22.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/3


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar aspetti transkonfinali tal-politika dwar l-alkoħol — l-indirizzar tal-użu dannuż tal-alkoħol

(2017/C 441/04)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

1.

IFAKKAR fl-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi li għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni, u li jiddikjara wkoll li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tikkomplementa l-politiki nazzjonali, filwaqt li tirrispetta r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għad-definizzjoni tal-politika tagħhom dwar is-saħħa u għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u ta' kura medika.

2.

IFAKKAR fil-prinċipji tas-suq intern kif previsti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fit-TFUE.

3.

IFAKKAR fl-inizjattivi varji adottati mill-Kunsill dwar il-ħsara relatata mal-alkoħol ikkawżata mill-użu dannuż tal-alkoħol u, b'mod partikolari, l-aħħar konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija tal-UE dwar it-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol, adottati fis-7 ta' Diċembru 2015 (1)  (2).

4.

IFAKKAR fir-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fid-29 ta' April 2015 dwar “Strateġija dwar l-Alkoħol” (3) li tistieden lill-Kummissjoni biex taħdem fuq Strateġija ġdida dwar l-Alkoħol (2016-2022), fejn il-Parlament Ewropew “jenfasizza l-ħtieġa li tal-inqas il-kontenut ta' kaloriji tax-xorb alkoħoliku jiġi ddikjarat b'mod ċar fuq it-tikketti mill-aktar fis possibbli”, u “jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u, jekk ikun meħtieġ, tirriforma r-rwol u l-funzjonament tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa (4)” u tiżdied l-interazzjoni mal-Kumitat dwar il-Politika u l-Azzjoni Nazzjonali dwar l-Alkoħol (CNAPA) (5) fil-livell tal-UE.

5.

IFAKKAR fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Strateġija tal-UE li tappoġġa lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata mal-alkoħol” (2007-2012) (6), b'mod partikolari fejn aspetti transkonfinali, pereżempju ta' rekwiżiti ta' tikkettar jew reklamar, jibbenifikaw mill-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE, u JILQA' l-impenji mill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi u tappoġġa din l-azzjoni, b'mod partikolari fil-qafas tas-CNAPA u tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa.

6.

IFAKKAR fir-rapport ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-13 ta' Marzu 2017 dwar it-tikkettar obbligatorju tal-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tax-xorb alkoħoliku (7).

7.

IFAKKAR fl-opinjoni maħruġa mill-Kumitat tar-Reġjuni fid-9 ta' Frar 2017 dwar “Il-ħtieġa għal strateġija tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mal-alkoħol u kif ħa naslu għaliha” (8), li tappella għal strateġija ġdida tal-UE dwar l-alkoħol, li tapprova l-appell mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew għal tmexxija politika b'saħħitha dwar din il-kwistjoni, u li tenfasizza oqsma partikolari għal azzjoni, bħat-tnaqqis tal-esponiment tat-tfal u ż-żgħażagħ għall-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar tal-alkoħol, it-titjib tat-tikkettar tal-alkoħol fil-livell tal-UE u t-titjib tas-sigurtà fit-toroq.

8.

IFAKKAR fil-Karta Ewropea dwar l-Ambjent u s-Saħħa (9), li tirrikonoxxi, fost il-prinċipji għall-politika pubblika, li saħħet l-individwi u l-komunitajiet għandha tieħu preċedenza ċara fuq kunsiderazzjonijiet ta' ekonomija u kummerċ.

9.

IFAKKAR fl-Istrateġija Globali biex jitnaqqas l-użu dannuż tal-alkoħol (10) approvata mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fil-21 ta' Mejju 2010, kif ukoll il-pjan ta' azzjoni Ewropew tad-WHO biex jitnaqqas l-użu dannuż tal-alkoħol 2012-2020 (11), approvat mit-53 Stat Membru kollha fir-Reġjun Ewropew tad-WHO fil-15 ta' Settembru 2011. Iż-żewġ dokumenti jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi adottat approċċ komprensiv u biex jiġu involuti b'mod adegwat setturi bħalma huma l-iżvilupp, it-trasport, il-ġustizzja, l-assistenza soċjali, il-politika fiskali, il-kummerċ, l-agrikoltura, il-politika tal-konsumatur, l-edukazzjoni u l-impjiegi, kif ukoll is-soċjetà ċivili u l-operaturi ekonomiċi (12).

10.

IFAKKAR fil-Pjan ta' azzjoni globali għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx (NCDs) 2013-2020 (13) approvat mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f'Mejju 2013, li jistabbilixxi l-għan li jinkiseb tnaqqis relattiv fl-użu dannuż tal-alkoħol ta' mill-inqas 10 % sal-2025.

11.

IFAKKAR fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2015, li jinkludi l-għan li tissaħħaħ il-prevenzjoni u t-trattament tal-abbuż ta' sustanzi, inkluż l-użu dannuż tal-alkoħol (14).

12.

JILQA' l-progress miksub mill-Istati Membri bl-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fl-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom li jkopru firxa wiesgħa u li għandhom l-għan li jnaqqsu l-użu dannuż tal-alkoħol.

13.

JINNOTA BI TĦASSIB li l-Ewropa għadha ir-reġjun bl-għola livell ta' konsum ta' alkoħol fid-dinja. Il-livell medju ta' konsum huwa kważi d-doppju tal-medja dinjija (15). Il-ħsara kkawżata mill-alkoħol għalhekk hija l-ogħla fid-dinja, kemm jekk fil-forma ta' bosta kondizzjonijiet tas-saħħa fejn l-alkoħol huwa magħruf li jikkontribwixxu għalihom (16) jew bħala spejjeż fost oħrajn ikkawżati lis-soċjetà mill-kriminalità, il-vjolenza, l-abilità mnaqqsa għax-xogħol, jew il-ħsara lit-tfal u l-familji (17).

14.

JINNOTA li t-tnaqqis tal-użu dannuż tal-alkoħol jikkontribwixxi kemm għat-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea kif ukoll għall-benessri tal-popolazzjoni. It-tnaqqis tal-użu dannuż tal-alkoħol iġib miegħu benefiċċji ekonomiċi u finanzjarji għall-Istati Membri kollha u għaċ-ċittadini tagħhom, pereżempju billi jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tas-sistemi ta' sigurtà soċjali f'konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 (18).

15.

JENFASIZZA li l-użu dannuż tal-alkoħol jikkontribwixxi wkoll b'mod sinifikanti għall-inugwaljanzi fis-saħħa bejn l-Istati Membri kif ukoll fi ħdanhom (19).

16.

JENFASIZZA li t-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol jirrikjedi azzjonijiet fuq firxa ta' oqsma ta' politika u li jinvolvi ħafna setturi tas-soċjetà fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, sabiex jinkisbu benefiċċji umani u soċjali kif ukoll dawk ekonomiċi u finanzjarji għall-Istati Membri kollha u għaċ-ċittadini tagħhom.

17.

JINNOTA li skont l-opinjoni xjentifika tal-Grupp Xjentifiku tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa (20) u studji aktar reċenti (21), il-kummerċjalizzazzjoni ta' xorb alkoħoliku għandha impatt fuq l-imġiba tal-konsumaturi, b'mod partikolari dik tat-tfal u ż-żgħażagħ, li huma aktar esposti għar-reklamar permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni ġodda online u li jkollhom probabbiltà akbar li jħallu impressjoni pożittiva tal-marki li jisponsorjaw attivitajiet sportivi.

18.

JINNOTA li fir-rapport tagħha dwar it-tikkettar obbligatorju tal-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tax-xorb alkoħoliku (22), il-Kummissjoni tikkonkludi li m'hemm l-ebda raġuni għaliex tali informazzjoni għandha tkun assenti fir-rigward tax-xorb alkoħoliku, u tistieden lill-industrija biex tippreżenta, fi żmien sena, proposta għal awtoregolamentazzjoni għas-settur kollu tax-xorb alkoħoliku.

19.

JINNOTA li, filwaqt li r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jeżenta x-xorb alkoħoliku mill-għoti obbligatorju tal-informazzjoni dwar l-ingredjenti u l-valuri nutrizzjonali, bosta Stati Membri żammew jew adottaw miżuri nazzjonali li jimponu rekwiżiti ta' tikkettar jew twissijiet tas-saħħa u xi manifatturi tal-alkoħol jipprovdu b'mod volontarju din l-informazzjoni lill-konsumaturi.

20.

JINNOTA BI TĦASSIB li, għalkemm il-prezz tal-alkoħol huwa wieħed mill-fatturi l-aktar importanti li jirregolaw il-konsum totali tal-alkoħol u wieħed mill-aktar għodod b'saħħithom li l-pajjiżi jistgħu jużaw għall-prevenzjoni tal-użu dannuż tal-alkoħol (23), l-objettivi tas-saħħa ta' diversi Stati Membri jistgħu jiġu kompromessi mill-kwantitajiet eċċessivament kbar ta' alkoħol trasportat, allegatament għal użu personali, minn pajjiż għall-ieħor.

21.

JINNOTA BI TĦASSIB li d-disponibbiltà fiżika u l-faċilità ta' aċċess għall-alkoħol għandu impatt fuq il-konsum tal-alkoħol u li, f'dan il-kuntest, l-iżvilupp ta' bejgħ online jippreżenta sfidi ġodda għall-Istati Membri biex jindirizzaw din il-kwistjoni, b'mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà ta' xorb alkoħoliku lill-minuri.

22.

JINNOTA BI TĦASSIB li l-effettività tar-regolamenti u l-pjanijiet tal-Istati Membri li għandhom l-għan li jintroduċu miżuri għall-ħarsien tas-saħħa pubblika u għall-prevenzjoni tal-użu dannuż tal-alkoħol tista' tiddgħajjef permezz tal-esponiment għar-reklamar transkonfinali, inkluż ir-reklamar online, u l-kummerċ transkonfinali, inkluż il-bejgħ online. Għalhekk, il-kooperazzjoni multilaterali, li tinvolvi oqsma differenti ta' politika, timmassimizza l-benefiċċji ta' miżuri nazzjonali relatati ma' kwistjonijiet ta' saħħa marbuta mal-alkoħol.

23.

JINNOTA li data komparabbli dwar il-konsum tal-alkoħol u l-ħsara mill-alkoħol miġbura abbażi ta' metodoloġija komuni hija ta' valur kbir għall-iżvilupp ta' miżuri ta' politika dwar l-alkoħol fi ħdan l-UE, kif ukoll għall-valutazzjoni tal-impatt tagħhom, u, f'dan il-kuntest, JILQA' l-ħidma li diġà twettqet fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta dwar it-Tnaqqis tal-Ħsara Relatata mal-Alkoħol (JARARHA) (24).

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX

24.

Ikomplu jsaħħu l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' azzjoni globali għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx 2013-2020, bil-ħsieb li tinkiseb il-mira ta' tnaqqis relattiv ta' 10 % fl-użu dannuż tal-alkoħol sal-2025.

25.

Ikomplu jintegraw l-objettiv tat-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol fil-politiki nazzjonali rilevanti kollha, bħal politiki li x'aktarx jkollhom impatt fuq il-prezzijiet tax-xorb alkoħoliku kif ukoll politiki li għandhom l-għan li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni u l-arranġamenti għall-bejgħ tal-alkoħol, kif irrakkomandat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Saħħa fil-Politiki Kollha (25).

26.

Jeżaminaw il-possibbiltà li jadottaw miżuri mmirati biex jitnaqqas l-użu dannuż tal-alkoħol fil-livell nazzjonali u fil-qafas ta' kooperazzjoni bilaterali u multilaterali, filwaqt li jirrispettaw il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, bħal miżuri mmirati biex jħarsu lit-tfal u liż-żgħażagħ mill-esponiment għar-reklamar transkonfinali fis-suq uniku, biż-żieda fl-effiċjenza tal-informazzjoni pprovduta permezz tat-tikkettjar tax-xorb alkoħoliku u bil-prevenzjoni ta' attivitajiet illegali marbuta ma' trasport transkonfinali ta' alkoħol.

27.

Jissorveljaw mill-qrib il-konformità mal-miżuri nazzjonali u dawk tal-UE li għandhom l-għan li jipprevjenu l-użu dannuż tal-alkoħol, bħall-età minima għax-xiri tal-alkoħol u l-kondizzjonijiet applikabbli għat-trasport transkonfinali ta' xorb alkoħoliku.

28.

Jesploraw modi possibbli, inkluż permezz ta' arranġamenti bilaterali u multilaterali, biex iżommu kwistjonijiet transkonfinali milli jispiċċaw ikollhom impatt negattiv fuq l-effettività tal-miżuri nazzjonali mmirati għall-indirizzar tal-użu dannuż tal-alkoħol.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX

29.

Ikomplu l-ġbir u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni fil-livell tal-UE dwar miżuri nazzjonali adottati fil-kuntest tal-politika dwar l-alkoħol, kif ukoll dwar l-infurzar ta' miżuri nazzjonali relatati mal-alkoħol.

30.

Ikomplu jiżviluppaw il-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bl-għan li jitnaqqas l-użu dannuż tal-alkoħol fi ħdan l-UE kull fejn ikun possibbli, b'mod partikolari permezz ta' sorveljanza aħjar tal-attivitajiet suxxettibbli li jdgħajfu l-effettività ta' politiki nazzjonali dwar l-alkoħol fi Stati Membri oħra, pereżempju t-trasmissjoni transkonfinali ta' messaġġi promozzjonali u x-xiri transkonfinali ta' xorb alkoħoliku.

31.

Jappoġġaw l-iżvilupp ta' studji u riċerka xjentifika bl-għan li jiġu identifikati l-aktar miżuri u inizjattivi effiċjenti li jindirizzaw l-użu dannuż tal-alkoħol u jaqsmu r-riżultati tagħhom, sabiex, fost l-oħrajn, jiġi ottimizzat l-impatt tal-informazzjoni pprovduta dwar ix-xorb alkoħoliku, pereżempju permezz tat-tikkettar.

32.

Jibnu fuq il-ħidma mwettqa mill-WHO, jiżviluppaw, fil-kuntest ta' azzjoni konġunta tal-UE dwar l-użu dannuż tal-alkoħol u f'kollaborazzjoni mal-aġenziji kompetenti tal-UE u korpi oħra (26), metodoloġija komuni għall-ġbir u l-analiżi ta' data rilevanti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt ta' miżuri transsettorjali nazzjonali u dawk tal-UE għat-tnaqqis tal-użu dannuż tal-alkoħol, inkluż statistika dwar ix-xiri transkonfinali u data biex jiġi evalwat il-volum, il-kontenut u l-impatt tal-kummerċjalizzazzjoni tal-alkoħol fil-media l-ġdida, b'mod partikolari l-impatt tagħha fuq it-tfal u ż-żgħażagħ.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX

33.

Tadotta strateġija dedikata għat-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol, kif imsemmi fil-paragrafu 21 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Strateġija tal-UE dwar it-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol (27), li għandha tieħu kont tal-aspetti xjentifiċi, teknoloġiċi, ekonomiċi u soċjali tal-użu dannuż tal-alkoħol u l-iżviluppi f'oqsma differenti ta' politika li għandhom impatt fuq il-ħsara relatata mal-alkoħol li seħħet mis-sena 2012 'il hawn.

34.

Tkompli tintegra l-objettivi tat-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Saħħa fil-Politiki Kollha.

35.

Filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, kif ukoll it-tradizzjonijiet soċjali u kulturali kemm lokali kif ukoll reġjonali, tkompli tappoġġa l-politiki ta' prevenzjoni tal-Istati Membri għat-tnaqqis tal-konsum tal-alkoħol, għall-prevenzjoni tal-abbuż mill-alkoħol u biex tiġi indirizzata l-ħsara li jikkawża.

36.

Tesplora l-possibbiltajiet kollha biex tkompli tiffinanzja l-inizjattivi tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-qafas tat-tielet programm ta' azzjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika (28), jiġifieri fil-qafas tas-CNAPA. Tniedi u timplimenta Azzjoni Konġunta ġdida dwar l-użu dannuż tal-alkoħol, filwaqt li tibni fuq il-ħidma li nbdiet mis-suċċess tal-JARARHA li ntemmet fl-2016, skont il-programm tas-saħħa.

37.

Tkompli l-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-media ġodda u tevalwa l-adegwatezza tal-miżuri attwali bl-għan li jitnaqqas l-esponiment, speċjalment tat-tfal u ż-żgħażagħ, għar-reklamar tal-alkoħol trasmess permezz tal-media diġitali, inkluż il-media soċjali.

38.

Tieħu kont, fil-valutazzjoni tal-proposti għall-awtoregolamentazzjoni dwar il-forniment ta' informazzjoni dwar l-ingredjenti u l-valuri nutrizzjonali tax-xorb alkoħoliku li għandhom jiġu mressqa mill-industrija sa Marzu 2018 (29), il-ħtieġa tal-konsumaturi għall-informazzjoni u l-kapaċità li jagħmlu għażliet infurmati, il-benefiċċji potenzjali tal-miżuri proposti għall-prevenzjoni tal-użu dannuż tal-alkoħol u l-imġiba li twassal għal dipendenza, u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku u l-impatt pożittiv jew negattiv tal-miżuri proposti fuq is-setturi kollha.

Jekk l-approċċ awtoregolatorju ma jitqiesx sodisfaċenti, tniedi mingħajr dewmien valutazzjoni tal-impatt bil-ħsieb li tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-aħħar tal-2019 il-miżuri xierqa mmirati biex jiżguraw l-għoti tal-informazzjoni rilevanti dwar l-ingredjenti u l-valuri nutrizzjonali għas-settur kollu tax-xorb alkoħoliku.

Tiżgura t-trasparenza tal-valutazzjoni u tal-miżuri sussegwenti, billi jsiru disponibbli għall-pubbliku f'forma faċilment aċċessibbli u b'mod dettaljat ir-raġunijiet tagħhom kif ukoll l-informazzjoni rilevanti kollha.

39.

Filwaqt li tkompli tirrapporta kull sentejn lill-Kunsill dwar l-eżitu tal-ħidma tagħha u l-progress li jkun sar fil-qasam tat-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol (30), iżżomm għad-dispożizzjoni tal-pubbliku reġistru uniku online tal-inizjattivi u l-attivitajiet kollha li tkun għamlet il-Kummissjoni dwar id-diversi politiki li jista' jkollhom impatt fuq l-indirizzar tal-użu dannuż tal-alkoħol.


(1)  ĠU C 418, 16.12.2015, p. 6.

(2)  Ara wkoll: Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ix-xorb tal-alkoħol miż-żgħażagħ, b'mod partikolari mit-tfal u l-adolexxenti (ĠU L 161, 16.6.2001, p. 38); Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Strateġija Komunitarja biex titnaqqas il-ħsara relatata mal-alkoħol (ĠU C 175, 20.6.2001, p. 1); Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-alkoħol u ż-żgħażagħ (9507/04); Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-UE biex titnaqqas il-ħsara relatata mal-alkoħol (16165/06); Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-piż tal-kanċer (10414/08); Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-alkoħol u s-saħħa (ĠU C 302, 12.12.2009, p. 15); Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għeluq ta' lakuni fis-saħħa fl-UE permezz ta' azzjoni miftiehma li tippromwovi mġiba għal stil ta' ħajja san (ĠU C 359, 9.12.2011 p. 5).

(3)  ĠU C 346, 21.9.2016, p. 32.

(4)  Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa: https://ec.europa.eu/health/alcohol/forum/forum_details_en#fragment0.

(5)  https://ec.europa.eu/health/alcohol/committee_en.

(6)  14851/06.

(7)  7303/17.

(8)  ĠU C 207, 30.6.2017, p. 61.

(9)  Il-Karta Ewropea dwar l-Ambjent u s-Saħħa, adottata fis-7 u t-8 ta' Diċembru 1989 mill-Ministri għall-Ambjent u għas-Saħħa tal-Istati Membri tar-Reġjun Ewropew tad-WHO u mill-Kummissjoni li taġixxi f'isem il-Komunità Ewropea, bħala linja gwida għal azzjoni futura mill-Komunità f'oqsma li jaqgħu taħt kompetenza Komunitarja.

(10)  Riżoluzzjoni WHA63.13, p. 27.

(11)  Riżoluzzjoni EUR/RC61/R4.

(12)  Ara l-punt 6(b) fil-paġna 6 tal-Istrateġija Globali, http://www.who.int/substance_abuse/activities/gsrhua/en/.

(13)  http://www.who.int/nmh/events/ncd_action_plan/en/.

(14)  Ara l-miri tal-Għan 3 fuq http://www.un.org/sustainabledevelopment/sustainable-development-goals/.

(15)  Alcohol in the European Union – Consumption, harm and policy approaches, Uffiċċju Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa u l-Unjoni Ewropea, 2012.

(16)  Kif imfakkar mid-WHO fid-dokument Policy in action – A tool for measuring alcohol policy implementation (2017), l-Ewropa għandha l-ogħla konsum tal-alkoħol u l-ogħla piż tal-mard attribwibbli għall-alkoħol fid-dinja.

(17)  Ara Alcohol in the European Union – Consumption, harm and policy approaches, Uffiċċju Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa u l-Unjoni Ewropea, 2012.

(18)  https://ec.europa.eu/info/strategy/european-semester/framework/europe-2020-strategy_en.

(19)  Il-Kunsill diġà ssottolinja, fl-2009, li “l-inugwaljanzi fis-saħħa bbażati fuq determinanti soċjali huma marbuta sew, fost fatturi oħrajn, mal-konsum tal-alkoħol kemm bħala kawża kif ukoll bħala konsegwenza; l-użu dannuż tal-alkoħol innifsu huwa riskju magħruf sewwa jew fattur kawżali ta' ċerta mard li jittieħed u li ma jittiħidx u għandu impatt fuq is-saħħa tal-forza tax-xogħol” (ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-alkoħol u s-saħħa, imsemmija fin-nota f'qiegħ il-paġna 2).

(20)  http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/alcohol/Forum/docs/science_o01_.pdf.

(21)  Għal kollha, ara r-riżultati tal-istudju mwettaq f'Settembru 2012 minn RAND Europe fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, https://ec.europa.eu/health//sites/health/files/alcohol/docs/alcohol_rand_youth_exposure_marketing_en.pdf.

Għall-aħħar studji, ara Jernigan, D., Noel, J., Landon, J., Thornton, N. u Lobstein, T. (2017) Alcohol marketing and youth alcohol consumption: a systematic review of longitudinal studies published since 2008. Dipendenza, 112: 7-20. doi: 10.1111/add.13591.

(22)  Rapport imsemmi fil-paragrafu 5.

(23)  Ara d-dokument Global Strategy to Reduce the Harmful Use of Alcohol, WHO, 2010.

(24)  Fuq http://www.rarha.eu/Pages/default.aspx, ara b'mod partikolari r-rapport dwar il-“Comparative monitoring of alcohol epidemiology across the EU”.

(25)  Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fit-30 ta' Novembru 2006 (16167/06).

(26)  Pereżempju, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA).

(27)  Imsemmi fil-paragrafu 2.

(28)  Ara r-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar it-twaqqif tat-tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE Test b'relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1).

(29)  Ara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni dwar it-tikkettjar obbligatorju tal-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tax-xorb alkoħoliku (7303/17 – COM(2017) 58 final).

(30)  Kif mitlub fil-paragrafu 22 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Strateġija tal-UE dwar it-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol (2015) imsemmija fil-paragrafu 2.