3.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 252/14


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 252/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

MAKÓI PETREZSELYEMGYÖKÉR

Nru tal-UE: PGI-HU-02155 — 22.7.2016

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Titlu

“Makói petrezselyemgyökér”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Ungerija

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Makói petrezselyemgyökér” tindika għerq partikolari tal-varjetà Petroselinum crispum var. tuberosum ta’ tursin twil Makó.

Għandu wiċċ lixx u dritt u konsistenza densa, il-polpa tiegħu hija bajda, filwaqt li l-lewn tal-qoxra huwa abjad fil-krema, u għandu togħma kemxejn ħelwa. Għandu togħma u aroma pjaċevoli, huwa produttiv ħafna u jdum tajjeb għal żmien twil.

Għerq tat-tursin jista’ jissejjaħ “Makói petrezselyemgyökér” jekk ikun twil aktar minn 30 cm u oħxon mill-inqas 3 cm.

Għandu kontenut estremament għoli ta’ materja niexfa, b’medja ta’ 35–40 %, għalkemm mhux l-ewwel darba li l-valuri jaqbżu l-45 %; din il-karatteristika tiddistngwih minn varjetajiet oħra. Il-kontenut għoli ta’ materja niexfa għandu effett pożittiv fuq iż-żmien tal-ħżin tal-prodott.

Meta jitqiegħed fis-suq il-“Makói petrezselyemgyökér” irid ikun b’saħħtu u sħiħ.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-“Makói petrezselyemgyökér” jitkabbar u jinħasad fiż-żona ġeografika indikata fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Qabel jinbiegħ, il-“Makói petrezselyemgyökér” jitħalla jixxarrab f’banju mingħajr il-weraq, jinħasel f’bettija, jitkejjel, jintgħażel, jiġi ppakkjat u finalment imnixxef.

Waqt il-klassifikazzjoni, għerq tat-tursin jista’ jissejjaħ “Makói petrezselyemgyökér” jekk ikun twil aktar minn 30 cm u oħxon mill-inqas 3 cm.

Il-proċeduri teknoloġiċi kollha jridu jsiru fil-mikroreġjun ta’ Makó. Il-prodott irid jitħejja wkoll fil-post tal-ħażna, inkella l-għerq jibda jidbiel.

Il-prodott jinħażen f’kontenituri. Waqt il-ħażna, irid jiġi żgurat li t-temperatura tkun bejn 1 °C u 3 °C u — biex ma jinxtorobx irid jinżamm f’umdità ta’ 70 %.

Il-“Makói petrezselyemgyökér” jiġi ppakkjat mill-produttur skont il-ħtiġijiet tal-klijent. L-unitajiet tal-imballaġġ ta' prodotti IĠP “Makói petrezselyemgyökér”:

F’dixxijiet ta’ 3, 350 g u 500 g

Imgeżwrin f'mikrofilm: 350 g

Imgeżwrin f'mikrofilm: 350 g, 500 g

F’ċestuni M10, kull wieħed miksi b'saff tal-plastik: 5, 6, 8 u 10 kg

Il-produttur huwa meħtieġ li jżomm rekord bid-dettalji ta’ kull prodott li jipproduċi u li jikkummerċjalizza.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikketti individwali użati għall-prodott jinħarġu mill-Għaqda tal-Bdiewa tar-reġjun ta’ Csanád, bħala l-fergħa ta’ Makó tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Għaqdiet tal-Bdiewa Ungeriżi (MAGOSZ). Dawn l-elementi li ġejjin iridu jidhru fuq it-tikketta:

il-kelmiet “Makói petrezselyemgyökér”;

in-numru tar-reġistrazzjoni ARDA.

It-tikketta li tidher hawn taħt tintbagħat lill-produtturi kollha tal-prodott li jġib dak l-isem, irrispettivament minn jekk jagħmlux parti minn kooperattiva.

Image

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Makói petrezselyemgyökér” tinsab f’żona kontigwa fil-“mikroreġjun ta’ Makó” tal-Kontea ta’ Csongrád.

Il-“Makói petrezselyemgyökér” huwa kkultivat fil-konfini amministrattivi ta’ dawn il-lokalitajiet li ġejjin: Makó, Csanádpalota, Apátfalva, Ambrózfalva, Csanádalberti, Ferencszállás, Földeák, Királyhegyes, Kiszombor, Klárafalva, Kövegy, Magyarcsanád, Maroslele, Nagyér, Nagylak, Óföldeák u Pitvaros.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-ħamrija tar-reġjun ġiet iffurmata minn depożiti miċ-ċaqliq tal-qiegħ tax-xmara Maros, li l-formazzjoni tal-blat ewlieni tagħha hija ħamrija tal-wiċċ safra, jew loess, li d-dekompożizzjoni tagħha wasslet għall-ħamrija ferm fertili tal-lum.

Il-loess u l-ħamrija alluvjali għandhom kontenut għoli ta’ nutrijenti, fihom ħafna oligoelementi, b’densità medja, jitfarrku malajr u għandhom wiċċ ċatt, b’ċirkolazzjoni tajba tal-arja u jżommu l-ilma sew. F'termini ta’ kompożizzjoni fiżika, il-ħamrija fiha l-ġir, il-ħumus u 10–15 % tafal. Il-frijabbiltà karatteristika tal-ħamrija hija r-riżultat tal-kontenut ta’ ġir li fiha, li jkisser il-parti taflija fi frak, b’tali mod li l-ħamrija lomuża qatt ma tagħlaq.

L-aktar karatteristika magħrufa tal-klima tar-reġjun ta’ Makó hija s-sjuf sħan u xotti tiegħu. Matul l-istaġun tat-tkabbir, ikun hemm ammont kbir ta’ xemx, b’2 100 siegħa ta’ xemx fis-sena, u temperatura konsistentement għolja, b’85–90 jum sajfi, 30 ġurnata sħuna, temperatura medja ta’ 18,1 °C, u total ta’ sħana ta’ 3 340 °C.

Ir-reġjun ftit jinkesa bis-sħab, b’rata ta’ madwar 30–55 %. Il-medja tax-xita li tinżel fis-sena fil-bokka tax-xmara Maros hija 580 mm, b’ammonti ogħla fl-aħħar tar-rebbiegħa u fil-bidu tas-sajf.

Speċifiċità tal-prodott

Il-“Makói petrezselyemgyökér” għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

jikber twil u oħxon, jiġi gradwalment għall-ponta, b’wiċċ lixx u dritt;

huwa twil aktar minn 30 cm u oħxon bejn 3–5 cm;

il-polpa tiegħu hija bajda, il-qoxra tiegħu hija bajda fil-krema, għandu togħma kemxejn ħelwa u togħma u aroma pjaċevoli;

huwa reżistenti għall-kesħa u jdum tajjeb għal ħafna żmien: 150 jum wara l-ħsad fil-ħarifa, mingħajr ma jinħażen fil-kesħa (iż-żmien tal-ħżin għal varjetajiet oħra ta’ tursin f’kundizzjonijiet simili huwa ta’ 90 jum), jew sa sena fl-aqwa kundizzjonijiet ta’ ħżin (b’temperatura u umdità adegwati).

Rabta kawżali

Il-karattru uniku tal-“Makói petrezselyemgyökér” huwa r-riżultat tal-ambjent ġeografiku, tar-rabta li ġiet ifformata mar-reġjun ta’ Makó, kif ukoll ta’ fatturi naturali (il-ħamrija u l-klima) u sa ċertu punt umani.

Ir-reġjun ta’ Makó għandu tradizzjoni magħrufa ta’ tkabbir ta’ ħxejjex. Il-formazzjoni u l-iżvilupp tiegħu huma aktarx marbuta mal-industrija fuq skala kbira ta’ tkabbir tal-basal, u probabbilment beda jitkabbar fl-istess żmien tal-basal, fit-tieni nofs tas-seklu 18.

L-ewwel età tad-deheb tal-produzzjoni u tad-domanda għat-tursin fir-reġjun ta’ Makó seħħet f’nofs u fit-tieni nofs tas-seklu 19. Din l-età tad-deheb kienet preċeduta minn xogħol ta’ għażla esperta li wassal għall-varjetà tal-Petroselinum crispum var. tuberosum tat-tursin twil Makó li għadu jiġi kkultivat sal-lum.

Bis-saħħa tax-xogħol ta’ tnissil tagħhom, il-bdiewa ta’ Makó żviluppaw varjetà ta’ tursin konformi mal-kundizzjonijiet ambjentali tar-reġjun u li għadu jiġi kkultivat sal-lum, varjetà li l-karattru uniku tagħha ġej l-aktar mill-kontenut għoli ta’ materja niexfa u miż-żmien tal-ħżin eċċezzjonali.

Il-materja niexfa estremament għolja ffurmat permezz tal-ħamrija karatteristika tar-reġjun ta’ Makó, tal-ħidma ta’ titjib tal-ħamrija, tal-forniment ta’ nutrijenti bbażat fuq testijiet fuq il-ħamrija, u tal-kondizzjonijiet klimatiċi, b’mod partikolari s-sjuf sħan u xotti.

Iż-żmien tal-ħżin eċċezzjonali huwa r-riżultat ta’ dan il-kontenut għoli ta’ materja niexfa u tal-għonq estremament wiesa’ tal-għerq tipiku tal-“Makói petrezselyemgyökér”. L-effett ikkombinat ta’ dawn iż-żewġ fatturi jfisser li meta jimmatura jista’ jiflaħ għal temperaturi baxxi saħansitra ta’ –10 °C sa –20 °C.

Kollox ma’ kollox, il-produzzjoni tal-“Makói petrezselyemgyökér” ilha stabbilita: kellha awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, bħala varjetà lokali, sa mill-1951. Il-bdiewa tar-reġjun irnexxielhom jgħaddu bla xkiel l-irziezet, l-esperjenza u t-tekniki ta’ produzzjoni tagħhom minn ġenerazzjoni għal oħra, u b’hekk żammew it-tradizzjoni tat-tkabbir tal-“Makói petrezselyemgyökér”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://elelmiszerlanc.kormany.hu/download/1/f5/b1000/Makói%20petrezselyemgyökér.pdf

f’paġna 24.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.