28.6.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 227/76 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Brażil għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, u għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Moldova għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex, u fir-rigward tal-ewkivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Moldova”
[COM(2017) 643 final — 2017/0297 (COD)]
(2018/C 227/11)
Relatur: |
Emilio FATOVIC |
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 16.11.2017 |
Bażi legali |
Artikoli 43(2), 114(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat |
5.12.2018 |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adottata fis-sezzjoni |
6.2.2018 |
Adottata fil-plenarja |
14.2.2018 |
Sessjoni plenarja Nru |
532 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
140/0/8 |
1. Sfond u proposta tal-Kummissjoni
1.1. |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tagħti ekwivalenza lil ċerti pajjiżi terzi fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post u l-produzzjoni ta’ żrieragħ ta’ ċerti speċijiet (1). |
1.2. |
Dawn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw iż-żrieragħ miġbura u kkontrollati f’dawn il-pajjiżi, joffru, fir-rigward tal-karatteristiċi, l-arranġamenti għall-analiżi, l-identifikazzjoni, it-tikkettar u l-kontroll, l-istess garanziji bħall-kondizzjonijiet applikabbli għaż-żrieragħ miġbura u kkontrollati fl-Unjoni Ewropea. |
1.3. |
Il-Brażil u l-Moldova mhumiex fost dawk il-pajjiżi terzi kkunsidrati mid-Deċiżjoni 2003/17/KE, għaldaqstant iż-żrieragħ miġbura f’dawn il-pajjiżi ma jistgħux ikunu importati lejn l-UE. Għaldaqstant, iż-żewġ pajjiżi bdew jitolbu mill-ġdid lill-Kummissjoni biex tirregola lil xi produzzjonijiet ta’ żrieragħ tagħhom (Brażil: pjanti tal-għalf u ċereali; Moldova: ċereali, pjanti żejtnin u tal-fibra u l-ħxejjex) kif previst fid-Deċiżjoni msemmija, għall-fini li jiksbu l-ekwivalenza u l-possibbiltà li jesportaw lejn l-Ewropa. |
1.4. |
Bi tweġiba għal dawn it-talbiet, il-Kummissjoni eżaminat il-leġislazzjonijiet tal-Brażil u tal-Moldova dwar is-suġġett. Wara dan, il-Kummissjoni vverifikat l-ispezzjonijiet fuq il-post u s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni taż-żrieragħ fil-Brażil u fil-Moldova. Il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rekwiżiti u s-sistemi ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi huma ekwivalenti għal dawk tal-UE, u jagħtu l-istess garanziji (2). |
1.5. |
Għaldaqstant, fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien xieraq li xi żrieragħ tal-Brażil u l-Moldova jitqiesu ekwivalenti għall-istess tip ta’ żrieragħ miġbura, prodotti u kkontrollati fl-UE. Ir-rikonoxximent jista’ jsir permezz ta’ Deċiżjoni li tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. |
2. Kummenti u rakkomandazzjonijiet
2.1. |
Il-KESE jieħu nota tal-eżitu pożittiv tal-awditi mwettqa mill-Kummissjoni fil-Brażil u l-Moldova skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE, sabiex tkun rikonoxxuta l-ekwivalenza tar-rekwiżiti legali u tal-kontrolli uffiċjali għaċ-ċertifikazzjoni taż-żrieragħ. |
2.2. |
Il-KESE, li kompla fuq l-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (3) fil-qasam u f’konformità ma’ dak li diġà ħareġ mill-paragun ta’ bejn il-Kummissjoni, il-partijiet interessati u l-Istati Membri, jappoġġja l-azzjoni leġislattiva li qed tiġi kkunsidrata. Barra minn hekk, il-Kumitat jaqbel dwar il-fatt li r-rikonoxximent tal-ekwivalenza jista’ joħloq vantaġġi għall-kumpaniji taż-żrieragħ tal-UE li joperaw fil-Brażil u fil-Moldova, għall-importaturi potenzjali tal-UE taż-żerriegħa minn dawn il-pajjiżi, u għall-bdiewa tal-UE, li se jkollhom aċċess għal varjetà usa’ ta’ żrieragħ. |
2.3. |
Il-Kumitat jesprimi biss riżerva dwar il-proposta ta’ rikonoxximent għall-Moldova fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żrieragħ tal-ħxejjex. Dawn iż-żrieragħ li huma regolati mid-Direttiva 2002/55/KE, huma kkummerċjalizzati esklussivament bħala “standard”, li ma jeħtiġux ċertifikazzjoni uffiċjali biex jitqiegħdu fis-suq, iżda l-awtoċertifikazzjoni mill-manifattur u, biss wara l-istadju ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-kontroll sussegwenti tal-karatteristiċi u tal-kwalità tal-prodott. Din is-sistema hija bbażata fuq ir-responsabbiltà tal-produttur, li huwa identifikat u traċċabbli sew peress li jinsab fit-territorju tal-UE. It-traċċabbiltà u l-kontroll żgur li ma jkunux faċli fil-każ ta’ produzzjonijiet ta’ oriġini barra mill-UE. Sal-lum, id-deċiżjoni tal-UE li ma tirrikonoxxix l-ekwivalenza taż-żrieragħ tal-ħxejjex lill-ebda pajjiż terz hija minħabba din il-problema oġġettiva. Għaldaqstant, il-Kumitat jenfasizza l-kwistjonijiet kritiċi, bit-tama għal reviżjoni aktar preċiża mill-Kummissjoni. |
2.4. |
Il-KESE jagħraf, kif issostni l-Kummissjoni, li r-rikonoxximent tat-tekniki ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni huwa miżura ta’ natura teknika. Madankollu, peress li l-ftuħ tas-suq Ewropew għall-prodotti minn pajjiżi terzi se jiġġenera impatt ekonomiku u soċjali, il-Kumitat jirrakkomanda li ssir valutazzjoni tal-impatt biex ikun verifikat li l-produtturi Ewropej, u b’mod speċifiku l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar, ma jintlaqtux b’mod negattiv minn din il-miżura. |
2.5. |
Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li sal-lum, aktar minn 60 % tas-suq taż-żrieragħ jinsab iddominat minn ftit intrapriżi multinazzjonali kbar. Il-ftuħ għal pajjiżi terzi, fejn il-produzzjonijiet jinsabu taħt il-kontroll tal-istess intrapriżi, jista’ jkompli jaggrava l-kondizzjonijiet għall-konsorzji u l-produtturi ż-żgħar, b’impatt sinifikanti wkoll fuq ir-reżiljenza ekonomika u soċjali ta’ bosta komunitajiet lokali bi produzzjoni speċifika. Fl-agħar każijiet, dan kollu jista’ jiffavorixxi każijiet ta’ depopolazzjoni tal-komunitajiet rurali, b’konsegwenzi wkoll fuq il-bijodiversità tal-koltivazzjonijiet u l-produzzjonijiet agroalimentari Ewropej, għaliex ħafna drabi jkunu dawn l-intrapriżi ż-żgħar li jippreservaw xi wħud miż-żrieragħ antiki u tradizzjonali (4). |
2.6. |
Il-KESE jtenni wkoll l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tivvaluta b’mod sħiħ il-proċessi implimentati f’pajjiżi terzi, filwaqt li jfakkar li wara prodotti bi prezzijiet aktar kompetittivi hemm każijiet ta’ sfruttament fuq il-post tax-xogħol u anki tħaddim tat-tfal. Dan l-approċċ jidher li huwa essenzjali u indispensabbli fi żmien meta l-UE hija involuta b’mod attiv fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030. L-UE fil-fatt hija l-ewwel importatur u esportatur ta’ prodotti agroalimentari fuq skala globali u taqdi r-rwol fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol taċ-ċittadini u tal-ħaddiema fil-pajjiżi terzi anki biex ixxejjen forom ta’ kompetizzjoni żleali (5). |
2.7. |
Fl-aħħar nett, il-KESE jittama li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ biss jekk ikun hemm reċiproċità ta’ ekwivalenza u rikonoxximent tal-istess prodotti Ewropej, b’mod li l-intrapriżi tas-settur jkollhom aktar opportunitajiet ta’ tkabbir u żvilupp. Dan ikun konformi mat-talbiet speċifiċi li diġà tressqu mill-partijiet interessati fil-fażi ta’ konsultazzjoni. |
Brussell, l-14 ta’ Frar 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Skont id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE.
(2) Diġà skont ir-regoli tal-ISTA (International Seed Testing Association – Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ittestjar taż-Żrieragħ).
(3) ĠU C 74, 23.03.2005, p. 55, ĠU C 351, 15.11.2012, p. 92.
(4) Din ir-riflessjoni hija msaħħa mill-fatt li l-konsultazzjoni pubblika onlajn, imnedija mill-Kummissjoni, irċeviet biss tliet risposti u tnejn minnhom ġew minn ċittadini privati, b’konferma li l-proċessi deċiżjonali kienu kondiviżi biss mal-partijiet interessati ewlenin fil-livell Ewropew.
(5) ĠU C 173. 31.5.2017, p.20, Artikolu 1.6.