2.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 251/22


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 251/08)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

LIETUVIŠKAS VARŠKĖS SŪRIS

Nru tal-UE: PGI-LT-0853-AM01 — 7.4.2017

DOP ( ) IĠP ( X ) STG ( )

1.   Grupp li applikant u interess leġittimu

Assoċjazzjoni Litwana tal-Prodotti tal-Ħalib “Pieno Centras”

Perkūnkiemio g. 3, LT-12127 Vilnius

Tel. +370 82461414

Fax +370 82461415

Posta elettronika: pc@pieno-centras.lt

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Litwanja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu tal-produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn [għandhom jiġu speċifikati]

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP reġistrata, li se tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma tirrikjedi l-ebda emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP reġistrata, li se tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li jirrikjedi emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP reġistrata, li se tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għalih ma ġiex ippubblikat dokument uniku (jew ekwivalenti).

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ STG reġistrata, li se tiġi kwalifikata bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

Raġunijiet għall-emenda:

L-ispeċifikazzjoni tal-prodott u d-dokument uniku għall-IĠP ‘Lietuviškas varškės sūris’ jiddikjaraw li dan jikseb il-forma karatteristika tiegħu meta l-baqta tiddaħħal bl-idejn fil-boroż tal-ġobon trijangulari — li jingħalqu b’għoqda mal-usa’ tarf — u jingħafsu. Wara l-modernizzazzjoni tal-produzzjoni, il-baqta tista’ wkoll tiddaħħal fil-boroż tal-ġobon u l-għoqda tingħalaq permezz ta’ mezzi mekkaniċi. Din l-emenda minuri fil-metodu tal-produzzjoni tagħmilha neċessarja li tiġi aġġornata l-ispeċifikazzjoni tal-prodott u d-dokument uniku għall-IĠP “Lietuviškas varškės sūris”.

Emenda 1

Deskrizzjoni tal-prodott

L-ispeċifikazzjoni attwali fiha t-test li ġej:

“It-tieni nett, l-għamla karatteristika tiegħu, li tifforma meta l-baqta tiddaħħal bl-idejn fil-boroż tal-ġobon trijangulari — li jingħalqu b’għoqda mal-usa’ tarf — u jingħafsu.”

Dan it-test ġie emendat kif ġej:

“It-tieni nett, il-forma karatteristika tiegħu, li tifforma meta l-baqta tiddaħħal bl-idejn jew permezz ta’ mezzi mekkaniċi fil-boroż tal-ġobon trijangulari tradizzjonali — li jingħalqu b’għoqda mal-usa’ tarf — u jingħafsu.”

Emenda 2

Metodu tal-produzzjoni

L-ispeċifikazzjoni attwali fiha t-test li ġej:

“Meta titħallat sew, il-massa tal-baqta titqiegħed bl-idejn f’boroż żgħar trijangulari magħmula minn ċarruta rqiqa u meħjuta (ċarruta tal-garża). Dawn jiġu magħluqa permezz ta’ għoqda fit-tarf il-wiesgħa.”

Dan it-test ġie emendat kif ġej:

“Meta titħallat sew, il-massa tal-baqta titqiegħed bl-idejn jew permezz ta’ mezzi mekkaniċi f’boroż żgħar trijangulari magħmula minn ċarruta rqiqa u meħjuta (ċarruta tal-garża). Dawn jiġu magħluqa permezz ta’ għoqda fit-tarf il-wiesgħa.”

Emenda 3

Rabta maż-żona ġeografika

L-ispeċifikazzjoni attwali fiha t-test li ġej:

“Fl-impjanti għall-ipproċessar tal-ħalib, il-proċess għall-produzzjoni tal-ħalib huwa mekkanizzat, iżda l-baqtiet xorta waħda għadhom jiddaħħlu fil-boroż tal-ġobon u l-boroż jingħalqu bl-idejn, bħalma ilu jsir għal sekli sħaħ.”

Dan it-test ġie emendat kif ġej:

“Fl-impjanti għall-ipproċessar tal-ħalib, il-proċess għall-produzzjoni tal-ħalib huwa mekkanizzat, iżda l-baqtiet xorta waħda jista’ jkun li għadhom jiddaħħlu fil-boroż tal-ġobon bl-idejn u l-boroż jingħalqu bl-idejn, bħalma ilu jsir għal sekli sħaħ, u mhux sempliċiment permezz ta’ mezzi mekkaniċi.”

Emenda 4

Rabta maż-żona ġeografika

L-ispeċifikazzjoni attwali fiha t-test li ġej:

“Il-massa tal-ġobon tiddaħħal bl-idejn fil-boroż tal-ġobon tradizzjonali li jkunu trijangulari, meħjutin u rqaq, bl-usa’ tarf tagħhom jingħalaq b’għoqda, u b’hekk jagħtu lill-ġobon l-għamla speċifika tiegħu, jiġifieri priżma trijangulari b’kantunieri ttundjati filwaqt li s-superfiċe jkollha d-dehra taċ-ċarruta, bit-tikmix fejn iċ-ċarruta ntrabtet f’għoqda.”

Dan it-test ġie emendat kif ġej:

“Il-massa tal-ġobon tiddaħħal bl-idejn jew permezz ta’ mezzi mekkaniċi fil-boroż tal-ġobon tradizzjonali li jkunu trijangulari, ta’ drapp irqiq, minsuġ, li t-tarf il-wiesa’ tagħhom jingħalaq b’għoqda, u b’hekk jagħtu lill-ġobon il-forma speċifika tiegħu, jiġifieri priżma trijangulari b’kantunieri ttundjati filwaqt li s-superfiċe jkollu d-dehra taċ-ċarruta, bit-tikmix fejn iċ-ċarruta ntrabtet f’għoqda.”

Emenda 5

Rabta maż-żona ġeografika

L-ispeċifikazzjoni attwali fiha t-test li ġej:

“Kemm il-bdiewa individwali kif ukoll il-produtturi ta’ kooperattivi żgħar jew impjanti tal-ipproċessar tal-ħalib kbar idaħħlu l-baqta fil-boroż tal-ġobon bl-idejn, jorbtu għoqda fit-tarf, ineħħuhom mill-boroż wara t-tagħfis, u jimsħuhom b’taħlita ta’ ħwawar qabel isajruhom fil-forn.”

Dan it-test ġie emendat kif ġej:

‘Kemm il-bdiewa individwali kif ukoll il-produtturi ta’ kooperattivi żgħar jew impjanti tal-ipproċessar tal-ħalib kbar idaħħlu l-baqta fil-boroż tal-ġobon bl-idejn jew permezz ta’ mezzi mekkaniċi, jorbtu għoqda fit-tarf, ineħħuhom mill-boroż wara t-tagħfis, u jimsħuhom b’taħlita ta’ ħwawar qabel jaħmuhom.’

Emenda 6

Oħrajn — Informazzjoni ta’ kuntatt tal-grupp ta’ produtturi

L-ispeċifikazzjoni attwali fiha t-test li ġej:

Isem u indirizz tal-grupp applikant

PIENO CENTRAS, Assoċjazzjoni Litwana tal-Prodotti tal-Ħalib

Perkūnkiemio g. 3, LT-12127, Vilnius

Tel. +370 34060371

Fax +370 34060383

Posta elettronika: aldona.platukiene@rokiskio.com

Dan it-test ġie emendat kif ġej:

Grupp applikant u interess leġittimu

Assoċjazzjoni Litwana tal-Prodotti tal-Ħalib ‘Pieno Centras’

Perkūnkiemio g. 3, LT-12127 Vilnius

Tel. +370 82461414

Fax +370 82461415

Posta elettronika: pc@pieno-centras.lt

6.   Speċifikazzjoni tal-prodott aġġornata (għal DOP u IĠP biss)

http://zum.lrv.lt/lt/veiklos-sritys/maisto-sauga-ir-kokybe/saugomos-kilmes-vietos-nuorodos-saugomos-geografines-nuorodos-garantuoti-tradiciniai-gaminiai/atnaujinamos-produktu-specifikacijos

DOKUMENT UNIKU

LIETUVIŠKAS VARŠKĖS SŪRIS

Nru tal-UE: PGI-LT-0853-AM017.4.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem/ismijiet

“Lietuviškas varškės sūris”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Litwanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

‘Lietuviškas varškės sūris’ huwa ġobon moxx tal-baqta li għandu forma ta’ priżma trijangulari b’kantunieri ttundjati u l-marka tal-għoqda tal-borża tal-ġobon man-naħa l-aktar wiesgħa tiegħu. Jista’ jittiekel frisk, affumikat, moħmi jew imnixxef. Il-ġobon isir b’mod tradizzjonali, fejn il-ħalib jitbaqqat biss bl-użu ta’ kultura li tibda l-fermentazzjoni tal-batterji tal-aċidu lattiku, mingħajr l-użu ta’ fermenti. Il-ġobon jikseb il-forma karatteristika tiegħu meta l-baqta tiddaħħal bl-idejn jew permezz ta’ mezzi mekkaniċi fil-boroż tal-ġobon trijangulari tradizzjonali — li jingħalqu b’għoqda mat-tarf il-wiesa’ — u jingħafsu. Mal-ġobnijiet xi drabi jiġu miżjuda l-ħxejjex aromatiċi u/jew il-melħ, u xi drabi ma jiġux miżjuda. Id-daqs tal-ġobnijiet jiddependi mill-użu maħsub tagħhom u jista’ jvarja minn ftit mijiet ta’ grammi għal 5 kg jew aktar. Il-ġobon isir mingħajr addittivi, aromatizzanti jew koloranti.

Karatteristiċi

Kulur: Il-ġobnijiet friski u mnixxfa għandhom kulur abjad li jagħti fl-isfar. Il-ġobon moħmi għandu kulur safrani li jagħti fil-kannella, bis-superfiċe ta’ barra li jista’ jkun miksi bil-ħwawar u/jew ħxejjex aromatiċi, u meta jinqata’ trażversalment jidher abjad jagħti fl-isfar. Is-superfiċe ta’ barra tal-ġobon affumikat huwa isfar skur — jagħti fil-kannella, filwaqt li l-qatgħa trażversali hija bajda u tagħti fl-isfar.

Konsistenza: Il-ġobon frisk huwa artab, omoġenju, pjuttost sfiq u kultant jitfarrak meta jinqata’, filwaqt li l-ġobon moħmi huwa omoġenju, sfiq u kemxejn jiġġebbed, u l-ġobon affumikat huwa omoġenju, sfiq u jitfarrak. Il-ġobon imnixxef huwa omoġenju fil-konsistenza, iebes, diffiċli biex jitqatta’ u jitfarrak meta jinqasam. Jekk il-ġobon isir bil-ħwawar, dawn jistgħu jkunu imqassmin b’mod irregolari.

Aroma u togħma: aċidu lattiku karatteristiku bi ħjiel tat-togħma u l-aroma tal-ħwawar li jintużaw (karwija, melħ, eċċ.). Il-ġobon affumikat għandu wkoll aroma u togħma affumikata distinta.

Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi

skont il-kompożizzjoni tiegħu, “Lietuviškas varškės sūris” jista’ jkun fih minn 7 sa 25 % xaħam bil-piż jew ftit xaħam (li jilħaq iż-0,5 % ta’ xaħam bil-piż),

il-kontenut ta’ materja xotta jiddependi mill-kontenut ta’ xaħam tal-ġobon u l-ipproċessar ulterjuri tiegħu. Mill-anqas irid ikun f’31 % tal-ġobnijiet friski, moħmija u affumikati u mill-anqas f’67 % tal-ġobon imnixxef,

il-pH tal-aċidità attiva huwa tal-anqas 4,3.

3.3.   Għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għal prodotti pproċessati biss)

ħalib tal-baqar,

kultura mesofilika li tibda l-fermentazzjoni tal-batterji tal-aċidu lattiku;

melħ,

ħxejjex aromatiċi li tradizzjonalment jikbru fil-Litwanja (karwija, tewm, nagħniegħ, eċċ.).

Il-materja prima li tintuża biex isir “Lietuviškas varškės sūris” tista’ tiġi wkoll minn barra ż-żona ġeografika speċifika.

Ma hemm l-ebda rekwiżiti jew restrizzjonijiet speċifiċi ta’ kwalità fir-rigward tal-oriġini.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Passi biex isir “Lietuviškas varškės sūris”:

standardizzazzjoni, pasturizzazzjoni, tkessiħ u fermentazzjoni tal-ħalib,

separazzjoni tax-xorrox,

tagħfis awtomatiku tal-baqtiet,

iffurmar u għasir tal-ġobon: Il-massa tal-baqta titqiegħed bl-idejn jew permezz ta’ mezzi mekkaniċi f’boroż żgħar trijangulari magħmula minn ċarruta rqiqa minsuġa (ċarruta tal-garża). Dawn jintrabtu b’għoqda fit-tarf l-iktar wiesa’. Jiġu ppressati fi pressa jew f’morsa sakemm ikun intlaħaq il-kontenut tal-indewwa meħtieġa,

ipproċessar tal-ġobon: Il-ġobon iffurmat jitkessaħ għal temperatura ta’ bejn 6 u 12 °C u jitneħħa mill-borża tal-ġobon. Jekk ikun qed isir ġobon affumikat, moħmi jew imnixxef, il-ġobon jiġi affumikat, jinħema jew jitnixxef wara t-tkessiħ, kif xieraq. Jekk ikun qed isir ġobon moħmi bit-taħwir, il-ġobon jintmesaħ b’taħlita ta’ ħwawar u melħ u jitħalla għal tal-anqas 12-il siegħa f’kamra miżmuma f’temperatura ta’ bejn l-10 u l-20 °C qabel jinħema.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li l-isem reġistrat jirreferi għalih

“Lietuviškas varškės sūris” jiġi ppakkjat fis-sit tal-produzzjoni, minħabba li għandu konsistenza li titfarrak, partikolarment fil-każ tal-ġobon frisk, u huwa diffiċli biex jinqata’, u jekk wieħed jittrasportah lejn post ieħor għall-imballaġġ issirlu ħsara fid-dehra u fil-kwalità tiegħu. Barra minn hekk, il-ħajja ta’ fuq l-ixkaffa tiegħu hija qasira, u hemm ir-riskju ta’ kontaminazzjoni mill-batterji.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li l-isem reġistrat jirreferi għalih

Il-produtturi li jagħmlu “Lietuviškas varškės sūris” skont l-ispeċifikazzjoni pubblikata għal dan il-prodott jistgħu jużaw l-isem “Lietuviškas varškės sūris” għall-għanijiet tat-tikkettar, tar-reklamar u tal-kummerċjalizzazzjoni.

It-tikketta trid turi:

l-isem tal-produttur speċifiku;

il-kontenut ta’ xaħam bħala perċentwal tal-piż tal-ġobon jew l-indikazzjoni “liesas” (kontenut baxx ta’ xaħam);

il-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” u/jew is-simbolu tal-UE.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika li tirreferi għaliha l-applikazzjoni tkopri r-Repubblika tal-Litwanja kollha. “Lietuviškas varškės sūris” kien, u għadu, isir bil-mod tradizzjonali fiż-żona speċifikata kollha, filwaqt li fir-reġjuni tal-madwar, dan il-ġobon isir biss fl-enklavi Litwani li fadal fil-Belarus. Il-ħolqien ta’ dan il-prodott distintiv, li ilu żmien jiġi prodott fil-Litwanja biss, u li huwa magħruf fil-pajjiż kollu, jista’ jiġi attribwit għal-lokazzjoni ġeografika u għall-istil ta’ ħajja fil-Litwanja.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-Litwanja huwa pajjiż żgħir b’superfiċe ta’ 65 300 km2, simili għal dik tar-reġjuni ta’ ċerti Stati Membri. Minħabba li l-ġobon għandu tradizzjoni twila ta’ konsum fil-Litwanja kollha, huwa magħruf bħala “Lietuviškas varškės sūris”.

Fil-Litwanja, l-agrikoltura ta’ sussistenza kienet il-mod predominanti ta’ ħajja (l-industrijalizzazzjoni waslet tard), u dan ifisser li d-dieta ewlenija tal-popolazzjoni rurali kienet, u baqgħet, magħmula minn ċereali u prodotti tal-ħalib.

Il-ġobon tal-baqta kien diġà qed isir fil-Litwanja fil-Medju Evu, u f’sorsi miktuba, jissemma fl-inventarji tad-djar nobbli li jmorru lura għas-seklu 16. Fejn l-ikel kien jissajjar f’forn tal-ħobż, kienet titqiegħed borma bil-ħalib qares ġewwa, ladarba l-forn ikun kesaħ xi ftit, u kienet titħalla hemm sakemm il-proteini sofor qishom sponża jitilgħu fil-wiċċ. Kif il-borma titneħħa minn ġol-forn, il-kontenut kien jitbattal f’borża trijangulari (borża tal-ġobon), li kienet tiddendel biex tinxef. Il-baqta mnixxfa mbagħad kienet tingħafas fi preses speċjali jew titqiegħed fuq superfiċe iebes (mejda, bank jew superfiċe orizzontali ieħor), titgħatta b’biċċa njama u tingħafas b’ġebla. Meta t-temp kien ikun umdu fil-ħarifa u fir-rebbiegħa, is-superfiċe tal-ġobnijiet tal-baqta spiss kien jinkesa b’“rita” jew moffa bil-batterji, u għalhekk kienu jiġu ppreżervati billi jinħmew ftit fil-forn bi sħana moderata jew billi jiġu affumikati. Il-ġobnijiet tal-baqta maħsubin għall-ħżin aktar fit-tul kienu jitnixxfu.

Minħabba l-proċess ta’ produzzjoni karatteristiku, u fl-istess ħin sempliċi tiegħu, li ma jeħtieġ l-ebda tames u l-ebda maturazzjoni, iżda biss il-fermentazzjoni tal-ħalib u t-tagħfis tal-baqtiet, li, meta jiġu ffurmati f’ġobnijiet, jistgħu jiġu mmelħa mbagħad jitnixxfu, jiġu affumikati jew jinħmew, bil-“Lietuviškas varškės sūris” in-nies li kienu jgħixu fl-impriżi agrikoli setgħu wkoll iżommu l-provvisti għax-xitwa, meta l-baqar ġeneralment ma jkollhomx ħalib.

Huwa metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali u li jinvolvi xogħol intensiv, li sal-lum il-ġurnata baqa’ ma nbidilx ħafna u jagħti lil-“Lietuviškas varškės sūris” il-karattru distint tiegħu. Il-materja prima bażika użata fil-produzzjoni tiegħu hija l-ħalib pasturizzat tal-baqar u kultura mesofilika li tibda l-fermentazzjoni tal-batterji tal-aċidu lattiku, li tagħtih it-togħma ta’ aċidu lattiku tiegħu. Il-massa tal-ġobon tiddaħħal bl-idejn jew permezz ta’ mezzi mekkaniċi fil-boroż tal-ġobon tradizzjonali li jkunu trijangulari, ta’ materjal rqiq minsuġ, u t-tarf il-wiesa’ tagħhom jingħalaq b’għoqda, u b’hekk jagħtu l-forma speċifika tiegħu lill-ġobon, jiġifieri priżma trijangulari b’kantunieri ttundjati filwaqt li l-wiċċ jkollu d-dehra taċ-ċarruta, bit-tikmix fejn iċ-ċarruta ntrabtet f’għoqda. Il-forma tal-borża tal-ġobon hija determinata wkoll mill-fatt li “Lietuviškas varškės sūris” frisk jitfarrak, u huwa aktar faċli li jitneħħa sħiħ minn borża tal-ġobon trijangulari milli minn ebda borża tal-ġobon oħra. “Lietuviškas varškės sūris” huwa parti integrali mill-wirt u mill-immaġni kulturali u nazzjonali tal-Litwanja.

Ir-rabta bejn “Lietuviškas varškės sūris” u ż-żona ġeografika hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tiegħu, kif juru sorsi letterarji, kotba tar-riċetti u l-popolarità tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum, f’okkażjonijiet ta’ festi, u kif juri wkoll il-mod li jirrappreżenta l-Litwanja.

Fl-1690, meta kien qed jikteb dwar l-ikel u x-xorb tal-Litwanja, fil-ktieb tiegħu Der Preusche Littauer (Il-Litwan Prussjan), Theodor Lepner, saċerdot Protestant li ħadem fil-Litwanja, inkluda d-deskrizzjoni li ġejja ta’ “Lietuviškas varškės sūris”: ‘Huma jagħmlu l-ġobnijiet tagħhom kif ġej: ipoġġu l-baqtiet immelħin sew f’sarvetta, jagħlquhom sabiex ix-xorrox ikun jista’ jisfija minnhom u jdendluhom fil-granarja biex joqgħodu. Wara jieklu l-ġobon, jaqtawh f’diversi biċċiet u jippreżentawh lill-mistednin tagħhom. It-togħma tiegħu għalihom hija tajba daqslikieku kien l-aqwa ġobon Olandiż.’ Xi 300 sena iktar tard, Vilius Puornas kiteb id-deskrizzjoni li ġejja fil-ktieb tiegħu Nuo mamutų iki cepelinų (Mill-Mammuti għall-Għaġna tal-Patata) (1999): “Lietuviškas varškės sūris’ kien jiġi prodott u mittiekel fil-Litwanja kollha (mhux f’żona etnografika waħda biss), filwaqt li l-ġirien tagħna bdew jixxenqu għalih u spiċċaw biex staqsewna għar-riċetta. Il-“Lietuviškas varškės sūris” tagħna – bil-karwija, frisk jew imnixxef – fit-twieqi tal-ħwienet tal-lum ftit li xejn inbidel minn dak iż-żmien ’l hawn.”

L-ewwel ktieb bil-lingwa Litwana, Lietuvos gaspadinė arba pamokinimai kaip prigulinčiai suvartoti dievo dovanas (Il-mara tad-dar Litwana, jew lezzjonijiet dwar kif wieħed għandu jikkonsma r-rigali t’Alla), ippubblikat f’Tilžė (Tilsit) fl-1893, u Šeimininkėms vadovėlis (Il-Manwal tal-Mara tad-Dar), ippubblikat f’Sejny fl-1911, fihom ir-riċetti għal ‘Lietuviškas varškės sūris’. ‘Lietuviškas varškės sūris’ ġie deskritt ukoll fil-letteratura għall-ispeċjalisti fl-industrija tal-prodotti tal-ħalib, eż. fi Svarbesniais pieno produktų gamybos klausimais nurodymų ir instrukcijų rinkinys (Ġabra ta’ indikazzjonijiet u struzzjonijiet dwar l-iktar kwistjonijiet importanti fil-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib), ippubblikat fl-1947 minn Pienocentras (l-Unjoni Ċentrali tal-Kooperattivi tal-Prodotti tal-Ħalib), u fil-ktieb Pieno produktų pardavimas ir vartojimas (Il-bejgħ u l-konsum tal-prodotti tal-ħalib), ippubblikat f’Vilnius fl-1958. Dan it-tip ta’ ġobon, magħruf bħala “il-ġobon tal-Litwanja” beda jiġi prodott b’mod industrijali fit-tmiem tas-seklu 19. Fl-impjanti għall-ipproċessar tal-ħalib, il-proċess għall-produzzjoni tal-ħalib huwa mekkanizzat, iżda l-baqtiet xorta waħda jista’ jkun li għadhom jiddaħħlu fil-boroż tal-ġobon u l-boroż jingħalqu bl-idejn, bħalma ilu jsir għal sekli sħaħ, u mhux sempliċiment permezz ta’ mezzi mekkaniċi. Anke llum il-ġurnata, fejn il-ġobon isir id-dar, għandhom jintużaw preses imfassla fuq il-mudell l-antik.

Fil-Litwanja, “Lietuviškas varškės sūris” għadu parti integrali mir-ritwal ta’ diversi okkażjonijiet, magħmudiji, tiġien u ċelebrazzjonijiet oħra tal-familja, u huwa rigal perfett. Huwa indispensabbli wkoll fil-ħajja ta’ kuljum. Fil-Litwanja, huwa normali li tiekol il-ġobon frisk waħdu, bil-ġamm jew bl-għasel, jew fuq il-ħobż, li tiekol “Lietuviškas varškės sūris” moħmi jew affumikat mal-birra jew mal-gira (xarba magħmula mill-ħobż iffermentat), u li tieħu l-ġobon imnixxef fuq vjaġġ qasir jew vjaġġi itwal. Hemm l-użanza li ssir ġobna “Lietuviškas varškės sūris” kbira għall-festi. Għall-festival tal-kanzunetti fl-2007, kienu għamlu ġobna tiżen 99 kg fil-maħleb ta’ Ukmerge. Fid-Distrett ta’ Biržai, fl-2009 kienu għamlu l-akbar ġobna affumikata ‘Lietuviškas varškės sūris’, li kienet tiżen 12-il kg, għaċ-ċelebrazzjoni tal-itwal jum tas-sajf. Saret minn 105 litri ħalib, u ġiet affumikata f’forn speċjali għal jumejn sħaħ. Il-matrona tal-unur iġġib ġobna “Lietuviškas varškės sūris” friska, delizzjuża u kbira fit-tieġ biex iżżejjen il-mejda, u, bħala simbolu tal-intimità u l-perseveranza tal-koppja, l-għarusa tagħti “Lietuviškas varškės sūris” imnixxfa lill-mużiċisti, fl-għodwa tat-tieni jum tat-tieġ, biex tqajjimhom b’mod ġentili.

Programm edukattiv intitolat “Sūrio kelias” (ir-rotta tal-ġobon) ilu jiġi organizzat mill-2006, fil-mużew tal-Artijiet ta’ Rokiškis. Kull sena, madwar 6 000 viżitatur jitgħallmu dwar il-metodi l-antiki ta’ produzzjoni ta’ “Lietuviškas varškės sūris”, jaraw l-għodda etnografiċi u jduqu diversi ġobnijiet. “Lietuviškas varškės sūris” kien popolari ħafna mal-viżitaturi fil-“Ġimgħa Ekoloġika 2009”, wirja internazzjonali li saret f’Berlin.

L-esperjenza, l-għarfien u l-ħiliet tal-produtturi tal-ġobon, li żviluppaw matul is-sekli, ippermettew li l-proċess tal-produzzjoni jiġi adattat għall-kundizzjonijiet moderni, filwaqt li jżomm il-forma speċifika tal-prodott u jiggarantixxi l-kwalità tiegħu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://zum.lrv.lt/lt/veiklos-sritys/maisto-sauga-ir-kokybe/saugomos-kilmes-vietos-nuorodos-saugomos-geografines-nuorodos-garantuoti-tradiciniai-gaminiai/atnaujinamos-produktu-specifikacijos


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.