15.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/20


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 385/08)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 tal-Kummissjoni (1)

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

“FINOCCHIONA”

Nru tal-UE: PGI-IT-01120-AM01 — 25.7.2017

DOP ( ) IĠP ( X ) STG ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio di Tutela della Finocchiona

Via Carlo del Prete, 49/r

50127 Firenze (FI)

ITALIA

Tel. +39 0554221769

Email: info@finocchionaigp.it

PEC: finocchionaigp@pec.it

Il-Consorzio di Tutela tal-Finocchiona huwa intitolat li jressaq applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 13(1) tad-Digriet Nru 12511 tal-14 ta’ Ottubru 2013 tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u Forestali.

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn: [għandu jiġi speċifikat]

4.   Tip ta’ emenda

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda fid-Dokument Uniku ppubblikat.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda fid-Dokument Uniku ppubblikat

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma jkunx ġie ppubblikat dokument uniku (jew ekwivalenti).

Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ STG irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

Tinbidel il-limitazzjoni attwali tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott li fil-punt 2.1.3 tal-Artikolu 2 tindika “Karatteristiċi kimiċi” u l-limitazzjoni fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku fir-rigward tar-rekwiżit tal-“Attività tal-ilma: 0,92 jew inqas”.

Il-valur “Attività tal-ilma (Aw): 0,92 jew inqas” tinbidel fi “Attività tal-ilma: 0,945 jew inqas”

Iż-żieda fil-valur tal-attività tal-ilma għandu l-għan li jiggarantixxi umdità ogħla fil-prodott meta mqabbla ma’ dik definita fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott fis-seħħ, u b’hekk, tiġi garantita u tiġi preżervata l-konsistenza ratba tal-qatgħa, li hija karatteristika fundamentali li tiddistingwi l-Finocchiona IĠP mill-prodotti l-oħra simili fis-suq.

Għalhekk qed jitqies li l-emenda tissodisfa l-kundizzjonijiet skont il-punti minn (a) sa (e) tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u tista’ tiġi kklassifikata bħala minuri.

DOKUMENT UNIKU

“FINOCCHIONA”

Nru tal-UE: PGI-IT-01120-AM01 — 25.7.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Finocchiona”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Is-salami “Finocchiona” IĠP. huwa kkaratterizzat minn aroma ta’ bużbież miż-żrieragħ u/jew il-fjuri li jinsabu fit-taħlita tiegħu, u minn qatgħa ratba li għandha tendenza li titfarrak. Il-qatgħa jkollha kuluri li jvarjaw minn aħmar lewn il-laħam fil-biċċiet tad-dgħif għal abjad/abjad fir-roża fil-biċċiet tax-xaħam, li jkunu imħalltin sew flimkien mingħajr trufijiet definibbli. Fiha jistgħu jkunu jidhru ż-żrieragħ u/jew il-fjuri tal-bużbież. Ir-riħa hija tajba u kkaratterizzata minn aroma qawwija ta’ bużbież u aroma aktar ħafifa ta’ tewm; it-togħma hija friska u tajba, u mhux qarsa. Għandha l-karatteristiċi kimiċi li ġejjin: Proteini totali: mhux inqas minn 20 %; Xaħmijiet totali: mhux iżjed minn 35 %; pH: bejn 5 u 6; Attività tal-ilma: 0,945 jew inqas; Melħ: mhux iżjed minn 6 %.

Zalzett ta’ forma ċilindrika, minn barra jkun miksi bil-moffa li tiżviluppa waqt il-maturazzjoni. Il-qatgħat ivarjaw minn zgħar li jinbiegħu bil-piż ta’ 0,5 kg, għal kbar li jinbiegħu sa piż ta’ 25 kg u jitqiegħdu fis-suq sħaħ jew f’biċċiet, sfużi jew ippakkjati f’vakwu jew f’atmosfera protetta, jew bħala laħam kiesaħ magħmul f’vakwu jew f’atmosfera protetta.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-porzjon tal-għalf għal ħnieżer tqal huwa ddeterminat skont il-kompożizzjoni u l-użu, huwa maqsum f’żewġ fażijiet u bbażat prinċipalment fuq prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-ġobon u fuq il-produzzjoni taċ-ċereali. L-għalf awtorizzat fl-ewwel fażi (sa 80 kg piż ħaj), f’konċentrazzjoni xierqa, jinkludi dak kollu li jista’ jintuża fit-tieni fażi kif ukoll dawn li ġejjin, bil-kundizzjoni li l-materja niexfa taċ-ċereali ma tkunx inqas minn 45 % tat-total: dqiq minn estratt tas-sojja; qamħirrum ippriservat; smid tal-gluten tal-qamħirrum u/jew għalf tal-glutina tal-qamħirrun; ħarrub mingħajr żerriegħa, distillaturi; lipidi li l-punt tat-tidwib tagħhom ikun iktar minn 36 °C; ħut mitħun, liżati tal-proteina; xorrox tal-butir. L-għalf awtorizzat fit-tieni fażi tat-tismin, bil-kundizzjoni li l-materja niexfa taċ-ċereali ma tkunx inqas minn 55 % tat-total, jinkludi: ċereali u ċereali minuri; qxur u prodotti oħrajn li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-qamħ; patata mnixxfa, polpa tal-pitravi issuppressata u maħżuna, dqiq minn estratt tas-sojja; dqiq tal-ġirasol; manjoka, għasel iswed, dqiq minn estratt tal-ġewż tal-Indi, dqiq minn estratt taż-żrieragħ tal-qamħirrum, piżelli u/jew żrieragħ oħra tal-legumi; polpa niexfa maħruġa mill-pitravi; dqiq tal-ġunġlien; estratt taż-żerriegħa tal-kittien, residwi mill-qxur tat-tuffieħ u tal-lanġas, qxur tal-għeneb jew tat-tadam fosthom aġenti li jaġixxu bħala integraturi, dqiq deidratat tal-alfalfa, ħmira tal-birra u/jew ħmira tal-ġenus torula, lipidi li l-punt tat-tidwib tagħhom ikun iktar minn 40 °C; xorrox tal-ħalib; xorrox tal-butir. Il-ħnieżer tar-razza Cinta Senese mrobbija fi stat selvaġġ jew semiselvaġġ jirgħu u jieklu f’boskijiet u/jew territorji mikxufa miżrugħa b’essenzi tal-għalf u taċ-ċereali. Huwa permess ukoll l-użu ta’ supplementi tal-ikel għal ħnieżer li għandhom iktar minn erba’ xhur bħala parti mill-porzjon tagħhom ta’ kuljum, li ma jkunux iktar minn 3 % tal-piż ħaj tal-annimal.

Fil-preparazzjoni tal-“Finocchiona” IĠP. tipikament jintużaw laħmijiet friski li ma għaddew minn ebda proċess ta’ ffriżar u li jkunu minn karkassi ta’:

ħnieżer tqal imrobbija mill-inqas għal 9 xhur, sabiex jilħqu piż għoli u l-laħam tagħhom ikun tajjeb għall-produzzjoni tal-“Finocchiona” IĠP., li għandu jkollu proprjetajiet ġenetiċi speċifiċi (normalment jintużaw razez bħal Large White Italiana, Landrace Italiana u Duroc Italiana jew ċingjali tal-istess razez jew ta’ razez oħra ibridi selezzjonati bl-istess proprjetajiet ġenetiċi). B’hekk jiġu żgurati l-manutenzjoni, id-distribuzzjoni u l-kompożizzjoni kwalitattiva tax-xaħam fil-laħmijiet, il-produzzjoni ta’ karkassi klassifikati bħala tqal limitati biss għall-klassijiet ċentrali korrispondenti u piż għoli u età avvanzata tal-ħnieżer kif jaslu biex jittieħdu għall-qatla. Dawn kollha, flimkien ma’ teknika tal-għalf tal-annimali bbażata prevalentement fuq ċereali, huma rekwiżiti meħtieġa għall-maturazzjoni u għall-profil organolettiku tal-“Finocchiona”.

ħnieżer tar-razza Cinta Senese, mniżżla fir-Reġistru tat-tnissil, imrobbija u maqtula fit-territorju u mitmugħin skont it-tradizzjoni.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi tal-produzzjoni tal-“Finocchiona” IĠPIĠP li għandhom isiru fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4 ta’ dan id-dokument uniku huma l-ħruġ mill-fosdqar u t-tiqrim tal-qatgħat tal-laħam awtorizzati; it-tidħin; it-tagħġin, l-ippakkjar, it-tnixxif; il-maturazzjoni.

Il-laħmijiet miċ-Cinta Senese jiġu minn annimali mrobbija fit-territorju taż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4 ta’ dan id-dokument.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Għat-tqegħid fis-suq tal-“Finocchiona” imqattgħa u f’pakketti, it-tqattigħ u l-ippakkjar, anke f’vakwu jew f’atmosfera protetta, għandhom isiru biss fiż-żona ta’ produzzjoni msemmija fil-punt 4, taħt is-superviżjoni tal-istruttura ta’ kontroll awtorizzata sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-prodott u b’mod partikolari biex ma jiġux modifikati l-karatteristiċi msemmija fil-punt 3.2.

Fil-fatt, it-taħlita ta’ dgħif u xaħam imqattgħin b’mod fin tagħmel il-qatgħa partikolarment delikata għat-tqandil u t-tqattigħ. Fil-preparazzjoni tal-prodott għat-tqattigħ jitneħħew l-imsaren u l-parti li tittiekel tiġi esposta direttament għall-ambjent ta’ barra; l-espożizzjoni għal kundizzjonijiet ambjentali mhux ikkontrollati u għal żmien mhux magħruf, tibdel il-karatteristiċi tal-prodott u tagħti lok għal ossidazzjoni, tibdil fil-kulur, telf eċċessiv ta’ umdità u tiħżin tal-konsistenza partikolari tal-qatgħa u tal-aroma qawwija tagħha. Huwa meħtieġ li l-operaturi jkunu f’kuntatt mal-prodott taħt kundizzjonijiet speċifiċi u għal żmien limitat, sabiex jiġu żgurati l-manutenzjoni u l-preżervazzjoni tal-karatteristiċi oriġinali tal-prodott.

Jekk il-prodott għat-tqattigħ jinżamm għal perjodu mhux magħruf f’kundizzjonijiet differenti minn dawk indikati, jista’ jiżviluppa karatteristiċi kontrastanti u mhux meħtieġa, bħal snuħija, tnixxif, formazzjoni ta’ moffa anormali, nefħa jew tiswied li jistgħu jiġġeneraw togħma, riħa u konsistenza differenti minn dawk tipiċi tal-prodott.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

L-isem “Finocchiona” għandu jkun miktub b’ittri ċari, li ma jitħassrux u b’kulur li joħloq kuntrast kbir ma’ dak tat-tikketta, b’tipa ikbar minn kwalunkwe kliem ieħor li jidher fuq it-tikketta u mhux iżgħar minn 3 mm, u għandu jkollu miegħu l-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jew it-taqsira “IĠP.”. Fuq it-tikketta għandu dejjem ikun hemm il-logo Komunitarju tal-“IĠP.” flimkien ma’ kliem ieħor li jista’ jkun hemm skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 628/2008 (3). Fuq it-tikketta jistgħu jidru wkoll indikazzjonijiet oħra li jagħmlu riferiment għal kumpanji, ismijiet, ismijiet ta’ ditti, marki privati u konsorzji, sakemm dawn ma jkollhomx għan ta’ tifħir jew ikunu maħsuba biex iqarrqu bil-konsumatur. Riferiment għal ismijiet ta’ kumpanji tat-trobbija tal-ħnieżer li minnhom jiġi l-prodott huwa awtorizzat biss fil-każ li l-materja prima tkun ġejja għal kollox mill-irziezet tagħhom.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Finocchiona” I.Ġ.P. tinkludi it-territorju kollu tat-Toskana minbarra l-gżejjer, li hija ż-żona fejn matul iż-żmien ġiet stabbilita l-produzzjoni ta’ dan iz-zalzett tipiku.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

It-territorju ta’ produzzjoni tal-“Finocchiona” IĠP. huwa karatterizzat minn katina ta’ muntanji li jimmarkaw l-konfini tiegħu fit-Tramuntana u fil-Lvant u minn żona wiesgħa ta’ għoljiet li fiha jinsabu vinji, boskijiet u artijiet għal mergħa ta’ bhejjem fil-miftuħ, li jispiċċaw f’pjanuri kostali fil-Punent.

Il-“mezzadria”, organizzazzjoni tal-intrapriżi agrikoli sas-snin ‘70 li ġiet sostitwita fil-parti kbira mill-propjetà tal-intrapriżi, ippreżervat it-trobbija tal-ħnieżer fit-territorju, tar-razza storika Cinta Senese (li sadanittant iffaċċat u għelbet il-perikolu ta’ estinzjoni wkoll) u ta’ ħnieżer ta’ razzez bojod li minnhom tiġi l-materja prima pproċessata għal-laħmijiet kesħin tat-Toskana u għaddiet il-ħiliet speċjalizzati u t-teknika tal-ipproċessar artiġjanali tal-“Finocchiona”. Il-laħmijiet, l-inbid u l-preżenza wiesgħa ta’ bużbież selvaġġ kienu fatturi ewlenin għal formazzjoni tal-gosti tal-operaturi tal-kumpanji tal-laħam, li għandhom għarfien tal-metodi ta’ produzzjoni artiġjanali u wirt ta’ tekniki u tradizzjonijiet antiki li għadhom jintużaw sal-lum fl-istabbilmenti tal-ipproċessar preżenti fit-territorju kollu.

Il-karatteristika prinċipali li tagħmel il-“Finocchiona” unika u differenti minn laħmijiet oħra hija l-aroma qawwija u ċara tal-bużbież miż-żrieragħ u/jew il-fjuri li jinsabu fit-taħlita tiegħu, u minn qatgħa ratba li għandha tendenza li titfarrak. It-togħma hija friska u tajba, u mhux qarsa.

Il-qatgħa hija taħlita b’kontenut ta’ xaħam imqassam b’mod li jinkorpora l-biċċiet tal-laħam biex b’hekk tinżamm l-irtubija tal-prodott anke wara żmien twil ta’ maturità. Ix-xaħam u d-dgħif, f’biċċiet bejn medji u ħoxnin, ma fihomx trufijiet definibbli Il-qatgħa għandha kuluri li jvarjaw minn aħmar lewn il-laħam fil-biċċiet tad-dgħif għal abjad/abjad fir-roża fil-biċċiet tax-xaħam bil-possibbiltà li jidhru ż-żrieragħ u/jew il-fjuri tal-bużbież.

Il-“Finocchiona” għandha reputazzjoni storika li tidher f’bosta dokumenti, fosthom il-“Vocabolario della lingua parlata” ta’ Rigutini u Fanfani tal-1875; l-edizzjoni tal- 1889 tal-“Vocabolario degli Accademici della Crusca” turi r-rabta bejn il-“Finocchiona” u t-territorju tat-Toskana; l-oriġini Toskana tagħha ġiet ikkonfermata minn Prof. Italo Ghinelli fl-1977. Il-“Finocchiona” huwa wieħed mil-laħmijiet kesħin l-iktar popolari fit-Toskana u tissemma regolarment fil-bulletini ta’ kull ġimgħa ta’ prodotti tal-laħam kiesaħ ippubblikati minn rivisti awtorevoli speċjalizzati u mifruxa fuq livell nazzjonali.

Il-“Finocchiona” ħadet il-karatteristiċi tagħha mir-rabtiet mal-ambjent tat-Toskana minn fejn oriġinat u mill-fattur uman li matul is-sekli stabbilixxa l-metodu ta’ preparazzjoni. L-għażla oriġinali tal-ingredjenti, prinċipalment il-bużbież, li jinsab f’ħafna riċetti tat-tisjir reġjonali u li huwa parti mill-flora endemika tat-territorju ta’ produzzjoni; il-vokazzjoni evidenti għal laħmijiet; il-personal speċjalizzat u kwalifikat b’ħiliet manwali u artiġjanali u li jaf jagħżel u jaqtal-aħjar qatgħat, jivverifika li jintlaħaq il-livell ideali ta’ omoġenizzazzjoni bejn ix-xaħam u d-dgħif u jagħraf meta l-“Finocchiona” ikollha l-konsistenza u l-irtubija ideali; dawn huma kollha fatturi li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ prodott uniku li m’hawnx oħrajn bħalu u li għandu reputazzjoni qawwija. L-użu tal-inbid fit-taħlita tal-“Finocchiona”, skont il-metodu storiku ta’ produzzjoni, jenfasizza r-rabta qawwija mat-territorju, fejn l-inbejjed lokali huma magħrufa madwar id-dinja kollha. Il-produzzjoni ta’ laħmijiet ta’ kwalità mir-razza Cinta Senese tat lok għal diffużjoni ta’ intrapriżi ta’ pproċessar fir-reġjun kollu u kkaratterizzat iktar il-prodott, b’hekk ir-reputazzjoni tal-“Finocchiona” u r-rabta tagħha mat-Toskana ġiet ikkonsolidata fost il-konsumaturi.

Il-“Finocchiona” ma tistax tonqos fil-platt tipiku tal-“affettati toscani” u qasmet ukoll l-fruntieri nazzjonali billi tinsab f’ħafna pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u anke f’pajjiżi barra mill-Komunità Ewropea.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 173, 3.7.2008, p. 3.