15.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 305/30


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 305/14)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

“MARRONI DEL MONFENERA”

Nru tal-UE: PGI-IT-02282 — 19.1.2017

DPO ( ) IĠP ( X ) STG ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Associazione Produttori Marroni Della Marca Trevigiana

Piazza Case Rosse 14

31040 Onigo di Pederobba (TV)

ITALIA

Email

:

marronimonfenera.igp@pec.it

info@asso-marronimonfenera-igp.it

L-Associazione Produttori Marroni della Marca Trevigiana hija intitolata biex tippreżenta applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 13(1) tad-Digriet tal-Ministeru għall-Politika tal-Agrikoltura, Alimentari u Forestali Nru 12511 tal-14 ta’ Ottubru 2013.

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn [Ippakkjar]

4.   Tip ta’ emenda

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew ta’ IĠP irreġistrata biex tiġi kkwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew ta’ IĠP irreġistrata biex tiġi kkwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew ta’ IĠP irreġistrata biex tiġi kkwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha dokument uniku (jew l-ekwivalenti) ma ġiex ippubblikat.

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-STG irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda (emendi)

Deskrizzjoni tal-prodott

Iż-żewġ paragrafi li ġejjin tal-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

1.

“Il-frotta: għamla ovojdali b’quċċata ftit li xejn ħierġa ’l barra, b’wiċċ tal-ġenb fil-biċċa l-kbira ċatt u l-wiċċ l-ieħor f’għamla nettament konvessa; l-għadd ta’frott kull kg huwa ta’ 90 jew anqas.” […]

“L-IĠP jista’ jinkiseb minn dak il-frott li jagħmel parti mill-kategorija Extra (dijametru tal-frotta iktar minn 3 cm; mhux iktar minn 4 % fil-piż tal-frotta b’endokarpu milqut mill-insetti; mhux iktar ta’ 3 % tal-piż tal-frott jippreżenta xquq fil-perikarpu) u mill-Kategorija I (dijametru tal-frotta bejn it-2,8 u t-3 cm; mhux iktar minn 6 % tal-piż tal-frotta b’endokarpu milqut mill-insetti; mhux aktar minn 5 % tal-piż tal-frott jippreżenta xquq fil-perikarpu).”

u l-punt 3.2. tad-Dokument Uniku

2.

“Il-frotta: għamla ovojdali b’quċċata ftit li xejn ħierġa ’l barra, b’wiċċ tal-ġenb fil-biċċa l-kbira ċatt u l-wiċċ l-ieħor f’għamla nettament konvessa; l-għadd ta’frott kull kg huwa ta’ 90 jew anqas.” […]

“L-IĠP jista’ jinkiseb minn dak il-frott li jagħmel parti mill-kategorija Extra (dijametru tal-frotta iktar minn 3 cm; mhux iktar minn 4 % fil-piż tal-frotta b’endokarpu milqut mill-insetti; mhux iktar ta’ 3 % tal-piż tal-frott jippreżenta xquq fil-perikarpu) u mill-Kategorija I (dijametru tal-frotta bejn it-2,8 u t-3 cm; mhux iktar minn 6 % tal-piż tal-frotta b’endokarpu milqut mill-insetti; mhux aktar minn 5 % tal-piż tal-frott jippreżenta xquq fil-perikarpu).”

huma emendati kif ġej:

Il-frotta: “Għamla ġeneralment ovojdi b’quċċata ftit li xejn ħierġa ’l barra, b’wiċċ tal-ġenb fil-biċċa l-kbira ċatt u l-wiċċ l-ieħor f’għamla nettament konvessa. L-għadd ta’frott kull kg huwa ta’ 120 jew inqas.” […]

“L-IĠP tista’ tinkiseb minn dak il-frott li jagħmel parti mill-kategorija Extra (daqs tal-frotta iktar minn 3 cm; mhux iktar minn 4 % fil-piż tal-frotta b’endokarpu milqut mill-insetti; mhux iktar minn 3 % tal-piż tal-frotta bi ħsara fil-perikarpu), mill-Kategorija I (daqs tal-frotta bejn it-2,8 u t-3 cm; mhux iktar minn 6 % tal-piż tal-frotta b’endokarpu milqut mill-insetti; mhux aktar minn 5 % tal-piż tal-frotta bi ħsara fil-perikarpu), u mill-Kategorija II (daqs tal-frotta bejn it-2,6 u t-2,8 cm; mhux iktar minn 6 % tal-piż tal-frotta b’endokarpu milqut mill-insetti; mhux aktar minn 5 % tal-piż tal-frotta bi ħsara fil-perikarpu).”

Raġunijiet:

l-emendi fil-punti 1 u 2 huma riżultat tal-frott li ċkien, li jfisser li hemm żieda fl-għadd ta’ dan il-frott f’kg tal-prodott. Għaldaqstant, minħabba li fl-aħħar snin is-sjuf kienu xotti ħafna u wasslu għall-produzzjoni ta’ frott iċken, kien hemm il-ħtieġa li jiġi kkummerċjalizzat bħala IĠP, il-qastan b’iċken daqsijiet.

Barra minn hekk, ġiet irranġata l-inkonsistenza bejn id-deskrizzjoni tad-daqs tal-frotta fid-Dokument Uniku u fl-ispeċifikazzjoni teknika. Peress li huwa prodott naturali, mhuwiex possibbli li tiġi garantita r-regolarità assoluta fid-daqs u għalhekk it-test “Il-Frotta: Għamla ġeneralment ovojdi”, li jinsab fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġie allinjat mad-Dokument Uniku.

Minħabba li l-karatteristiċi l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 2 u fil-Punt 3.2 tad-Dokument Uniku mhumiex milquta mill-għamla jew mid-daqs tal-frotta, il-karatteristiċi tal-kwalità tagħha mhumiex se jinbidlu. Għaldaqstant, l-emenda tista’ titqies li tikkwalifika bħala minuri skont il-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Ittikkettar u ppakkjar

L-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott – Il-Punti 3.6. u 3.7. tad-Dokument Uniku

3.

“Il-prodott għandu jiġi ppakkjat f’boroż tax-xibka għall-ikel magħluqa mit-truf tan-naħa ta’ fuq b’sistema ta’ kolla bis-sħana u permezz ta’ għeluq bil-ħjata.”

Huwa emendat kif ġej:

“Il-prodott għandu jiġi ppakkjat f’boroż tax-xibka maħsuba għall-użu tal-ikel jew f’kontejners adattati għall-ikel ta’ daqsijiet u materjali differenti. It-tipi kollha ta’ ppakkjar huma siġillati b’tali mod li l-frott ma jkunx jista’ jitneħħa sakemm ma jitneħħiex is-siġill”.

4.

“Il-pakketti huma ta’ 1, 2, 3 (kolla bis-sħana), 5 u 10 Kg (bil-ħjata).”

Huwa emendat kif ġej:

“Il-pakketti jistgħu jkunu ta’ 0,5, 1, 2, 3, 5 u 10 u 25 Kg.”

Raġunijiet:

L-emendi 3 u 4 huma meħtieġa sabiex ma jiġix illimitat it-tip ta’ ppakkjar, minħabba li d-disponibbiltà tal-materjal tal-ippakkjar jista’ jvarja (is-sistemi tal-issiġillar bis-sħana ma għadhomx jeżistu fis-suq Taljan) u fil-futur, it-tipi l-oħrajn tal-materjal tal-ippakkjar jistgħu jitqiesu bħala għażla, pereżempju, materjal li huwa iktar ekoloġiku. Peress li l-emenda tolqot biss l-ippakkjar u l-piż tal-prodott, jitqies li tista’ tiġi kklassifikata bħala “minuri” skont il-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.

Il-punt:

“—

Il-kategorija kummerċjali ta’ appartenenza “Extra” jew “I”;”

Huwa emendat kif ġej:

“—

Il-kategorija kummerċjali ta’ appartenenza “Extra”, jew “I, II”;”

Iddaħħlet il-kategorija II. Peress li l-emenda hija mfassla biex tiżgura l-konsistenza mal-emendi fil-punti 1 u 2, u tolqot biss l-ippakkjar tal-prodott, jitqies li tista’ tiġi kklassifikata bħala “minuri” skont il-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

DOKUMENT UNIKU

“MARRONI DEL MONFENERA”

Nru tal-UE: PGI-IT-02282 — 19.1.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Marroni del Monfenera”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6: Frott u ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Marroni del Monfenara” huma tip ta’ frott frisk li ġej mill-ekotip lokali ta’ pjanti tal-ispeċi Castanea sativa Mill. var.sativa.. Meta jitqiegħed fis-suq għandu jkollu l-karatteristiċi li ġejjin: il-ġewża ta’ ġewwa: waħda kull frotta, x’aktarx tkun lixxa jew kemxejn imkemmxa; il-laħma: kulur kannella ħafif jagħti fl-isfar lewn it-tiben, konsistenza pastuża/farinaċea b’togħma ħelwa u pjaċevoli; episperma: kulur kannella ħafif jagħti fl-isfar, struttura tal-qoxra fibruża u reżistenti, li tgħaddi kemm kemm ġol-ġewża ta’ ġewwa; perikarpu: kulur kannella jixgħel, b’linji iktar skuri li jiżviluppaw lejn il-meridjan, struttura ġludija u reżistenti, superfiċje miksija b’suf irqiq bi fdalijiet stilari miksijin b’suf irqiq; il-punt fejn iż-żerriegħa tingħaqad mal-perikarpu: għamla tendenzjalment ovojdi, kulur iktar ċar mill-perikarpu b’raġġi bejn wieħed u ieħor evidenti li joħorġu miċ-ċentru lejn it-tarf, u li ma jibqax sejjer għal fuq l-uċuh tal-ġnub; il-frotta: għamla ġeneralment ovojdi b’quċċata ftit li xejn ħierġa ’l barra, b’wiċċ tal-ġenb fil-biċċa l-kbira ċatt u l-wiċċ l-ieħor f’għamla nettament konvessa. L-għadd ta’frott kull kg huwa ta’ 120 jew inqas. Il-qoxra jkollha mhux iktar minn 3 frottiet.

L-IĠP jista’ jinkiseb minn dak il-frott li jagħmel parti mill-kategorija Extra (daqs tal-frotta iktar minn 3 cm; mhux iktar minn 4 % fil-piż tal-frotta b’endokarpu milqut mill-insetti; mhux iktar minn 3 % tal-piż tal-frotta bi ħsara fil-perikarpu), mill-Kategorija I (daqs tal-frotta bejn it-2,8 u t-3 cm; mhux iktar minn 6 % tal-piż tal-frotta b’endokarpu milqut mill-insetti; mhux aktar minn 5 % tal-piż tal-frotta bi ħsara fil-perikarpu), u mill-Kategorija II (daqs tal-frotta bejn it-2,6 u t-2,8 cm; mhux iktar minn 6 % tal-piż tal-frotta b’endokarpu milqut mill-insetti; mhux aktar minn 5 % tal-piż tal-frotta bi ħsara fil-perikarpu).

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Ix-xogħol ta’ qtugħ, għażla, tindif, qies u curatura għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni. Il-prodott li ma jitqiegħidx fis-suq fi żmien 48 siegħa mill-qtugħ, jgħaddi milll-proċess tal-curatura. Din l-operazzjoni tikkonsisti fit-tagħdis tal-“Marroni del Monfenara” fl-ilma b’temperatura ambjentali, għal mhux iktar minn disat ijiem. Wara, il-“Marroni del Monfenara” jitneħħew mill-ilma u jiġu xxuttati f’makkinarju apposta. Din il-fażi tippermetti l-konservazzjoni tal-prodott fi stat frisk għal mhux iktar minn tliet xhur. L-operazzjoni tal-curatura għandha ssir fi żmien ftit sigħat mill-qtugħ sabiex jiġi evitat il-bidu ta’ proċessi ta’ fermentazzjoni fil-mezzi tat-trasport, partikolarment f’dawk is-snin li fihom il-qtugħ iseħħ f’perjodi ta’ xita jew f’kundizzjonijiet ta’ temperatura li jkunu għadhom għoljin.

3.5.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-prodott għandu jiġi ppakkjat f’boroż tax-xibka maħsuba għall-użu tal-ikel jew f’kontejners adattati għall-ikel ta’ daqsijiet u materjali differenti. It-tipi kollha ta’ ppakkjar huma siġillati b’tali mod li l-frott ma jkunx jista’ jitneħħa sakemm ma jitneħħiex is-siġill. Il-pakketti jistgħu jkunu ta’ 0,5, 1, 2, 3, 5 u 10 u 25 kg.

It-tqegħid fis-suq għal konsum ma jistax iseħħ qabel il-15 ta’ Settembru ta’ kull sena.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-pakketti għandhom juru b’mod obbligatorju fuq it-tikketta, minbarra s-simbolu grafiku komunitarju u l-ismijiet relativi u l-informazzjoni korrispondenti mar-rekwiżiti tal-liġi, l-indikazzjonijiet addizzjonali li ġejjin: “Marroni del Monfenera” segwita mill-akronimu IGP f’daqs superjuri mill-indikazzjonjiet l-oħra kollha li jinsabu fuq it-tikketta, bħall-isem, l-isem tal-kumpanija u l-indirizz tal-kumpanija tal-ippakkjar, il-kategorija kummerċjali ta’ appartenenza (Extra, jew I, II) u l-piż gross kif mibjugħ.

Image

Il-logo huwa magħmul minn żewġ forom ovali konċentriċi li ġo fihom huma rappreżentati l-għoljiet tal-Pedomontana del Grappa. Il-pjanura li testendi hija separata mix-xmara Piave li tinżel lejn iċ-ċentru u taqtal-logo f’żewġ partijiet asimmetriċi. Żewġ siġar tal-qastan, impoġġija waħda fuq ix-xellug u l-oħra fuq il-lemin tax-xmara huma miżgħuda bil-qastan. Hemm żewġ qxur u għaxar qastniet imgeżwrin f’żewġ werqiet. Din it-tpinġija toħroġ kemm kemm mill-forma ovali f’direzzjoni lejn ix-xellug.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tal-“Marroni del Monfenera” tinkludi t-territorji tal-muniċipali tal-pronvinċja ta’ Treviso li ġejjin: Borso del Grappa, Crespano del Grappa, Paderno del Grappa, Possagno, Cavaso del Tomba, Pederobba, San Zenone degli Ezzelini, Fonte, Asolo, Maser, Castelcucco, Monfumo, Cornuda, Montebelluna, Caerano di San Marco, Crocetta del Montello, Volpago del Montello, Giavera del Montello, Nervesa della Battaglia.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

L-artijiet li fuqhom jiġu prodotti il-“Marroni del Monfenara” jidħlu, fil-parti l-kbira tagħhom, fil-kategorija nru 21 tal-Carta dei Suoli d’Italia imsemmija “ħamrija kannella aċiduża, ħamrija kannella li jgħaddi l-ilma minnha, ħamrija kannella u litosoli”. Din hija kategorija li f’din iż-żona tinsab esklussivament fuq il-lemin orografiku tax-xmara Piave tul il-faxxa altimetrika tal-bażi tal-muntanji u tokkupa l-akbar parti taż-żona ġeografika ta’ produzzjoni. Din l-art hija kkaratterizzata minn reattività li tvarja minn aċiduża ħafna għal aċiduża, saturazzjoni baxxa fil-bażi u rata għolja ta’ mineralizzazzjoni tas-sustanza organika. Il-klima hija waħda subalpina inferjuri u iperumda kkundizzjunata mill-inħawi tal-Prealpi b’inklinazzjonijiet wieqfa ħafna esposti lejn in-Nofsinhar; din il-konformazzjoni u espożizzjoni partikolari tirriżulta f’massa ta’ arja li titla’ mill-pjanura u tipprovoka xita abbundanti, limitazzjoni tal-ġelu fir-Rebbiegħa, kif ukoll skular tajjeb tal-ilmijiet atmosferiċi. Dan il-bilanċ ambjentali jagħmel l-art u l-ambjent tal-madwar partikolarment favorevoli għall-kultivazzjoni tal-“Marroni del Monfenara”.

Il-karatteristiċi li jagħmlu lill-“Marroni del Monfenara” li ġejjin miż-żona ġeografika protetta indikata bħala uniċi u li jiddistingwihom mill-prodotti l-oħra li jagħmlu parti mill-istess kategorija, huma t-togħma ħelwa ħafna tal-laħma, l-istruttura omoġenja tal-frotta u l-konsistenza pastuża/farinaċea tagħha. Karatterstiċi bħal dawn, speċjalment it-togħma, huma konsegwenza tal-kompożizzjoni kimika medja partikolari tal-“Marroni del Monfenara”. Il-konfront mal-valuri tal-kompożizzjoni kimika tal-qastan, ikkalkulati mill-INRAN (Istituto Nazionale di Ricerca per gli Alimenti e la Nutrizione - L-Istitut Nazzjonali tar-Riċerka għall-Ikel u n-Nutriment) juri li l-“Marroni del Monfenara” għandhom kwantità ikbar ta’ karboidrati, lipidi u potassju, kif ukoll kwantità inqas ta’ sodju.

Il-kompożizzjoni kimika tal-frott u b’hekk il-kwalità tiegħu, hija marbuta mal-fatt li l-qastan, li hu speċi nettament aċidofila, igawdi, fi ħdan iż-żona tat-tkabbir tal-“Marroni del Monfenara”, mill-preżenza ta’ żoni pjuttost aċidużi f’qiegħ il-muntanji, b’reattività opposta għal dawk miż-żoni tal-madwar, li mhumiex preżenti f’żoni oħra f’qiegħ il-muntanji fil-provinċja ta’ Treviso. Dan iwassal għal kwantità ikbar ta’ potassju u kwantità inqas ta’ sodju fil-“Marroni del Monfenara” meta mqabbel mal-qastan, kif muri fil-konfront bejn il-valuri tal-kompożizzjoni kimika taż-żewġ prodotti b’riferiment lejn il-qastan fit-tabelli INRAN. Il-kwalità tal-frott ġejja anke mill-fatt li s-siġra tal-qastan tgawdi minn medja ta’ nżul ta’ xita abbondanti kull sena li tippermetti l-iskular tal-ilma mill-blat ta’ taħt l-art, filwaqt li tibqa’ aċiduża; barra minn hekk, il-konformazzjoni u l-esponiment tal-bażi tal-muntanji jnaqqsu sew il-ġelu fir-Rebbiegħa, ħaġa li l-pjanta hija suxxettibli ħafna għaliha.

Minbarra dawn il-fatturi ambjentali importanti, huwa fundamentali wkoll il-fattur uman. It-tkabbir tal-“Marroni del Monfenara” jmur lura għall-perjodu medjevali, kif jixhed dokument tal-1351 li kien jirregola l-ħsad bejn il-kapijiet tal-familji taż-żona. Il-protezzjoni tal-imsaġar tal-qastan fiż-żona tal-“Marroni del Monfenara” hija kkonfermata wkoll mis-sorsi notarili tas-sekli ta’ wara, li kienu jirrappurtaw lill-awtorità kompetenti l-abbużi fil-qtugħ tas-siġar tal-qastan jew il-preżenza ta’ annimali li jirgħu barra mill-istaġun li kienu jikkompromettu l-qtugħ tal-qastan. It-tradizzjoni ta’ kultivazzjoni bħal din inżammet sal-ġurnata tal-lum anki bis-saħħa tal-iżvilupp ta’ għadd kbir ta’ festi, fosthom il-Mostra Mercato tal-“Marroni del Monfenara” li ġiet inawgurata fl-1970. L-importanza tal-“Marroni del Monfenara” għall-ekonomija lokali u għar-reputazzjoni tagħhom, hija murija fl-għadd kbir ta’ inizjattivi li jittieħdu kull sena. Barra minn hekk, fl-okkażjoni ta’ għeluq it-tletin sena tal-Mostra Mercato, il-Muniċipalità ta’ Pederobba, li tospita din l-inizjattiva, ħarġet serje ta’ kartolini u kanċellazzjoni postali speċjali.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1), ta’ dan ir-Regolament)

Il-Gvern nieda l-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tal-IĠP “Marroni del Monfenara” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 256 tat-2 ta’ Novembru 2016.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

billi żżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tagħfas fuq “Prodotti DOP e IGP” (fin-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP, IGP e STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.