28.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/151


ID-DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI TAL-QORTI PPROVDUTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL — RAPPORT TAL-AWDITUR INDIPENDENTI

(2017/C 323/02)

Opinjoni

I.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea li jinkludu r-rapporti finanzjarji konsolidati (1) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (2) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016, approvati mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Ġunju 2017, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Affidabbiltà tal-kontijiet

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

II.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea (UE) għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Unjoni fil-31 ta' Diċembru 2016, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju u r-regoli kontabilistiċi bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

Dħul

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

III.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha

Pagamenti

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

IV.

Fl-opinjoni tagħna, bl-eċċezzjoni tal-effetti tal-kwistjoni deskritta fil-paragrafu li jirrigwarda l-bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Bażi għal opinjoni

V.

Aħna wettaqna l-awditu tagħna skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI (ISSAIs). Ir-responsabbiltajiet tagħna skont dawk l-istandards huma deskritti f'aktar dettall fit-taqsima tar-rapport tagħna intitolata Responsabbiltajiet tal-awditur. Aħna awdituri indipendenti f'konformità mal-Kodiċi ta’ Etika għall-Kontabilisti Professjonali tal-Bord tal-Istandards Internazzjonal tal-Etika għall-Kontabilisti (Kodiċi tal-IESBA) kif ukoll mar-rekwiżiti tal-etika li huma rilevanti għall-awditu tagħna, u wettaqna r-responsabbiltajiet etiċi l-oħra tagħna skont dawn ir-rekwiżiti u skont il-Kodiċi tal-IESBA. Aħna nemmnu li l-evidenza għall-awditjar li ksibna hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna.

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

VI.

L-infiq irreġistrat fl-2016, u li jkopri l-infiq fuq bażi ta' rimborżi (3), huwa milqut minn livell materjali ta' żball. Il-livell ta' żball stmat minna għall-pagamenti li saru fuq bażi ta' rimborżi huwa ta’ 4,8 %. Il-livell kumplessiv ta' żball stmat minna (3,1 %) għadu ogħla mis-soll ta' materjalità stabbilit minna, iżda dan mhuwiex pervażiv. Pagamenti li saru fuq bażi ta' drittijiet mhumiex milquta minn livell materjali ta' żball (4). Il-konklużjoni kumplessiva tagħna hija kkorroborata mill-analiżi tal-ammonti f'riskju li twettqet mill-Kummissjoni u li ġiet ippreżentata fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni għall-baġit tal-UE.

Kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar

VII.

Kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar huma dawk il-kwistjonijiet li, fil-ġudizzju professjonali tagħna, kellhom l-akbar sinifikat fl-awditu li wettaqna tal-kontijiet konsolidati tal-perjodu attwali. Dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzati fil-kuntest tal-awditu li wettaqna tal-kontijiet konsolidati fl-intier tagħhom, kif ukoll aħna u nifformulaw l-opinjoni tagħna dwarhom, u ma nipprovdux opinjoni separata dwar dawn il-kwistjonijiet.

Aħna vvalutajna l-provvediment għal pensjonijiet u għal benefiċċji oħra tal-impjegati, ippreżentati fil-kontijiet

VIII.

Il-karta tal-bilanċ tal-UE tinkludi pensjonijiet u benefiċċji oħra tal-impjegati, li ammontaw għal EUR 67,2 biljun fi tmiem l-2016. Din hija waħda mill-obbligazzjonijiet l-aktar sinifikanti fil-karta tal-bilanċ, u tirrappreżenta kważi terz mill-obbligazzjonijiet totali ta' EUR 234,8 biljun għall-2016.

IX.

Il-maġġoranza ta' dan il-provvediment għal pensjonijiet u għal benefiċċji oħra tal-impjegati (EUR 58,7 biljun) hija relatata mal-Iskema tal-Pensjonijiet tal-Uffiċjali u l-Aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (il-“PSEO”). Din l-obbligazzjoni tal-pensjonijiet tkopri l-“benefiċċju ddefinit” iggarantit permezz tal-Artikolu 83 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ir-“Regolamenti tal-Persunal”), u l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-“TUE”). L-obbligazzjoni rreġistrata fil-kontijiet tirrifletti l-ammont li kien ikun inkluż f'fond ta’ pensjoni li kieku fond ta’ dan it-tip kien ġie stabbilit biex jitħallsu l-obbligi eżistenti għall-pensjonijiet tal-irtirar (5). Minbarra l-pensjonijiet tal-irtirar, dan ikopri pensjonijiet għall-invalidità u pensjonijiet li jitħallsu lin-nisa romol/lill-orfni tal-uffiċjali tal-UE. Skont l-Artikolu 83 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-benefiċċji mħallsa taħt l-iskema tal-pensjonijiet jitħallsu mill-estimi (baġit) tal-UE, l-Istati Membri flimkien jiggarantixxu l-pagament tal-benefiċċji u l-uffiċjali jikkontribwixxu terz tal-ispiża għall-finanzjament tal-iskema.

X.

Il-PSEO hija skema tal-pensjonijiet okkupazzjonali obbligatorja għall-impjegati taċ-ċivil tal-UE, li skontha l-kontribuzzjonijiet mill-persunal u mill-istituzzjonijiet u l-korpi li jimpjegawhom jintużaw għall-finanzjament ta' pensjonijiet futuri. Hija maħsuba biex, permezz ta' aġġustamenti għar-rata ta' kontribuzzjoni għall-iskema u għall-età ta' pensjoni, tkun awtomatikament f'bilanċ attwarju. L-għadd u l-varjetà ta' parametri li jintużaw għall-kalkolu ta' projezzjoni fit-tul tal-ispejjeż għall-pensjonijiet jenfasizzaw in-natura attwarja ta' dan il-kalkolu, li itwettaq fl-aħħar nett mill-Eurostat fuq bażi annwali.

XI.

Bħala parti mill-awditu tagħna, aħna evalwajna s-suppożizzjonijiet attwarji u l-valwazzjoni riżultanti għall-provvediment għal pensjonijiet. Aħna vverifikajna d-data numerika, il-parametri attwarji, il-kalkolu tal-provvediment kif ukoll il-preżentazzjoni fil-karta tal-bilanċ konsolidata u n-noti għar-rapporti finanzjarji konsolidati. L-awditu li wettaqna tal-valur ġust tal-provvediment qabad xi inkompletezza u impreċiżjonijiet fid-database primarja sottostanti, li ma għandhomx impatt materjali fuq il-kontijiet konsolidati tal-UE. Bħalma ġie ddivulgat fin-Nota 2.9 għar-rapporti finanzjarji konsolidati, il-Kummissjoni se tieħu passi ulterjuri biex issaħħaħ il-proċessi li hija tuża għall-kalkolu tal-obbligazzjoni tal-benefiċċji tal-impjegati, li se nibqgħu eżaminaw.

Aħna vvalutajna l-imposti dovuti li kienu ppreżentati fil-kontijiet

XII.

Fi tmiem is-sena 2016, il-Kummissjoni stmat li l-ispejjeż eliġibbli mġarrba li kienu dovuti lill-benefiċjarji iżda li kienu għadhom ma ġewx irrappurtati, ammontaw għal EUR 102 biljun (fi tmiem is-sena 2015: EUR 106 biljun). Hija rreġistrat dawn l-ispejjeż bħala spejjeż dovuti.

XIII.

Aħna eżaminajna l-metodoloġiji u s-sistemi ta' kontroll għall-istimi ta' tmiem is-sena li ġew applikati fid-direttorati ġenerali prinċipali. Aħna ħadna kampjuni ta' fatturi u ta' pagamenti ta' prefinanzjament u wettaqna xogħol fuq dawn l-elementi biex nindirizzaw ir-riskju li d-dovuti ma ġewx iddikjarati b'mod korrett. Aħna tlabna lis-servizzi tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni biex jagħtuna spjegazzjoni addizzjonali dwar il-metodi ġenerali li ġew applikati, u b'mod partikolari dwar il-metodu l-ġdid li ġie applikat għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 fil-Koeżjoni.

XIV.

Ix-xogħol li wettaqna jippermettilna nikkonkludu li l-istima tal-ammont kumplessiv ta' imposti dovuti ddikjarati fil-karta tal-bilanċ konsolidata hija ġusta għad-direttorati ġenerali prinċipali. Madankollu, f'xi direttorati ġenerali iżgħar, aħna sibna dgħufijiet fis-sistemi fir-rigward tal-entrati ta' tmiem is-sena. Il-Kummissjoni żviluppat pjan ta' azzjoni f'dan ir-rigward.

Aħna tlabna lill-Kummissjoni tagħtina informazzjoni addizzjonali li tappoġġa l-valwazzjoni tal-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża

XV.

L-awtoritajiet fl-Istati Membri jittrasferixxu parti mill-finanzjament li jsir bil-quddiem mill-Kummissjoni lil strumenti finanzjarji fil-forma ta' self, strumenti ta' ekwità jew garanziji.

XVI.

Għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-2007-2013, il-leġiżlazzjoni tal-UE ma kinitx tirrikjedi li dawn l-awtoritajiet jipproduċu rapporti perjodiċi dwar l-ammonti miżmuma f'dawn l-istrumenti biex ikunu disponibbli fil-ħin għat-tħejjija tal-kontijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni għamlet stima tal-użu li sar minn dawn il-pagamenti bil-quddiem, fuq il-bażi tar-rapport l-aktar reċenti li kien disponibbli (f'dan il-każ minn tmiem is-sena 2015), bis-suppożizzjoni li l-fondi kienu se jintużaw kompletament u b'mod uniformi matul il-perjodu ta' operat (inizjalment sal-31 ta' Diċembru 2015 iżda aktar tard dan ġie estiż għall-31 ta' Marzu 2017). Aħna nosservaw li għalkemm inqisu li l-użu ta' strumenti finanzjarji fl-2016 kien barra mill-perjodu ta’ eliġibbiltà (ara l-Kapitolu 6, il-paragrafi 6.20 u 6.21), il-Kummissjoni ma tippruvax tirkupra dawn l-ammonti. Għalhekk, il-preżentazzjoni fil-karta tal-bilanċ u fin-Nota 2.5 għar-rapporti finanzjarji konsolidati tirrifletti din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

XVII.

Għall-QFP tal-2014-2020, f'kull klejm għall-ispejjeż, l-awtoritajiet huma meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar pagamenti bil-quddiem li jitħallsu lill-istrumenti finanzjarji u dwar żborżamenti li huma jagħmlu lil benefiċjarji finali. Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, ammont stmat jiġi kkalkulat u rrikonoxxut fil-kontijiet għall-perjodu bejn id-data tal-aħħar klejm għall-ispejjeż li jkun ġie riċevut, u tmiem is-sena.

XVIII.

Aħna eżaminajna l-proċedura stabbilita għar-rikonoxximent tal-prefinanzjament relatat, u nqisu li l-ammont iddikjarat fil-karta tal-bilanċ huwa ġust.

Kwistjonijiet oħra

XIX.

Il-maniġment huwa responsabbli għall-informazzjoni l-oħra. Din tinkludi d-Diskussjoni u Analiżi tar-Rapport Finanzjarju, iżda ma tinkludix il-kontijiet konsolidati u r-rapport tal-awditur tagħna dwarhom. L-opinjoni tagħna dwar il-kontijiet konsolidati ma tkoprix l-informazzjoni l-oħra, u aħna ma nesprimu l-ebda forma ta’ konklużjoni dwarhom f'dak li jirrigwarda aċċertament. Fil-kuntest tal-awditu li nwettqu tal-kontijiet konsolidati, ir-responsabbiltà tagħna hija li naqraw l-informazzjoni l-oħra u, filwaqt li nagħmlu dan, inqisu jekk l-informazzjoni l-oħra tkunx materjalment inkonsistenti mal-kontijiet konsolidati jew mal-għarfien li nkunu ksibna fl-awditu, jew jekk ikunx fiha xi tip ta' dikjarazzjoni skorretta materjali oħra. Jekk, ibbażat fuq ix-xogħol li nkunu wettaqna, aħna nikkonkludu li jkun hemm dikjarazzjoni skorretta materjali ta’ din l-informazzjoni l-oħra, għandna l-obbligu li nirrappurtaw dak il-fatt. Aħna ma għandna xejn x’nirrappurtaw f’dan ir-rigward.

Responsabbiltajiet tal-maniġment

XX.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea abbażi ta' standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta' kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta' rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-Kummissjoni terfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 317 tat-TFUE).

XXI.

Fit-tħejjija tal-kontijiet konsolidati, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-UE li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma' negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta' negozju avvjat dment li l-maniġment ma jkollux l-intenzjoni li jillikwida l-entità jew li jwaqqaf l-operazzjonijiet, jew ma jkollu l-ebda alternattiva realistika ħlief li jagħmel dan.

XXII.

Il-Kummissjoni hija responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta' rappurtar finanzjarju tal-UE.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet konsolidati u tat-tranżazzjonijiet ta' bażi

XXIII.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li nipprovdu, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta' konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jirriżultaw minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta' dawn il-kontijiet konsolidati.

XXIV.

Għad-dħul, l-eżaminar li wettaqna tar-riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud u fuq l-introjtu nazzjonali gross jieħu bħala l-punt tat-tluq tiegħu l-aggregati makroekonomiċi rilevanti li fuqhom dawn jiġu kkalkulati, u jivvaluta s-sistemi tal-Kummissjoni għall-ipproċessar tagħhom sakemm il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri jkunu ġew riċevuti u rreġistrati fil-kontijiet konsolidati. Għar-riżorsi proprji tradizzjonali, aħna neżaminaw il-kontijet tal-awtoritajiet doganali u nanalizzaw il-fluss tad-dazji sakemm l-ammonti jiġu riċevuti mill-Kummissjoni u rreġistrati fil-kontijiet.

XXV.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta' pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta' pagamenti (inklużi dawk li jkunu saru għax-xiri ta' assi) minbarra pagamenti bil-quddiem fil-punt meta jsiru. Il-pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati meta r-riċevitur tal-fondi jipprovdi ġustifikazzjoni għall-użu xieraq tagħhom, u l-Istituzzjoni jew il-korp jaċċetta l-ġustifikazzjoni billi japprova l-pagament bil-quddiem, sew jekk fl-istess sena u sew jekk aktar tard.

XXVI.

Bħala parti minn awditu skont l-ISAs u l-ISSAIs, aħna neżerċitaw ġudizzju professjonali u nmantnu x-xettiċiżmu professjonali tul l-awditu. Minbarra dan, aħna:

Nidentifikaw u nivvalutaw ir-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet konsolidati u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball, infasslu u nwettqu proċeduri tal-awditjar li jkunu jirrispondu għal dawk ir-riskji, u niksbu evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna. Ir-riskju li dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta' konformità riżultat ta’ frodi ma jinqabdux huwa ogħla milli jekk ikunu b’riżultat ta’ xi żball, billi l-frodi tista' tinvolvi kollużjoni, falsifikazzjoni, ommissjonijiet intenzjonali, rappreżentazzjonijiet skorretti, jew ordnijiet superjuri fuq kontrolli interni.

Niksbu fehim tal-kontroll intern rilevanti għall-awditu sabiex infasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li nagħtu opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern.

Nevalwaw l-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u d-divulgazzjonijiet relatati li jsiru mill-maniġment.

Naslu għal konklużjonijiet dwar l-adegwatezza tal-użu li l-maniġment jagħmel mill-bażi kontabilistika ta' negozju avvjat u, abbażi tal-evidenza għall-awditjar miksuba, nikkonkludu jekk tkunx teżisti inċertezza materjali relatata ma’ avvenimenti jew kundizzjonijiet li jistgħu jitfgħu dubju sinifikanti fuq il-kapaċità tal-entità biex tkompli bħala negozju avvjat. Jekk nikkonkludu li tkun teżisti inċertezza materjali, aħna meħtieġa li, fir-rapport tal-awditur tagħna, niġbdu l-attenzjoni għad-divulgazzjonijiet relatati fil-kontijiet konsolidati jew, jekk dawn id-divulgazzjonijiet ma jkunux adegwati, li nimmodifikaw l-opinjoni tagħna. Il-konklużjonijiet tagħna huma bbażati fuq l-evidenza għall-awditjar li tkun inkisbet sad-data tar-rapport tal-awditur tagħna. Madankollu, minħabba avvenimenti jew kundizzjonijiet fil-ġejjieni, entità tista’ ma tibqax tkompli għaddejja bħala negozju avvjat.

Nevalwaw il-preżentazzjoni, l-istruttura u l-kontenut ġenerali tal-kontijiet konsolidati, inklużi d-divulgazzjonijiet, u jekk il-kontijiet konsolidati ikunux jirrappreżentaw it-tranżazzjonijiet u l-avvenimenti ta’ bażi b’mod li tinkiseb preżentazzjoni ġusta.

Niksbu evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u xierqa fir-rigward tal-informazzjoni finanzjarja tal-entitajiet fi ħdan l-ambitu tal-konsolidazzjoni tal-Unjoni Ewropea, biex nagħtu opinjoni dwar il-kontijiet konsolidati u t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aħna responsabbli mid-direzzjoni, is-superviżjoni u t-twettiq tal-awditu. Aħna nibqgħu l-uniċi responsabbli għall-opinjoni tal-awditjar tagħna.

XXVII.

Aħna nikkomunikaw mal-maniġment dwar, fost affarijiet oħra, l-ambitu u l-għażla taż-żmien ippjanati tal-awditu u dwar sejbiet tal-awditjar li jkunu sinifikanti, inkluża kull defiċjenza sinifikanti li nidentifikaw fil-kontroll intern matul l-awditu tagħna.

XXVIII.

Mill-kwistjonijiet li jkunu ġew ikkomunikati mal-Kummissjoni u ma' entitajiet awditjati oħra, aħna niddeterminaw dawk il-kwistjonijiet li kellhom l-akbar sinifikat fl-awditu tal-kontijiet konsolidati tal-perjodu attwali u li għalhekk huma l-kwistjonjiet ewlenin tal-awditjar. Aħna niddeskrivu dawn il-kwistjonijiet fir-rapport tal-awditur tagħna, dment li l-ebda liġi jew regolament ma jkun jipprekludi d-divulgazzjoni pubblika dwar il-kwistjoni jew meta, f'ċirkustanzi estremament rari, aħna niddeterminaw li kwistjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata fir-rapport tagħna minħabba li l-konsegwenzi avversi ta' dan jistgħu jkunu mistennija, b'mod raġonevoli, li jkunu akbar mill-benefiċċji ta' din il-komunikazzjoni għall-interess pubbliku.

It-13 ta’ Lulju 2017

Klaus-Heiner LEHNE

President

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

12, rue Alcide De Gasperi, Luxembourg, LUXEMBOURG


(1)  Ir-rapporti finanzjarji konsolidati jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti, u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni (inkluż ir-rappurtar fuq is-segmenti).

(2)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu wkoll in-noti ta' spjegazzjoni.

(3)  EUR 66,0 biljun. Aħna nipprovdu aktar informazzjoni fil-paragrafu 1.10 tar-Rapport Annwali 2016 tagħna.

(4)  EUR 63,3 biljun. Aħna nipprovdu aktar informazzjoni fil-paragrafu 1.11 tar-Rapport Annwali 2016 tagħna.

(5)  Ara l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) 25 – Employee benefits (Benefiċċji tal-impjegati). Għall-PSEO, l-obbligu ta' benefiċċju ddefinit jirrifletti l-valur attwali ta' pagamenti futuri mistennija li l-UE tkun meħtieġa li tagħmel biex tħallas l-obbligi tal-pensjonijiet li jirriżultaw mis-servizz tal-impjegati fil-perjodi attwali u f'dawk preċedenti.