10.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 283/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea”

(COM(2017) 797 final — 2017/0355 (COD))

(2018/C 283/06)

Relatur:

Christian BÄUMLER

Korelatur:

Vladimíra DRBALOVÁ

Konsultazzjoni

Konsultazzjoni mitluba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea: 10.1.2018

Konsultazzjoni mitluba mill-Parlament Ewropew: 18.1.2018

Bażi legali

L-Artikolu 153(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

25.4.2018

Adottata fil-plenarja

23.5.2018

Sessjoni plenarja Nru

535

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

164/22/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni li tagħmel il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema kollha, partikolarment dawk li jinsabu f’impjiegi atipiċi, aktar trasparenti u prevedibbli bħala pass konkret lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

1.2.

Il-KESE jiddispjaċih li ma kienx possibbli li d-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub (Direttiva 91/533/KEE) tiġi riveduta u aġġornata fi ħdan il-qafas għad-djalogu soċjali. Huwa jenfasizza li l-imsieħba soċjali għandhom rwol speċifiku li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ xogħol trasparenti u prevedibbli permezz ta’ djalogu soċjali u negozjar kollettiv, b’rispett tad-diversità fost l-Istati Membri u l-prattiki nazzjonali.

1.3.

Il-KESE jirrimarka wkoll li r-rapport tar-REFIT jinnota li d-Direttiva 91/533/KEE attwali għad għandha valur miżjud ċar, tilħaq l-għan tagħha, tibqa’ parti importanti tal-acquis u tibqa’ rilevanti għall-partijiet interessati kollha. Madankollu, instabu xi nuqqasijiet b’rabta mal-effettività, il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva u l-implimentazzjoni tagħha.

1.4.

Xi wħud mill-Istati Membri indirizzaw l-isfidi tal-impjieg atipiku u stabbilixxew miżuri ta’ salvagwardja permezz ta’ ftehimiet kollettiva, djalogu soċjali jew leġislazzjoni bil-għan li jkunu żgurati kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u tranżizzjonijiet b’perkorsi ta’ karrieri diversi fis-swieq tax-xogħol, u l-KESE jilqa’ dan b’mod espliċitu. Il-Kummissjoni għandha tikkjarifika li tali tipi ta’ protezzjoni għandhom jinżammu, b’rispett sħiħ tal-awtonomija tal-imsieħba soċjali.

1.5.

Il-KESE jifhem li l-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli għandhom iwasslu għal protezzjoni aħjar għall-ħaddiema, partikolarment dawk f’impjiegi atipiċi. Il-KESE jinnota li proposta bbilanċjata, legalment soda, mhux ambigwa u mmotivata biżżejjed biss tista’ tiggarantixxi l-konverġenza neċessarja u tiżgura l-applikazzjoni koerenti fis-suq tax-xogħol Ewropew tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva proposta.

1.6.

Il-KESE jirrikonoxxi s-sitwazzjoni partikolari ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu bħala impjegaturi u ta’ intrapriżi mikro u żgħar, li jista’ ma jkollhomx l-istess riżorsi disponibbli għalihom bħall-intrapriżi ta’ daqs medju jew akbar meta jwettqu l-obbligi tagħhom taħt id-Direttiva proposta. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jipprovdu appoġġ u għajnuna xierqa lil dawn l-entitajiet, biex jgħinuhom jilħqu dawn l-obbligi. L-użu ta’ ittri mudell u mudelli (templates), kif diġà previst mill-proposta, huwa eżempju tajjeb u miżuri prattiċi oħra għandhom jiġu esplorati.

1.7.

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet mogħtija permezz tal-liġi tal-Unjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub għandu jiġi aġġornat sabiex jiġu indirizzati l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu rrispettati l-prattiki nazzjonali. Skont il-Kummissjoni, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbiliet kriterji sabiex tiddetermina l-istatus ta’ ħaddiem li huma xierqa sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ din id-direttiva. Id-definizzjoni ta’ “ħaddiem” hija bbażata fuq dawn il-kriterji. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li toħroġ linji gwida biex tgħin lill-impjegaturi jissodisfaw l-obbligi tagħhom u biex titqajjem kuxjenza fost il-ħaddiema, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ litigazzjoni.

1.8.

Il-KESE jenfasizza li l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jidditerminaw, taħt id-djalogu soċjali, min jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “ħaddiem” iżda li din trid tkun interpretata fid-dawl tal-għan tad-direttiva, li huwa li jiġi promoss impjieg aktar sikur u prevedibbli filwaqt li tiġi assigurata l-addattabilità tas-suq tax-xogħol u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol. Il-KESE jenfasizza li l-ħaddiema domestiċi, il-baħħara u s-sajjieda għalhekk għandhom jaqgħu taħt dan l-ambitu. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara huma diġà regolati fi grad għoli mill-Ftehim tal-Imsieħba Soċjali Ewropew dwar il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol tal-ILO 2006, annessa mad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE.

1.9.

Il-KESE jinnota li l-kriterju li persuna tkun “taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra” fid-definizzjoni ta’ ħaddiem jista’ jxekkel l-inklużjoni tal-ħaddiema fuq pjattaforma. Għaldaqstant jirrakkomanda kjarifika ulterjuri sabiex dawk il-ħaddiema jibbenefikaw ukoll mill-protezzjoni tad-Direttiva. Madankollu, il-KESE jemmen li l-persuni li qed jużaw pjattaformi li huma ġenwinament awtonomi u indipendenti għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda li l-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva fir-rigward tad-definizzjoni ta’ min iħaddem għandu jiġi ċċarat, billi dan bħalissa huwa impreċiż.

1.11.

Il-KESE jappoġġja l-verżjoni riformolata tal-obbligu ta’ għoti ta’ informazzjoni lill-ħaddiema fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol meta tinbeda jew tiġi mmodifikata relazzjoni ta’ impjieg, u l-kjarifika li dan għandu jsir, l-aktar tard, meta tinbeda tali relazzjoni jew meta l-bidla tidħol fis-seħħ. Il-KESE jirrikonoxxi li jista’ jkun hemm raġunijiet operazzjonali ġustifikati biex tkun permessa flessibbiltà limitata fil-każ ta’ impriżi mikro u żgħar, filwaqt li jiġi żgurat li l-ħaddiema jiġu infurmati dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom kemm jista’ jkun qrib il-bidu tar-relazzjoni ta’ impjieg.

1.12.

Il-KESE jinnota li l-proposta tippermetti lill-imsieħba soċjali biex jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-KESE japprova dan sakemm l-għanijiet tad-Direttiva jintlaħqu, u li, b’mod ġenerali, il-protezzjoni tal-ħaddiema hija aċċettabbli u ma tiddgħajjifx.

1.13.

Il-KESE jemmen li x-xogħol fuq talba ma jistax jinżamm bħala forma ta’ impjieg mingħajr perjodu ta’ referenza adegwat u avviż xieraq bil-quddiem. Il-KESE jirrakkomanda li l-kuntratti ta’ impjieg li jipprevedu x-xogħol fuq talba għandhom jiggarantixxu ċertu numru ta’ sigħat jew pagament korrispondenti.

1.14.

Il-KESE jappoġġja d-dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti minimi relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, partikolarment fir-rigward tat-tul tal-perjodu ta’ prova, restrizzjonijiet fuq il-projbizzjoni ta’ impjieg b’mod parallel, minimu ta’ prevedibbiltà tax-xogħol, it-transizzjoni għal forma oħra ta’ impjieg fejn disponibbli, u l-għoti ta’ taħriġ mingħajr ħlas meta dan huwa meħtieġ biex il-ħaddiem iwettaq ix-xogħol. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda kjarifika ta’ ċerti aspetti, u jirrakkomanda li r-responsabbiltà titħalla f’idejn il-livell nazzjonali skont il-prassi legali nazzjonali u tad-djalogu soċjali.

1.15.

Il-KESE jemmen li għall-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva, huwa d-dritt tal-ħaddiema li jiġu protetti minn tkeċċija, jew miżuri oħrajn b’effett ekwivalenti, minħabba li jkunu invokaw id-drittijiet tagħhom taħt id-Direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa raġonevoli li min iħaddem jista’ jkun meħtieġ, fuq talba ta’ ħaddiem, li jagħti raġunijiet ċari wara l-motivi tat-tkeċċija bil-miktub.

1.16.

Il-proposta tipprevedi strumenti li bihom jiġi ssanzjonat ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni tad-Direttiva. Il-KESE ġibed l-attenzjoni għal din il-lakuna f’opinjoni preċedenti u talab sabiex tiġi rettifikata. Il-KESE huwa tal-opinjoni li s-sanzjonijiet, meta dawn ikunu ġġustifikati, għandhom jikkorrispondu għal-livell ta’ dannu mġarrab mill-ħaddiem. Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjoni fl-Artikolu 14(1) li tagħti lil min iħaddem 15-il jum sabiex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa.

1.17.

Il-proposta tistipula standards minimi għal konverġenza u huwa importanti li l-ħaddiema li attwalment igawdu minn drittijiet materjali aħjar m’għandhomx jibżgħu li jkun hemm deterjorament tad-drittijiet eżistenti tagħhom meta d-Direttiva tiġi implimentata. Il-KESE għalhekk jappoġġja l-klawsola espliċita ta’ non-rigressjoni inkluża f’din il-proposta. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda li, barra milli jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda deterjorazzjoni tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni, id-Direttiva għandha wkoll tagħmilha aktar espliċita li ma għandu jkun hemm l-ebda deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet l-oqsma individwali koperti mid-Direttiva.

2.   Kuntest tal-proposta

2.1.

Id-Direttiva proposta dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (2017/0355 (COD)) hija maħsuba sabiex tissostitwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta’ Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (“Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub”). Din għandha tikkomplementa wkoll direttivi tal-UE eżistenti oħrajn.

2.2.

Il-proposta għandha l-bażi legali tagħha fl-Artikolu 153(2)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u hija msejsa fuq evalwazzjoni REFIT tal-liġi tal-UE eżistenti. Ir-rapport dwar REFIT jinnota li d-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub iġġib valur miżjud ċar, tilħaq l-iskop tagħha u tibqa’ parti importanti mill-acquis u tkompli tkun rilevanti għall-partijiet interessati kollha. Madankollu, instabu xi nuqqasijiet b’rabta mal-effettività, il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-direttiva u l-implimentazzjoni tagħha.

2.3.

L-ispiża għall-ħruġ ta’ dikjarazzjoni bil-miktub ġdida jew riveduta mistennija tkun EUR 18-153 għall-SMEs u EUR 10-45 għal kumpaniji ikbar. Il-kumpaniji jkollhom ukoll spejjeż ta’ darba relatati mal-familjarizzazzjoni mad-Direttiva l-ġdida: medja ta’ EUR 53 għal SME u EUR 39 għal kumpanija ikbar. L-ispejjeż għat-tweġiba tat-talbiet għal forma ġdida ta’ impjieg mistennija jkunu bħall-ispejjeż marbuta mal-ħruġ ta’ dikjarazzjoni bil-miktub ġdida.

2.4.

Min iħaddem jantiċipa xi spejjeż indiretti modesti (pariri legali, sistemi ta’ skedar riveduti, ħin ta’ ġestjoni tar-Riżorsi Umani, informazzjoni għall-persunal). Il-flessibbiltà se tintilef biss fil-marġni (jiġifieri għall-proporzjon żgħir ta’ impjegaturi li jagħmlu użu estensiv mill-iktar forom flessibbli ta’ impjieg).

2.5.

Fis-26 ta’ April 2017 u l-21 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni nediet iż-żewġ fażijiet tal-konsultazzjoni tas-sħab soċjali Ewropej dwar id-direzzjoni possibbli u dwar il-kontenut tal-azzjoni tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 154 tat-TFUE. Il-fehmiet tal-imsieħba soċjali dwar il-bżonn ta’ miżuri leġislattivi biex tiġi riveduta d-Direttiva 91/533/KEE kienu mħallta. Il-KESE jinnota, bħalma għamel f’Opinjoni preċedenti, li kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli għandhom jiġu nnegozjati fuq kollox mill-imsieħba soċjali fil-qafas tad-djalogu soċjali (1) u jiddispjaċih li ma ntlaħaq l-ebda qbil fost l-imsieħba soċjali biex jidħlu f’negozjati diretti għall-konklużjoni ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni.

2.6.

Il-Kummissjoni tinnota li d-dinja tax-xogħol evolviet b’mod sinifikanti mill-adozzjoni tad-Direttiva 91/533/KEE (minn hawn ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub”) dwar l-obbligu ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg. L-aħħar 25 sena wasslu għal flessibilizzazzjoni dejjem tikber tas-suq tax-xogħol. Fl-2016 kwart tal-kuntratti tax-xogħol kollha kienu għal forom ta’ impjieg “mhux standard” u f’dawn l-aħħar għaxar snin iktar minn nofs l-impjiegi l-ġodda kollha kienu “mhux standard”. Id-diġitalizzazzjoni wkoll iffaċilitat il-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ impjieg.

2.7.

Il-Kummissjoni tinnota fil-proposta li l-flessibbiltà li tirriżulta minn forom ġodda ta’ impjieg kienet motivatur ewlieni tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir tas-suq tax-xogħol. Mill-2014, inħolqu aktar minn ħames miljun impjieg, li kważi 20 % minnhom kienu forom ġodda ta’ impjieg.

2.8.

Minkejja dan, il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll li dawn ix-xejriet rawmu l-instabbiltà u nuqqas ta’ prevedibbiltà li qed tiżdied f’ċerti relazzjonijiet ta’ xogħol. Dan huwa partikolarment minnu għall-ħaddiema fl-aktar sitwazzjonijiet instabbli. Bejn 4 u 6 miljun ħaddiem għandhom kuntratti fuq talba u intermittenti, ħafna minnhom ftit għandhom indikazzjoni ta’ meta u kemm se jdumu jaħdmu. Sa miljun ħaddiem huma soġġetti għal klawsoli ta’ esklussività, li ma jħalluhomx jaħdmu għal persuna oħra. Min-naħa l-oħra, mis-Sitt Stħarriġ dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Ewropa (2015) irriżulta li 80 % tal-ħaddiema mill-UE 28 kienu sodisfatti bil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

2.9.

Xi wħud mill-Istati Membri indirizzaw l-isfidi tal-impjieg atipiku u stabbilixxew miżuri ta’ salvagwardja permezz ta’ ftehimiet kollettiva, djalogu soċjali jew leġislazzjoni bil-għan li jkunu żgurati kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u tranżizzjonijiet b’perkorsi ta’ karrieri diversi fis-swieq tax-xogħol, u l-KESE jilqa’ dan b’mod espliċitu. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi fil-premessi li għandu jkun hemm konformità ma’ ċerti forom ta’ protezzjoni, pereżempju dawk fil-Belġju u l-Iżvezja. Fil-Belġju, pereżempju, is-sistema ta’ xogħlijiet supplimentari f’diversi setturi hija bbażata fuq il-prinċipju li l-ħaddiema diġà għandhom xogħol prinċipali ieħor.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE inkoraġġixxa wkoll lill-Istati Membri u lill-UE, fl-Opinjonijiet tiegħu dwar il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali (2), sabiex jistabbilixxu u jżommu fis-seħħ qafas regolatorju li jrawwem l-adattabbiltà, li jkun sempliċi, trasparenti u prevedibbli, li jsaħħaħ u jipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema u l-istat tad-dritt u li permezz tiegħu l-UE tista’ tippromovi qafas legali stabbli għan-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali fl-implimentazzjoni tal-flessigurtà. Fl-ewwel Opinjoni tiegħu dwar il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali (3), il-KESE enfasizza li l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol għandhom isostnu karrieri ġodda u aktar varjati. Jinħtieġu fil-ħajja tax-xogħol forom differenti ta’ ħolqien ta’ impjieg u forom differenti ta’ ħidma. Dan jirrikjedi li jiġi provdut ambjent leġislattiv adatt għall-protezzjoni tal-impjiegi sabiex ikun provdut qafas għal kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u sabiex jiġi stimolat ir-reklutaġġ taħt kwalunkwe kuntratt ta’ impjieg.

3.2.

Il-KESE jinnota li l-impjieg atipiku jista’ jkollu impatti sinifikanti kemm għall-individwi kif ukoll għas-soċjetà. L-impjieg mhux sikur jista’, pereżempju, ixekkel pjani biex wieħed jibda familja, jixtri dar jew proġetti personali oħrajn. Għandu jiġi mfakkar li ż-żgħażagħ, in-nisa u l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni huma partikolarment milquta minn dawn il-forom ta’ impjieg. Il-paga aktar baxxa li ħafna drabi hija assoċjata mal-impjieg atipiku tista’, f’ċerti każijiet, tirrikjedi benefiċċji soċjali supplimentari u, barra minn hekk, ikollha impatt negattiv fuq l-intitolament tal-pensjoni, kif ukoll fuq l-ammont.

3.3.

Il-KESE jappoġġja l-mira tal-Kummissjoni li tiżgura li swieq tax-xogħol dinamiċi u innovattivi li fuqhom hija bbażata l-kompetittività tal-UE jiġu mfassla b’mod li joffri protezzjoni bażika lill-ħaddiema kollha, kisbiet ta’ produttività fuq żmien itwal għal min iħaddem u jippermetti konverġenza lejn kundizzjonijiet aħjar tal-ħajja u tax-xogħol madwar l-UE. Il-KESE jinnota li proposta bbilanċjata u legalment soda li ma tkunx ambigwa u mmotivata biżżejjed biss tista’ tiggarantixxi l-konverġenza neċessarja u tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-obbligi, li jirriżultaw mill-parti tal-liġi dwar l-impjieg li qiegħda taħt dibattitu, fis-suq tax-xogħol Ewropew.

3.4.

Il-Kummissjoni tinnota li s-sistema regolatorja fl-UE kollha qed issir dejjem aktar kumplessa. Skont il-Kummissjoni, dan iżid ir-riskju ta’ kompetizzjoni bbażata fuq tnaqqis tal-istandards soċjali, li għandha konsegwenzi ta’ dannu kemm għal persuni li jħaddmu, li huma soġġetti għal pressjoni kompetittiva insostenibbli, u kemm għall-Istati Membri li jirrinunzjaw id-dħul mit-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-KESE jappoġġja l-mira tal-Kummissjoni li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-ħaddiema atipiċi, filwaqt li jkunu rispettati s-sistemi legali nazzjonali u ta’ djalogu soċjali, sabiex tipproteġi b’mod partikolari lil dawk il-ħaddiema li mhumiex koperti bi ftehimiet kollettivi.

3.5.

Il-KESE jqis din il-proposta bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni sabiex ikun hemm segwitu għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-pilastru jservi ta’ kumpass għall-konverġenza ’l fuq imġedda fl-istandards soċjali fil-kuntest tar-realtajiet li qed jinbidlu fid-dinja tax-xogħol. Din id-direttiva għandha tgħin fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-pilastru dwar l-“Impjieg sigur u adattabbli” u l-“Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-protezzjoni f’każ ta’ sensji”. Hemm opinjonijiet differenti dwar kif għandhom jiġu implimentati dawn il-prinċipji bl-aktar mod effettiv. Xi wħud jikkunsidraw li l-proposta tal-Kummissjoni hija pass konsiderevoli lejn id-direzzjoni t-tajba, filwaqt li oħrajn jaħsbu li din tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ.

3.6.

Madankollu, il-KESE jenfasizza li d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv għandhom jibqgħu l-aktar għodda importanti sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti, prevedibbli u diċenti, u li l-Kummissjoni Ewropea għandha toqgħod attenta li ma tintereferixxix u ma timpedixxix id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

4.1.1.

Skont l-Artikolu 1(2), id-drittijiet minimi mnaqqxa fid-direttiva japplikaw għal kull ħaddiem fl-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet mogħtija permezz tal-liġi tal-Unjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub għandu jiġi aġġornat sabiex jiġu indirizzati l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu rrispettati l-prattiki nazzjonali. Skont il-Kummissjoni, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbiliet kriterji sabiex tiddetermina l-istatus ta’ ħaddiem li huma xierqa sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ din id-direttiva. Id-definizzjoni ta’ ħaddiem fl-Artikolu 2(1) hija bbażata fuq dawn il-kriterji. Dawn jiżguraw l-implimentazzjoni koerenti tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva filwaqt li jħallu f’idejn l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali sabiex japplikawh għal sitwazzjonijiet speċifiċi. Sakemm jissodisfaw dawn il-kriterji, il-ħaddiema domestiċi, dawk li jaħdmu fuq talba, il-ħaddiema intermittenti, il-ħaddiema li jitħallsu bil-vawċers, il-ħaddiema fuq pjattaforma, dawk li jkunu qed jitħarrġu u l-apprendisti kollha jistgħu jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

4.1.2.

Il-KESE jinnota li l-kriterju li persuna tkun taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra jista’ jxekkel l-inklużjoni tal-ħaddiema fuq pjattaforma. Għaldaqstant, għandu jiġi speċifikat fil-premessi li l-algoritmi jista’ jkollhom effett vinkolanti fuq il-ħaddiema bl-istess mod bħal struzzjonijiet orali jew bil-miktub. Persuni li tassew jaħdmu għal rashom u li jużaw il-pjattaformi għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

4.1.3.

Il-KESE jinnota li l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw fid-djalogu soċjali min jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “ħaddiem”, iżda dan għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-objettiv ġenerali tad-direttiva, li huwa li l-kundizzjonijiet tax-xogħol jittejbu permezz tal-promozzjoni ta’ impjieg aktar sigur u prevedibbli, filwaqt li tiġi żgurata l-adattabbiltà tas-suq tax-xogħol. Il-QtĠ-UE nnotat (ara pereżempju l-Kawża C-393/10, O’Brien) li l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw regoli li hemm riskju li jxekklu l-kisba tal-objettivi li jkunu fil-mira ta’ direttiva u, għaldaqstant, inaqqsulha l-effettività tagħha.

4.1.4.

Il-KESE huwa mħasseb li d-definizzjoni attwali ta’ persuna li tħaddem fil-proposta tista’ twassal għal taħwid u kumplessità. Bid-definizzjoni ta’ persuna li tħaddem bħala “persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar li hija jew huma direttament jew indirettament parti mir-relazzjoni ta’ impjieg ma’ ħaddiem”, il-proposta tintroduċi kunċett ġdid għad-definizzjoni ta’ persuni li jħaddmu. Ġeneralment, ikun hemm persuna li tħaddem waħda għal kull relazzjoni ta’ impjieg. F’dan ir-rigward huwa meħtieġ li ssir referenza għal-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli.

4.1.5.

Il-KESE jinnota li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 1(6) tista’ twassal għal trattament mhux iġġustifikat u inugwali tal-ħaddiema domestiċi fir-rigward tal-aċċess għal tipi aħjar ta’ xogħlijiet, aktar taħriġ u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-istess ħaddiema. Din id-differenza fit-trattament hija bla bażi u tabilħaqq ipprojbita, minħabba li diversi pajjiżi tal-UE issa rratifikaw – u għaldaqstant huma marbuta – bil-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema domestiċi.

4.1.6.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Artikolu 1(7) tad-Direttiva għandu jkun applikabbli għall-baħħara u s-sajjieda. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara, regolati mid-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE, il-KESE huwa tal-fehma li għandha tingħata konsiderazzjoni lill-kompattibbiltà tad-direttiva proposta mal-ispeċifiċitajiet tal-professjoni marittima.

4.2.   Obbligu ta’ għoti ta’ informazzjoni

4.2.1.

Il-KESE jista’ jappoġġja l-fatt li skont l-Artikolu 4(1) tal-proposta, il-ħaddiema għandhom jiġu infurmati b’kundizzjonijiet tax-xogħol importanti fil-bidu tar-relazzjoni tal-impjieg. Dan huwa l-uniku mod kif jiġi żgurat li ż-żewġ partijiet ikunu konxji mid-drittijiet u l-obbligi tagħhom meta jidħlu f’relazzjoni ta’ impjieg. L-għoti ta’ informazzjoni fi stadju aktar avvanzat ikun biss ta’ ħsara għall-ħaddiema u fil-każ ta’ xogħol fuq perjodu qasir, dawn jistgħu jitilfu kompletament il-protezzjoni li huma intitolati għaliha. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li jista’ jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jistgħu jipprevjenu lil negozji mikro u żgħar milli jipprovdu l-informazzjoni fl-ewwel jum. Il-KESE jirrakkomanda li estensjoni qasira taż-żmien għall-għoti tal-informazzjoni tista’ tingħata lill-intrapriżi mikro u żgħar. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll li pakkett estiż ta’ informazzjoni għan-negozji, partikolarment dawk żgħar u mikro, jista’ jkun ta’ piż. Il-KESE għaldaqstant jemmen li l-għajnuna u l-appoġġ għandhom jingħataw lill-persuni fiżiċi, lill-intrapriżi żgħar u mikro, fost oħrajn minn assoċjazzjonijiet ta’ SMEs, sabiex jiġu megħjuna jissodisfaw l-obbligi tagħhom stipulati f’din id-Direttiva.

4.2.2.

Il-proposta tipprovdi fl-Artikolu 4(1) li d-dokument li jkun fih l-informazzjoni dwar ir-relazzjoni ta’ impjieg jista’ jiġi kkomunikat elettronikament, sakemm huwa faċilment aċċessibbli għall-ħaddiem. Il-KESE jemmen, madankollu, li dan huwa importanti sabiex jiġi żgurat li n-notifika fil-fatt issir. Huwa jirrakkomanda li min iħaddem u l-ħaddiema għandu jkollhom l-iskop li jaqblu dwar il-metodu ta’ trażmissjoni tad-dokument u li, fi kwalunkwe każ, in-notifika għandha titqies bħala mitmuma biss ladarba l-ħaddiem ikun kkonferma li rċieva d-dokument.

4.2.3.

Il-KESE jaqbel li l-informazzjoni dwar il-bidliet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol bażiċi għandha tingħata mill-aktar fis possibbli u l-aktar tard sa meta dawn il-bidliet jiġu implimentati. Dan jindirizza nuqqas kbir fid-Direttiva attwali dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub, li skontha l-bidliet għandhom jiġu nnotifikati biss fi żmien xahar minn meta jidħlu fis-seħħ (l-Artikolu 5(1)). Sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi żejda, għandu jiġi stipulat li l-bidliet kollha li jirriżultaw minn modifiki tar-rekwiżiti legali u amministrattivi prevalenti jew minn ftehimiet kollettivi ma għandhomx jiġu nnotifikati individwalment minn kumpanija, minħabba li f’ħafna Stati Membri bidliet bħal dawn jiġu kkomunikati mil-leġislaturi u l-imsieħba soċjali.

4.2.4.

L-Artikolu 6(1) jikkorrispondi b’mod ġenerali għad-dispożizzjonijiet eżistenti (l-Artikolu 4(1) fid-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub). Il-KESE jinnota l-informazzjoni aktar iddettaljata (issa f’(c)) dwar il-benefiċċji in natura u benefiċċji monetarji.

4.2.5.

Il-KESE jilqa’ l-obbligu stipulat fl-Artikolu 6(2) li l-ħaddiema stazzjonati jingħataw aktar informazzjoni. Huwa jirrakkomanda li għandu jiġi ċċarat li dawn l-arranġamenti huma msejsa fuq dawk eżistenti – fi kliem ieħor, li din l-informazzjoni għandha tingħata flimkien ma’ dik prevista fl-Artikoli 6(1) u 3(2). Mhuwiex ċar meta ser tidħol fis-seħħ id-Direttiva 96/71/KE rriveduta, madankollu l-KESE jinnota li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom ikunu konsistenti mal-ftehim finali dwar ir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-ħaddiema stazzjonati.

4.2.6.

Il-KESE jinnota li r-referenza għall-paġna ewlenija li għandha tiġi żviluppata minn kull Stat Membru (skont l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva dwar l-Infurzar 2014/67/UE) ma tissodisfax b’mod adegwat ir-rekwiżit ta’ għoti ta’ informazzjoni. Dan minħabba li r-referenza tassumi li kull Stat Membru kkonforma bi sħiħ mal-obbligu tiegħu fid-direttiva dwar l-infurzar u li l-ħaddiema stazzjonati jistgħu jifhmu l-informazzjoni kemm f’termini ta’ sustanza u kemm f’termini ta’ lingwa. Minħabba li ħafna pajjżi, fosthom il-Ġermanja, naqsu milli jissodisfaw kif xieraq l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/67/UE minkejja l-iskadenza tal-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-referenza ma taqdi l-ebda skop jekk il-paġna ewlenija tipprovdi biss informazzjoni ġenerali ħafna u mhux fil-lingwi rilevanti.

4.2.7.

Il-KESE jinnota li s-sempliċi referenza għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, kif inhu stipulat fl-Artikolu 6(3), mhijiex biżżejjed sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ għoti ta’ informazzjoni xierqa lill-ħaddiema barranin, jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux aċċessibbli f’lingwa li huma jifhmu. Speċjalment fir-rigward tar-rimunerazzjoni li jistgħu jistennew barra minn pajjiżhom, il-ħaddiema barranin għandhom jiġu infurmati direttament u mhux jiġu rreferuti għal dispożizzjonijiet li ma jkunux jistgħu jifhmu.

4.2.8.

L-Artikolu 6(4) joħloq eżenzjoni mill-obbligu ta’ informazzjoni għal biċċiet ta’ xogħol barra mill-pajjiż li ma jaqbżux l-erba’ ġimgħat konsekuttivi. Il-KESE huwa mħasseb li dan jista’ joħloq lakuna li tagħmilha possibbli li jiġu evitati r-rekwiżiti ta’ għoti ta’ informazzjoni. Huwa jirrakkomanda li ssir evalwazzjoni ta’ din l-eżenzjoni fi żmien debitu.

4.3.   Rekwiżiti minimi relatati mal-kondizzjonijiet tax-xogħol

4.3.1.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) għandhom iservu sabiex jintroduċu standards minimi uniformi dwar it-tul tal-perjodu ta’ prova. Din id-dispożizzjoni, bħall-eżenzjoni fl-Artikolu 7(2), hija fl-interess kemm ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema. Il-perjodi ta’ probazzjoni jippermettu lill-impjegaturi jivverifikaw li l-ħaddiema jkunu adattati għall-pożizzjoni li jkunu impjegati biex jimlew filwaqt li jagħtuhom l-appoġġ ta’ akkumpanjament u t-taħriġ. Dawn il-perjodi jistgħu jkunu akkumpanjati minn protezzjoni mnaqqsa kontra s-sensja. Kull dħul fis-suq tax-xogħol jew tranżizzjoni lejn pożizzjoni ġdida ma għandhomx ikunu soġġetti għal insigurtà fit-tul. Kif stabbilit fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-perjodi ta’ probazzjoni jenħtieġ li għalhekk ikunu ta’ durata raġonevoli. Il-KESE jinnota li l-Artikolu 7(2) jippermetti lill-Istati Membri li jipprevedu perjodu ta’ prova itwal fejn dan ikun iġġustifikat min-natura tar-relazzjoni tal-impjieg, li jista’ jkun il-każ, pereżempju, fl-amministrazzjoni pubblika ta’ ċerti Stati Membri jew għal impjiegi li jirrikjedu ħiliet eċċezzjonali.

4.3.2.

Il-KESE jappoġġja d-dispożizzjoni fl-Artikolu 8(1) li l-impjegaturi ma għandhomx jipprojbixxu lill-ħaddiema milli jaħdmu ma’ impjegaturi oħrajn barra mill-ħinijiet li jaħdmu għalihom, fil-limiti stabbiliti fid-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol li għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Madankollu, il-KESE jinnota li dritt daqstant wiesa’ għall-impjieg parallel għandu jirrispetta r-regoli, il-prattiki u t-tradizzjonijiet nazzjonali ta’ djalogu soċjali u sħubijiet soċjali fl-Istati Membri differenti. Dritt wiesa’ bħal dan jista’ jkun problematiku, b’mod partikolari rigward ta’ persunal ta’ importanza prinċipali għal min iħaddem, minħabba li impjegati bħal dawn ma jistgħux ikunu disponibbli għal ħafna persuni li jħaddmu simultanjament. Fir-rigward tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, hemm ukoll tħassib li min iħaddem jista’ jkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-ħin tax-xogħol ta’ persuni f’impjiegi paralleli. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi ċċarat li min iħaddem ma jkunx responsabbli għall-monitoraġġ tal-ħin tax-xogħol f’relazzjoni ta’ impjieg oħra.

4.3.3.

Skont l-Artikolu 8(2), min iħaddem jista’ jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ inkompatibbiltà fejn dawn ir-restrizzjonijiet ikunu ġġustifikati minn raġunijiet leġittimi bħall-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju jew l-evitar ta’ kunflitti ta’ interess. Fil-premessa 20, il-Kummissjoni tirreferi għal kategoriji speċifiċi ta’ persuni li jħaddmu. Min iħaddem jista’ fil-prinċipju jappoġġja dan l-Artikolu 8(2), iżda jikkunsidra li r-restrizzjonijiet limitanti għal xogħol għal kategoriji speċifiċi ta’ persuni li jħaddmu jidher li ma jippermettux ir-restrizzjonijiet neċessarji għall-persunal prinċipali b’mod partikolari, irrispettivament minn liema kategorija ta’ persuna li tħaddem ikunu jixtiequ jaħdmu għaliha. Madankollu, it-trejdjunjins jopponu din l-eżenzjoni wiesgħa minħabba li tagħti lil min iħaddem id-dritt unilaterali li jistipula kriterji ta’ inkompatibbiltà li jillimitaw l-impjieg parallel. F’każ li persuna li tħaddem jista’ jkollha raġunijiet leġittimi għal restrizzjonijiet bħal dawn, dawn għandhom ikunu jistgħu jiġu ġġustifikati b’mod oġġettiv, u għalhekk għandhom ikunu l-qrati u l-leġislaturi tal-Istati Membri li jkunu prinċipalment responsabbli biex jibbilanċjaw il-kunflitt ta’ interessi tal-partijiet.

4.3.4.

Il-KESE jikkondividi l-objettiv li tittejjeb il-prevedibbiltà tax-xogħol fuq talba prevista mill-proposta. Il-prevedibbiltà tista’ tittejjeb permezz ta’ restrizzjonijiet tal-ħinijiet tax-xogħol reali għal qafas ta’ referenza stabbilit bil-quddiem u permezz ta’ notifika bikrija ta’ dawn il-ħinijiet, kif inhu previst fl-Artikolu 9. Ħaddiema li l-iskeda tax-xogħol tagħhom hija pjuttost varjabbli għandhom jibbenefikaw minn prevedibbiltà minima ta’ xogħol fejn l-iskeda tax-xogħol prinċipalment b’mod dirett – pereżempju bl-allokazzjoni tal-assenjazzjonijiet tax-xogħol – jew b’mod indirett – pereżempju billi l-ħaddiem jintalab iwieġeb għat-talbiet tal-klijenti – tirrikjedi li l-ħaddiema jkunu flessibbli. Madankollu, jeħtieġ li jkun hemm kjarifika dwar x’inhu mifhum b’perjodu ta’ notifika raġonevoli biżżejjed għall-ħaddiem sabiex jiġi infurmat dwar ix-xogħol għall-jiem li jkunu ġejjin u dwar min għandu jieħu d-deċiżjoni dwar x’perjodi ta’ notifika huma raġonevoli għal liema fergħat tal-industrija. L-arranġamenti jvarjaw bejn is-setturi.

4.3.5.

Il-KESE jinnota li d-direttiva ma tipprovdix gwida kwalitattiva lill-Istati Membri dwar il-qafas ta’ referenza u n-notifika minn qabel. Mhuwiex impossibbli li anki perjodu ta’ referenza u perjodi ta’ notifika stabbiliti b’mod wiesa’ jkunu konformi mad-direttiva, anki jekk dawn ma tejbux il-prevedibbiltà tax-xogħol għall-ħaddiema. Barra minn hekk il-perjodi ta’ referenza jistgħu jiġu imposti b’mod unilaterali minn min iħaddem, mingħajr ma l-ħaddiema jgawdu mill-istess dritt; xi ħaġa li twassal għall-iżbilanċ eżistenti.

4.3.6.

Il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li x-xogħol fuq talba jġib flessibbiltà li tillimita l-prevedibbiltà tal-ħajja ta’ kuljum ta’ impjegat. Dħul varjabbli u mhux affidabbli jista’ joħloq problemi serji li x-xogħol fuq talba jikkawża għall-persunal. Il-KESE jemmen li x-xogħol fuq talba ma jistax jinżamm bħala forma ta’ impjieg mingħajr ma jiġi stabbilit perjodu ta’ referenza adegwat u avviż xieraq bil-quddiem għall-ħaddiem. Il-KESE jirrakkomanda li l-kuntratti ta’ impjieg li jipprevedu x-xogħol fuq talba jridu jiggarantixxu ċertu numru ta’ sigħat jew pagament korrispondenti.

4.3.7.

Skont l-Artikolu 10(1), wara perjodu ta’ impjieg ta’ sitt xhur, il-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jistaqsu lil min iħaddimhom għal forma ta’ impjieg b’kundizzjonijiet tax-xogħol aktar prevedibbli u siguri. Il-KESE jilqa’ l-fatt li dan l-arranġament se jkopri l-kategoriji kollha tal-ħaddiema f’arranġamenti li mhumiex standard jew li mhumiex siguri. Huwa maqbul li ma teżistix dispożizzjoni għal dritt li jista’ jiġi infurzat sabiex wieħed jimxi għal forom oħrajn ta’ impjieg, fejn dan ikun disponibbli. Fil-verità, id-dritt li tippreżenta talba fih innifsu mhuwiex titjib li jagħmel sens fis-sitwazzjoni legali tal-ħaddiema, minħabba li huma diġà jistgħu jesprimu x-xewqa għal titjib, kuntratt miftuħ u affarijiet simili. Madankollu, miżuri ta’ politika biex jappoġġjaw dan il-għan għandhom ikunu effiċjenti u proporzjonati u ma għandhomx iqiegħdu piżijiet amministrattivi li mhumiex neċessarji fuq il-kumpaniji.

4.3.8.

Il-KESE jemmen li r-rekwiżiti fl-Artikolu 10(2) rigward it-tweġiba bil-miktub ta’ min iħaddem għandhom jiġu amplifikati. Min iħaddem għandu jipprovdi raġunijiet tan-negozju oġġettivi għaċ-ċaħda tat-talba, sabiex fejn il-ħaddiem jemmen li l-applikazzjoni tkun ġiet miċħuda fuq bażi ta’ raġunijiet oħrajn, iċ-ċaħda tkun tista’ tiġi soġġetta għal reviżjoni indipendenti mill-qrati jew skont il-prattiki nazzjonali. Dan huwa l-uniku mod kif jista’ jiġi żgurat li min iħaddem jikkunsidra serjament it-talbiet tal-ħaddiema aktar milli jipprovdi biss kwalunkwe tweġiba biex jikkonforma ma’ formalità.

4.3.9.

Il-KESE jinnota l-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni fiżiċi li jħaddmu, u intrapriżi żgħar u mikro fid-deroga mir-rekwiżiti tal-ġustifikazzjoni bil-miktub previsti fl-Artikolu 10(2). Madankollu, huwa jinnota li l-formolazzjoni attwali tkopri l-kumpaniji kollha li għandhom 249 ħaddiem jew anqas u fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, jiġifieri 99 % tal-kumpaniji tal-UE. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga għandu għalhekk jerġa’ jiġi kkunsidrat.

4.3.10.

Il-KESE huwa tal-fehma li d-Direttiva għandha tirriżulta f’opportunitajiet reali għall-ħaddiema li jkollhom xogħlijiet li mhumiex standard sabiex jibdew jaħdmu b’termini ta’ impjieg aktar standardizzati u xierqa għall-kwalifiki tagħhom. Dan jirrikjedi drittijiet minimi għall-ħaddiema temporanji sabiex jitmexxew f’impjieg miftuħ u minn xogħol part-time jibdew jagħmlu xogħol full-time, fejn ikun hemm postijiet vakanti fil-kumpanija u l-ħaddiem ikollu l-ħiliet jew il-kwalifiki meħtieġa.

4.3.11.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-dispożizzjoni fl-Artikolu 11 li meta l-leġislazzjoni tal-Unjoni jew dik nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi rilevanti jkunu jirrikjedu li min iħaddem jipprovdi t-taħriġ lill-ħaddiema sabiex ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol li jiġu impjegati għalih, xejn mill-ispejjeż ta’ dan it-taħriġ m’għandu jitħallas mill-ħaddiem. Fir-rigward ta’ “klawsola ta’ rimborż” possibbli f’każ li t-taħriġ iwassal lil hinn mir-rekwiżiti legali, u li jwassal għal kwalifika ogħla u fejn l-impjegat jirriżenja fi stadju bikri wara t-taħriġ, il-KESE jenfasizza li tali klawsoli għandhom ikunu ġġustifikati sew u fejn xieraq negozjati permezz ta’ ftehim bejn l-imsieħba soċjali u fi kwalunkwe każ għandhom ikunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom effett rigressiv (jiġifieri jonqos ir-riskju tal-ħlas lura matul l-impjieg).

4.3.12.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Artikolu 12 jipprevedi li l-istandards minimi fl-Artikoli 7 sa 11 għandhom jiġu mmodifikati skont il-ftehimiet kollettivi bil-kundizzjoni li d-drittijiet tal-ħaddiema jibqgħu f’livell xieraq f’dawk il-ftehimiet u li l-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema tinżamm. Nixtiequ nirrimarkaw li kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli għandhom jiġu nnegozjati b’mod speċjali mis-sħab soċjali fil-qafas ta’ djalogu soċjali.

4.4.   Dispożizzjonijiet oħra

4.4.1.

Il-KESE jinnota l-fatt li l-Artikolu 13 jirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw li tinżamm konformità ma’ din id-direttiva u jiddikjaraw nulli u bla effett jew jemendaw dispożizzjonijiet li jmorru kontriha fi ftehimiet kollettivi u individwali skont id-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Il-konsegwenzi tal-introduzzjoni tal-idea tal-annullament u l-konformità korrispondenti mad-direttiva fl-Istati Membri għandhom jiġu studjati bir-reqqa speċjalment fid-dawl tal-Artikolu 12. Ir-rwol tas-sħab soċjali huwa li jiżguraw li l-konformità għandha tiġi inkoraġġita u rrispettata.

4.4.2.

L-Artikolu 14 tal-proposta jipprevedi strumenti li bihom jiġi ssanzjonat ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni tad-direttiva. Il-KESE ġibed l-attenzjoni għal din il-lakuna f’Opinjoni preċedenti u talab sabiex tiġi rettifikata (4). Il-KESE huwa tal-opinjoni li s-sanzjonijiet, meta dawn ikunu ġġustifikati, għandhom jikkorrispondu għal-livell ta’ dannu mġarrab mill-ħaddiem. Tista’ tiġi evitata l-litigazzjoni anki għal ksur tekniku żgħir tad-direttiva. Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjoni fl-Artikolu 14(2) li tagħti lil min iħaddem 15-il jum sabiex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa.

4.4.3.

Il-KESE jilqa’ r-rekwiżit impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 15 sabiex jiżguraw li l-ħaddiema jkollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

4.4.4.

Il-KESE jilqa’ l-arranġamenti fl-Artikolu 16 li jagħtu forma tanġibbli lill-projbizzjoni ġenerali tat-trattament dixxiplinarju. Dawn l-arranġamenti, li l-Istati Membri jimplimentaw permezz ta’ projbizzjoni espliċita tad-diskriminazzjoni, iservu bħala sinjal lill-prattikanti legali u joperaw bħala miżura preventiva.

4.4.5.

Il-KESE jinnota l-protezzjoni mis-sensja prevista fl-Artikolu 17 u l-piż relatat tal-prova. L-Artikolu 17(1) jistipula li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu s-sensja (jew il-miżuri b’effett ekwivalenti) jew it-tħejjijiet għas-sensja fuq bażi li l-ħaddiema eżerċitaw id-drittijiet previsti fid-direttiva. Flimkien mal-Artikolu 17(2), li permezz tiegħu l-ħaddiema li jaħsbu li jkunu tkeċċew għax ikunu eżerċitaw drittijiet skont din id-direttiva jistgħu jitolbu lil min iħaddem biex jipprovdi raġunijiet sostanzjati kif xieraq, din hija għodda utli għall-eżerċitar tad-drittijiet li jirriżultaw minn din id-direttiva. L-approċċ fl-Artikolu 17(3) – li huwa kompitu ta’ min iħaddem li jagħti prova li s-sensja kienet ibbażata fuq raġunijiet li mhumiex diskriminazzjoni tal-ħaddiem – huwa fid-direzzjoni t-tajba, iżda għad hemm xi tħassib fir-rigward tal-bażi legali li għandu jiġi ċċarat. Għandu jkun ċar li t-tkeċċijiet jew miżuri simili huma invalidi minħabba li l-ħaddiema jkunu invokaw id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva.

4.4.6.

Il-KESE jappoġġja l-obbligi fuq l-Istati Membri stipulati fl-Artikolu 18 sabiex jiġu stabbiliti penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali.

4.4.7.

Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjonijiet ċari fl-Artikolu 19 li jipprojbixxu t-tnaqqis tal-istandards f’din il-leġislazzjoni, li diġà qegħdin fid-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni eżistenti bil-Miktub (l-Artikolu 7), li hija indispensabbli fejn l-istandards tad-drittijiet sostantivi huma ogħla. Il-paragrafu 1, madankollu, jeħtieġ li jiġi ċċarat sabiex jiżgura li mhux talli l-livell ġenerali tal-protezzjoni ma jistax jitbaxxa, talli – b’rabta speċifika mal-oqsma individwali koperti bid-direttiva – l-ebda deterjorament mhu permess fl-oqsma li tirregola b’riżultat tal-implimentazzjoni tagħha.

4.4.8.

Il-KESE huwa sodisfatt li, skont l-Artikolu 21, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva għandhom jiġu estiżi wkoll għall-kundizzjonijiet tax-xogħol eżistenti. Dan hija xi ħaġa tajba u neċessarja, meta tqis it-titjib fis-sitwazzjoni legali li d-direttiva timmira li tikseb. Jirrikonoxxi, madankollu, li dan jista’ jwassal għal spejjeż u piżijiet addizzjonali għall-kumpaniji. Għandhom jittieħdu miżuri sabiex il-persuni fiżiċi li jħaddmu u jaġixxu bħala kumpaniji, b’mod partikolari dawk żgħar u mikro, jiġu assistiti sabiex jilħqu l-obbligi tagħhom skont id-direttiva.

Brussell, it-23 ta’ Mejju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30

(2)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10, ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145.

(3)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10.

(4)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10