15.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/30


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għall-appoġġ liż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta’ ħiliet essenzjali għall-ħajja li jiffaċilitaw it-transizzjoni b’suċċess tagħhom għall-ħajja adulta, iċ-ċittadinanza attiva u l-ħajja tax-xogħol

(2017/C 189/06)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JFAKKAR

1.

L-isfond politiku għal din il-kwistjoni kif jinsab fl-Anness I għal dawn il-konklużjonijiet;

JIRRIKONOXXI LI

2.

L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfidi ekonomiċi u soċjali sinifikanti, parzjalment b’riżultat tal-migrazzjoni li qed tiżdied, konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekonomika.

3.

Dawn l-iżviluppi joffru sfidi partikolari lill-valuri demokratiċi, il-koeżjoni soċjali, il-prospetti tal-impjiegi u l-ħajja tax-xogħol kif ukoll għall-inklużjoni u l-benesseri taż-żgħażagħ, partikolarment dawk f’riskju u b’inqas opportunitajiet.

4.

It-tisħiħ tal-kunċett ta’ ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħha, ir-rikonoxximent u r-rispett għall-valuri demokratiċi tagħha, id-diversità kulturali, il-garanzija tiegħu tal-libertà tal-espressjoni u tat-twemmin, permezz tal-kisba tal-ħiliet għall-ħajja meħtieġa (1) huwa essenzjali jekk dawn l-isfidi jridu jiġu indirizzati b’suċċess.

5.

L-iżvilupp tal-ħiliet għall-ħajja huwa ta’ importanza indaqs mhux biss fl-indirizzar tal-isfidi ekonomiċi, politiċi, soċjali u umani li jirriżultaw minn rata ta’ qgħad għolja fost iż-żgħażagħ, iżda wkoll fl-għoti tal-għajnuna liż-żgħażagħ biex jiddeterminaw u jsawru l-ġejjieni tagħhom permezz ta’ impjiegi ta’ kwalità, l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva.

B’KONT MEĦUD TA’

6.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għal Ewropa Inklużiva u Kompetittiva  (2) u b’mod partikolari ir-rikonoxximent tagħha li “Huwa importanti li wieħed imur lil hinn mill-ħtiġijiet immedjati tas-suq tax-xogħol u jiffoka wkoll fuq dawk l-aspetti tal-edukazzjoni u t-taħriġ li kapaċi jagħtu spinta lill-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-kreattività, isawru s-setturi u joħolqu impiegi u swieq ġodda, jemanċipaw lin-nies (inkluż dawk l-aktar vulnerabbli), jarrikkixxu l-ħajja demokratika, u jiżviluppaw ċittadini impenjati, attivi u ta’ talent”.

7.

Ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (3) li tipprovdi opportunità għal approċċ inklużiv lejn l-iżvilupp ta’ kompetenzi li jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ u jiffaċilitaw it-transizzjoni b’suċċess tagħhom għall-ħajja adulta, iċ-ċittadinanza attiva u l-ħajja tax-xogħol. Għalkemm b’terminoloġija differenti, il-Qafas Ewropew tal-Kompetenzi Ewlenin attwali diġà jirreferi għal bosta mill-ħiliet tal-ħajja definiti f’dawn il-Konklużjonijiet tal-Kunsill.

JISSOTTOLINJA LI

8.

Filwaqt li hemm bosta aspetti biex jintlaħqu l-isfidi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u d-diżlokazzjoni soċjali u l-aljenazzjoni politika li jirriżultaw minnu, is-settur taż-żgħażagħ, permezz ta’ ħidma effettiva fost iż-żgħażagħ, għandu rwol biex jgħin liż-żgħażagħ jiksbu u jiżviluppaw il-ħiliet tal-ħajja li jgħinuhom jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom u jappoġġawhom biex jiksbu u jżommu ħajja personali, soċjali u tax-xogħol produttiva u li tagħtihom sodisfazzjon. Tali ħiliet għall-ħajja jistgħu jgħinu wkoll biex tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni u jiġġieldu propaganda, retorika u mġiba li jistgħu jkunu marbuta mar-radikalizzazzjoni li tista’ twassal għall-estremiżmu vjolenti.

JIRRIKONOXXI LI

9.

Filwaqt li l-ħidma fost iż-żgħażagħ tista’ tfisser firxa wiesgħa ta’ miżuri, proġetti, programmi, attivitajiet u inizjattivi offruti minn diversi fornituri f’varjetà ta’ ambjenti, karatteristika speċifika ta’ prattika ta’ ħidma u enfasi fost iż-żgħażagħ hija l-iżvilupp personali u soċjali taż-żgħażagħ.

10.

Ħidma effettiva fost iż-żgħażagħ tista’ twassal għal riżultati pożittivi għaż-żgħażagħ permezz

tal-iżvilupp tal-kompetenzi tagħhom u b’hekk it-tisħiħ tal-iżvilupp personali tagħhom,

il-promozzjoni u l-inkoraġġiment ta’ valuri soċjali, imġiba u attitudnijiet pożittivi partikolarment fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ oħrajn,

it-trawwim tal-kapaċitajiet kreattivi u innovattivi u l-potenzjal tagħhom li jippermettulhom jipparteċipaw b’suċċess fil-ħajja tax-xogħol,

il-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, biex b’hekk tissaħħaħ iċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni demokratika.

11.

Il-ħiliet għall-ħajja huma mġiba pożittiva, affermattiva u soluzzjoni tal-problemi użati b’mod xieraq u responsabbli fil-ħajja ta’ kuljum - fid-dar, online, fil-komunità, fl-edukazzjoni/taħriġ u fuq il-post tax-xogħol. Huma sett ta’ ħiliet personali u soċjali miksuba permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u t-tagħlim mhux formali u informali li jista’ jintuża biex ikunu indirizzati kwistjonijiet, mistoqsijiet u problemi li spiss jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum tul il-ħajja.

JAQBEL LI

12.

Il-ħiliet għall-ħajja huma importanti għaż-żgħażagħ kollha, iżda għandhom sinifikat u importanza partikolari għaż-żgħażagħ f’riskju u dawk b’inqas opportunitajiet u għall-ħtiġijiet tagħhom tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni demokratika.

13.

Il-promozzjoni u l-provvediment għall-kisba u l-iżvilupp ta’ ħiliet għall-ħajja taż-żgħażagħ jistgħu jkunu parti integrali tal-politika taż-żgħażagħ fil-livell Ewropew kif ukoll tal-Istati Membri.

JINNOTA LI

14.

L-Anness II jipprovdi kompendju ta’ ħiliet għall-ħajja li jindikaw għadd ta’ attributi. Dan il-kompendju la huwa preskrittiv u lanqas esklussiv u jirrifletti dawk il-ħiliet għall-ħajja li l-ħidma fost iż-żgħażagħ tista’ tippromwovi u tgħin bl-aħjar mod biex iż-żgħażagħ jiksbuhom. (4)

15.

Il-ħiliet għall-ħajja, kif definiti fl-Anness II, qed jevolvu u d-determinazzjoni ta’ kif il-ħiliet għall-ħajja għandhom jiġu prijoritizzati, ippreżentati u promossi hija kwistjoni għall-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati Ewropej, nazzjonali u lokali rilevanti.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI B’RISPETT LEJN IL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ BIEX

16.

Irawmu l-kontribut tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-iżvilupp tal-ħiliet għall-ħajja taż-żgħażagħ f’oqfsa u miżuri ta’ politika taż-żgħażagħ immirati lejn l-appoġġ liż-żgħażagħ.

17.

Ixerrdu u jippromwovu fost il-fornituri ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ, l-għodod ta’ tagħlim, metodoloġiji u prattiki partikolarment dawk żviluppati minn persuni li jaħdmu fost iż-żgħażagħ li jistgħu jappoġġaw liż-żgħażagħ fil-kisba ta’ ħiliet għall-ħajja.

18.

Jappoġġaw aktar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari biex il-fornituri ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ itejbu l-kapaċità tagħhom li jappoġġaw liż-żgħażagħ fil-kisba ta’ ħiliet għall-ħajja.

19.

Fejn xieraq, jirrikonoxxu u jivvalidaw programmi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ li jtejbu l-kapaċità ta’ dawk li jaħdmu fost iż-żgħażagħ, kemm imħallsa jew volontarji u mexxejja taż-żgħażagħ biex jużaw b’suċċess għodod ta’ tagħlim, metodoloġiji u prattiki li jgħinu liż-żgħażagħ jidentifikaw, jiksbu u jiżviluppaw ħiliet għall-ħajja, bl-użu ta’ għodod u metodi ta’ valutazzjoni u awtovalutazzjoni.

20.

Jippromwovu u jsaħħu l-volontarjat fost iż-żgħażagħ li jista’ jiffaċilitalhom il-kisba ta’ ħiliet għall-ħajja u jikkontribwixxi għas-sehem tagħhom flimkien mal-fornituri ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ fi proġetti u inizjattivi ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI FIL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM BIEX

21.

Jippromwovu u jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari u reċiproku, proġetti u inizjattivi lill-fornituri ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ biex jikkondividu l-għarfien, l-għodod u l-esperjenza fit-trawwim u l-iżvilupp ta’ ħiliet għall-ħajja fost iż-żgħażagħ.

22.

Jikkunsidraw liema ħiliet għall-ħajja miksuba miż-żgħażagħ permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u kif jistgħu jiġu identifikati, u dokumentati, sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni permezz ta’ mekkaniżmi għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (5).

23.

Jiġi massimizzat l-użu ta’ Erasmus+ u programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE b’appoġġ għall-prattika ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ biex jitrawmu u jiġu żviluppati ħiliet għall-ħajja taż-żgħażagħ.

24.

Isaħħu d-djalogu bejn il-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-politika taż-żgħażagħ u r-riċerka taż-żgħażagħ u l-koordinazzjoni bejn il-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej, b’hekk jiffaċilitaw in-netwerking, il-kooperazzjoni, it-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju fir-rigward tal-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ ħiliet għall-ħajja fost iż-żgħażagħ.

25.

Jidentifikaw, jappoġġaw u jxerrdu għodod, metodoloġiji u prattiki eżistenti u innovattivi li jrawmu ħiliet għall-ħajja f’diversi ambjenti ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ.

26.

Jippromwovu u jappoġġaw sħubijiet u inizjattivi transettorjali, b’mod partikolari bejn il-fornituri ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi soċjali u tal-impjiegi, u s-sħab soċjali li jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu u jiżviluppaw ħiliet għall-ħajja.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX

27.

Tikkontribwixxi għall-bini tal-għarfien dwar il-ħiliet għall-ħajja mrawma u żviluppati permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u tappoġġa lill-Istati Membri fil-promozzjoni tal-bini ta’ kapaċità u l-iżvilupp professjonali ta’ dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ.

28.

Tippromwovi l-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala parti integrali tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet li kemm iżżid valur lill-aspetti kollha tal-aġenda kif ukoll tikkomplementahom u tappoġġahom.

29.

Tippromwovi u tappoġġa approċċ transettorjali fl-għajnuna liż-żgħażagħ biex jiksbu u jiżviluppaw il-kompetenzi meħtieġa biex jiffaċilitaw it-transizzjoni b’suċċess tagħhom għall-ħajja adulta, iċ-ċittadinanza attiva u l-ħajja tax-xogħol.

30.

Tiżgura li dawn il-Konklużjonijiet tal-Kunsill jikkontribwixxu għar-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja bil-ħsieb li tissaħħaħ u tkun konsistenti mad-dimensjoni tal-ħiliet għall-ħajja fil-Qafas Ewropew tal-Kompetenzi Ewlenin.


(1)  Definizzjoni tal-ħiliet għall-ħajja kif mifhuma f’dawn il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tinsab fil-paragrafi 10 – 12 u fl-Anness II

(2)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għal Ewropa Inklużiva u Kompetittiva (ĠU C 467, 15.12.2016, p. 1).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10).

(4)  Għall-finijiet ta’ dawn il-Konklużjonijiet tal-Kunsill, fornituri ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ huma mifhuma bħala kwalunkwe organizzazzjoni, aġenzija u korp ieħor, kemm megħjuna mill-istat u volontarji, li jipprovdu programmi, proġetti, inizjattivi u attivitajiet għaż-żgħażagħ ibbażati fuq ħidma fost iż-żgħażagħ.

(5)  Rakkomandazzjoni dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1).


ANNESS I

Sfond politiku

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10).

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1).

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1).

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontribut ta’ ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ għall-iżvilupp, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ (ĠU C 168, 14.6.2013, p. 5).

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-politika taż-żgħażagħ fl-indirizzar tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 (ĠU C 224, 3.8.2013, p. 2).

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali ta’ żgħażagħ barra mill-impjieg, edukazzjoni, jew taħriġ (ĠU C 30, 1.2.2014, p. 5).

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ (ĠU C 183, 14.6.2014, p. 18).

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex jiġu żgurati soċjetajiet koeżivi (ĠU C 170, 23.5.2015, p. 2).

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa (ĠU C 417, 15.12.2015, p. 10).

Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018) (ĠU C 417, 15.12.2015, p. 17).

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-attivitajiet volontarji fl-isport għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva (ĠU C 372, 20.12.2011, p. 24).

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-massimizzazzjoni tar-rwol tal-isport tal-massa fl-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali, speċjalment fost iż-żgħażagħ (ĠU C 172, 27.5.2015, p. 8).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa –Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività (2016).

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għal Ewropa Inklużiva u Kompetittiva (ĠU C 467, 15.12.2016, p. 1).

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti (ĠU C 467, 15.12.2016, p. 3).

Studji, Rapporti ta’ Grupp ta’ Esperti u Dikjarazzjonijiet

Ħidma maż-żgħażagħ: il-valur tal-ħidma għaż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea (2014).

L-iżvilupp tal-kreattività u l-potenzjal innovattiv taż-żgħażagħ permezz ta’ tagħlim mhux formali f’modi li huma rilevanti għall-impjiegi (2014).

Ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ - Qafas komuni għall-iżviluppi futuri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ (2015).

Il-kontribut speċifiku tal-ħidma għaż-żgħażagħ biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ b’mod partikolari fit-transizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg (2015).

Dikjarazzjoni tal-ewwel Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (2010)

Rapport u Dikjarazzjoni tat-Tieni Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (2015).


ANNESS II (1)

Kompendju ta’ ħiliet għall-ħajja u l-attributi tagħhom

Interpersonali

Komunikazzjoni

Konjittivi

Personali

Tmexxija, riżoluzzjoni tal-konflitti, ippjanar u organizzazzjoni, ħidma f’tim, negozjar u sensibilizzazzjoni interkulturali.

Espressjoni (u smigħ) ta’ fehmiet u opinjonijiet, diskussjoni u dibattitu, litteriżmu diġitali u fil-media, preżentazzjoni u sosteniment.

Ħsieb kritiku, analiżi motivata, ħsieb kreattiv, soluzzjoni tal-problemi, teħid ta’ deċiżjonijiet, interpretazzjoni, ġudizzju.

Awtokunfidenza, awtostima, reżiljenza, awtonomija, inizjattiva, empatija.

Il-karatteristiċi ta’ tali ħiliet għall-ħajja huma:

 

olistiċi, għax ifittxu li jiżviluppaw lill-persuna b’mod sħiħ u jgħinuhom jakkwistaw awtorealizzazzjoni pożittiva kemm bħala individwi kif ukoll bħala esseri umani.

 

ta’ valur fihom innifishom, li joffru liż-żgħażagħ esperjenzi ta’ tagħlim pożittivi u ta’ tisħiħ li jappoġġaw l-iżvilupp tagħhom.

 

komplementari u ta’ tisħiħ, billi jappoġġaw it-tagħlim u l-iżvilupp taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-familja, fil-komunità, fil-ħajja ċivika u soċjali u fuq il-post tax-xogħol.

 

trasversali u transsettorjali, irrilevanti mill-kuntest, kemm jekk fl-edukazzjoni, fuq il-post tax-xogħol, fil-komunità jew fit-twettiq ta’ attivitajiet kulturali, soċjali jew politiċi, il-ħiliet miksuba huma ta’ rilevanza u użu immedjat.

 

jagħtu s-setgħa u l-kapaċità, b’hekk jippermettu lit-talenti, l-ħiliet u l-kapaċitajiet taż-żgħażagħ, kif ukoll l-imġiba u l-attitudnijiet tagħhom, isibu espressjoni kostruttiva fil-ħajja personali, ċivika, kulturali u tax-xogħol tagħhom.


(1)  Il-kompendju ta’ ħiliet għall-ħajja jinkludi wħud mill-aktar ħiliet u kompetenzi komunement imsemmija li tirreferi għalihom il-letteratura internazzjonali u b’mod partikolari l-Istudji u r-Rapporti tal-Grupp ta’ Esperti elenkati fl-Anness I.