25.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 361/42


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 361/09)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

TALBA GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEGORAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“LAGUIOLE”

Nru tal-UE: PDO-FR-0120-AM05 — 5.4.2017

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Syndicat de défense et de gestion du Fromage de Laguiole

Route de Chaudes-Aigues

12210 Laguiole

FRANZA

Telefown: +33 565444751

Faks: +33 565444757

Posta elettronika: contact@fromagedelaguiole.fr

Il-grupp hu magħmul minn produtturi u proċessuri tal-“Laguiole” u, għalhekk, huwa l-grupp leġittimu biex jipproponi l-emenda.

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem tal-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn: spezzjoni

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkun ġie rreġistrat l-ebda dokument uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda/i

It-Taqsima: “Żona ġeografika”

Iż-żona ġeografika hija estiża għall- ta’ Buisson, Saint-Juéry u Saint-Chély-d’Apcher, fid-dipartiment ta’ Lozère. Dawn il-komuni huma kontigwi maż-żona ġeografika attwali u għandhom l-istess karatteristiċi għal dawk tal-komuni inklużi fiż-żona ġeografika. L-integrazzjoni tagħhom fiż-żona ġeografika, għalhekk, ma tbiddilx ir-rabta mal-oriġini.

Il-lista tal-komuni li jiffurmaw iż-żona ġeografika hija aġġornata minħabba l-amalgamazzjoni ta’ diversi komuni, mingħajr ebda bidla fil-perimetru. Għaldaqstant, il-komun ta’ Argences en Aubrac jiġbor il-komuni l-antiki ta’ Alpuech, Graissac, Lacalm, La Terrisse, Sainte-Geneviève-sur-Argence u Vitrac-en-Viadène. Il-komun il-ġdid ta’ Saint Geniez d’Olt u d’Aubrac jiġbor il-komuni l-antiki ta’ Aurelle-Verlac u de Saint-Geniez-d’Olt. Il-komun il-ġdid ta’ Banassac-Canilhac jiġbor il-komuni l-antiki ta’ Banassac u ta’ Canilhac. Minħabba li l-komuni l-antiki kienu inklużi biss parzjalment fiż-żona ġeografika, huma biss il-partijiet korrispondenti tal-komuni l-ġodda li huma inklużi fiż-żona ġeografika.

Fl-aħħar nett, fid-dokument uniku, id-distretti qed jiġu mibdula bil-lista tal-komuni li jiffurmawhom u l-modifiki msemmija hawn fuq huma integrati wkoll.

Oħra

Fl-intestatura “Referenzi li jikkonċernaw il-korpi ta’ spezzjoni”, id-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ spezzjoni huma mibdula b’dawk tal-awtorità kompetenti ta’ kontroll b’mod li ma jkunx hemm bżonn ta’ emenda tal-Ispeċifikazzjonijiet fil-każ ta’ bidla fil-korp ta’ spezzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“LAGUIOLE”

Nru tal-UE: PDO-FR-0120-AM05 — 5.4.2017

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet

“Laguiole”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3 Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Il-“Laguiole” huwa ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra, b’qoxra niexfa, ippressat u mhux imsajjar, u ta’ forma ċilindrika. Għandu kontenut minimu ta’ xaħam ta’ 45 gramma għal kull 100 gramma ta’ ġobon wara dessikazzjoni totali, u l-kontenut totali ta’ materja niexfa ma jridx ikun anqas minn 58 gramma għal kull 100 gramma ta’ ġobon.

Il-“Laguiole” għandu forma ċilindrika b’dijametru ta’ bejn 30 u 40 cm, bi proporzjon tal-għoli mad-dijametru ta’ 0,8 u 1 u jiżen bejn 20 u 50 kg.

Il-maturazzjoni ddum tal-anqas erba’ xhur li jibdew mid-data meta jiżdied it-tames.

Il-pasta tal-ġobon hija lewn l-avorju jew safranija lewn it-tiben, u l-qoxra tiegħu ta’ lewn abjad jew griża ċara, li waqt il-maturazzjoni tista’ ssir kannella ċara jew griża kulur il-granit.

It-togħma ta’ ħalib tiegħu hija bejn medja u intensa, skont il-grad ta’ maturazzjoni, ibbilanċjata b’karattru speċifiku espress f’tonalitajiet li jvarjaw bejn it-togħma ta’ tiben frisk u ta’ ġellewża niexfa. Din it-togħma tippersisti fil-ħalq u għandha l-karatteristiċi tipiċi tal-ġobon magħmul mill-ħalib mhux ipproċessat.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Ir-razzjon bażiku tal-merħla tal-ħalib huwa magħmul mill-foraġġ li joriġina fiż-żona ġeografika. L-uniku foraġġ mhux irraffinat awtorizzat huwa magħmul minn flora lokali mill-bwar u mill-mergħat naturali jew permanenti, kif ukoll minn ħaxix u legumi tal-foraġġ ikkultivati fi bwar temporanji. Il-preżenza tal-insilaġġ tal-qamħirrum, tal-insilaġġ tal-ħaxix, tat-tgeżwir jew ta’ kull foraġġ ieħor ippreżervat bl-umdità, hija pprojbita.

Meta jkun hemm il-ħaxix, jekk it-temp ikun jippermetti, ir-razzjon bażiku tal-merħla tal-ħalib ikun magħmul prinċipalment minn ħaxix tal-mergħat matul perjodu annwali kkombinat ta’ 120 jum. Matul dan il-perjodu, id-doża ta’ foraġġ li tissupplimenta r-razzjon tal-ħaxix tal-mergħat ma tistax taqbeż it-3 kg ta’ materja niexfa għal kull jum u għal kull baqra tal-ħalib, bħala medja għall-merħla matul il-perjodu tar-ragħa.

L-ammont ta’ għalf supplimentari miżjud mar-razzjon bażiku ġie llimitat għal medja ta’ 6 kg għal kull baqra li taħleb kuljum għall-baqar kollha li jaħilbu fuq perjodu ta’ sena. L-għalf supplimentari mhemmx bżonn joriġina miż-żona ġeografika, billi dik iż-żona ma għandhiex biżżejjed riżorsi agrikoli.

Għall-għalf tal-annimali, huma awtorizzati biss dawk il-ħxejjex, il-prodotti sekondarji u l-għalf supplimentari minn prodotti mhux transġeniċi.

Għall-għalf supplimentari tal-merħla tal-ħalib, huma awtorizzati biss materja prima u addittivi speċifikati f’lista pożittiva.

Il-“Laguiole” hu magħmul esklużivament mill-ħalib tal-baqra sħiħ u mhux ipproċessat, mhux standardizzat f’termini ta’ xaħam u proteina. Huwa pprojbit kull immaniġġar fiżiku.

Il-ħalib użat biex isir il-“Laguiole” irid ikun joriġina esklużivament minn merħliet tal-ħalib li jikkonsistu minn baqar tar-razez Simmental française (kodiċi tar-razza 35) jew Aubrac (kodiċi tar-razza 14) jew minn baqar miksuba mill-inkroċjar ta’ dawn iż-żewġ razez ta’ nisel iċċertifikat. Fejn għandhom x’jaqsmu dawn tal-aħħar, wara l-ewwel ġenerazzjoni, jiġu awtorizzati biss fil-merħla tal-ħalib il-baqar miksuba mill-inkroċjar ma’ barrin tar-razza Aubrac (kodiċi tar-razza 14).

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni tal-ħalib, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobniet isiru fiż-żona ġeografika.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ

Il-kummerċjalizzazzjoni tal-“Laguiole râpé” hija pprojbita.

Il-“Laguiole” jista’ jiġi ppreżentat f’porzjonijiet. Jekk il-ġobon jinbiegħ f’biċċiet ippakkjati minn qabel, kull biċċa jrid ikollha parti mill-qoxra distintiva tad-denominazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-biċċiet individwali li jiżnu anqas minn 70 gramma.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikkettar tal-ġobnijiet jinkludi:

isem id-denominazzjoni tal-oriġini miktub b’ittri li jkunu tal-anqas ta’ daqs ekwivalenti għal żewġ terzi tad-daqs tal-akbar ittri li jidhru fuq it-tikketta;

is-simbolu DOP tal-Unjoni Ewropea.

Il-kelma “buron” tista’ tintuża fuq it-tikkettar u fir-reklamar, fil-fatturi jew fid-dokumenti kummerċjali, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin: il-kelma “buron” tintuża biss għall-ġobnijiet magħmula mill-ħalib ta’ merħla waħda li tinħaleb matul il-perjodu ta’ transumanza (bejn il-25 ta’ Mejju u t-13 ta’ Ottubru) u li matul dan il-perjodu tirgħa fil-bwar f’altitudni ta’ aktar minn 1 000 metru. Sabiex ikunu jistgħu jiġu kkwalifikati b’din il-kelma, il-ġobnijiet iridu jkunu prodotti f’bini li jkun maħsub għall-produzzjoni tal-ġobon u jkun inbena f’dawn iż-żoni ta’ bwar għall-użu minn merħla waħda għal kull werkxop. Mhumiex awtorizzati strutturi mobbli jew ħfief, bħal xelters magħmula mit-twavel.

It-tikkettar jista’ jiġi sostitwit minn stampar dirett fuq il-qoxra tal-ġobon jew billi titwaħħal musulina stampata minn qabel fuq il-qoxra.

Il-ġobon jista’ jkun identifikat ukoll permezz ta’ timbru b’imbuzzar li jinkludu l-barri tal-Laguiole kif ukoll il-kelma “Laguiole” u permezz ta’ marka ta’ identifikazzjoni mqiegħda fuq il-ġobon.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika hija delimitata bil-komuni jew bil-partijiet tal-komuni li ġejjin:

Id-Dipartiment tal-Aveyron: Il-komuni ta’ d’Argences en Aubrac, Campouriez, Cantoin, Cassuéjouls, Castelnau-de-Mandailles, Le Cayrol, Condom-d’Aubrac, Coubisou, Curières, Entraygues-sur-Truyère (ix-xatt tal-lemin tal-Lot u x-xatt tax-xellug tat-Truyère ’il fuq mill-konfluwenza tat-tnejn), Espalion (ix-xatt tal-lemin tal-Lot), Estaing, Florentin-la-Capelle, Huparlac, Laguiole, Montézic, Montpeyroux, Le Nayrac, Pomayrols, Prades-d’Aubrac, Saint-Amans-des-Cots, Saint-Chély-d’Aubrac, Saint-Côme-d’Olt (ix-xatt tal-lemin tal-Lot), Saint Geniez d’Olt et d’Aubrac (ix-xatt tal-lemin tal-Lot), Saint-Laurent-d’Olt (ix-xatt tal-lemin tal-Lot), Saint-Symphorien-de-Thénières, Sainte-Eulalie-d’Olt (ix-xatt tal-lemin tal-Lot), Soulages-Bonneval.

Id-Dipartiment ta’ Cantal: Il-komuni ta’ Anterrieux, Chaudes-Aigues, Deux-Verges, Espinasse, Fridefont, Jabrun, Lieutadès, Maurines, Saint-Martial, Saint-Rémy-de-Chaudes-Aigues, Saint-Urcize, La Trinitat.

Id-Dipartiment ta’ Lozère: Il-komuni ta’ Aumont-Aubrac, Banassac-Canilhac (ix-xatt tal-lemin tal-Lot), Les Bessons, Brion, Le Buisson, Chauchailles, La Chaze-de-Peyre, La Fage-Montivernoux, La Fage-Saint-Julien, Fau-de-Peyre, Fournels, Grandvals, Les Hermaux, Malbouzon, Marchastel, Nasbinals, Noalhac, Prinsuéjols, Recoules-d’Aubrac, Saint-Chély-d’Apcher, Saint-Germain-du-Teil, Saint-Juéry, Saint-Laurent-de-Muret; Saint-Laurent-de-Veyrès, Saint-Pierre-de-Nogaret, Sainte-Colombe-de-Peyre, Les Salces, Termes, Trélans.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika hija kkaratterizzata minn fatturi distintivi marbuta man-natura tal-ħamrija u tal-klima tagħha, l-altitudni għolja u l-konfini naturali tal-pajsaġġ tagħha. Il-ħamrija tagħha fiha livell għoli ta’ bażalt u granit. Il-klima varja u ħarxa hija r-riżultat ta’ konfrontazzjoni bejn l-influwenzi kontinentali u muntanjużi ta’ Auvergne, li jwasslu għal xtiewi twal u kesħin ikkaratterizzati mir-riħ u ħafna drabi mill-borra, u dawk tal-Midi, li jwasslu għas-sħana u għal xita qawwija u qalila. Fil-qalba taż-żona, il-muntanji tal-Aubrac jifformaw unità omoġenja b’altitudni medja ta’ 1 000 metru. Lejn il-Punent u n-Nofsinhar, iż-żona ġeografika tmiss b’mod naturali max-xmajjar tat-Truyère u tal-Lot. Il-ħamrija, il-klima u l-altitudni jingħaqdu flimkien biex jagħtu kwalitajiet eċċezzjonali lill-mergħat, b’mod partikolari flora rikka, aromatika u abbundanti. Meta mqabbla ma’ żoni oħra, hawnhekk wieħed isib, b’mod ferm aktar frekwenti, pjanti tipiċi b’livell għoli ta’ molekuli aromatiċi (terpènes), bħal preżempju l-Apiaceae bħall-busbies (Meum athamanticum), il-Geraniaceae (Geranium sylvaticum), il-komposti (Achillea, Centaurea) u l-Labiatae (Prunella grandiflora, Thymus).

Il-ġobon ilu jiġi prodott f’dan ir-reġjun bosta snin. Sa mis-seklu tnax, il-patrijiet tal-monasteri ta’ Aubrac u Bonneval stabbilew regoli għall-produzzjoni tal-“Laguiole” sabiex il-ħalib prodott fis-sajf kien jista’ jintuża biex jitma’ lill-pellegrini fix-xitwa. Din il-prassi bdiet tiġi adottata wkoll mill-bdiewa tal-madwar. Fl-1897, il-bdiewa tal-muntanji ngħaqdu flimkien biex ibiegħu l-ġobon tagħhom permezz ta’ syndicat de vente, li fl-1939 sar syndicat de défense, u laħaq l-ogħla punt tiegħu meta ġiet rikonoxxuta d-denominazzjoni tal-oriġini fl-1961.

Illum il-“Laguiole” għadu jsir mill-ħalib sħiħ u mhux ipproċessat mill-baqar tar-razez Simmental française u Aubrac, li adattaw irwieħhom għall-kundizzjonijiet ambjentali taż-żona ġeografika (muntanji medji) u li jieklu prinċipalment billi jirgħu jew permezz tat-tiben fiż-żona ġeografika, mingħajr ebda foraġġ ippreżervat bl-umdità u b’ammont limitat ta’ għalf supplimentari. Is-selezzjoni ġenetika mwettqa fi ħdan dawn ir-razez għamlitha possibbli li jissaħħaħ il-kontenut ta’ proteini fil-ħalib a skapitu tal-kontenut ta’ xaħam u biex jinkiseb ħalib tajjeb għall-produzzjoni tal-ġobon. Id-dieta tal-annimali hija fattur kontributorju ieħor, billi l-għan tal-projbizzjoni fuq l-użu tal-qamħirrum fil-foraġġ huwa li tillimita l-kontenut ta’ xaħam fil-ħalib.

Il-“Laguiole” jimmatura għal żmien twil f’kantina kiesħa (bejn 6 u 12 °C) u umda, u s-suċċess ta’ dan il-proċess jiddependi, b’mod partikolari, fuq teknika ta’ produzzjoni speċifika (fejn l-iskop tal-iskular doppju, l-ewwel fil-pressa tat-tomme u mbagħad meta jitqiegħed fil-forma, huwa li jżid l-estratt niexef) u trattamenti regolari (tagħrik u tidwir). Dawn l-operazzjonijiet huma ggarantiti mill-ħiliet u min-know-how li ġew ippreżervati fiż-żona ġeografika.

Il-“Laguiole” huwa ġobon ta’ daqs kbir (bejn 20 u 50 kg) magħmul mill-ħalib sħiħ u mhux ipproċessat. Il-pasta ppressata u mhux imsajra tiegħu għandha kontenut għoli ta’ materja niexfa ta’ mill-inqas 58 %. Jitħalla jimmatura għal mill-inqas erba’ xhur.

It-togħma ta’ ħalib tiegħu hija bejn medja u intensa, skont il-grad ta’ maturazzjoni, ibbilanċjata b’karattru speċifiku espress f’tonalitajiet li jvarjaw bejn it-togħma ta’ tiben frisk u ta’ ġellewża niexfa. Din it-togħma tippersisti fil-ħalq.

Fil-bidu, il-produzzjoni tal-ħalib fiż-żona ġeografika ta’ “Laguiole” kienet staġjonali ħafna. It-taħlib b’mod parallel mat-treddigħ tal-għoġġiela seta’ jsir biss meta l-fertilità naturali tal-ħamrija fiż-żona ġeografika kienet tippermetti t-tkabbir ta’ flora abbundanti li tkopri l-ħtiġijiet tal-annimali. Sabiex jiġi ppreżervat u jittawwal l-użu ta’ dan il-ħalib, in-nissiela fiż-żona ġeografika żviluppaw ġobon ta’ daqs kbir u li jżomm fit-tul: il-“Laguiole”.

Billi dan il-ġobon hu magħmul mill-ħalib sħiħ, il-kwalità ta’ konservazzjoni tiegħu tiddependi fuq il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħalib u tal-produzzjoni tal-ġobon li jiffavorixxu ħalib li huwa adattat għall-produzzjoni tal-ġobon, b’livell għoli ta’ proteina iżda b’kontenut limitat ta’ xaħam, u li jista’ jiġi skulat b’mod intensiv kemm fi pressa tat-tomme kif ukoll fi preses wara li jitqiegħed fil-forma, sabiex tinkiseb pasta ppressata u mhux imsajra b’kontenut għoli ta’ materja niexfa.

B’mod partikolari, il-baqar tal-ħalib tar-razez Simmental française u Aubrac adattaw irwieħhom tajjeb għall-kundizzjonijiet ambjentali taż-żona ġeografika. Permezz tar-reżistenza tagħhom, dawn il-baqar jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-produzzjoni ta’ foraġġ fiż-żona ġeografika minkejja r-restrizzjonijiet dovuti għax-xtiewi twal u ħorox. Id-dieta tagħhom tikkonsisti f’foraġġ b’livell għoli ta’ pjanti aromatiċi, li jfewħu lill-ħalib u allura lil-“Laguiole” li hu magħmul minnu.

Il-ħalib mhux ipproċessat użat fil-produzzjoni tal-ġobon u l-perjodu twil ta’ maturazzjoni f’temperaturi baxxi jirriżultaw fil-karatteristiċi tipiċi tal-“Laguiole” marbuta mal-flora lattika tal-ħalib sħiħ u mhux ipproċessat.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-eee5e8f9-73b8-403f-8ad2-db22ef109a27/telechargement


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.