25.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/3


Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/890 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

(2017/C 167/02)

Qed tinġibed l-attenzjoni tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni li ġejja skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1):

Il-bażi legali għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar hija r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 (2), kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/890 (3).

Il-kontrollur ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar hu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrappreżentat mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ C (Affarijiet Barranin, Tkabbir, Protezzjoni Ċivili) tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-dipartiment fdat bl-operazzjoni ta’ pproċessar hu l-Unità 1C li wieħed jista’ jikkuntattja f’dan l-indirizz:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

DG C 1C

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email: sanctions@consilium.europa.eu

L-għan tal-operazzjoni ta’ proċessar huwa l-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 224/2014, kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/890.

Is-suġġetti tad-data huma l-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji għall-elenkar fil-lista stipulati f’dak ir-Regolament.

Id-data personali miġbura tinkludi d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tajba tal-persuna kkonċernata, id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet u kwalunkwe data oħra relatata.

Id-data personali miġbura tista’ titqassam skont kif ikun meħtieġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni.

Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(1)(a) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, it-talbiet għal aċċess, kif ukoll it-talbiet għal rettifika jew oġġezzjoni jitwieġbu skont it-taqsima 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/644/KE (4).

Id-data personali ser tinżamm għal ħames snin minn meta s-suġġett tad-data jkun tneħħa mil-lista ta’ persuni soġġetti għall-iffriżar tal-assi jew il-validità tal-miżura tkun skadiet, jew sakemm ikunu fis-seħħ il-proċedimenti tal-qorti f’każ li dawn ikunu nbdew.

Is-suġġetti tad-data jistgħu jirrikorru għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.


(1)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1.

(3)  ĠU L 138, 25.5.2017, p. 1.

(4)  ĠU L 296, 21.9.2004, p. 16.