29.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 404/5


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-6 ta’ April 2016

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ AT.39914 — Derivattivi tar-Rata tal-Imgħax f’Euro)

(notifikat bd-dokument C(2016) 1995)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2017/C 404/05)

Fis-6 ta’ April 2016, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni C(2013)8512 final tal-4 ta’ Diċembru 2013 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-“Trattat”) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim li joħloq iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim ŻEE”) sa fejn din tikkonċerna Société Générale. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull piena imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom.

1.   Introduzzjoni

(1)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lil entità ġuridika waħda: Société Générale.

2.   Deskrizzjoni tal-każ

2.1.   Proċedura

(2)

Id-Deċiżjoni C(2013) 8512 final imponiet multa ta’ EUR 445 884 000 fuq Société Générale, wara li nstab li kienet kisret l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu, li taffettwa lit-territorju kollu taż-ŻEE, fir-rigward ta’ Derivattivi tar-Rata tal-Imgħax f’Euro.

(3)

Fl-4 ta’ Frar 2016, Société Générale ppreżentat tweġiba emendata għat-talba għal informazzjoni tal-Kumissjoni dwar il-valuri tal-bejgħ.

(4)

Permezz ta’ ittra bid-data tal-4 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni informat lil Société Générale li beħsiebha tadotta deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni C(2013) 8512 final, fuq il-bażi tal-valur tal-bejgħ korrett. Société Générale ddikjarat li ma kellha ebda kumment.

(5)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-Qasam tal-Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fl-4 ta’ April 2016 u l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fis-6 ta’ April 2016.

2.2.   Sommarju tad-Deċiżjoni

(6)

Il-multa lil Société Générale u l-metodu kif ġiet stabbilita huma konformi ma’ dak li ġie applikat għad-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni C(2013) 8512 final minbarra l-valuri tal-bejgħ li issa jirriflettu l-valuri tal-bejgħ korretti għal Société Générale.

(7)

Fir-rigward tal-imgħax li akkumula għall-benefiċċju tal-Kummissjoni mill-pagament proviżorju li sar minn Société Générale fis-6 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun raġonevoli li l-imgħax fuq l-ammont tat-tnaqqis tal-multa imposta fuq Société Générale jitħallas ukoll lil Société Générale, fejn ikun aktar minn żero.

3.   Konklużjoni

(8)

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2013) 8512 final, il-punt (c) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) Société Générale: EUR 227 718 000;”

(9)

L-imgħax fuq l-ammont ta’ EUR 218 166 000 tat-tnaqqis li akkumula għall-benefiċċju tal-Kummissjoni mill-pagament proviżorju li sar minn Société Générale fis-6 ta’ Marzu 2014, għandu jitħallas lil Société Générale fejn l-imgħax ikun aktar minn żero.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1). B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.