|
10.1.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 10/1 |
OPINJONI Nru 9/2018
(skont l-Artikolu 287(4), TFUE)
rigward il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm tal-UE Kontra l-Frodi
(2019/C 10/01)
WERREJ
|
|
Paragrafu |
Paġna |
|
SOMMARJU |
I-VI |
2 |
|
INTRODUZZJONI |
1-8 |
3 |
|
L-EWWEL PARTI: KUMMENTI ĠENERALI |
9-17 |
4 |
|
Tfassil tal-programm |
9-12 |
4 |
|
Objettivi tal-programm |
13-14 |
4 |
|
Indikaturi tal-programm |
15-16 |
5 |
|
Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-programm u rappurtar dwaru |
17 |
5 |
|
IT-TIENI PARTI: KUMMENTI SPEĊIFIĊI |
18-21 |
5 |
|
Regoli ta’ eliġibbiltà |
18 |
5 |
|
Rati ta’ kofinanzjament |
19-20 |
5 |
|
Evalwazzjoni |
21 |
6 |
|
IT-TIELET PARTI: KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET |
22-25 |
6 |
|
ANNESS – EMENDI GĦALL-PROPOSTA SSUĠĠERITI MILL-QEA |
7 |
|
IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 325(4) tiegħu;
Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-programm Hercule III li jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (1) (Opinjoni Nru 3/2012 (2)),
Wara li kkunsidrat ir-Rapporti Speċjali Nru 10/2015 (3), Nru 24/2016 (4) u Nru 19/2017 (5) tal-Qorti tal-Awdituri,
Wara li kkunsidrat id-dokument informattiv u analitiku tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-futur tal-finanzi tal-UE (6) u dak dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2021-2027 (7),
Wara li kkunsidrat il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm tal-UE Kontra l-Frodi, li ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Mejju 2018 (8) (minn hawn ’il quddiem “il-proposta”),
Wara li kkunsidrat it-talbiet li l-Parlament u l-Kunsill għamlu fis-27 ta’ Ġunju 2018 u fit-30 ta’ Mejju 2018 rispettivament, għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (9);
ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA
SOMMARJU
|
I. |
Il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 tinkludi ġabra ta’ miżuri maħsubin biex jgħinu lill-Istati Membri u lill-Unjoni fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif ukoll biex iħeġġu l-assistenza amministrattiva reċiproka u l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-oqsma tad-dwana u tal-agrikoltura. Għalkemm il-Kummissjoni ppruvat tissimplifika l-ġestjoni baġitarja, hemm ir-riskju ta’ duplikazzjonijiet u ta’ nuqqas ta’ sinerġiji ma’ miżuri li jiffinanzjaw azzjonijiet simili jew l-istess azzjonijiet. Dan jixħet dubju fuq il-valur miżjud tal-programm. |
|
II. |
It-tħejjija tal-proposta ma kinitx tinkludi valutazzjoni tal-impatt komprensiva u ddokumentata. Il-proposta kienet akkumpanjata minn evalwazzjoni ex ante, kif meħtieġ mir-Regolament Finanzjarju. Madankollu, aħna nieħdu nota tal-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni biex teżamina x’duplikazzjonijiet u sinerġiji seta’ kien hemm bejn il-programm u azzjonijiet oħra tal-UE, u biex tevalwa aħjar il-valur miżjud tal-programm. Kif osservajna fir-Rapport Speċjali Nru 19/2017, il-Kummissjoni sabet li, fil-qafas tal-programm Hercule II, seta’ sar ħafna aktar biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tagħha bl-għan li jiġu evitati duplikazzjonijiet u jittieħed benefiċċju mis-sinerġiji bejn il-programmi. |
|
III. |
Il-proposta ma tistipulax ir-rata ta’ kofinanzjament, jiġifieri l-perċentwal tal-kontribuzzjoni mill-UE għall-ispejjeż tal-azzjonijiet (id-differenza tiġġarrab mill-Istati Membri). Dan mhuwiex konformi mar-Regolament Finanzjarju. Preċedentement, aħna rrakkomandajna li tiġi stabbilita rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 50 % għall-komponenti tat-tagħmir tekniku, u ta’ 80 % għall-azzjonijiet l-oħra. |
|
IV. |
Xi wħud mill-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-programm la huma speċifiċi u lanqas ma jistgħu jitkejlu. L-indikaturi tal-prestazzjoni proposti mhumiex ċari u robusti biżżejjed. Dan imur kontra r-Regolament Finanzjarju, u jillimita l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni tar-riżultati, kif ukoll l-immirar effettiv tal-fondi favur azzjonijiet li jipproduċu valur miżjud. |
|
V. |
Aħna nirrakkomandaw lill-korpi leġiżlattivi biex jispeċifikaw aħjar l-objettivi tal-programm u l-indikaturi li se jintużaw għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u għall-evalwazzjoni tar-riżultati tiegħu, kif ukoll biex jitolbu lill-Kummissjoni sabiex twettaq valutazzjoni bl-għan li teżamina d-duplikazzjonijiet u s-sinerġiji tal-programm ma’ azzjonijiet oħra tal-UE u li tevalwa l-valur miżjud tiegħu. |
|
VI. |
Aħna nissuġġerixxu wkoll li l-korpi leġiżlattivi jikkjarifikaw il-frekwenza tar-rappurtar dwar il-prestazzjoni u r-rati ta’ kofinanzjament li jridu jiġu applikati, kif ukoll jiddikjaraw li l-evalwazzjonijiet jridu jitwettqu minn evalwatur indipendenti. |
INTRODUZZJONI
|
1. |
L-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-Unjoni u lill-Istati Membri responsabbiltà kondiviża biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE. L-implimentazzjoni tal-oqfsa finanzjarji pluriennali (MFFs) preċedenti kienet akkumpanjata minn ġabra ta’ miżuri maħsubin biex jgħinu lill-Istati Membri u lill-Unjoni fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa dawk l-interessi, kif ukoll biex iħeġġu l-assistenza amministrattiva reċiproka u l-kooperazzjoni fl-oqsma doganali u agrikoli. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-programm Hercule III kien wieħed mill-programmi prinċipali li ġew stabbiliti għall-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-frodi. |
|
2. |
Il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi propost għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, jipprevedi l-kontinwazzjoni tal-biċċa l-kbira mid-dispożizzjonijiet tal-programm Hercule III, li jkopri l-infiq relatat mal-forniment ta’ assistenza teknika speċjalizzata lill-Istati Membri, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ taħriġ speċjalizzat immirat u azzjonijiet oħra. Dawn id-dispożizzjonijiet jiffukaw fuq il-ġlieda kontra l-frodi u jappoġġaw l-operazzjonijiet transkonfinali. Il-programm ikun jiffinanzja wkoll żewġ sistemi ewlenin: is-Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS) (10), li tkopri l-applikazzjonijiet doganali mmaniġġjati mill-Kummissjoni, u s-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS), li tassisti lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom li jirrappurtaw l-irregolaritajiet (frodulenti u mhux frodulenti) li jinqabdu f’dak li jirrigwarda l-fondi tal-UE. |
|
3. |
Il-programm propost ikollu żewġ objettivi ġenerali:
|
|
4. |
Huwa jkollu wkoll tliet objettivi speċifiċi:
|
|
5. |
Il-baġit totali propost għall-implimentazzjoni tal-programm huwa ta’ EUR 181 miljun għall-perjodu kollu. Dan l-ammont ikun nominalment allokat għat-tliet objettivi speċifiċi kif ġej: EUR 114 miljun (63 %), EUR 7 miljun (4 %) u EUR 60 miljun (33 %) rispettivament. Il-programm ikun amministrat direttament mill-Kummissjoni (11). |
|
6. |
Fl-Opinjoni Nru 3/2012, aħna enfasizzajna xi dgħufijiet fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-programm Hercule II (12), li kienet iffukata fuq l-inputs u l-outputs, iżda li ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar l-impatt tal-programm. Aktar reċentement, is-sejbiet tagħna fir-Rapporti Speċjali Nru 10/2015, Nru 24/2016 u Nru 19/2017 urew, fil-qosor, li ġew osservati xi dgħufijiet fl-operat tal-AFIS u tal-IMS. Dawn affettwaw l-effettività tal-komunikazzjoni u tar-rappurtar ta’ informazzjoni dwar il-frodi u l-irregolaritajiet. |
|
7. |
Din l-opinjoni hija bbażata fuq ix-xogħol preċedenti tagħna, kif ukoll fuq analiżi li wettaqna tal-proposta tal-Kummissjoni, l-evalwazzjoni ex ante (13) li takkumpanjaha u l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm Hercule III (li tkopri l-perjodu minn Jannar 2014 sa Ġunju 2017). |
|
8. |
Din l-opinjoni hija maqsuma fi tliet partijiet: kummenti ġenerali, kummenti speċifiċi u konklużjonijiet. |
L-EWWEL PARTI: KUMMENTI ĠENERALI
Tfassil tal-programm
|
9. |
Fil-QFP attwali, Hercule III huwa programm ta’ nfiq awtonomu. Il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi jipprevedi li jikkombina l-programm Hercule III mal-bażi ta’ finanzjament tal-AFIS u l-IMS. Filwaqt li dawn iż-żewġ sistemi jkomplu jkunu marbuta fuq il-livell operazzjonali bl-istrumenti legali rispettivi tagħhom (ir-Regolament (KE) Nru 515/97 għall-ewwel sistema u bosta regolamenti speċifiċi għas-settur għat-tieni waħda), id-dispożizzjonijiet ta’ finanzjament tal-AFIS jiġu ttrasferiti għall-programm il-ġdid. |
|
10. |
Aħna nilqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tissimplifika l-ġestjoni baġitarja tat-tliet strumenti. Madankollu, hemm ir-riskju ta’ duplikazzjonijiet u ta’ nuqqas ta’ sinerġiji ma’ miżuri li jiffinanzjaw azzjonijiet simili jew l-istess azzjonijiet (14), pereżempju l-programm Dwana li jmiss. Użu effiċjenti u effettiv tar-riżorsi jista’ jinkiseb billi jingħaqdu flimkien azzjonijiet f’oqsma simili. Fir-Rapport Speċjali Nru 19/2017, aħna ħadna nota tas-sejba tal-Kummissjoni li skontha, fil-qafas tal-programm Hercule II, seta’ sar ħafna aktar biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tagħha bl-għan li jittieħed benefiċċju mis-sinerġiji u jiġu evitati duplikazzjonijiet bejn il-programmi (15). |
|
11. |
Il-proposta kienet akkumpanjata minn evalwazzjoni ex ante, kif meħtieġ skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Finanzjarju. Madankollu, it-tħejjija ta’ din il-proposta ma kinitx tinkludi valutazzjoni tal-impatt komprensiva u ddokumentata (16). Il-Kummissjoni qieset li l-ebda valutazzjoni ma kienet meħtieġa, kemm minħabba li l-Programm tal-UE Kontra l-Frodi kien se jkompli bl-inizjattivi eżistenti, kif ukoll minħabba l-istruttura u l-baġit limitat tiegħu. |
|
12. |
Skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposta, il-Kummissjoni tipprevedi li tuża l-programmi ta’ ħidma annwali tagħha biex teżamina kif tista’ tiġi evitata d-duplikazzjoni u ssib sinerġiji bejn il-programm il-ġdid u strumenti oħra fl-istess oqsma ta’ politika. Fin-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt, aħna nqisu li l-proposta tal-Kummissjoni tista’ tibbenefika minn valutazzjoni li tivverifika jekk il-kombinament tal-programm il-ġdid ma’ programmi oħra li jiffinanzjaw azzjonijiet simili (17), f’oqsma bħall-Ġustizzja, id-Dwana u l-Affarijiet Interni (18), jiżgurax li jsir użu aħjar tal-fondi. Din il-valutazzjoni tista’ tipprovdi wkoll bażi aħjar għall-valutazzjoni tal-valur miżjud tal-programm. |
Objettivi tal-programm
|
13. |
Il-proposta tistabbilixxi żewġ objettivi ġenerali u tliet objettivi speċifiċi (ara l-paragrafi 3 u 4). Fil-fehma tagħna, l-objettiv ġenerali (1) u l-objettiv speċifiku (1) huma ġenerali wisq u jistgħu jikkoinċidu mal-objettivi ta’ programmi oħra. Għall-kuntrarju tar-rekwiżit fl-Artikolu 33(3) tar-Regolament Finanzjarju, dawn huma biss parzjalment SMART (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, rilevanti u marbuta bil-ħin). |
|
14. |
Aħna nosservaw ukoll li l-programm ma jiddefinix objettivi operazzjonali simili għal dawk li ġew stabbiliti għall-programm Hercule III. Dan ikun jippermetti r-ripartizzjoni tal-objettivi attwali f’miri ta’ ħidma aktar dettaljati u jiffaċilita l-istabbiliment ta’ indikaturi tal-prestazzjoni. |
Indikaturi tal-programm
|
15. |
L-Artikolu 33(3) tar-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li jintużaw indikaturi tal-prestazzjoni li jkunu rilevanti, aċċettati, kredibbli, faċli u robusti (RACER). Il-proposta tipprevedi tliet indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-objettivi speċifiċi tal-programm (ara l-Kaxxa).
|
|
16. |
Dawn l-indikaturi ma jkejlux ir-riżultati u l-impatt ta’ azzjoni li tkun ittieħdet għall-appoġġ tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Fil-forma attwali tagħhom, dawn jissodisfaw parzjalment biss il-kriterji RACER u mhumiex adatti biex ikejlu kemm l-objettivi tal-programm ikunu qed jintlaħqu. Fil-fehma tagħna, il-proposta ma tinkludix indikaturi xierqa li jorbtu r-riżorsi użati għall-attivitajiet relatati mal-ġlieda kontra l-frodi mal-impatt tagħhom. |
Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-programm u rappurtar dwaru
|
17. |
In-nuqqasijiet imsemmija hawn fuq fir-rigward tal-objettivi u l-indikaturi jfissru li jkun hemm limitazzjonijiet fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm u fl-evalwazzjoni (interim u finali) tar-riżultati tiegħu. Minbarra dan, il-proposta ma tindikax il-frekwenza tar-rappurtar dwar il-prestazzjoni. Fil-fehma tagħna, hija prattika tajba li r-rapporti dwar il-prestazzjoni jsiru ta’ kull sena (ara l-Anness). |
IT-TIENI PARTI: KUMMENTI SPEĊIFIĊI
Regoli ta’ eliġibbiltà
|
18. |
L-Artikolu 8 tal-proposta jipprevedi li l-azzjonijiet kollha li jimplimentaw l-għanijiet (objettivi) għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament. Aħna nosservaw li l-Kummissjoni ma stabbilietx regoli speċifiċi biex tevalwa l-eliġibbiltà tal-azzjonijiet li jkunu se jiġu ffinanzjati. Fin-nuqqas ta’ dawn ir-regoli u b’kont meħud tal-fatt li xi wħud mill-objettivi huma vagi (ara l-paragrafi 3, 4 u 13), il-valutazzjoni hija ġenerali wisq biex tkun ta’ sinifikat. |
Rati ta’ kofinanzjament
|
19. |
Il-proposta ma tistipulax rata ta’ kofinanzjament – il-perċentwal tal-kontribuzzjoni mill-UE għall-ispejjeż tal-azzjonijiet (id-differenza tiġġarrab mill-korp implimentattiv nazzjonali). Dan mhuwiex konformi mar-Regolament Finanzjarju (19). Fil-qafas tal-programm Hercule II, ir-rata ta’ kofinanzjament għall-assistenza teknika kienet ġiet stabbilita għal 50 % tal-ispejjeż eliġibbli. Għall-programm Hercule III, ir-rata ta’ kofinanzjament kienet ta’ 80 % għall-azzjonijiet kollha tal-UE (u 90 % f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonalment u debitament ġustifikati). Madankollu, din il-proposta la tikkjarifika l-livell massimu li l-appoġġ mill-UE jista’ jilħaq u lanqas l-ammont tal-kontribuzzjoni li l-Istati Membri jkunu jridu jagħtu mill-baġits nazzjonali tagħhom. |
|
20. |
Fil-fehma tagħna, jeħtieġ li r-rati massimi ta’ kofinanzjament jiġu ddefiniti b’mod ċar fir-regolament (ara l-Anness) billi dawn jiżguraw li jinkiseb bilanċ tajjeb bejn l-interessi tal-UE u dawk nazzjonali, jassiguraw is-sjieda tal-Istati Membri u jipprovdu trasparenza fir-rigward tal-infiq. Fl-Opinjoni Nru 3/2012, aħna ddikjarajna li, għall-komponent tat-tagħmir tekniku, ir-rata massima ta’ kofinanzjament għandha tibqa’ ta’ 50 %, biex ikun żgurat li l-interessi tal-UE u dawk nazzjonali fix-xiri tat-tagħmir ikunu bbilanċjati b’mod ġust. |
Evalwazzjoni
|
21. |
L-Artikolu 12(1) jipprovdi li l-evalwazzjonijiet jitwettqu f’waqthom sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Madankollu, il-proposta ma tispeċifikax li dawn l-evalwazzjonijiet iridu jitwettqu minn evalwatur indipendenti. Skont il-Kummissjoni (20), evalwazzjoni tista’ titqies bħala indipendenti meta l-evalwaturi: (i) iwettqu l-kompiti tagħhom mingħajr influwenza jew pressjoni min-naħa tal-organizzazzjoni; (ii) jingħataw aċċess sħiħ għall-informazzjoni kollha meħtieġa; u (iii) ikunu kompletament awtonomi fit-twettiq tal-kompiti u fir-rappurtar tas-sejbiet tagħhom. Aħna nissuġġerixxu li l-Kummissjoni testendi dan l-artikolu kif meħtieġ (ara l-Anness). |
IT-TIELET PARTI: KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET
|
22. |
Il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi propost għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 essenzjalment ikompli fuq il-programm Hercule III attwali filwaqt li jiffinanzja wkoll l-AFIS u l-IMS. Aħna nilqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tissimplifika l-ġestjoni baġitarja tal-programm b’dan il-mod. Madankollu, użu effiċjenti u effettiv tar-riżorsi jista’ jinkiseb billi jingħaqdu flimkien azzjonijiet f’oqsma simili (ara l-paragrafi 2 u 10). |
|
23. |
Il-proposta mhix ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt komprensiva u ddokumentata bis-sħiħ. Aħna nieħdu nota tal-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni biex teżamina x’duplikazzjonijiet u sinerġiji seta’ kien hemm bejn il-programm u azzjonijiet oħra tal-UE, u biex tevalwa aħjar il-valur miżjud tal-programm (ara l-paragrafi 11 u 12). |
|
24. |
Xi wħud mill-objettivi ġenerali u speċifiċi la huma speċifiċi u lanqas ma jistgħu jitkejlu, u l-indikaturi tal-prestazzjoni mhumiex ċari u robusti biżżejjed. Dan jillimita l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni tar-riżultati u l-immirar effettiv tal-fondi favur azzjonijiet li jiżguraw valur miżjud. Il-proposta tonqos ukoll milli tikkjarifika l-frekwenza tar-rappurtar dwar il-prestazzjoni (ara l-paragrafi 13 sa 17). |
|
25. |
Aħna nirrakkomandaw li l-korpi leġiżlattivi jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin mill-aktar fis possibbli biex:
|
Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tal-15 ta’ Novembru 2018.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Klaus-Heiner LEHNE
President
(1) Ara r-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-Programm Erkole III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6).
(3) Ir-Rapport Speċjali Nru 10/2015: “L-isforzi biex jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-akkwist pubbliku fin-nefqa tal-UE għall-Koeżjoni għandhom jiġu intensifikati”.
(4) Ir-Rapport Speċjali Nru 24/2016: “Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi infurzata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta’ koeżjoni”.
(5) Ir-Rapport Speċjali Nru 19/2017: “Proċeduri ta’ importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE”.
(6) Future of EU finances: reforming how the EU budget operates (Il-futur tal-finanzi tal-UE: nirriformaw il-mod kif jopera l-baġit tal-UE), dokument informattiv u analitiku, il-15 ta’ Frar 2018.
(7) The Commission’s proposal for the 2021-2027 Multiannual Financial Framework (Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027), dokument informattiv u analitiku, l-10 ta’ Lulju 2018.
(8) COM(2018) 386 final.
(9) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(10) Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).
(11) Teżisti l-possibbiltà li azzjoni speċifika tiġi implimentata taħt ġestjoni indiretta.
(12) Il-programm Hercule II huwa l-programm li ġie qabel Hercule III fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.
(13) Id-Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolat: Ex-ante evaluation accompanying the proposal for a regulation of the European Parliament and the Council establishing the EU Anti-Fraud Programme (Evalwazzjoni ex ante li takkumpanja l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm tal-UE Kontra l-Frodi) (SWD(2018) 294 final tat-30 ta’ Mejju 2018).
(14) Il-Ġustizzja, id-Dwana, u l-Affarijiet Interni (ara wkoll in-Nota 18 f’qiegħ il-paġna).
(15) COM(2015) 221 final tas-27 ta’ Mejju 2015“Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kisba tal-objettivi tal-programm Hercule II”.
(16) Skont id-dokument intitolat Better Regulation Guidelines (Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar) (SWD(2017) 350 final tas-7 ta’ Mejju 2017), jeħtieġ li ssir valutazzjoni tal-impatt meta l-impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali mistennija minn azzjoni tal-UE x’aktarx li jkunu sinifikanti (p. 15).
(17) Ara b’mod partikolari l-Premessa (13) tal-proposta rigward l-akkwist ta’ tagħmir ta’ kontroll doganali.
(18) Il-programm Fiscalis, il-programm Dwana, il-Programm dwar il-Ġustizzja u l-Fond għas-Sigurtà Interna.
(19) L-Artikolu 186.
(20) Ara l-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar (SWD(2017) 350 final tas-7 ta’ Mejju 2017).
ANNESS
Emendi għall-proposta ssuġġeriti mill-QEA
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm tal-UE Kontra l-Frodi, (COM(2018) 386 final)
|
Artikolu |
Suġġeriment / bidla li qed nipproponu |
Kummenti |
||||
|
8 |
Test attwali Azzjonijiet eliġibbli Huma biss l-azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet (objettivi) imsemmija fl-Artikolu 2 li għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament. Emenda proposta Azzjonijiet eliġibbli u kofinanzjament
|
Jenħtieġ li r-rati ta’ kofinanzjament jiġu indikati b’mod ċar fir-regolament (ara l-paragrafu 20). |
||||
|
11(3) |
Tiżdied it-tielet sentenza: “Ir-rappurtar dwar il-prestazzjoni għandu jsir darba fis-sena.” |
Attwalment, il-proposta ma tindikax il-frekwenza tar-rappurtar dwar il-prestazzjoni (ara l-paragrafu 17). |
||||
|
12(1) |
Tiżdied it-tieni sentenza: “Dawn iridu jitwettqu minn evalwatur indipendenti.” |
Il-proposta ma ssemmix li l-evalwazzjonijiet iridu jitwettqu minn evalwatur indipendenti. Aħna nissuġġerixxu li dan ir-rekwiżit jiġi inkluż fl-artikolu rilevanti (ara l-paragrafu 21). |