|
14.11.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 383/7 |
Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tat-2 ta' Ottubru 2017
rigward proċedura skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
(Il-Każ AT.39813 — Baltic Rail)
(notifikat bid-dokument C(2017) 6544)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(2017/C 383/08)
Fit-2 ta' Ottubru 2017 l-Kummissjoni adottat deċiżjoni relatata ma' proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull piena imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni se tiġi ppubblikata bl-Ingliż fuq is-sit web tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fuq: http://ec.europa.eu/competition/index_en.html
1. Introduzzjoni
|
1. |
Il-Kummissjoni sabet li l-kumpanija ferrovjarja Litwana tal-istat, AB Lietuvos geležinkeliai (“LG”), ħadet vantaġġ mill-pożizzjoni dominanti tagħha bħala l-kumpanija responsabbli mill-infrastruttura ferrovjarja billi neħħiet binarji li kienu jwasslu mill-Litwanja sal-fruntiera mal-Latvja u għalhekk evitat li kumpanija ferrovjarja li qed tikkompeti tidħol fis-suq Litwan. Il-Kummissjoni imponiet multa fuq LG u ordnatha ttemm il-ksur. |
2. Proċedura
|
2. |
Fl-14 ta' Lulju 2010, il-Kummissjoni rċeviet ilment skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ppreżentat minn AB ORLEN Lietuva (“OL”) kontra LG. |
|
3. |
Bejn it-8 u l-10 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni wettqet spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fil-bini ta' LG. |
|
4. |
Fis-6 ta' Marzu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedimenti kontra LG fit-tifsira tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 (2) u l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. |
|
5. |
Fil-5 ta' Jannar 2015, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet kontra LG. Is-seduta ta' smigħ saret fis-27 ta' Mejju 2015. |
|
6. |
Fit-23 ta' Ottubru 2015 il-Kummissjoni bagħtet Ittra ta' Fatti lil LG li rrispondiet għaliha fit-2 ta' Diċembru 2015. |
3. Il-fatti
|
7. |
LG għandha monopolju legali tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja fil-Litwanja. |
|
8. |
L-ilmentatur, OL, hija s-sid ta' raffinerija fil-Litwanja ħdejn il-fruntiera mal-Latvja. OL hija dipendenti fuq it-trasport ferrovjarju għat-trasportazzjoni tal-prodotti tagħha mir-raffinerija. L-akbar parti mill-produzzjoni tagħha hija trasportata għall-port Litwan ta' Klaipeda għal esportazzjoni bil-baħar. OL hija konsumatur importanti ta' LG. |
|
9. |
Fl-2008, OL kienet qed teżamina l-possibilità li taqleb għall-portijiet Latvjani bl-użu tas-servizzi tal-kumpanija ferrovjarja Latvjana (“LDZ”). Għal dak l-iskop il-merkanzija ta' OL tiġi ttrasportata lejn il-Latvja fuq rotta ta' 34 kilometru mir-raffinerija sal-fruntiera. F'Settembru 2008 LG issospendiet it-traffiku fuq taqsima ta' 19-il kilometru mir-rotta (“Binarji”) minħabba allegata deformazzjoni tul 40 metru (“Deformazzjoni”). F'Ottubru 2008 LG żarmat għal kollox 19-il kilometru ta' Binarji li minn dakinhar ma reġgħux inbidlu. |
4. Valutazzjoni Legali
|
10. |
Il-Kummissjoni tqis li billi neħħiet il-Binarji kompletament, LG irrikorriet għal metodi differenti minn dawk li jikkundizzjonaw il-kompetizzjoni normali, billi: LG kienet konxja li l-pjanijiet ta' OL kienu li taqleb għall-portijiet Latvjani bl-użu tas-servizzi ta' LDZ; it-tneħħija tal-Binarji minn LG saret b'għaġġla kbira mingħajr ma ġew żgurati l-fondi meħtieġa u mingħajr ma ttieħdu l-ebda mill-passi preparatorji normali għall-bini mill-ġdid tagħha; it-tneħħija tal-Binarji kienet tmur kontra l-prattika standard; LG ħadet passi biex tikkonvinċi lill-gvern Litwan ma jibnix il-Binarji mill-ġdid. |
|
11. |
Il-Kummissjoni sabet li l-Binarji kienu jippermettu li ssir l-aktar rotta qasira u rħisa mir-raffinerija għall-port. Minħabba l-qrubija tagħha għall-Latvja u għall-bażi loġistika ta' LDZ, din ir-rotta ppreżentat ukoll għażla favorevoli ħafna għal LDZ biex tidħol fis-suq Litwan. |
|
12. |
It-tneħħija tal-Binarji ppreġudikat il-pożizzjoni kompetittiva ta' LDZ vis-à-vis LG u rendiet id-dħul tagħha fis-suq Litwan ħafna aktar diffiċli. Wara t-tneħħija tal-binarji, it-trasport ferrovjarju mir-raffinerija għall-port (kemm fil-Litwanja kif ukoll fil-Latvja) irid jgħaddi minn rotot ħafna itwal fit-territorju tal-Litwanja. Dan ikun jeħtieġ li LDZ topera 'l bogħod mill-bażi loġistika tagħha fil-Latvja u jagħmilha dipendenti fuq is-servizzi ta' infrastruttura tal-kompetitur tagħha, LG. F'dawn iċ-ċirkostanzi LDZ taffaċċja riskji kummerċjali sinifikanti, riskji li hija anqas probabbli li lesta tehodhom. |
|
13. |
LG iġġustifikat l-azzjonijiet tagħha bl-argument li wara li seħħet id-Deformazzjoni, kien hemm bżonn ir-renovazzjoni tal-Binarji kollha qabel ma jerġgħu jibdew jgħaddu l-ferroviji. Skont LG, ir-renovazzjoni l-ewwel kienet teħtieġ li jitneħħew il-binarji kompletament. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li dawn l-ispjegazzjonijiet kienu inkonsistenti ma' xulxin, u ġieli kienu jikkontraddixxu lil xulxin jew ma kinux konvinċenti. Il-Kummissjoni għalhekk qieset li LG naqset milli turi ġustifikazzjoni oġġettiva għat-tneħħija tal-Binarji. |
5. Multi
|
14. |
Fid-dawl tal-gravità u d-dewmien ta' dan il-ksur li għadu għaddej, il-Kummissjoni imponiet multa ta' EUR 27 873 000 fuq LG. |
6. Rimedji
|
15. |
Il-Kummissjoni qieset li jista' jkun hemm diversi rimedji strutturali jew ta' mġiba possibbli, li jew jerġgħu jdaħħlu s-sitwazzjoni kompetittiva li kien hemm qabel it-tneħħija tal-binarji jew inkella jeliminaw l-iżvantaġġi li dawn jaffaċċjaw kompetituri potenzjali fuq ir-rotot alternattivi lejn il-portijiet. |
|
16. |
Il-Kummissjoni ordnat lil LG biex ittemm il-ksur u biex tippreżentalha proposta għal miżuri fi żmien tliet xhur mid-data ta' notifika tad-deċiżjoni għal dan l-għan. |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1). B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Ujjoni Ewropea.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċedimenti mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).