16.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/1


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida interpretattivi dwar ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill — Ir-Regoli tas-Sjieda u l-Kontroll tat-trasportaturi tal-ajru tal-UE

(2017/C 191/01)

Werrej

1.

Introduzzjoni 1

2.

Aspetti proċedurali 3

3.

Oneru tal-prova 4

4.

Ċittadinanza 4

5.

Sjieda 4

5.1.

Approċċ ġenerali 4

5.2.

Kwistjonijiet ta’ sjieda f’impriżi kkwotati pubblikament u investimenti istituzzjonali 6

6.

Kontroll effettiv 6

6.1.

Approċċ ġenerali 6

6.2.

Kriterji ta’ valutazzjoni 7

6.2.1.

Governanza korporattiva 7

6.2.2.

Drittijiet tal-azzjonisti 8

6.2.3.

Rabtiet finanzjarji bejn l-impriża u l-azzjonist ta’ pajjiż terz 10

6.2.4.

Kooperazzjoni kummerċjali 10

7.

Monitoraġġ u miżuri possibbli 11

1.   INTRODUZZJONI

1.

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (1) (minn issa ‘l quddiem “ir-Regolament”) huwa l-att legali bażiku li jorganizza s-suq intern fl-avjazzjoni (2). Dan ir-Regolament jirregola l-liċenzjar tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji, id-dritt tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji li joperaw servizzi tal-ajru intra-Komunitarji, u l-ipprezzar tas-servizzi tal-ajru intra-Komunitarji.

2.

Ir-Regolament jistabbilixxi l-kunċett ta’ “trasportatur tal-ajru” (minn issa ‘l quddiem “trasportatur tal-UE”) bħala t-“trasportatur tal-ajru li jkollu liċenzja operattiva valida maħruġa minn awtorità kompetenti tal-liċenzji skont il-Kapitolu II” (Artikolu 2(11) tar-Regolament). Trasportatur tal-UE għandu d-dritt jopera kwalunkwe servizz tal-ajru intra-UE (Artikolu 15(1) tar-Regolament), b’mod partikolari t-trasport ta’ passiġġieri, merkanzija u posta mingħajr ebda awtorizzazzjoni ulterjuri.

3.

Ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex tinkiseb liċenzja operattiva bħala trasportatur tal-UE, inkluż ir-rekwiżit ta’ ċittadinanza. L-Artikolu 4 tar-Regolament jistabbilixxi li “Impriża għandha tingħata liċenzja operattiva minn awtorità kompetenti tal-liċenzji ta’ Stat Membru sakemm: (…) (f) Stati Membri u/jew ċittadini ta’ Stati Membri jkollhom id-dritt ta’ proprjetà fuq aktar minn 50 % tal-impriża u effettivament jikkontrollawha, kemm direttament kif ukoll indirettament permezz ta’ impriża intermedja waħda jew aktar, ħlief kif previst fi ftehim ma’ pajjiż terz li għalih il-Komunità tkun parti;”

4.

Iż-żewġ elementi, jiġifieri sjieda ta’ aktar minn 50 % kif ukoll kontroll effettiv, mill-Istati Membri jew iċ-ċittadini tagħhom huma distinti u kumulattivi, jiġifieri t-tnejn li huma jridu jiġu ssodisfati l-ħin kollu.

5.

Pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tagħhom li mhumiex eliġibbli għal pussess ta’ maġġoranza jew li effettivament jikkontrollaw trasportaturi tal-UE, diment li l-UE ma tkunx qablet mod ieħor mal-pajjiż terz ikkonċernat, jiġifieri permezz ta’ rilassament (ġeneralment reċiproku) korrispondenti tar-rekwiżiti ta’ sjieda u kontroll. Fil-każ li trasportatur ma jkunx għadu aktar (aktar minn 50 %) fil-pussess jew effettivament ikkontrollat minn Stat Membru u/jew minn ċittadini ta’ Stati Membri dan ma jkunx aktar intitolat li jkollu liċenzja u għaldaqstant ma jkunx jista’ aktar jieħu vantaġġ mil-liberalizzazzjoni tas-suq tal-avjazzjoni tal-UE.

6.

Ir-responsabbiltà tal-valutazzjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda u l-kontroll ikunux qed jiġu rispettati l-ewwelnett taqa’ fuq l-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti, li hija l-awtorità ta’ Stat Membru intitolat li jagħti, jirrifjuta, jirrevoka jew jissospendi liċenzji operattivi f’konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament (Artikolu 2(2) tar-Regolament). Il-Kummissjoni, madankollu, għandha wkoll il-possibbiltà li twettaq il-valutazzjoni proprja tagħha abbażi tal-informazzjoni miksuba u tista’ tieħu deċiżjoni li titlob lill-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti biex tieħu l-miżuri korrettivi adatti jew biex tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja operattiva (Artikolu 15(3) tar-Regolament).

7.

Ir-rekwiżiti ta’ sjieda u kontroll biex tinkiseb liċenzja operattiva, abbażi ta’ kriterji ta’ ċittadinanza, huma karatteristika komuni fis-settur tal-avjazzjoni internazzjonali u jistgħu jinstabu f’leġiżlazzjonijiet oħra barra l-UE. Barra minn hekk, rekwiżiti ta’ dan it-tip huma normalment inklużi fil-ftehimiet ta’ servizz tal-ajru bilaterali wkoll bħala kundizzjoni biex jingħataw drittijiet ta’ traffiku. Rekwiżiti tali llum il-ġurnata huma primarjament maħsuba biex jiżguraw li d-drittijiet ta’ traffiku skambjati taħt ftehimiet bħal dawn jiġu sfruttati effettivament għall-benefiċċju tal-partijiet parteċipanti u mhux ser jiġu eżerċitati, direttament jew permezz ta’ sussidjarji, minn impriżi (3) minn pajjiżi li mhumiex parti għall-ftehim. Barra minn hekk, dawn jipprevjenu lil impriżi bħal dawn milli joperaw servizzi kompletament fi Stat jew grupp ta’ Stati permezz ta’ sussidjarji stabbiliti f’dak l-Istat jew grupp ta’ Stati.

8.

Fis-7 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa li għandha l-għan li tiżgura li s-settur tal-Avjazzjoni tal-UE jibqa’ kompetittiv u jaħsad il-benefiċċji ta’ ekonomija globali u suq tal-avjazzjoni li qed jinbidlu u jiżviluppaw malajr ħafna (4).

9.

L-Istrateġija tal-Avjazzjoni identifikat il-ħtieġa li tinħoloq aktar kjarezza għall-investituri u t-trasportaturi tal-ajru bl-istess mod, dwar l-applikazzjoni tar-Regolament fir-rigward tad-dispożizzjoni dwar is-sjieda u l-kontroll. Il-Kummissjoni, f’konformità max-xewqa espressa mill-Istati Membri u minn partijiet ikkonċernati oħrajn f’bosta okkażjonijiet, iddeċidiet li tadotta linji gwida interpretattivi dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

10.

Tul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni wettqet diversi investigazzjonijiet fir-rigward ta’ każijiet fejn investitur ta’ pajjiż terz (jiġifieri pajjiż mhux tal-UE) ikun kiseb sehem sinifikanti fi trasportatur tal-UE, bil-ħsieb li tkun determinata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(f) tar-Regolament.

11.

Il-Kummissjoni adottat biss deċiżjoni formali waħda dwar il-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda u l-kontroll wara l-investiment ta’ Swiss Air f’Sabena (minn issa ‘l quddiem “id-deċiżjoni Swissair/Sabena” (5)). Din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar liċenzjar ta’ air carriers (minn issa ‘l quddiem “ir-Regolament 2407/92” (6)), il-predeċessur għar-Regolament. Il-Kummissjoni sabet li skont it-termini tal-ftehim bejn l-Istat Belġjan u Swissair, Sabena kkonformat mar-rekwiżiti dwar is-sjieda u l-kontroll stabbiliti fir-Regolament 2407/92. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kriterji ta’ sjieda u kontroll effettiv għandhom jiġu interpretati u applikati fil-kuntest ġenerali tar-Regolament 2407/92. B’mod partikolari, kull każ individwali għandu jiġi vvalutat fid-dawl tal-objettiv tas-salvagwardja tal-interessi tal-industrija tat-trasport tal-ajru tal-Unjoni li jimplika, b’mod partikolari, li kumpaniji minn pajjiżi terzi ma għandhomx jitħallew jieħdu vantaġġ sħiħ, fuq bażi unilaterali, mis-suq tat-trasport tal-ajru intern liberalizzat tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, kumpaniji bħal dawn jistgħu jibbenefikaw mis-suq intern, permezz ta’ parteċipazzjoni fi trasportatur tal-UE, biss fi ħdan il-limiti ta’ sjieda u kontroll stabbiliti fir-Regolament.

12.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni stqarret “li kwalunkwe evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ investiment sostanzjali minn trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz fi trasportatur tal-Komunità għandha tqis ukoll il-kuntest usa’ li fih iseħħ dak l-investiment u, b’mod partikolari, ir-relazzjonijiet tal-avjazzjoni tal-Komunità mal-pajjiż terz in kwistjoni (7). F’dak il-każ partikolari, il-kuntest usa’ kien immarkat min-negozjati li kienu għaddejjin bejn il-Komunità u l-Isvizzera sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet eżistenti fuq is-sjieda u l-kontroll fuq bażi reċiproka. Fid-dawl ta’ dan il-kuntest usa’, il-Kummissjoni qieset li l-ftehimiet bejn l-Istat Belġjan u Swissair “jidhru essenzjalment li huma ta’ natura transitorja” (8)

13.

L-għan ta’ dawn il-linji gwida huwa li tkun ipprovduta gwida għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ impriża li tkun qed tapplika għal jew li jkollha liċenzja operattiva mad-dispożizzjoni tar-Regolament dwar is-sjieda u l-kontroll, abbażi tal-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni fil-valutazzjonijiet tagħha ta’ każijiet tul l-aħħar snin. Hi tqis ukoll l-analiżi mwettqa fid-deċiżjoni Swissair/Sabena, kif ukoll l-aqwa prattiki żviluppati mill-awtoritajiet ta’ liċenzjar kompetenti fil-livell nazzjonali. Dawn il-linji gwida jistabbilixxu kif il-Kummissjoni tifhem ir-Regolament dwar dan il-punt u kif tqis li għandu jiġi applikat. Mhumiex maħsuba li joħolqu obbligi legali ġodda u huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE għall-interpretazzjoni vinkolanti tagħha.

2.   ASPETTI PROĊEDURALI

14.

Il-Kapitolu II tar-Regolament fih dispożizzjonijiet dwar il-liċenzja operattiva. L-Artikolu 3(2) tar-Regolament jipprovdi li “L-awtorità kompetenti tal-liċenzji m’għandhiex tagħti liċenzji operattivi jew tħallihom fis-seħħ fejn kwalunkwe mir-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu ma jkunx osservat.” Is-sjieda u l-kontroll effettiv mill-Istati Membri jew iċ-ċittadini tagħhom jiffurmaw parti, fost oħrajn, mir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati biex tinkiseb u tinżamm il-liċenzja. Ir-responsabbiltà għall-valutazzjoni ta’ jekk dan ir-rekwiżit (iż-żewġ partijiet komponenti) hux issodisfat taqa’ primarjament f’idejn l-awtorità tal-liċenzjar kompetenti li tagħti l-liċenzja operattiva lit-trasportatur tal-ajru.

15.

Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament “L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tissorvelja akkuratament il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu.” Skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament “Għar-rigward ta’ trasportaturi tal-ajru Komunitarji liċenzjati minnha, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tiddeċiedi jekk il-liċenzja operattiva għandhiex tiġi ppreżentata mill-ġdid għall-approvazzjoni f’każ ta’ bidla f’element wieħed jew iżjed li jinċidu fuq is-sitwazzjoni legali ta’ trasportatur tal-ajru Komunitarju u, b’mod partikolari, fil-każ ta’ merger jew akkwiżizzjoni.” B’konformità mal-Artikolu 8(5) it-trasportaturi tal-ajru tal-UE għandhom jinnotifikaw bil-quddiem dan it-tibdil lill-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti.

16.

Awtorità ta’ liċenzjar kompetenti tista’ tiġi kkonfrontata b’talba għal liċenzja (jew l-iskrutinju ta’ liċenzja eżistenti) f’ċirkustanzi fejn impriża oħra, li tappartjeni għall-istess grupp bħall-impriża kkonċernata mill-każ, diġà jkollha liċenzja operattiva, maħruġa minn awtorità ta’ liċenzjar kompetenti oħra. L-awtorità li tkun qed tindirizza każ bħal dan għandha tqis bil-mod dovut il-valutazzjoni mwettqa mill-awtorità l-oħra, b’mod partikolari fejn l-istruttura ta’ sjieda rilevanti hija l-istess. Madankollu, tibqa’ obbligata li hi stess tivvaluta l-merti tal-każ, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament. Bħala punt ta’ prattika tajba, awtorità li jkollha ċerti dubji jew mistoqsijiet fir-rigward tal-valutazzjoni preċedenti għandha tagħmel kuntatt mal-awtorità l-oħra involuta sabiex tikseb aktar informazzjoni jew biex tiddiskuti l-kwistjoni.

17.

Fir-rigward ta’ skrutinju possibbli mill-Kummissjoni, referenza hija magħmula għall-Artikoli 15(3) u 26(2) tar-Regolament.

18.

Skont l-Artikolu 15(3) “Jekk il-Kummissjoni […] issib li l-liċenzja operattiva mogħtija lil trasportatur tal-ajru Komunitarju ma tkunx f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għandha tgħaddi l-konklużjonijiet tagħha lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji li għandha tibgħat il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum tax-xogħol.

Jekk il-Kummissjoni, wara li teżamina l-kummenti tal-awtorità kompetenti tal-liċenzji, tkun tal-fehma li l-liċenzja operattiva mhijiex konformi, jew jekk ma jiġu riċevuti l-ebda kummenti mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji hija għandha, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2), tieħu deċiżjoni biex titlob lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji biex tieħu l-miżuri korrettivi adatti jew biex tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja operattiva. Id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi d-data sa meta l-miżuri korrettivi jew l-azzjonijiet mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandhom jiġu implimentati. Jekk il-miżuri korrettivi jew l-azzjonijiet ikunu għadhom ma ġewx implimentati sa dik id-data t-trasportatur tal-ajru Komunitarju m’għandux ikun intitolat […] [jopera servizzi tal-ajru intra-UE]”.

19.

L-Artikolu 26(2) tar-Regolament jipprovdi li “il-Kummissjoni tista’ tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Istati Membri, li għandhom jiffaċilitaw ukoll l-għoti tal-informazzjoni mit-trasportaturi tal-ajru liċenzjati mill-awtoritajiet tal-liċenzji kompetenti tagħhom.”

3.   ONERU TAL-PROVA

20.

Kif jagħmilha ċar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1), l-impriżi li jitolbu l-emissjoni ta’ liċenzja jerfgħu l-oneru li juru l-konformità mal-Artikolu 4(f) u r-rekwiżiti l-oħrajn tar-Regolament. L-istess japplika fejn, wara li l-liċenzja tkun inħarġet, l-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti jkollha raġunijiet biex tivverifika jekk dawk ir-rekwiżiti għadhomx qed jiġu ssodisfati.

21.

Huwa f’idejn l-impriża interessata li tiżgura li titqiegħed evidenza suffiċjenti għad-dispożizzjoni tal-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti. F’dan il-kuntest, ma għandux jintesa li l-Artikolu 10(1) jirrikjedi li dik l-awtorità “tieħu deċiżjoni dwar kull applikazzjoni kemm jista’ jkun malajr, u mhux aktar tard minn tliet xhur wara li l-informazzjoni meħtieġa tkun ġiet mogħtija kollha, b’kont meħud ta’ kull prova disponibbli.” Dan ifisser li, mingħajr preġudizzju għad-dmir tal-awtorità li twettaq il-proċedura b’rieda tajba, impriża għandha kull interess li tissottometti kwalunkwe evidenza disponibbli kemm jista’ jkun malajr, u jekk tonqos milli tagħmel dan it-talba tagħha għal liċenzja tista’ tiġi rifjutata.

4.   ĊITTADINANZA

22.

Persuni fiżiċi biss jista’ jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru. Fil-każ ta’ impriża li hija fil-pussess u/jew li hija effettivament parzjalment jew kompletament ikkontrollata minn entità intermedja waħda jew aktar li mhix persuna fiżika, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżit ta’ ċittadinanza tal-Artikolu 4(f) tar-Regolament għandu jiġi mifhum bħala li huwa relatat mal-persuni fiżiċi li għandhom fil-pussess tagħhom u/jew li effettivament jikkontrollaw dawk l-entitajiet fil-livell finali tal-linja ta’ sjieda u kontroll.

23.

Ir-Regolament jistabbilixxi fl-Artikolu 4(f) li “[…] ċittadini ta’ Stati Membri [għandu] ikollhom id-dritt ta’ proprjetà fuq aktar minn 50 % tal-impriża u effettivament jikkontrollawha […]”.

24.

Jistgħu jirriżultaw ċerti diffikultajiet meta l-persuni kkonċernati jkollhom aktar minn ċittadinanza waħda u ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru mhix mill-oriġini. Huwa fil-prinċipju f’idejn kull Stat Membru li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kisba u t-telfien taċ-ċittadinanza tiegħu. Madankollu, kif ikkonfermat f’ġurisprudenza riżolta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (9), fl-eżerċitar tal-kompetenza tagħhom fil-qasam taċ-ċittadinanza, l-Istati Membri għandhom iqisu bil-mod dovut il-liġi tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-kisba u t-telfien ta’ ċittadinanza tal-Istati Membri huma regolati mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri individwali, soġġett għar-rispett għal-liġi tal-Unjoni.

25.

L-Istati Membri għandhom jużaw il-prerogattiva tagħhom biex jagħtu ċ-ċittadinanza fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni sinċiera ma’ Stati Membri oħrajn u l-UE (Artikolu 4(3) TUE). Għandhom jitqiesu n-normi u l-obbligi li huma marbuta bihom skont il-liġi internazzjonali u l-kriterji li fuqhom l-Istati Membri tradizzjonalment jibnu l-liġijiet tagħhom dwar iċ-ċittadinanza. Dawn il-prinċipji jirrikjedu b’mod partikolari l-eżistenza ta’ konnessjoni ġenwina bejn l-applikant u l-pajjiż jew iċ-ċittadini tiegħu.

5.   SJIEDA

5.1.   Approċċ ġenerali

26.

Fir-rigward tas-sjieda, l-Artikolu 4(f) tar-Regolament jipprovdi li impriża għandha tingħata liċenzja operattiva mill-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti, diment li “Stati Membri u/jew ċittadini ta’ Stati Membri jkollhom id-dritt ta’ proprjetà fuq aktar minn 50 % tal-impriża”.

27.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun hemm konformità ma’ dan ir-rekwiżit ta’ sjieda jekk mill-inqas 50 % flimkien ma’ sehem wieħed tal-kapital tal-impriża konċernata jkunu fil-pussess tal-Istati Membri u/jew ċittadini ta’ Stati Membri.

28.

F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tifhem il-kapital bħala l-kapital ta’ ekwità ta’ impriża. Huwa għaldaqstant kruċjali għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżit ta’ sjieda li jkun stabbilit liema kapital tal-impriża jikkwalifika bħala kapital ta’ ekwità.

29.

Fid-deċiżjoni Sabena/Swissair, il-Kummissjoni saħqet li l-mistoqsija ta’ jekk tip partikolari ta’ kapital jikkwalifikax bħala kapital ta’ ekwità tista’ tiġi mwieġba biss fuq bażi ta’ każ b’każ fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Jekk, madankollu, il-kapital ma jagħti lid-detenturi tiegħu l-ebda wieħed miż-żewġ drittijiet li ġejjin sa punt konsiderevoli, ġeneralment ma għandux jiġi meqjus fid-determinazzjoni tas-sitwazzjoni tas-sjieda ta’ impriża taħt l-Artikolu 4(f):

a.

id-dritt ta’ parteċipazzjoni f’deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħidmiet tal-impriża, u

b.

id-dritt li jinkiseb sehem mill-qligħ residwu jew, fil-każ ta’ likwidazzjoni, fl-assi residwi tal-impriża wara li l-obbligi l-oħra kollha jkunu ġew rispettati (fi kliem ieħor, l-ishma jirriflettu r-riskju u l-benefiċċji ta’ negozju normali).

30.

Filwaqt li l-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti għandha dejjem tanalizza fid-dettall strutturi kumplessi, il-Kummissjoni tikkunsidra li analiżi dettaljata hija meħtieġa b’mod partikolari meta jqumu l-kwistjonijiet li ġejjin:

a.

l-eżistenza ta’ klassijiet ta’ ishma differenti b’valuri u karatteristiċi differenti jeżistu;

b.

l-eżistenza ta’ warrants jew opzjonijiet li għandhom ir-riskju li jrendu ineffettivi l-attributi ta’ “kapital ta’ ekwità” ta’ klassi ta’ ishma (10);

c.

l-eżistenza ta’ investituri istituzzjonali fejn is-sid benefiċjarju finali, f’konformità mal-paragrafu 44, ma jistax jiġi identifikat faċilment.

31.

Kif jirriżulta mill-paragrafu 22 hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sjieda f’impriża, li l-ishma fiha huma fil-pussess ta’ entità oħra (minbarra persuna fiżika; minn issa ‘l quddiem “l-entità intermedja”), għandha tkun ivvalutata fid-dawl taċ-ċittadinanza tal-persuni (jew l-identità tal-Istati) li jkollhom l-ishma f’dik l-entità l-oħra.

32.

F’dan il-kuntest, il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 22-24 hawn fuq japplikaw, bl-istess mod, fir-rigward ta’ ishma miżmuma fl-entità intermedja.

33.

Jistgħu jirriżultaw problemi speċifiċi fejn kemm is-sehem miżmum minn azzjonisti tal-UE fl-entità intermedja kif ukoll is-sehem miżmum minn din tal-aħħar fit-trasportatur tal-ajru jirrappreżentaw inqas minn 100 % tal-ishma rispettivi.

34.

Il-każ li ġej jista’ jservi ta’ eżempju: L-azzjonisti tal-UE għandhom fil-pussess tagħhom 55 % tal-kumpanija A (filwaqt li l-bqija huwa fil-pussess ta’ pajjiżi terzi jew ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi; minn hawn ‘il quddiem: azzjonisti ta’ pajjiżi terzi), u l-kumpanija A mbagħad għandha fil-pussess tagħha 60 % tat-trasportatur B, fejn l-40 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja li jkun baqa’ fit-trasportatur B huma fil-pussess ta’ azzjonisti ta’ pajjiżi terzi.

35.

Il-kwistjoni hawn hija jekk l-azzjonisti tal-UE “għandhomx fil-pussess tagħhom aktar minn 50 % tal-impriża”.

36.

Kif spjegat fil-paragrafu 28 hawn fuq, “sjieda” tittraduċi fi drittijiet ta’ parteċipazzjoni f’deċiżjonijiet li jaffettwaw l-operat tal-impriża, kif ukoll fi drittijiet pekunarji, b’mod partikolari biex jinkiseb sehem mill-qligħ residwu jew, fil-każ ta’ likwidazzjoni, fl-assi residwi tal-impriża wara li l-obbligi l-oħrajn kollha jkunu ġew issodisfati.

37.

Fir-rigward tad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’deċiżjonijiet li jaffettwaw l-operat tal-impriża, sitwazzjoni bħal dik deskritta hawn fuq normalment għandha titqies bħala konformi mal-Artikolu 4(f) tar-Regolament, jekk wieħed jassumi li l-ishma kollha involuti għandhom l-istess drittijiet ta’ votazzjoni u li l-ebda arranġament speċifiku ma jfixkel lill-azzjonisti tal-UE milli jikkontrollaw il-voti li l-kumpanija A teżerċita fir-rigward ta’ B, bis-saħħa tal-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ maġġoranza tagħha.

38.

Safejn għandhom x’jaqsmu d-drittijiet pekunarji, għandu jitqies il-fatt li, anki fejn is-sehem rilevanti fit-trasportatur huwa miżmum direttament minn azzjonisti tal-UE, u mhux permezz ta’ entità intermedja, drittijiet bħal dawn jistgħu jkunu soġġetti għal arranġamenti interni speċifiċi. Dawk jistgħu jinkludu privileġġi ta’ azzjonisti ta’ pajjiżi terzi meta mqabbla ma’ azzjonisti tal-UE. Kif spjegat fi Swissair/Sabena, sitwazzjonijiet bħal dawn mhux neċessarjament jiskwalifikaw taħt l-Artikolu 4(f) tar-Regolament, diment li d-drittijiet (pekunarji) in kwistjoni huma f’idejn l-azzjonist tal-UE “sa punt konsiderevoli”.

39.

L-istess prinċipji għandhom japplikaw fejn id-drittijiet pekunarji huma affettwati mill-fatt li l-parteċipazzjoni tal-azzjonisti tal-UE fit-trasportatur tgħaddi minn entità intermedja u li l-parteċipazzjoni f’kull stadju tirrappreżenta anqas minn 100 % tal-kapital azzjonarju

40.

Jekk, fl-eżempju ta’ hawn fuq, il-qligħ distribwit mit-trasportatur B u r-rikavati mill-assi residwi fil-każ tal-likwidazzjoni ta’ B jakkumulaw lill-azzjonisti tal-UE fil-proporzjon tal-ishma dilwiti (fejn l-ishma kollha fil-kumpanija A u fit-trasportatur B huma tal-istess klassi), id-drittijiet pekunarji jistgħu xorta jiġu kkunsidrati suffiċjenti għall-finijiet tal-Artikolu 4(f) tar-Regolament.

41.

Każijiet bħal dawn għandhom madankollu jkunu kkunsidrati individwalment, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari l-arranġamenti kollha li jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi rilevanti.

42.

Sabiex issir il-valutazzjoni ta’ hawn fuq, id-detenturi jew l-applikanti ta’ liċenzja għandhom jipprovdu evidenza lill-awtorità ta’ liċenzjar dwar id-drittijiet mehmuża ma’ klassijiet differenti ta’ ishma kif ukoll dwar is-sid benefiċjarju finali tal-ishma.

5.2.   Kwistjonijiet ta’ sjieda f’impriżi kkwotati pubblikament u investimenti istituzzjonali

43.

Fir-rigward ta’ impriżi li huma kkwotati pubblikament fuq is-suq azzjonarju jew li huma fil-pussess ta’ istituzzjonijiet tal-investiment jistgħu jinqalgħu sfidi partikolari għall-valutazzjoni tar-rekwiżit ta’ sjieda peress li l-parteċipazzjonijiet azzjonarji jistgħu jvarjaw minn jum għal jum u jista’ jkun hemm diversi stadji ta’ sjieda. L-impriża, f’kull stadju, għandha tkun tista’ turi li l-maġġoranza tal-ishma huma fil-pussess ta’ azzjonisti tal-UE.

44.

Fejn l-ishma huma miżmuma minn intestatarju, trust, fond jew kwalunkwe investitur istituzzjonali ieħor, ir-rekwiżit ta’ sjieda jista’ jiġi ssodisfat meta l-intestatarju jew l-affidatarju jew sid reġistrat ieħor huwa Stat Membru jew ċittadin ta’ Stat Membru. Madankollu għandhom jitqiesu l-elementi kollha li jistgħu jindikaw li mil-lat ekonomiku, is-sid huwa persuna differenti, jiġifieri l-benefiċjarju finali tad-drittijiet imsemmija hawn fuq. Dan ikun jiddependi b’mod partikolari fuq il-ftehimiet jew arranġamenti oħra li jorbtu tali investitur.

6.   KONTROLL EFFETTIV

6.1.   Approċċ ġenerali

45.

L-Artikolu 4(f) tar-Regolament jistipula li impriża għandha tingħata liċenzja operattiva mill-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti, diment li “Stati Membri u/jew ċittadini ta’ Stati Membri […] effettivament jikkontrollaw[…]” l-impriża.

46.

Il-kunċett ta’ kontroll effettiv huwa definit fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bħala:

“relazzjoni kostitwita permezz ta’ jeddijiet, kuntratti jew kull mezz ieħor li, jew separatament jew konġuntament u b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet ta’ fatt jew liġi involuta, jagħtu l-possibbiltà li direttament jew indirettament tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq xi impriża, b’mod partikolari permezz ta’:

(a)

id-dritt li jintużaw l-assi kollha jew parti minnhom ta’ impriża;

(b)

jeddijiet jew kuntratti li jagħtu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ xi impriża jew b’xi mod ieħor jinfluwenzaw b’mod deċiżiv it-tmexxija tal-operat kummerċjali tal-impriża;”

47.

Kif spjegat fid-deċiżjoni Swissair/Sabena, din id-dispożizzjoni tirrikjedi valutazzjoni tal-pożizzjoni tal-Istati Membri u/jew taċ-ċittadini tagħhom fir-rigward ta’ jekk, meta jiġi kkunsidrat kollox, għandhomx influwenza deċiżiva fuq il-ġestjoni tal-impriża kkonċernata b’mod li tmur lil hinn mill-influwenza tal-azzjonisti ta’ pajjiżi terzi. Din l-analiżi hija infurmata mill-possibbiltajiet disponibbli għall-azzjonist tal-UE biex jinfluwenza b’mod pożittiv id-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi tal-impriża.

48.

Deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-ħatra ta’ maniġment superjuri, l-adozzjoni tal-baġit u/jew tal-pjan ta’ negozju u ma’ investimenti maġġuri jew drittijiet speċifiċi għas-suq.

49.

F’dan il-kuntest, wieħed ikollu l-ewwel jidentifika fejn jittieħdu deċiżjonijiet bħal dawn, u skont liema termini. Dan jimplika analiżi tal-governanza korporattiva tal-impriża, li għandha ssir f’qafas ġenerali tal-funzjonament tal-impriża.

50.

Bħala t-tieni pass, kwistjonijiet oħra li jistgħu jinfluwenzaw it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ negozju strateġiċi importanti għandhom jiġu kkunsidrati. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu drittijiet tal-azzjonisti, rabtiet finanzjarji u kooperazzjoni kummerċjali bejn l-impriża u kwalunkwe azzjonista ta’ pajjiż terz. Gwida aktar dettaljata dwar dawn il-kriterji ta’ valutazzjoni ser tiġi pprovduta hawn taħt. Madankollu, huwa impossibbli li titfassal lista eżawrjenti tal-elementi potenzjalment rilevanti għall-analiżi ta’ każ partikolari. Għalhekk, elementi oħra minbarra dawk imsemmija hawn jistgħu wkoll ikunu rilevanti, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ involut.

51.

Kif spjegat fid-deċiżjoni Swissair/Sabena, il-kontroll effettiv għandu jkun eżerċitat minn Stati Membri jew miċ-ċittadini tagħhom esklussivament. Dan ovvjament ma jkunx il-każ fejn l-Istati Membri jew iċ-ċittadini tagħhom sempliċiment ikollhom drittijiet ta’ veto u ma jkollhom l-ebda dritt li jħallihom jinfluwenzaw b’mod pożittiv il-ġestjoni tal-impriża kkonċernata.

52.

Numru ta’ fatturi jistgħu jikkontribwixxu biex l-azzjonisti tal-UE jkollhom influwenza pożittiva, bħal setgħat ta’ inizjattiva jew mekkaniżmi ta’ aċċess bikri jew privileġġat għal informazzjoni fi ħdan l-impriża.

53.

Il-prinċipji ġenerali deskritti hawn fuq għandhom jiġu applikati b’attenzjoni għall-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ fatt jew liġi involuti. Kull każ individwali għandu jiġi vvalutat fuq il-merti proprji tiegħu.

54.

Każijiet fejn hija meħtieġa analiżi tal-Artikolu 4(f) tar-Regolament ta’ spiss jinvolvu wkoll l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (11) (“Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”), b’kunsiderazzjoni għat-termini ta’ dan l-aħħar Regolament. Peress li d-definizzjonijiet ta’ kontroll fir-Regolamenti rispettivi jippreżentaw ċerti similaritajiet, jidher utli li jiżdiedu l-kjarifiki li ġejjin.

55.

L-ewwelnett, huwa importanti li jiġi nnutat li, fir-rigward tal-azzjonist tal-UE, “kontroll konġunt” għall-finijiet tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u “kontroll effettiv” fis-sens tar-Regolament mhumiex esklussivament reċiproċi, kif jirriżulta mid-deċiżjoni Swissair/Sabena.

56.

It-tieni, ir-rekwiżit ta’ kontroll tal-Artikolu 4(f) tar-Regolament mhuwiex issodisfat fejn l-azzjonist ta’ pajjiż terz ikollu kontroll uniku fuq l-impriża (12). F’każ bħal dan, l-impriża ma tistax, b’definizzjoni, tkun effettivament ikkontrollata minn azzjonisti tal-UE fis-sens tar-Regolament.

57.

Peress li l-kwistjonijiet imqajma mir-Regolament dwar l-Għaqdiet, minn naħa waħda, u r-rekwiżit tar-Regolament ta’ sjieda u kontroll, min-naħa l-oħra, jippreżentaw numru ta’ similaritajiet, minkejja d-differenzi bejn iż-żewġ reġimi, il-Kummissjoni, fejn ikun rilevanti, tivvaluta l-każijiet b’mod parallel taħt iż-żewġ reġimi. Għal dan il-għan, is-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli ovvjament jikkooperaw mill-qrib.

6.2.   Kriterji ta’ valutazzjoni

58.

L-ebda gwida ma tista’ tantiċipa l-konstellazzjonijiet possibbli kollha ta’ kontroll ta’ impriża, b’kunsiderazzjoni wkoll tad-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali dwar il-governanza korporattiva. Kwalunkwe valutazzjoni għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li tiġi meqjusal-pożizzjoni legali u fattwali f’kull każ individwali.

59.

F’dan l-isfond, il-linji gwida preżenti jipprovdu xi prinċipji ġenerali għall-valutazzjoni u jissottolinjaw ċerti kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal tħassib, fejn hija meħtieġa analiżi aktar dettaljata fir-rigward tal-kriterju ta’ kontroll effettiv (13).

6.2.1.   Governanza korporattiva

60.

L-ewwel pass fil-valutazzjoni ta’ kontroll effettiv jikkonsisti fl-analiżi tal-governanza korporattiva tal-impriża. Governanza korporattiva f’dan il-kuntest tfisser il-proċessi u l-proċeduri li permezz tagħhom l-impriża tadotta deċiżjonijiet rilevanti għat-twettiq tan-negozju tagħha.

61.

L-analiżi ta’ governanza korporattiva għandha tikkunsidra kemm l-elementi legali kif ukoll dawk fattwali disponibbli.

62.

L-analiżi għandha tidentifika l-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-impriża, il-kompetenzi tagħhom u l-kompożizzjoni tagħhom, ir-regoli rilevanti dwar in-nomina, l-elezzjoni, ir-remunerazzjoni u t-tneħħija, in-natura tad-deċiżjonijiet li jieħdu, il-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom, inkluż ir-rekwiżiti ta’ quorum u r-regoli dwar l-ivvutar (maġġoranzi, konsensus), kwalunkwe prerogattiva mogħtija lil korpi oħra (dwar, pereżempju, proposti, nomini, konsultazzjoni, opinjonijiet vinkolanti jew nonvinkolanti, rakkomandazzjonijiet, kunsens).

63.

Dan l-immapjar għandu jkopri l-korpi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kollha, b’mod partikolari l-assemblea tal-azzjonisti, il-korp eżekuttiv (eż. il-Bord tad-Diretturi, il-Bord tat-Tmexxija), il-korpi ta’ kontroll (eż. il-Bord Superviżorju), persunal ċentrali (persunal tal-ġestjoni intitolat sabiex jadotta deċiżjonijiet rilevanti għat-twettiq tan-negozju) u kumitati interni (konsultattivi jew le).

64.

L-analiżi għandha tevalwa kif l-Istati Membri u/jew iċ-ċittadini tagħhom huma rrappreżentati fil-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u kif id-drittijiet tagħhom disponibbli f’dan il-kuntest jippermettulhom jiddeterminaw id-deċiżjonijiet strateġiċi, filwaqt li titqies il-proċedura skont liema huma għandhom jiġu adottati. F’dan il-kuntest, l-analiżi għandha tħares ukoll lejn il-quorum meħtieġ għat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

65.

Fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, l-analiżi tad-drittijiet ta’ veto ta’ kwalunkwe azzjonist ta’ pajjiż terzi hija ta’ importanza partikolari. Drittijiet ta’ veto estensivi għal dawk l-azzjonisti dwar kwistjonijiet li huma importanti għat-tmexxija tan-negozju jista’ jkollhom impatt fuq l-abbiltà tal-azzjonisti tal-UE li jeżerċitaw kontroll effettiv fuq l-impriża. Għalhekk, valutazzjoni globali aktar mill-qrib tad-drittijiet rispettivi tal-azzjonisti tal-UE u ta’ dawk ta’ pajjiżi terzi jkollha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ.

66.

L-abbiltà ta’ azzjonist partikolari li jkollu veto fuq ċertu deċiżjonijiet mhux neċessarjament jimplika li dan l-azzjonist għandu kontroll effettiv. Għandu jiġi verifikat jekk dawn id-drittijiet ta’ veto jaffettwawx biss ċerti deċiżjonijiet ta’ importanza limitata, jew inkella d-deċiżjonijiet strateġiċi ewlenin. Il-mistoqsija hija jekk, f’valutazzjoni globali tad-diversi drittijiet tal-azzjonisti, l-Istati Membri jew iċ-ċittadini tagħhom għandhomx influwenza deċiżiva fuq deċiżjonijiet ta’ negozju strateġiċi, kif spjegat fil-punt 47 hawn fuq. Valutazzjoni globali bħal din, ibbażata fuq fatturi multipli, għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ.

67.

Azzjonist ta’ pajjiż terz jista’ jkollu drittijiet ta’ veto mingħajr ma dan neċessarjament iwassal għat-telfien tal-kontroll effettiv tal-azzjonist tal-UE.

68.

Xenarju possibbli wieħed huwa fejn id-drittijiet ta’ veto ta’ azzjonisti ta’ pajjiżi terzi jkunu neċessarji u proporzjonati għall-objettiv tal-protezzjoni tal-valur tal-investiment minoritarju. Normalment, dritt ta’ veto bħal dan ikun relatat ma’ emendi għall-artikoli ta’ assoċjazzjoni jew dokument kostituttiv simili, żieda jew tnaqqis ta’ kapital, ħruġ ta’ bonds konvertibbli f’ishma, bidla fid-drittijiet mehmuża ma’ ishma, ma’ kwotazzjoni jew offerta pubblika, ma’ distribuzzjoni ta’ dividends, ma’ waqfien ta’ negozju jew bidla sostanzjali tan-negozju, ma’ deċiżjonijiet dwar fużjoni, ħall ta’ fużjoni jew likwidazzjoni. Proprjament dan ma jimplikax li l-azzjonisti tal-UE ma għandhomx kontroll effettiv.

69.

Jista’ jkun li jkollha ssir valutazzjoni aktar profonda fejn id-drittijiet ta’ veto tal-azzjonisti ta’ pajjiżi terzi jikkonċernaw kwistjonijiet oħra, b’mod partikolari deċiżjonijiet li x’aktarx jinfluwenzaw b’mod sinifikanti jew jimblukkaw it-twettiq tan-negozju tal-impriża, bħal akkwisti ta’ assi, investimenti, estensjoni jew aċċettazzjoni ta’ strumenti finanzjarji bħal garanziji jew self, kuntratti, transazzjonijiet ta’ negozju ma’ persuni affiljati mal-impriża jew ma’ wieħed mill-azzjonisti.

70.

Elementi li jistgħu jwasslu għal valutazzjoni profonda tali, skont is-suġġett tad-deċiżjoni li għandha tittieħed, huma pereżempju: tfigħ ta’ voti, deċiżjonijiet soġġetti għal konsensus, dritt tal-azzjonisti ta’ pajjiżi terzi li jinnominaw persuni għal ċerti pożizzjonijiet (importanti), rekwiżit li deċiżjonijiet (importanti) ikunu preċeduti minn proposti jew rakkomandazzjonijiet minn dawk l-azzjonisti, stipulazzjonijiet li permezz tagħhom, fuq it-talba ta’ dawk l-azzjonisti, ma jittieħed l-ebda vot, “vote en bloc”, eċċ.

71.

Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet meħuda fil-laqgħat tal-azzjonisti tal-impriża, l-istruttura tal-azzjonisti, l-attendenza fil-laqgħat tal-azzjonisti u x-xejriet tal-ivvutar f’dawn il-laqgħat jista’ jkun ikollhom jiġu kkunsidrati. F’każijiet fejn is-sjieda tal-impriża hija mifruxa sew u azzjonist ta’ pajjiż terz uniku huwa wieħed mill-ikbar azzjonisti, dak l-azzjonist jista’ jkun f’pożizzjoni li jittieħdu voti fuq il-proposti tiegħu, anki b’sehem ferm taħt il-50 %. Ir-rata ta’ attendenza tal-azzjonisti tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-azzjonisti u x-xejriet ta’ vvutar ta’ dawk l-azzjonisti jistgħu għalhekk ikollhom bżonn jiġu vvalutati, sabiex ikun determinat jekk, de facto, effettivament jikkontrollawx l-impriża.

72.

B’mod partikolari, sehem f’impriża f’idejn pajjiż terz jew ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ aktar minn 30 % jista’, bħala regola ġenerali, jirrikjedi valutazzjoni profonda mill-awtorità tal-liċenzjar kompetenti. F’każijiet fejn is-sjieda tal-impriża hija mifruxa sew u azzjonist ta’ pajjiż terz uniku huwa wieħed mill-akbar azzjonisti, sehem aktar baxx jista’ wkoll jirrikjedi valutazzjoni.

73.

Jekk persuni li jokkupaw pożizzjonijiet ewlenin fi ħdan l-impriża jkollhom rabtiet mal-azzjonist ta’ pajjiż terz, dan jista’ jkun ukoll rilevanti f’dan il-kuntest. Madankollu l-istess ħaġa ma tgħoddx għaċ-ċittadinanza ta’ dawn il-persuni. Iċ-ċittadinanza tagħhom ma għandha l-ebda valur indikattiv għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk l-impriża hijiex effettivament ikkontrollata mill-Istati Membri u/jew iċ-ċittadini tagħhom, ferm inqas f’industrija globali bħall-avjazzjoni. Li hu rilevanti huwa biss jekk l-Istati Membri u/jew iċ-ċittadini tagħhom għandhomx il-kontroll tal-proċessi li jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet importanti, li fosthom jista’ jkun hemm il-ħatra jew it-tneħħija ta’ persunal ewlieni.

6.2.2.   Drittijiet tal-azzjonisti

74.

Valutazzjoni tad-drittijiet tal-azzjonisti fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-kontroll effettiv hija neċessarja, minħabba li drittijiet estensivi tal-azzjonisti f’idejn azzjonisti ta’ pajjiżi terzi jistgħu jwasslu, de facto, għal sitwazzjoni fejn dawn tal-aħħar, aktar milli l-azzjonist(i) tal-UE, effettivament jikkontrollaw l-impriża, possibilment permezz tal-influwenza li dawk tal-ewwel ikollhom fuq dawn tal-aħħar. Dan jista’ pereżempju jirrigwarda l-abbiltà li jinkisbu konċessjonijiet dwar kwistjonijiet li, mill-apparenza tagħhom, u b’kunsiderazzjoni għall-governanza korporattiva miftiehma, jidhru li huma kkontrollati mill-azzjonist(i) tal-UE.

75.

Xi eżempji ta’ drittijiet tal-azzjonisti li ġeneralment jistħoqqilhom skrutinju aktar mill-qrib huma deskritti hawn taħt.

6.2.2.1.   Dritt ta’ veto fuq trasferiment ta’ ishma

76.

Dritt ta’ azzjonist ta’ pajjiż terz li juża l-veto fuq it-trasferiment ta’ ishma f’idejn azzjonist ta’ Stat Membru fl-impriża għandu jiġi eżaminat fid-dettall. Huwa komuni li, wara l-investiment minn azzjonist ta’ pajjiż terz, ikun hemm perjodu fejn trasferiment ta’ ishma minn kwalunkwe waħda mill-partijiet ma jkunx permess jew ikun kundizzjonali fuq il-qbil tal-parti l-oħra. Diment li dan il-perjodu ma jaqbiżx il-prattiki tas-soltu tas-settur, normalment jista’ jiġi kkunsidrat bħala salvagwardja għall-istabbiltà tal-investiment u għalhekk bħala li ma jaffettwax il-pożizzjoni f’termini ta’ kontroll effettiv. Anki f’każijiet bħal dawn, madankollu, ċirkustanzi speċifiċi jistgħu jirrikjedu skrutinju aktar mill-qrib. B’mod partikolari, fejn il-limitazzjoni tapplika biss favur l-azzjonist ta’ pajjiż terz, dan jista’ jindika żbilanċ, fis-sens li l-azzjonisti tal-UE jistgħu jiddependu ħafna fuqu filwaqt li l-kontra jista’ ma jkunx il-każ.

6.2.2.2.   Drittijiet ta’ prelazzjoni

77.

Dritt ta’ prelazzjoni huwa dritt skont liema azzjonist eżistenti jingħata l-ewwel opzjoni f’każ li l-azzjonist l-ieħor ikun irid ibiegħ l-ishma tiegħu. Drittijiet ta’ prelazzjoni huma prattika kummerċjali komuni u, jekk ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex ikun imħares l-investiment tal-azzjonisti, ma jqajmu l-ebda kwistjoni partikolari fir-rigward tal-kontroll effettiv. Madankollu, xi forom ta’ drittijiet ta’ prelazzjoni jista’ jkollhom effett simili għal dritt ta’ veto fir-rigward tat-trasferiment ta’ ishma. Dan x’aktarx ikun il-każ fejn l-azzjonist ta’ pajjiż terz ikollu d-dritt li jistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ għall-ishma in kwistjoni.

6.2.2.3.   Id-dritt ta’ azzjonist ta’ pajjiż terz li jbiegħ l-ishma tiegħu

78.

Sabiex jipproteġu l-valur tal-investiment tagħhom u biex jipproteġu l-influwenza tagħhom fl-impriża minn dilwizzjoni, azzjonisti minoritarji ta’ spiss jinnegozjaw xi forma ta’ opzjoni put. Opzjoni put bħal din tagħti lill-azzjonist minoritarju kkonċernat id-dritt li jbiegħ l-ishma tiegħu lura lill-impriża (it-trasportatur tal-ajru) jew li jbiegħhom lill-azzjonisti l-oħra meta jseħħ avveniment speċifikat bi prezz speċifikat. Jekk dan ikun il-każ, drittijiet ta’ prelazzjoni bħal dawn ikollhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni ġenerali tal-kontroll effettiv.

79.

Fil-każ fejn opzjoni put bħal din tingħata lil azzjonist ta’ pajjiż terz, din tista’ tħalli impatt fuq il-kontroll effettiv mill-azzjonist(i) tal-UE, peress li l-ħruġ ta’ dak ta’ qabel jista’ jiddistabbilizza finanzjarjament u kummerċjalment l-impriża. Dan jista’ joħloq sitwazzjoni fejn l-azzjonist ta’ pajjiż terz ikollu ingranaġġ fuq l-azzjonist(i) tal-UE sal-punt li dan tal-aħħar ma jibqax iżomm il-kontroll effettiv.

80.

L-impatt tal-opzjoni put jiddependi fuq il-kundizzjonijiet applikabbli li għandhom għalhekk jiġu skrutinizzati bir-reqqa. Opzjoni put estensiva ħafna li tippermetti lill-azzjonista ta’ pajjiż terz jagħmel użu minnha f’numru kbir ta’ avvenimenti, tista’ tippermetti lil dan tal-aħħar jikseb konċessjonijiet mill-impriża jew mill-azzjonisti li jkun baqa’ dwar kwistjonijiet li l-azzjonist ta’ pajjiż terz normalment ma jistax jiddeċiedi dwarhom jew jagħmel użu mill-veto tiegħu fuqhom. Filwaqt li ma tqum l-ebda kwistjoni partikolari fil-każ li l-opzjoni put tkun limitata għal dak li hu neċessarju u proporzjonat biex l-azzjonist ta’ pajjiż terz ikun protett minn dilwizzjoni tal-ishma tiegħu, każijiet oħra jirrikjedu skrutinju mill-qrib.

6.2.2.4.   Id-dritt li jinxtraw ishma addizzjonali

81.

Opzjonijiet ta’ xiri jew opzjonijiet ta’ konverżjoni jippermettu lill-azzjonist ta’ pajjiż terz li jew jixtri aktar ishma fl-impriża jew li jikkonverti dejn jew kważi ekwità f’ishma. Kwalunkwe dritt ta’ vvutar jew dritt ieħor addizzjonali li dak l-azzjonist kieku jikseb b’riżultat tal-eżerċizzju ta’ opzjoni ta’ xiri jew ta’ opzjoni ta’ konverżjoni għandu jiġi skrutinizzat f’termini tal-impatt potenzjali tiegħu fuq il-kontroll effettiv tal-impriża.

6.2.2.5.   Kundizzjonijiet għall-investiment

82.

Jekk azzjonist ta’ pajjiż terz jagħmel l-investiment tiegħu soġġett għal kundizzjonijiet, dawn jista’ jkollhom bżonn jiġu skrutinizzati fid-dettall f’termini tal-impatt tagħhom fuq il-kontroll effettiv. Filwaqt li ma tqum l-ebda kwistjoni partikolari diment li l-kundizzjonijiet ikunu neċessarji u proporzjonati għall-protezzjoni tal-valur tal-investiment, kundizzjonijiet oħra jistgħu jirrikjedu skrutinju aktar profond.

83.

Fir-rigward ta’ kundizzjonijiet relatati ma’ awtorizzazzjoni regolatorja jew kwistjonijiet oħrajn li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu fl-ambitu ta’ politika pubblika, normalment ma jkollhomx impatt fuq il-kontroll effettiv.

84.

Kundizzjonijiet imposti mill-azzjonist ta’ pajjiż terz relatati ma’ kwistjonijiet finanzjarji tal-impriża, bħall-awditjar tal-kontijiet annwali, solvenza, ristrutturar tad-dejn jew konsultazzjoni dwar kwistjonijiet ewlenin qabel il-finalizzazzjoni tal-investiment, m’għandhomx normalment iħallu impatt fuq il-kontroll effettiv, peress li jirrigwardaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża qabel ma jseħħ l-investiment u għaldaqstant il-valur tal-investiment għall-azzjonist tal-pajjiż terz.

85.

Kundizzjonijiet tal-investiment relatati, b’mod partikolari, mal-pjan tan-negozju tal-impriża, mal-ħatra ta’ persunal ewlieni jew mal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni, jistgħu, kompletament jew parzjalment, jillimitaw, de jure jew de facto, is-setgħat tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-impriża. Il-kundizzjonijiet imposti għandhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni globali tal-kontroll effettiv. Jista’ jkun hemm każijiet fejn deċiżjonijiet strateġiċi importanti jiġu imposti mill-azzjonist ta’ pajjiż terz bħala kundizzjonijiet għall-investiment tiegħu, b’tali mod li l-influwenza kontinwa fi ħdan il-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-impriża, kif disponibbli għall-azzjonisti tal-UE skont il-ftehimiet magħmula, ma jibqax ikollha effett prattiku. Din il-kwistjoni trid tiġi kkunsidrata fil-kuntest globali, fid-dawl b’mod partikolari tal-mezzi u l-proċeduri preċiżi li permezz tagħhom l-azzjonist tal-UE huwa intitolat jeżerċita l-influwenza tiegħu fi ħdan l-impriża.

6.2.3.   Rabtiet finanzjarji bejn l-impriża u l-azzjonist ta’ pajjiż terz

86.

Il-mistoqsija jekk il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-azzjonist ta’ pajjiż terz tirriżultax f’nuqqas ta’ kontroll effettiv mill-azzjonisti tal-Istati Membri għandha tiġi vvalutata fid-dawl tad-dipendenza finanzjarja li kontribuzzjoni bħal din timplika fil-każ konkret. Dipendenza bħal din tista’ tfisser li dawn tal-aħħar ikunu de facto mċaħħda, kompletament jew parzjalment, mill-kapaċità li jinfluwenzaw l-operat tal-impriża permezz tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. Tipiċi għal każijiet bħal dawn huma każijiet fejn, minħabba d-dipendenza tal-impriża minn finanzjament provdut jew sostnut mill-azzjonista ta’ pajjiż terz, dan tal-aħħar ikun f’pożizzjoni li jikseb konċessjonijiet f’oqsma strateġiċi, minkejja li, legalment, l-azzjonist tal-Istati Membri jkollu l-mezzi biex jirrifjuta konċessjoni bħal din.

87.

Sabiex ikun valutat il-livell ta’ dipendenza finanzjarja, l-ewwel għandu jiġi determinat jekk l-azzjonist ta’ pajjiż terz ikkontribwixxiex għall-finanzjament tal-impriża b’mod proporzjonali għall-ishma tiegħu (14). F’dak il-każ, u diment li ma jipprevalux ċirkustanzi speċifiċi, jista’ jiġi meqjus li l-azzjonist ta’ pajjiż terz ma kisibx influwenza fuq l-operat tal-impriża lil hinn minn dak li hu inerenti fid-drittijiet li għandu fir-rigward tal-ħidma tal-impriża, bħala konsegwenza tal-ishma miksuba u l-ftehimiet magħmula.

88.

F’din il-valutazzjoni, il-livell ta’ kontribuzzjoni tal-azzjonist ta’ pajjiż terz għandu jitqabbel mal-kontribuzzjoni ta’ azzjonisti oħra u ta’ sorsi esterni għall-impriża. Il-modi ta’ finanzjament kollha, fl-aktar sens wiesgħa tagħhom, għandhom jitqiesu, bħal żieda fil-kapital, self, garanziji, bonds, maħfra ta’ dejn, rikapitalizzazzjonijiet (15) u għotjiet. Mhux biss kontribuzzjonijiet b’segwitu għall-investiment mill-azzjonist ta’ pajjiż terz għandhom jitqiesu, iżda anki kontribuzzjonijiet li azzjonisti u sorsi esterni eżistenti pprovdew bi tħejjija għall-bejgħ ta’ ishma fl-impriża (il-bejgħ li rriżulta fid-dħul tal-azzjonist ta’ pajjiż terz).

89.

Jekk l-azzjonist ta’ pajjiż terz ikkontribwixxa għall-finanzjament tal-impriża aktar minn dak li jikkorrispondi għall-ishma tiegħu, dan ikollu jitqies fil-valutazzjoni ġenerali.

6.2.4.   Kooperazzjoni kummerċjali

90.

Kooperazzjoni kummerċjali tista’ tikkonsisti f’kooperazzjoni operattiva bejn żewġ impriżi (trasportaturi tal-ajru), bħal kondiviżjoni ta’ kodiċi, jew tista’ tieħu l-forma ta’ negozju bi sħab jew ix-xiri u l-bejgħ ta’ merkanzija u servizzi bejn l-azzjonist ta’ pajjiż terz u l-impriża.

91.

Sal-punt li l-impriża hija dipendenti fuq kooperazzjoni bħal din mal-azzjonista ta’ pajjiż terz, dan tal-aħħar jikseb influwenza korrispondenti fuq dak ta’ qabel. Għaldaqstant, fejn teżisti kooperazzjoni bħal din, għandu jiġi vvalutat jekk id-dipendenza li tirriżulta hix b’tali mod li l-azzjonist tal-UE jista’ jiġi sfurzat jappoġġa deċiżjonijiet strateġiċi mis-sieħeb ta’ pajjiż terz.

92.

Xi ftehimiet ta’ kooperazzjoni jista’ jkun fihom proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet speċifiċi li permezz tagħhom iż-żewġ impriżi jieħdu deċiżjonijiet dwar din il-kooperazzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ negozji bi sħab.

93.

Fil-każ li l-kooperazzjoni kummerċjali tikkostitwixxi kundizzjoni għall-investiment tal-azzjonist ta’ pajjiż terz, din il-kundizzjonalità għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti hawn fuq.

94.

Jekk it-tmiem jew il-ksur tal-ftehim ta’ kooperazzjoni kummerċjali jistgħu jagħtu bidu għall-ħruġ tal-azzjonist ta’ pajjiż terz, dritt bħal dan tal-azzjonisti għandu ugwalment jiġi vvalutat kif deskritt hawn fuq.

7.   MONITORAĠĠ U MIŻURI POSSIBBLI

95.

Fir-rigward tal-monitoraġġ tal-konformità mill-impriżi, id-dmirijiet legali minimi tal-awtoritajiet ta’ liċenzjar kompetenti huma stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament. Lil hinn minn dawk id-dmirijiet, l-awtoritajiet jistgħu jikkunsidraw xieraq li jivverifikaw is-sitwazzjoni f’termini ta’ ishma aktar ta’ spiss, pereżempju fuq bażi mensili jew ta’ kull tliet xhur jew saħansitra f’intervalli iqsar, skont il-proporzjon tal-ishma ta’ pajjiż terz.

96.

F’dan il-kuntest, impriżi li huma kkwotati pubblikament fuq is-suq azzjonarju jew li huma fil-pussess ta’ istituzzjonijiet tal-investiment, b’mod partikolari, għandhom jiżguraw li jkun hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli biex l-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti tkun issodisfata li jikkonformaw mar-rekwiżit tal-Artikolu 4(f) tar-Regolament. Għal dan il-għan, l-impriżi jistgħu jkunu jixtiequ jżommu rendikont, sa fejn hu possibbli, tal-ishma li jkunu qed jinxtraw u jinbiegħu. Jistgħu jiġu inklużi dispożizzjonijiet fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni jew fl-Istatuti tal-impriżi li jippermettu lid-diretturi jikkontrollaw iċ-ċittadinanza tal-azzjonisti, u li jirrikjedu dikjarazzjonijiet ta’ ċittadinanza minn azzjonisti sinifikanti.

97.

L-azzjonista ta’ pajjiż terz huwa responsabbli li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti l-informazzjoni kollha mitluba waqt il-valutazzjoni tal-liċenzja biex juri li r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(f) tar-Regolament jiġu ssodisfati (ara t-Taqsima 3 hawn fuq).

98.

L-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti għandha tiżgura l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali kollha rċevuti waqt il-valutazzjoni.

99.

Sa fejn għandu x’jaqsam ma’ “kontroll effettiv” b’mod aktar partikolari, japplikaw il-kunsiderazzjonijiet addizzjonali li ġejjin.

100.

Matul it-twettiq tal-attivitajiet tagħha, l-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti tista’ tasal għall-konklużjoni li ċerti elementi misjuba ma jinvolvux it-telfien ta’ kontroll effettiv mill-Istati Membri jew miċ-ċittadini tagħhom iżda li żviluppi futuri possibbli relatati ma’ dawk l-elementi jistgħu jwasslu għal dik il-konsegwenza. F’dawk il-każijiet, l-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti jista’ jkollha tissorvelja, fil-kuntest tal-iskrutinju regolari tagħha, jiġifieri tal-konformità tal-impriża konċernata mar-rekwiżiti tar-Regolament, l-evoluzzjoni b’mod partikolari ta’ dawn l-elementi. L-għan hu li dik l-awtorità ssir konxja kemm jista’ jkun malajr dwar kwalunkwe sitwazzjoni fejn l-azzjonist(i) tal-UE ma għandux/għandhomx aktar kontroll effettiv u għalhekk ir-rekwiżiti tar-Regolament ma jkunux għadhom aktar issodisfati.

101.

Fejn l-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti jkollha ċerti dubji ta’ dan it-tip, ikollha bżonn issegwihom. Jekk ma jkunu jistgħu jitwarrbu bl-ebda mod ieħor, l-awtorità jkollha bżonn tiġbed l-attenzjoni tal-impriża konċernata dwarhom.

102.

Jekk b’riżultat ta’ dan l-impriża kkonċernata tiddeċiedi li twettaq ċertu tibdil, fir-rigward tal-governanza korporattiva tagħha u aspetti rilevanti oħra, jista’ jkun li ssir neċessarja notifika jew rinotifika taħt ir-Regolament dwar l-Għaqdiet f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.


(1)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

(2)  Ir-Regolament huwa applikabbli għal pajjiżi terzi fejn ikun ġie inkorporat fi ftehimiet konklużi mal-UE. Fil-preżent, dan huwa l-każ tal-Ftehim ŻEE (fir-rigward tan-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein) u l-Ftehim UE-Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (ĠU L 114, tat-30.4.2002). Ftehimiet simili jistgħu jiġu nnegozjati/japplikaw fil-futur. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(f) ipprovduta fil-Linji Gwida preżenti, l-Isvizzera, in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein għandhom jitqiesu bħala Stati Membri tal-UE u ċ-ċittadini tagħhom bħala ċittadini ta’ Stati Membri tal-UE.

(3)  Fil-Linji Gwida preżenti kollha, il-Kummissjoni ser tuża t-terminu “impriżi” fis-sens definit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament.

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, COM(2015) 598 finali tas-7.12.2015

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/404/KE tad-19 ta’ Lulju 1995 dwar proċedura relatata mal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 (Swissair/Sabena) (ĠU L 239, 7.10.1995, p. 19).

(6)  ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1.

(7)  Ara l-punt XI, p. 27 tad-deċiżjoni Swiss/Sabena.

(8)  Deċiżjoni Swiss/Sabena, il-punt XI.

(9)  Kawża C-135/08, 2.3.2010, Rottmann, paragrafi 39, 45, 48.

(10)  L-eżistenza ta’ opzjonijiet jew warrants li jistgħu jibdlu l-bilanċ ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji f’ċertu punt fil-futur mhux ser tkun rilevanti għall-kwistjoni ta’ sjieda fil-preżent. Madankollu, jista’ jkun hemm ċerti strutturi kumplessi fejn l-eżistenza ta’ opzjonijiet ikollha r-riskju li tirrendi ineffettivi l-attribwiti ta’ “kapital ta’ ekwità” ta’ klassi ta’ ishma. Dawn ikunu jirrikjedu eżaminazzjoni mill-qrib. Fi kwalunkwe każ, l-opzjonijiet jistgħu jkunu kwistjoni immedjata fir-rigward ta’ kontroll jekk l-eżistenza tagħhom tagħti lill-azzjonist ta’ minoranza l-abbiltà li jimponi r-rikjesti tiegħu fuq l-impriża.

(11)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(12)  Din is-sitwazzjoni tirriżulta fejn, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, persuna “waħda” biss takkwista kontroll fuq l-impriża.

(13)  Għall-valutazzjoni ta’ kontroll konġunt taħt ir-Regolament dwar l-Għaqdiet, id-dispożizzjonijiet tal-Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat tal-Kummissjoni (ĠU C 95, 16.4.2008, p. 1) huma rilevanti.

(14)  Eż. impriża b’kapital azzjonarju totali ta’ EUR 100 miljun, li minnu azzjonisti tal-UE għandhom sehem ta’ EUR 60 miljun u azzjonisti ta’ pajjiżi terzi għandhom sehem ta’ EUR 40 miljun. L-azzjonisti tal-UE pprovdew lill-impriża b’self għal perjodu fit-tul b’kundizzjonijiet tas-suq ta’ EUR 6 miljun, li jikkorrispondi għal 10 % tas-sehem ta’ ekwità tagħhom. Sabiex jinżamm bilanċ tar-rabtiet finanzjarji, l-azzjonisti tal-pajjiżi terzi għaldaqstant jistgħu jikkontribwixxu biss finanzjament addizzjonali massimu (lil hinn mis-sehem ta’ kapital/ekwità tagħhom) ta’ 10 % tas-sehem ta’ ekwità tagħhom (jiġifieri EUR 4 miljun)

(15)  Eż. investitur li joħroġ garanzija lil bank u l-bank għalhekk huwa lest li jagħti self.