29.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 137/4


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 137/04)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“LIMONE COSTA D’AMALFI”

Nru tal-KE: PGI-IT-02185 — 26.9.2016

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

CONSORZIO DI TUTELA LIMONE COSTA DI AMALFI I.G.P

Indirizz

:

C.so Reginna 71

84010 Maiori (SA)

ITALIA

Posta elettronika: info@limonecostadamalfiigp.com; limonecostadamailfiigp@pec.it

Il-“Consorzio di tutela Limone Costa di Amalfi I.G.P” għandu l-jedd li jressaq applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 13(1) tad-Digriet Nru 12511 tal-14 ta’ Ottubru 2013 tal-Ministeru tal-Politika tal-Agrikoltura, tal-Ikel u tal-Forestrija.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Titlu fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwat mill-emenda

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Punti oħra [Ippakkjar; Referenza ġuridika aġġornata; Korrezzjoni tal-ismijiet ġeografiċi]

4.   Tip ta’ emenda

Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata, li għaliha ma ġie ppublikat ebda dokument uniku (jew dokument ekwivalenti), u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda (emendi)

Deskrizzjoni tal-prodott

L-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott attwali

Ġie speċifikat li l-perċentwali tal-kwantitajiet tar-rendiment indikati fil-punt dwar il-polpa jirreferu għall-meraq. Din hija emenda fil-kliem tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, peress li fil-verżjoni attwali l-kelma “meraq” tħalliet barra bi żball, filwaqt li tinstab fil-punt 4.2 tal-applikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (C 282/04 tal-5 ta’ Ottubru 2000). L-emenda ma tinvolvi ebda varjazzjoni tal-parametri deskrittivi tal-prodott.

Il-paragrafu:

“Polpa: qamħet il-lewn abbundanti (rendiment ta’ 25 % jew aktar) u b’acidità għolja (mhux inqas minn 3,5/100 ml)”.

jiġi emendat kif ġej:

“Polpa: qamħet il-lewn, b’meraq abbundanti (rendiment ta’ 25 % jew aktar) u b’acidità għolja (mhux inqas minn 3,5/100 ml)”.

Il-metodu ta’ produzzjoni

L-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott attwali

Il-paragrafu:

“It-teknika ta’ produzzjoni tradizzjonali tikkonsisti fil-kultivazzjoni tal-pjanti taħt strutturi ta’ lasti tal-injam, preferibbilment tal-qastan (ta’ tul ta’ mhux inqas minn 180 cm), bl-użu tal-ilqugħ, fejn hu meħtieġ, għall-protezzjoni kontra l-kundizzjonijiet hżiena tat-temp u biex tiġi żgurata l-maturazzjoni gradwali tal-frott.”

jiġi emendat kif ġej:

“It-teknika ta’ produzzjoni tradizzjonali tikkonsisti fil-kultivazzjoni tal-pjanti fuq strutturi ta’ lasti tal-qastan, u/jew ta’ materjali oħra sostenibbli għall-ambjent bl-għan li jiġi kkonservat il-pajsaġġ, (ta’ tul ta’ mhux inqas minn 180 cm fil-mument tas-sostituzzjoni), bl-użu tal-ilqugħ għall-protezzjoni kontra l-kundizzjonijiet hżiena tat-temp u biex tiġi żgurata l-maturazzjoni gradwali tal-frott.”

L-iżvilupp soċjoekonomiku globali u l-iżvilupp turistiku taż-żona ta’ produzzjoni tal-“Limone Costa di Amalfi” wasslu għall-abbandun tal-forestrija. Dan il-fattur affettwa l-metodi ta’ produzzjoni tal-lasti tal-qastan mingħajr qoxra għall-ħolqien tal-kannizzati għall-protezzjoni tal-lumi: infatti, sabiex titnaqqas l-ispiża tal-produzzjoni, il-metodi tradizzjonali ta’ produzzjoni tal-lasti ma baqgħux jintużaw, b’effett fuq il-kwalità tal-injam li ma għadux iservi fit-tul daqs qabel, u f’xi każijiet mingħajr ma jintlaħaq il-perjodu ta’ deprezzament għax-xiri u għall-installazzjoni tal-lasti. Għaldaqstant, hemm il-possibbiltà li jintużaw, minflok lasti tal-injam, lasti magħmulin minn materjal sostenibbli għall-ambjent li ma jkollhomx impatt kbir fuq il-pajsaġġ iddefinit mill-imsaġar tal-lumi. L-użu ta’ materjal sostenibbli għall-ambjent li jdum aktar iwassal għat-tnaqqis tal-ispejjeż fissi, li jista’ jipprovdi inċentiv għat-tkabbir tal-lumi. Fl-aħħar nett, m’għandiex tiġi sottovalutata s-sigurtà tal-post tax-xogħol, li hija żgurata prinċipalment permezz tal-użu ta’ lasti mhux tal-injam, speċjalment meta x-xogħol iseħħ fil-partijiet għoljin tal-imsaġar tal-lumi.

Il-bżonn li jiġi stabbilit l-għoli tal-lasti, billi jiġi introdott il-kliem “fil-mument tas-sostituzzjoni”, huwa marbut man-natura partikolari tal-artijiet tal-kosta ta’ Amalfi, li hija tali li matul iż-żmien il-lasti jkollhom tendenza li jisfrundaw b’xi 10-20 cm, kemm minħabba l-piż tal-istruttura li fuqhom joqogħdu l-fergħat tas-siġar tal-lumi, kif ukoll minħabba li l-ħamrija nnifisha hija poruża.

L-importanza tal-ilqugħ fil-produzzjoni tal-Limone Costa di Amalfi IĠP tiġġustifika t-tħassir tal-kliem “fejn hu meħtieġ”. L-ilqugħ jipproteġi l-pjanta mill-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp (il-kesħa, il-ġlata, is-silġ), u għaldaqstant l-użu tiegħu ma jistax jitqies fakultattiv.

Is-sentenza:

“Id-densità tat-tħawwil ma għandiex tkun ogħla minn 800 pjanta għal kull ettaru”

tiġi emendata kif ġej:

“Id-densità tat-tħawwil ma għandiex tkun ogħla minn 1 200 pjanta għal kull ettaru.”

L-emenda tirriżulta mis-sejba li n-numru ta’ pjanti għal kull ettaru huwa relatat mal-wisa’ u mal-forma tal-artijiet imtarrġa. Il-forom ġeometriċi tal-artijiet imtarrġa huma aktar diversi u irregolari; din l-irregolarità tiġġenera varjabbiltà kbira fin-numru ta’ pjanti għal kull ettaru, peress li l-bidwi jrid juża kull spazju disponibbli għall-kultivazzjoni.

Id-densità tal-pjanti għal kull ettaru tiddependi mix-xaqliba tal-għoljiet, li ħafna drabi tistabbilixxi l-wisa’ tal-artijiet imtarrġa. Fiż-żona ta’ produzzjoni, il-pjanti, peress li għandhom forma ta’ kultivazzjoni “adattata” għall-art imtarrġa, jiġu mxebilka kemm b’mod orizzontali b’sistema ta’ forma ta’ koppla kif ukoll b’mod perpendikolari mat-tul tal-art imtarrġa. Dan jippermetti l-kultivazzjoni tal-pjanti b’lasti mhux dritti, li jitqiegħdu minn isfel għal fuq u li jgħaqdu żewġ artijiet imtarrġa fuq żewġ lasti orizzontali sottostanti, u b’hekk tingħata aktar possibbiltà għall-iżvilupp tal-fergħat prinċipali fuq il-kannizzati.

Din it-teknika tippermetti żieda ta’ 1 200 pjanta għal kull ettaru, b’kunsiderazzjoni għall-kwalità tal-frott u f’konformità mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Iddaħħlet is-sentenza li ġejja sabiex jiġi kkjarifikat aħjar liema kultivar l-aktar antik għandu jintuża għall-produzzjoni tal-“Limone Costa d’Amalfi”.

“Il-kultivar użat għat-tħawwil, għat-tħawwil mill-ġdid jew għat-tilqim għandu jkun esklużivament il-“Sfusato Amalfitano” hekk kif iċċertifikat minn mixtliet awtorizzati mir-Reġjun tal-Kampanja u akkreditati mis-servizz tas-saħħa tal-pjanti.”

Is-sentenza:

“Għaldaqstant, b’mod partikolari fir-rigward tal-bidla klimatika taż-żona, ir-Reġjun tal-Kampanja jirriżerva d-dritt li jbiddel dawn id-dati bil-ħruġ ta’ deċiżjoni.”

tneħħiet għaliex mhix konformi mal-leġiżlazzjoni attwali.

Is-sentenza:

“Il-produzzjoni massima awtorizzata tal-lumi li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni ma tistax taqbeż 25 tunnellata għal kull ettaru, f’kultivazzjoni speċjalizzata jew imħallta (f’dan il-każ tfisser il-produzzjoni b’piż differenzjat)”.

tiġi emendata kif ġej:

“Il-produzzjoni massima awtorizzata tal-lumi li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni ma tistax taqbeż 35 tunnellata għal kull ettaru, f’kultivazzjoni speċjalizzata jew imħallta (f’dan il-każ tfisser il-produzzjoni b’piż differenzjat)”.

It-titjib fil-kundizzjonijiet tat-tkabbir tal-lumi, minħabba għarfien akbar tal-fiżjoloġija tal-pjanta, flimkien mal-aħjar kompetenzi miksuba fir-rigward tat-tekniki ta’ kultivazzjoni u tal-ġestjoni agronomika tal-imsaġar tal-lumi, mat-titjib fil-ġestjoni tas-sistema tal-irrigazzjoni mmirata lejn il-kisba ta’ effiċjenza għola, u mal-involviment ta’ persunal kompetenti ħafna, jippermetti titjib fil-ġestjoni tal-imsaġar tal-lumi u jintroduċi l-possibbiltà ta’ żieda fil-produzzjoni ħdejn dik prevista fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott attwali, imfassla fis-snin 90. Il-limitu ta’ 35 tunnellata għal kull ettaru ma jaffettwax il-fiżjoloġija tal-pjanta jew il-kwalità tal-frott.

Punti oħra

L-Artikolu 7 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott attwali

Il-limitazzjonijiet ġeografiċi dwar il-preparazzjoni u l-ipproċessar tal-lumi tneħħew sabiex jiġi promoss it-tixrid tal-prodott li ħafna drabi huwa użat bħala ingredjent fi prodotti pproċessati. Għalhekk, is-sentenza fil-punt 3 tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu:

“Il-preparazzjoni u/jew l-ipproċessar tal-lumi għandha/għandhom isseħħ/iseħħu esklużivament fit-territorju sħiħ tal-muniċipalitajiet elenkati fl-Artikolu 3 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott attwali;”

Tħassret.

L-ippakkjar:

Is-sentenza li ġejja:

“Il-prodott għandu jinbiegħ f’kontenituri sodi adattati, b’kontenut ta’ mill-inqas 0,5 kg sa mhux aktar minn 15 kg, magħmulin minn materjal ta’ oriġini veġetali, minn kartun jew minn materjal riċiklabbli ieħor awtorizzat, fi kwalunkwe każ, mir-regoli tal-Komunità.”

tiġi emendata kif ġej:

“Il-prodott għandu jinbiegħ f’kontenituri sodi adattati, minn lumija waħda sa mhux aktar minn 15 kg, preferibbilment magħmulin minn materjal ta’ oriġini veġetali.”

L-iskop ta’ din l-emenda huwa li jiġi introdott il-bejgħ tal-lumi IĠP individwali, u li jiġi awtorizzat l-użu ta’ kontenituri oħrajn magħmulin minn materjal mhux veġetali, iżda li tinżamm preferenza għal dawk veġetali. Ta’ min jiftakar li f’żona ta’ ħafna turiżmu, din l-emenda se tikkontribwixxi għat-tixrid u għall-konoxxenza tal-prodott u għall-isem tiegħu, anki f’pajjiżi oħrajn.

Referenza ġuridika aġġornata:

Jenħtieġ li jiġu aġġornati r-referenzi legali għar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Korrezzjoni tal-ismijiet ġeografiċi:

B’riżultat ta’ żbalji tat-tajpjar fil-kliem tal-Artikolu 3 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, huma meħtieġa l-emendi għar-referenżi ġeografiċi li ġejjin.

“P.ta Pantanello” isir “P.ta Campanella”,

“Monte Cambera” isir “Monte Gambera”,

“sorgente Cannillo” isir “sorgente Cannello”,

“Monte Falerio” isir “Monte Falerzio”.

DOKUMENT UNIKU

“LIMONE COSTA D’AMALFI”

Nru tal-KE: PGI-IT-02185 — 26.9.2016

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem (ismijiet)

“Limone Costa d’Amalfi”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħxejjex u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Għamla tal-frott ellittika u mtawla, bi protuberanza kbira u ppuntata u b’qoxra ta’ ħxuna medja ta’ kulur isfar lewn iċ-ċitru hekk kif jimmatura; piż tal-frott mhux inqas min 100 g; flavedo mimli żjut essenzjali; aroma u fwieħa qawwija; meraq abbundanti (b’rendiment ta’ mhux inqas minn 25 %) u b’aċidità għolja (ta’ mhux inqas minn 3,5 g/100 ml, qamħet il-lewn; numru baxx ta’ żrieragħ.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Kull pass, mill-kultivazzjoni sal-ħsad tal-“Limone Costa d’Amalfi” IĠP, għandu jseħħ fiż-żona ġeografika deskritta fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-prodott għandu jinbiegħ f’kontenituri sodi adattati, minn lumija waħda sa mhux aktar minn 15 kg, preferibbilment magħmulin minn materjal ta’ oriġini veġetali. Kontenituri sodi tal-kartun huma awtorizzati wkoll.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Dawn li ġejjin għandhom jidhru fuq it-tikketti b’karattri ċari li ma jitħassrux: 1) l-IĠP Limone Costa d’Amalfi; 2) isem il-produttur; 3) il-kwantità tal-prodott li fil-fatt ikun hemm fl-imballaġġ; 4) is-sena ta’ produzzjoni. Għandu jidher is-simbolu grafiku marbut max-xbieha artistika tal-logo magħżul kompost minn lumija bil-weraq, imqiegħda fuq in-naħa tax-xellug ta’ cirku doppju li fuqu, fuq sfond isfar u bl-iswed, hemm miktub “Limone Costa d’Amalfi”. Fiċ-ċirku doppju jidher il-kontorn tal-kosta minn Maiori sa Capo Conca, u fuq quddiem jidher arbuxxell tal-veġetazzjoni tal-Mediterran.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Tinkludi t-territorju kollu tal-muniċipalità ta’ Atrani fil-provinċja ta’ Salerno, u parzjalment it-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, li jinstabu fl-istess provinċja: Amalfi, Cetara, Conca dei Marini, Furore, Maiori, Minori, Positano, Praiano, Ravello, Scala, Tramonti, Vietri sul Mare. Iż-żona ddefinita hija magħrufa internazzjonalment bħala “Costiera Amalfitana” jew “Costa d’Amalfi”.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

L-isem stess tal-kultivar “Sfusato Amalfitano” juri r-rabta b’saħħitha maż-żona ġeografika kkonċernata. Għandu jingħad ukoll li din il-varjetà tiġi kkultivata kważi esklużivament f’din iż-żona u l-karatteristiċi kwalitattivi intrinsiċi tal-frott inbidlu matul is-sekli fir-rigward tal-partikolaritajiet ambjentali taż-żona. Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, l-aroma, il-fwieħa, is-sukkulenza u l-aċidità tal-meraq li wasslu għall-fama dinjija ta’ dan il-frott. Il-kultivazzjoni tal-lumi fil-kosta ta’ Amalfi sebqet bil-mod ‘il mod dik ta’ frott ieħor, u kellha rwol kruċjali mhux biss fl-ekonomija taż-żona, iżda wkoll fil-karatterizzazzjoni tal-pajżaġġ (ta’ min jiftakar li l-iżvilupp tat-turiżmu serraħ ħafna fuq l-armonija tal-blu tal-baħar u l-ħdura tas-siġar taċ-ċitru) u fil-protezzjoni tal-idroġeoloġija tat-territorju.

Elementi storiċi

Il-preżenza tas-siġar tal-lumi fil-kosta Amalfitana ġiet dokumentata ħafna fis-sekli preċedenti, sa mill-bidu tas-seklu 11, speċjalment wara l-iskoperta tal-effettività tagħhom fil-ġlieda kontra l-iskorbut, marda kkawżata, kif inhu magħruf, min-nuqqas tal-vitamina Ċ fil-ġisem. Huwa proprju għalhekk, anki fid-dawl tal-istudji tal-magħrufa Skola medika ta’ Salerno, li r-Repubblika ta’ Amalfi ordnat li dan il-frott kellu jkun abbord kull vapur tagħha. Dan serva wkoll bħala inċentiv għall-installazzjoni ta’ msaġar tal-lumi fiż-żona (matul is-sekli 12-14), li minn dak iż-żmien ‘l hawn okkupaw spazji dejjem akbar tal-kosta u tal-għoljiet taż-żona.

Provi ta’ dan it-tixrid jistgħu jinstabu wkoll f’diversi dokumenti tal-epoka medjevali.

Minn parċmina tal-1112, Camera, studjuż tal-istorja tas-seklu 19, iddikjara li l-lumi u l-larinġ kien ikkultivat fiż-żona ta’ Amalfi għall-ewwel darba mill-inqas minn dik is-sena. Dokumenti awtentiċi mill-1600 jsemmu l-firxa tal-“ġonna tal-lumi (horti)” tul il-kosta kollha, filwaqt li fl-1626, Ferrari ddeskriva għall-ewwel darba l-“limon amalphitanus” li huwa simili ħafna għas-“Sfusato Amalfitano” tal-lum il-ġurnata. Minn dak iż-żmien ’l hawn jissemma wkoll suq kbir tal-lumi fiż-żona, b’żieda gradwali ta’ kwantitajiet fl-1700 u, b’mod partikolari, fit-tieni nofs tas-seklu 19, meta l-merkanzija kienet tinxtara kważi esklużivament min-negozjanti ta’ żoni oħra (Sorrento). Wara dak il-perjodu, il-pjantaġġuni l-ġodda bdew jonqsu, parzjalment dovut għad-disponibbiltà limitata ta’ artijiet oħra, u n-nies iffokaw fuq l-istrutturazzjoni tal-art (artijiet imtarrġa) u fuq it-tnaqqis tad-distanzi ta’ tħawwil.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

L-amministrazzjoni attwali nediet il-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għall-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-IĠP “Limone Costa d’Amalfi” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru. 163 tal-14 ta’ Lulju 2016. u Nru 187 tal-11 ta’ Awwissu 2016.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/MT/IDPagina/3335

Jew

billi żżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tagħfas fuq “Prodotti DOP e IGP” (fin-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP, IGP e STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.