huwa rakkomandat li jsiru riċerka u monitoraġġ kontinwi dwar il-kriterji, il-kejl u l-indikaturi. |
|
2.6. |
Id-definizzjoni ta’ “setturi tal-ekonomija ċirkolari” hija pjuttost ristretta u tista’ tittejjeb jekk tiġi elaborata aktar. Din id-definizzjoni għandha konsegwenza ta’ effett ta’ limitazzjoni fuq il-metrika li tintuża biex tivvaluta l-attività ekonomika, il-ħolqien tal-impjiegi, l-innovazzjoni u indikaturi oħrajn.
Figura 1 — il-flussi ta’ materjali fl-ekonomija (UE-28, 2014)
Figura 1: Disponibbli minn http://ec.europa.eu/eurostat/web/circular-economy/material-flow-diagram |
|
2.7. |
L-istampa ġenerali tal-flussi tal-materjali turi li, kull sena, 8 biljun tunnellata ta’ materjali jiġu proċessati f’enerġija u fi prodotti fl-UE. Filwaqt li 0,6 biljun tunnellata minn dawn huma sussegwentement esportati, il-maġġoranza kbira tibqa’ taħt il-kontroll ta’ atturi fi ħdan l-UE. Madankollu, din l-analiżi hija selettiva f’termini tal-materjali inklużi, peress li jiġu esklużi flussi importanti, pereżempju tal-ikel u t-tessuti. Għandha tittieħed kunsiderazzjoni tal-impatt tal-produzzjoni meta mqabbla mal-impatt tal-konsum, b’analiżi ta’ dak li qed nipproduċu, nesportaw u nimportaw. |
|
2.8. |
Il-Komunikazzjoni għandha tqis il-fatt li l-awturi tar-riċerka jissuġġerixxu li ċ-ċifri għar-riċiklaġġ huma ottimisti, u x’aktarx li huma akbar milli dak li jseħħ fir-realtà. |
|
2.9. |
Huwa essenzjali li l-ekonomija ċirkolari tintrabat mal-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Qafas ta’ monitoraġġ għandu jinkludi din ir-rabta sabiex tissaħħaħ l-azzjoni u biex tiġi evitata d-dupplikazzjoni tal-isforzi, filwaqt li tittejjeb l-effiċjenza tat-tranżizzjoni. |
|
2.10. |
Il-Komunikazzjoni hija ffokata żżejjed fuq l-iskart. Spjega parzjali għal dan huwa l-fatt li d-data dwar l-iskart hija b’saħħitha, konsistenti u komparabbli. Madankollu, kull monitoraġġ fil-futur jeħtieġ imur lil hinn mill-iskart u r-riċiklaġġ, u jiffoka fuq id-disinn, il-produzzjoni u l-konsum. |
|
2.11. |
Is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni fil-livelli tal-konsumatur u tal-utent għandhom jitkejlu biex ikun żgurat għarfien aħjar dwar ir-rwol li l-konsumatur jaqdi fl-ekonomija ċirkolari u fil-fluss ta’ materjali. Għandhom jiġu introdotti soluzzjonijiet ibbażati fuq il-fatti u prattiċi – l-impenn tas-soċjetà ċivili għandu rwol sinifikanti, u l-kultura ċirkolari bbażata fuq ir-reviżjoni tal-valuri u fuq it-tibdil tax-xejriet ta’ konsum eżistenti, hija ta’ importanza kbira. |
|
2.12. |
Hemm bżonn li jinħoloq dizzjunarju approvat mill-UE għad-definizzjonijiet relatati mal-ekonomija ċirkolari. Il-monitoraġġ li qed isir bħalissa tas-setturi tal-ekonomija ċirkolari huwa ristrett wisq biex jidentifika b’mod effettiv it-tip ta’ bidla sistemika prevista fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari u mixtieqa mis-soċjetà. Hemm bżonn ukoll definizzjoni mill-ġdid dwar x’nifhmu bi skart. |
3. L-għaxar indikaturi
|
3.1. |
L-għaxar indikaturi jinsabu elenkati taħt l-intestaturi tal-produzzjoni u l-konsum, l-immaniġġjar tal-iskart, il-materja prima sekondarja, il-kompetittività u l-innovazzjoni. |
|
3.2. |
Ma hemm l-ebda indikatur għall-analiżi tal-emissjonijiet fl-arja, inklużi l-gassijiet serra, assoċjati mal-mudell lineari eżistenti. Dan huwa essenzjali għall-konnessjoni tal-ekonomija ċirkolari mal-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, mal-Objettivi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, u mal-Ftehim ta’ Pariġi. |
|
3.3. |
L-għaxar indikaturi huma ffukati żżejjed fuq l-iskart. Għandu jkun hemm analiżi iktar wiesgħa sabiex tiġi inkorporata l-katina tal-valur kollha tal-prodotti u l-materjali, inkluż l-ekodisinn, il-mudelli kummerċjali ġodda, il-bidliet fis-sistemi tan-negozju u s-simbjożi industrijali, kif ukoll it-tipi ġodda ta’ mudelli ta’ konsum. |
|
3.4. |
B’mod ġenerali, l-indikaturi għandhom, minn naħa, ikejlu l-prestazzjoni u l-benefiċċji tal-ekonomija ċirkolari u, min-naħa l-oħra, janalizzaw iċ-ċirkolarità tar-riżorsi. |
|
3.5. |
Filwaqt li hemm preferenza għal ċirkwiti iqsar u iżgħar f’ekonomija ċirkolari, l-enfasi fuq l-awtosuffiċjenza f’iżolament minn indikaturi oħrajn mhijiex indikatur taċ-ċirkolarità. Ir-rata tal-irkupru ta’ materja prima u l-użu ta’ materja prima sekondarja tista’ żżid l-awtosuffiċjenza. L-enfasi fuq l-awtosuffiċjenza bħala indikatur toħloq riskju li din issir mira, u din mhix l-intenzjoni. Din tista’, b’mod involontarju, twassal biex l-enfasi titbiegħed lil hinn minn enfasi fuq l-aktar użu effiċjenti tal-materja prima u l-prodotti. Hemm bżonn ta’ mod ta’ ħsieb sistemiku. |
|
3.6. |
Nifhmu li tqieset id-disponibbiltà tad-data meta ntagħżlu l-għaxar indikaturi. Madankollu, il-lakuni fid-data għandhom jiġu identifikati b’mod ċar u espliċitu. Għandu jiġi żviluppat pjan, b’mod urġenti u bħala parti mill-qafas ta’ monitoraġġ, sabiex jiġu indirizzati dawn il-lakuni. |
|
3.7. |
Il-pjan attwali għat-titjib tal-bażi tal-għarfien għadu ffukat wisq fuq l-iskart, u għandu jitwessa’ biex jinkludi aspetti oħra tal-ekonomija ċirkolari. |
|
3.8. |
Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-KESE, għandha tintuża bħala riżorsa biex jiġu identifikati il-lakuni fid-data, biex jiġu mifhuma x-xejriet fost il-partijiet interessati, u biex tingħata għajnuna fl-identifikazzjoni tal-ostakli għat-transizzjoni. |
4. L-ewwel sejbiet
4.1. Produzzjoni u konsum:
|
4.1.1. |
L-indikaturi dwar il-produzzjoni u l-konsum huma ffukati wisq fuq l-iskart. |
|
4.1.2. |
Fin-nuqqas ta’ data rilevanti, qed titkejjel l-awtosuffiċjenza fil-forniment ta’ materja prima. L-awtosuffiċjenza minnha stess mhijiex indikatur ta’ ekonomija ċirkolari (ara 3.4). Id-diviżjoni bejn materja prima verġni u materja prima sekondarja jew terzjarja għandha tiġi ċċarata. Ikun siewi wkoll li jiġu monitorjati l-iżviluppi b’mod aktar diżaggregat, pereżempju billi jitkejjel l-użu tas-sorsi rinnovabbli mqabbel mas-sorsi mhux rinnovabbli, l-irkupru ta’ riżorsi kritiċi, bħal metalli rari, kif ukoll l-impatti tal-produzzjoni, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet (ara 2.8). |
|
4.1.3. |
L-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) huwa indikatur tajjeb tal-użu ta’ flus pubbliċi u jista’ jkun xprun għaċ-ċirkolarità. L-implimentazzjoni tal-pjani tal-APE fl-Istati Membri tista’ tiġi ffaċilitata permezz ta’ komunikazzjoni ċara u allokazzjoni ta’ riżorsi għal taħriġ dwar ir-rabtiet bejn l-APE ċ-ċirkolarità, l-SDGs u l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. |
|
4.1.4. |
Mal-valutazzjoni tal-pjani reġjonali u nazzjonali tal-APE għandhom jiġu mmonitorjati l-programmi edukattivi għal akkwirenti, u l-informazzjoni għandha tiġi kondiviża. In-nuqqas ta’ fehim dwar il-kontradizzjonijiet evidenti bejn l-akkwist ċirkolari jew ekoloġiku u r-regoli tas-suq uniku jeħtieġ jiġi indirizzat. |
|
4.1.5. |
L-għodod użati biex ikejlu l-aspett kumpless ta’ fejn qed jinħela l-ikel tul il-katina tal-provvista huma essenzjali. Mhuwiex biżżejjed li jiġi identifikat biss il-ħela tal-ikel fil-livell tal-konsumatur meta hemm bżonn bidla sistemika biex tindirizza din il-problema enormi. |
|
4.1.6. |
Madankollu, il-ħela tal-ikel hija biss aspett wieħed fl-introduzzjoni taċ-ċirkolarità fis-settur agroalimentari. Hemm bżonn definizzjonijiet ċari biex jidentifikaw il-prattiki agrikoli li huma ċirkolari. Dawn jeħtieġ li jiġu żviluppati b’urġenza f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati (ara 2.13). Il-ħela tal-ikel għandha tiġi mmonitorjata bħala parti minn sistema waħda, sabiex jitqiesu l-interdipendenzi li jeżistu bejn il-produzzjoni tal-ikel, il-ħela tal-ikel, u setturi oħra bħal dawk tal-enerġija, il-mobilità u l-ġestjoni tal-ilma. |
|
4.1.7. |
Hemm aspetti ewlenin ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari li mhumiex indirizzati hawnhekk, u dawn għandhom ikunu parti mill-produzzjoni u l-konsum fil-qafas ta’ monitoraġġ. Dawn jinkludu l-ekodisinn, mudelli ta’ sjieda ġodda, ftehimiet volontarji, informazzjoni għall-konsumaturi, l-imġiba tal-konsumatur, infrastruttura ta’ appoġġ, sussidji tal-immappjar li jistgħu jappoġġaw l-attivitajiet li jmorru kontra dawk ċirkolari, u r-rabtiet ma’ ekonomija b’użu baxx tal-karbonju u mal-SDGs. |
4.2. Immaniġġjar tal-iskart
|
4.2.1. |
Id-definizzjoni mill-ġdid tal-ġestjoni tal-iskart, id-definizzjoni mill-ġdid tal-iskart, il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tar-riċiklaġġ, il-mudelli kummerċjali ġodda, ktajjen ta’ valur ġodda u l-azzjoni lil hinn mir-riċiklaġġ huma fundamentali għall-ekonomija ċirkolari. Il-proċess għandu jinkorpora bidla minn ġestjoni tal-iskart għal ġestjoni tar-riżorsi. |
|
4.2.2. |
L-iktar kwistjoni importanti fir-rigward tal-monitoraġġ tal-iskart muniċipali u l-perċentwali tar-riċiklaġġ tiegħu, hija fejn qed isir il-kejl tul il-katina – qabel l-issortjar (pre-sorting) jew wara (post-sorting). Fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal issir referenza għal dan, iżda mhux b’mod espliċitu fil-Komunikazzjoni. Il-KESE b’mod konsistenti ħa l-pożizzjoni li wara l-issortjar huwa l-aktar punt tal-kejl preċiż. |
|
4.2.3. |
Il-monitoraġġ tal-iskart muniċipali għandu jinkludi d-drenaġġ ukoll. L-iskart uman huwa sors ta’ enerġija vijabbli meta jkun ttrattat f’diġestituri anaerobiċi. Dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għal tnaqqis fl-emissjonijiet minn sorsi oħra tal-enerġija. |
4.3. Materja prima sekondarja
|
4.3.1. |
Ir-rwol ta’ suq vibranti u funzjonali tal-materja prima sekondarja bħala parti mill-ekonomija ċirkolari huwa kruċjali. |
|
4.3.2. |
F’ekonomija ċirkolari, il-kunċetti dwar il-fluss tal-materjali jeħtieġ li jmorru lil hinn mir-riċiklaġġ, u jinkludu l-monitoraġġ tal-flussi ta’ materjali fl-oqsma tat-tiswija u l-użu mill-ġdid, inklużi l-attivitajiet ta’ rimanifatturar. Id-definizzjonijiet huma għal darb’oħra essenzjali, peress li l-iskart ta’ settur partikolari għandu jkun riżorsa potenzjali għal settur ieħor. |
|
4.3.3. |
Għandha tiġi rikonoxxuta d-distinzjoni bejn it-tmiem tal-ħajja ta’ prodott (li bih qed infissru tmiem il-funzjonament tal-prodott) u t-tmiem tal-ħajja tal-partijiet u l-materjali komponenti użati fil-manifattura tiegħu. |
|
4.3.4. |
Il-fluss ta’ materjali f’ekonomija ċirkolari għandu jintraċċa wkoll il-bidla fis-sjieda f’mudell ta’ negozju bbażat fuq is-servizzi. |
|
4.3.5. |
Din is-sezzjoni tiffoka fuq l-immaniġġar tal-iskart li attwalment qed jiġi prodott, u tenfasizza l-opportunità biex tinħoloq materja prima sekondarja minnu. Din l-inizjattiva hija milqugħa tajjeb; madankollu, hija limitata minħabba li fost dawk ivvalutati jiġu esklużi tipi importanti ta’ flussi ta’ materjali, inklużi tal-ikel u t-tessuti. |
|
4.3.6. |
Huwa essenzjali li tiġi mmonitorjata l-karatteristika tal-istokk fis-soċjetà, sabiex jiġi żgurat li l-materja prima użata f’dan l-ispazju jkollha l-potenzjal li tiġi rkuprata meta jintemmu l-funzjonalità jew ix-xewqa għal dak l-istokk partikolari. Dan iżid il-potenzjal għall-ġestjoni tal-flussi materjali għal aktar mid-doppju. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tkun faċilitatur siewi għal dan il-monitoraġġ. |
|
4.3.7. |
Il-Komunikazzjoni tista’ ttejjeb it-trasparenza u ċ-ċarezza dwar liema materjali huma inklużi fl-istokk fis-soċjetà, u kif isir il-kejl u l-monitoraġġ tiegħu. |
4.4. Kompetittività u innovazzjoni
|
4.4.1. |
L-innovazzjoni, l-investiment u l-kummerċ huma l-operazzjonijiet prinċipali li permezz tagħhom in-negozji jikkontribwixxu għall-progress lejn l-ekonomija ċirkolari. Peress li l-ekonomija ċirkolari hija rilevanti għas-setturi kollha tan-negozju u, b’mod kruċjali, tirrikjedi kooperazzjoni bejn is-setturi, hemm bżonn ta’ approċċ usa’ għas-setturi tal-ekonomija ċirkolari. |
|
4.4.2. |
Żviluppi speċifiċi fl-ekodisinn għandhom jiġu mmonitorjati, u l-istess għall-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju ġodda bbażati fuq is-servizzi u l-opzjonijiet ta’ sjieda flessibbli. Pereżempju, għandhom jiġu mmonitorjati l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ standards relatati mal-ekodisinn li huma rilevanti għall-ekonomija ċirkolari. |
|
4.4.3. |
Hemm kumpaniji li qegħdin fi tranżizzjoni lejn l-ispazju tar-rimanifatturar u qed jieħdu pożizzjonijiet dominanti f’partijiet sinifikanti tas-swieq. Dawn għandhom ikunu parti minn qafas ta’ monitoraġġ. |
|
4.4.4. |
L-użu ta’ flus pubbliċi għandu jkun immonitorjat bl-indikaturi speċifiċi tiegħu wkoll. L-investimenti li saru speċifikament għal inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari għandhom ikollhom data integrata fihom stess li tkun tista’ tintuża għall-iżvilupp ta’ dan l-indikatur, b’tali mod li ma jitkejlux biss il-flus minfuqa iżda anke l-impatt miksub. |
|
4.4.5. |
L-investiment privat jaqdi wkoll rwol kruċjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Is-setturi tal-investiment, tal-assigurazzjoni u dak bankarju diġà żviluppaw għodod u mudelli ta’ evalwazzjoni. Bħala tali, l-investimenti privati kif ukoll il-finanzi pubbliċi għandhom jiġu kkwantifikati fis-sistema ta’ monitoraġġ. |
Brussell, il-11 ta’ Lulju 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER