11.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/14


Tnedija ta' proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' tajers ġodda kif ukoll dawk b'wiċċ ġdid għal karozzi tal-linja jew trakkijiet, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2017/C 264/13)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' tajers ġodda kif ukoll dawk b'wiċċ ġdid għal karozzi tal-linja jew trakkijiet li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, qegħdin ikunu oġġett ta' dumping u b'hekk qegħdin joħolqu ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

1.   Ilment

L-ilment ġie ppreżentat fit-30 ta' Ġunju 2017 mill-koalizzjoni kontra importazzjonijiet mhux ġusti ta' tajers (“l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 45 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' tajers ġodda kif ukoll dawk b'wiċċ ġdid għal karozzi tal-linja jew trakkijiet.

2.   Il-prodott investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew trattati mill-ġdid, tal-gomma, ta' tip użat għal karozzi tal-linja jew trakkijiet (jew “tajers ġodda u trattati mill-ġdid”) (“il-prodott investigat”).

3.   L-allegazzjoni ta' dumping

Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta' dumping huwa l-prodott investigat, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex4011 20 90 u 4012 12 00. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

L-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni tinkludi tqabbil tal-valur normali mal-prezzijiet ta' esportazzjoni (fil-livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiżi kkonċernati.

4.   L-allegazzjoni ta' ħsara u kawżalità

L-ilmentatur ta evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-pajjiż kkonċernat żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u żdiedu f'termini ta' sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie pprovduta mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat taħt investigazzjoni kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni u l-kwota tagħha fis-suq, li rriżultaw f'effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali u l-qagħda tal-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Ladarba ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f'isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata t-tnedija ta' proċediment, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott investigat, li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat huwiex qiegħed ikun oġġett ta' dumping u jekk dawn l-importazzjonijiet ta' dumping ikkawżawx ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Il-perjodu ta' investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni ta' dumping u ħsara se tkopri l-perjodu mill-1 ta' Lulju 2016 sat-30 ta' Ġunju 2017 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara se jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Il-proċedura ta' kif jiġi stabbilit id-dumping

Il-produtturi esportaturi (2) tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.2.1.1.   Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(a)   Il-kampjunar

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta' produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huma involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta' din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista' tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-Notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta' kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi li ntgħażlu fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”). Mingħajr preġudizzju għat-taqsima (b) hawn taħt, id-dazju antidumping li jista' jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun ma jkunx jaqbeż il-marġni tal-medja ponderata ta' dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (3).

(b)   Il-Marġni individwali ta' dumping għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw u mhumiex inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġni ta' dumping individwali tagħhom (“marġni individwali ta' dumping”). Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni individwali ta' dumping għandhom jitolbu kwestjonarju u jirritornawh mimli kif dovut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-Kummissjoni se teżamina jekk dawn jistgħux jingħataw dazju individwali skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż b'ekonomija mhux tas-suq li jqisu li l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott investigat jgħoddu għalihom, jistgħu jissottomettu talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq sostanzjata kif xieraq għal dan il-għan (“talba għal TES”) u jibagħtuha lura mimlija kif dovut fil-limiti tal-iskadenza speċifikat fit-Taqsima 5.2.2.2 hawn taħt.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni tad-dumping individwali għandhom ikunu konxji li l-Kummissjoni tista' xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni tad-dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta' produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun indebitament diffiċli u ma tkunx tippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.2.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

F'konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, rigward l-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-valur normali se jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq. Għal dan l-għan il-Kummissjoni se tagħżel pajjiż terz b'ekonomija tas-suq adattat. Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament lill-Istati Uniti tal-Amerka. Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, produtturi oħrajn tal-ekonomija tas-suq jistgħu jinsabu fost l-oħrajn fit-Turkija, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel. Bil-għan li finalment tagħżel pajjiż terz b'ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott investigat f'dawk il-pajjiżi terzi b'ekonomija tas-suq li hemm indikazzjonijiet dwarhom li l-produzzjoni tal-prodott investigat qed isseħħ. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkummentaw dwar l-għażla tal-pajjiż analogu fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-Avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

B'konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq fir-rigward tal-manifattura jew il-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, jistgħu jressqu talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq sostanzjata kif xieraq għal dan il-għan (“talba għal TES”). It-TES jingħata jekk il-valutazzjoni tat-talba għal TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (4) jkunu ssodisfati. Il-marġni ta' dumping tal-produtturi esportaturi li ngħataw TES se jiġi kkalkulat, sa fejn hu possibbli u mingħajr preġudizzju għall-użu ta' fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta' esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta' applikazzjoni għat-TES lill-produtturi esportaturi kollha fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina magħżula biex ikunu fil-kampjun, u lill-produtturi esportaturi mhux magħżula li kkooperaw li jixtiequ japplikaw għal marġni individwali ta' dumping, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-Kummissjoni se tevalwa biss il-formoli ta' talba għal TES sottomessi mill-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina magħżula biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun li t-talba tagħhom għal marġni individwali ta' dumping tkun ġiet aċċettata.

Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu TES iridu jdaħħlu formola ta' talba għal TES mimlija fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun jew tad-deċiżjoni li ma jintgħażilx kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.2.3.   L-investigazzjoni ta' importaturi mhux relatati  (5)  (6)

Importaturi mhux relatati tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f'din l-investigazzjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta' importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-importaturi li mhumiex investigati u li jridu jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-Avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom kif mitlub fl-Anness II ta' dan l-Avviż.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-Notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta' kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat fl-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta' importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji li ntgħażlu għall-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.3.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Id-determinazzjoni tal-ħsara tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva tal-volum tal-importazzjonijiet li jkunu oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta' dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta' produtturi tal-Unjoni involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta' produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jista' jiġi vverifikat mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta' kuntatt mogħtija fit-Taqsima 5.7 aktar 'l isfel). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-Notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kull produttur fl-Unjoni u assoċjazzjoni ta' produtturi tal-Unjoni li ma ġewx ikkuntattjati elenkati hawn fuq huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih preferibbilment permezz tal-posta elettronika, iżda sa mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' din in-Notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jippreżentaw ruħhom u jitolbu kwestjonarju.

5.4.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta' dumping u ta' ħsara kkawżata minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta' miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' din in-Notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta' żmien ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista' tingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F'kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b'evidenza fattwali.

5.5.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Avviż, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-Avviż f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.6.    Possibbiltà ta' smigħ mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għala tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ hija ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta' partijiet terzi, għandhom jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b'mod espliċitu (a) lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta' dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f'għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristrett”  (7).

Partijiet interessati li jagħtu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitlubin, din l-informazzjoni tista' tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skennjati ta' prokuri u ta' ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' tweġibiet voluminużi li jiġu mressqa fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta' ittra reġistrata. Permezz ta' ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta' kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b'mezz ieħor ta' komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta' komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika

:

TRADE-AD-TYRES-DUMPING@ec.europa.eu

TRADE-AD-TYRES-INJURY@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jsiru sejbiet provviżorji jew finali, sew jekk hux fl-affermattiv jew negattivi, b'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta' kooperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun iwassal għal piż żejjed mhux raġonevoli jew kost addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata tenħtieġ li tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta' żmien u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b'mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta jenħtieġ li ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ għandha titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/ (bl-Ingliż)

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, jistgħu jiġu imposti miżuri proviżorji mhux aktar tard minn disa' xhur mill-pubblikazzjoni ta' dan l-Avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar ta' dejta personali

Id-data personali kollha miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (8).


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni, direttament jew permezz ta' parti terza, inkluża kull kumpanija relatata miegħu involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat.

(3)  B'konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u marġnijiet stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku se jitwarrbu.

(4)  Il-produttur esportatur għandu juri b'mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali jsiru b'reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat; (ii) id-ditti għandhom sett wieħed ċar ta' rekords kontabilistiċi bażiċi, li jiġu awditjati b'mod indipendenti skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u huma applikati għall-finijiet kollha; (iii) ma hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti li ntirtet mis-sistema preċedenti ta' ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-istabbiltà ġuridika u (v) il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

(5)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produttur esportatur. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B'konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu soċji rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza, direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom ir-relazzjonijiet segwenti bejniethom biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F'konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta' persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(6)  Id-data mogħtija minn importaturi mhux relatati tista' tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti oħra ta' din l-investigazzjoni, apparti milli biex jiġi stabbilit id-dumping.

(7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni